EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE6442

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport” (COM(2021) 813 final — 2021/0419(COD))

EESC 2021/06442

ĠU C 290, 29.7.2022, p. 126–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport”

(COM(2021) 813 final — 2021/0419(COD))

(2022/C 290/20)

Relatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 27.1.2022

Kunsill, 28.1.2022

Bażi legali

Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

10.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

225/1/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, li hija kompletament konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-KESE elaborati fl-Opinjoni tiegħu dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Kooperattivi, u jara valur miżjud konsiderevoli fil-proposta fir-rigward tat-titjib, is-sigurtà, is-sikurezza u l-effiċjenza.

1.2.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-ambitu usa’ tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkooperaw. B’mod partikolari, tista’ tinġibed l-attenzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni mwessa’ għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija, kif ukoll il-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata, inkluża l-komunikazzjoni bejn vettura u oħra, li ttejjeb ukoll b’mod sinifikanti s-sikurezza fit-toroq.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-effiċjenza mtejba se tikkonċerna kemm it-trasport tal-merkanzija kif ukoll it-trasport tal-passiġġieri, li tippermetti, pereżempju, li jiġi segwit il-progress ta’ kunsinna.

1.4.

Għalkemm japprezza l-ħtieġa li jiġi standardizzat l-iskambju ta’ informazzjoni, il-KESE madankollu jenfasizza l-ħtieġa li jitħalla spazju biżżejjed għal soluzzjonijiet lokali u speċifiċi għall-kumpaniji, fejn ikun debitament ġustifikat u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu wkoll l-impatti possibbli fuq is-suq intern.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li l-varar tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti jrid isir f’kuntest soċjetali wiesa’, jitqiesu elementi li jmorru lil hinn sew minn sempliċi aspetti tekniċi, u li jekk dan ma jsirx, dan jista’ jkollu effetti negattivi, kemm mil-lat tas-sostenibbiltà kif ukoll mil-lat tal-effiċjenza tar-riżorsi. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li tingħata biżżejjed attenzjoni u riżorsi għall-ħtiġijiet taż-żoni rurali, inklużi fir-rigward tal-aspetti tas-servizz pubbliku u mezzi alternattivi ta’ mobbiltà bħall-mixi u ċ-ċikliżmu.

1.6.

Il-KESE jqajjem ukoll il-kwistjoni tal-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-mobbiltà, u jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa possibbli ta’ att delegat dwar l-appoġġ għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti għal dan il-għan, li jindirizza, pereżempju, id-disponibbiltà tar-riżorsi u l-kapaċità tat-trasport, kif ukoll l-aggregazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar, u jiddefinixxi l-possibbiltajiet ta’ tqabbil biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċità.

1.7.

L-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi disponibbli, biż-żieda fl-għadd ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, se ttejjeb is-sostenibbiltà.

1.8.

Il-KESE jqis il-proposta bħala pass sinifikanti lejn Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà, jiġifieri valur miżjud permezz ta’ effiċjenza mtejba, kif ukoll il-ħolqien ta’ prerekwiżiti għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba fis-settur tat-trasport, pereżempju l-iffaċilitar tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-perjodi ta’ mistrieħ, kif ukoll is-sejbien u l-aċċess għal żoni ta’ mistrieħ.

1.9.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tissaħħaħ il-fiduċja sabiex sistema mibnija fuq il-kondiviżjoni tar-riżorsi u tal-informazzjoni tiġi aċċettata mill-pubbliku u tiffunzjona tajjeb. Dan ifisser li, fost l-oħrajn, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data kif ukoll il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali jridu jkunu sodisfaċenti. Għalhekk, il-KESE qed jistenna bil-ħerqa l-qafas ta’ governanza mħabbar mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Ewropea għad-Data.

1.10.

Fir-rigward tad-data ta’ ġol-vettura, il-KESE jindika wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati kemm il-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta, kif żviluppat aktar fil-punt 3.18.

1.11.

Il-KESE jappella għal regolamentazzjoni urġenti speċifika għas-settur fir-rigward tal-aċċess għad-data, il-funzjonijiet u r-riżorsi ta’ ġol-vetturi. S’issa, il-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta dwar il-kwistjoni. Dan id-dewmien huwa partikolarment ta’ ħsara għall-konsumaturi.

1.12.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li tittejjeb l-inklużjoni tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, u jitlob li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà skont id-Direttiva (UE) 2019/882 jiġu inklużi fir-rekwiżiti tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti, possibbilment fil-forma ta’ att delegat.

1.13.

Fl-aħħar nett, il-KESE jtenni l-offerta li għamel fl-Opinjoni msemmija hawn fuq dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Kooperattivi, biex jgħin lill-Kummissjoni fl-attivitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha billi jservi ta’ rabta mas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (l-Istrateġija) tal-Kummissjoni tal-2020 u t-trasformazzjoni tas-sistema Ewropea tat-trasport. Hija tiddefinixxi s-setturi fejn id-diġitalizzazzjoni għandha rwol ewlieni biex is-sistema tat-trasport issir bla xkiel u aktar effiċjenti.

2.2.

Is-sistemi ta’ trasport intelliġenti għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ sistema ta’ mobbiltà multimodali konnessa u awtomatizzata li se ttejjeb l-effiċjenza, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tat-trasport.

2.3.

F’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Ewropea għad-Data (COM(2020) 66), il-Kummissjoni ppreżentat din il-proposta biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u tlesti lill-Ewropa għall-era diġitali.

2.4.

Id-Direttiva dwar sistemi ta’ trasport intelliġenti (2010/40/UE) teħtieġ aġġornament biex tilqa’ l-isfidi tal-iżvilupp tekniku fis-sistemi ta’ trasport intelliġenti, u b’mod partikolari, biex ittejjeb il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kif ukoll id-disponibbiltà tas-servizzi tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti.

2.5.

Il-proposta biex tiġi aġġornata d-Direttiva dwar sistemi ta’ trasport intelliġenti hija parti minn pakkett leġiżlattiv li jiffoka fuq l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, tad-diġitalizzazzjoni, u tar-reżiljenza mtejba tal-infrastruttura tat-trasport. Pereżempju, kemm il-proposta għal rieżami tar-Regolament TEN-T (1) kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana (2), jinkludu dispożizzjonijiet rigward il-varar tas-servizzi ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti bħall-forniment ta’ informazzjoni relatata mas-sikurezza u l-iżvilupp tal-mobbiltà urbana.

2.6.

Id-Direttiva dwar sistemi ta’ trasport intelliġenti se tkun element importanti fl-implimentazzjoni tal-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà, li huwa wieħed mill-ispazji tad-data ppjanati għal setturi strateġiċi skont l-Istrateġija Ewropea għad-Data.

2.7.

Il-proposta temenda d-Direttiva dwar sistemi ta’ trasport intelliġenti billi żżid id-disponibbiltà tad-data u l-varar tas-servizzi ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni ġew ristrutturati biex jaqblu aħjar mad-diversi tipi ta’ servizzi ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti.

Qed jiġi stabbilit Punt ta’ Aċċess Nazzjonali f’kull Stat Membru għall-iskambju tad-data. L-iskambju/il-forniment tad-data qed isir obbligatorju f’għadd ta’ oqsma, u fil-biċċa l-kbira d-data se tintbagħat ukoll lill-partijiet ikkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ukoll, fejn meħtieġ, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-aspetti operazzjonali tal-implimentazzjoni.

Taqsima ġdida fl-Anness I dwar l-oqsma ta’ prijorità tinkludi dispożizzjonijiet dwar rwol għad-data fl-intraċċar u t-traċċar tal-merkanzija, u taqsima ġdida dwar is-servizzi ta’ mobbiltà kooperattivi, konnessi u awtomatizzati.

Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni u l-integrità tad-data.

Element importanti huwa li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex taġġorna ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, li hija kompletament konformi mal-iżviluppi rakkomandati mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (3). Iqis li hemm valur miżjud konsiderevoli fis-sistemi aġġornati ta’ trasport intelliġenti li qed jiġu proposti mill-Kummissjoni, kemm bħala kwistjoni ta’ sigurtà u sikurezza mtejba, kif ukoll ta’ effiċjenza mtejba, mhux biss fir-rigward ta’ flussi tat-traffiku mtejba u aktar sikuri, iżda wkoll bħala funzjoni ta’ appoġġ għal loġistika effiċjenti.

3.2.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ wkoll l-ambitu usa’ tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-fatt li l-Istati Membri ser ikunu obbligati jikkooperaw. Huwa japprezza b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni mwessa’ tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni rigward il-merkanzija u l-estensjoni tal-informazzjoni koperta biex tinkludi l-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata.

3.3.

Huwa jassumi li s-sistema ta’ informazzjoni proposta tkopri wkoll il-komunikazzjoni bejn vettura u oħra, kif diġà intalab fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi. Il-KESE jfakkar fil-kontribut ewlieni tal-komunikazzjoni bejn vettura u oħra fil-prevenzjoni tal-inċidenti fit-toroq.

3.4.

Il-KESE jassumi li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni aġġornata li qed tiġi proposta issa se twassal għal valur miżjud fil-forma ta’ effiċjenza mtejba fit-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, kif ukoll li l-progress ta’ kunsinna, pereżempju, issa se jkun faċli li jiġi segwit minn dawk ikkonċernati, peress li l-informazzjoni rilevanti issa se tintbagħat ukoll lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

3.5.

Huwa jinnota li l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’dan l-istadju hija fil-biċċa l-kbira standardizzata u għalhekk itenni l-fehma tiegħu li huwa importanti li jitħalla spazju raġonevoli għal soluzzjonijiet lokali u speċifiċi għall-kumpaniji, fejn dan ikun debitament ġustifikat u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu wkoll l-impatti possibbli fuq is-suq intern. Il-KESE jassumi li dan ma joħloqx problema sakemm l-informazzjoni li tiddaħħal fis-sistema proposta tkun konformi mal-istandards stabbiliti.

3.6.

Il-KESE jinnota li l-varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti jrid isir f’kuntest soċjetali wiesa’ u ma jwassalx awtomatikament għal sistema tat-trasport li ma tagħmilx ħsara lill-klima. Id-diġitalizzazzjoni tal-modi tat-trasport fiha nnifisha (eż. mobbiltà awtomatizzata bil-karozza) tista’ saħansitra tkun kontroproduttiva f’termini ta’ politika ambjentali. Sistemi ta’ trasport intelliġenti għandhom jiġu żviluppati, promossi u użati b’tali mod li jiżviluppaw valur miżjud li ma jagħmilx ħsara lill-klima.

3.7.

Sistema effiċjenti tat-trasport pubbliku bħala parti mis-servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali, ikkomplementata miċ-ċikliżmu u l-mixi, hija essenzjali għall-mobbiltà sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu promossi sistemi ta’ trasport intelliġenti biex jissaħħaħ u jiġi kkomplementat it-trasport pubbliku.

3.8.

Il-KESE jirrimarka li perspettiva orjentata biss lejn it-teknoloġija biex jiġu żviluppati sistemi ta’ trasport intelliġenti tista’ twassal għal nuqqas ta’ kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet u r-riżultati stabbiliti — pereżempju, il-kontribut ta’ sistemi ta’ car-sharing f’agglomerazzjonijiet urbani li diġà għandhom sistemi ta’ trasport pubbliku żviluppati sew. Is-sewqan awtomatizzat tal-karozzi jista’ ma jkunx soluzzjoni li tħares ’il quddiem għall-bliet, speċjalment fejn ikun hemm konġestjoni u nuqqas ta’ spazju pubbliku. Għalhekk, il-KESE jsostni li l-innovazzjonijiet kbar fil-mobbiltà tal-elettrifikazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-kondiviżjoni se jagħtu l-aħjar valur miżjud jekk jiġu kkonċepiti u stabbiliti b’kunsiderazzjoni adegwata tal-ħtiġijiet tas-soċjetà, bħall-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-aspetti tas-servizz pubbliku.

3.9.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati żvelaw ħafna tħassib dwar il-kopertura territorjali. Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta ma ssemmix l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti biex ikopru l-ħtiġijiet taż-żoni rurali, bħala kwistjoni apparti mill-iżvilupp tagħhom fiż-żoni urbani. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-estensjoni tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti għaż-żoni rurali, peress li l-ħajja f’dawn iż-żoni tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi pubbliċi u infrastruttura ta’ kwalità. Komunikazzjoni separata tal-Kummissjoni bit-titolu Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (4) tafferma wkoll li s-servizzi bażiċi u l-infrastruttura relatata f’dawn l-oqsma huma essenzjali biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u ekonomika. Għalhekk għandu jkun ta’ tħassib fil-livell tal-UE li ż-żoni rurali jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet ipprovduti minn sistemi ta’ trasport intelliġenti.

3.10.

Dan jista’ jkun ta’ interess partikolari fl-użu effiċjenti tal-kapaċitajiet tat-trasport fiż-żoni rurali. Il-ħsara kkawżata mit-trasport hija riflessa mhux biss fl-emissjonijiet iżda wkoll fl-użu tar-riżorsi tat-trasport. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tikkunsidra, fejn adatt, li tadotta atti delegati biex tindirizza l-kondiviżjoni tar-riżorsi appoġġjati minn sistemi ta’ trasport intelliġenti. Dan għandu jinkludi aggregazzjoni intelliġenti u appoġġjata b’mod diġitali tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar u tal-kondiviżjoni ta’ kapaċità żejda (ara ride-pooling), li tkun partikolarment meħtieġa f’żoni rurali, fejn il-kapaċità tat-trasport disponibbli qed issir dejjem aktar limitata u fejn qed isir dejjem aktar diffiċli li tinbena kapaċità ġdida minħabba distanzi. Tali sistemi intelliġenti għandhom jippermettu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-vettura u l-kapaċità li s-sistema eżistenti tiġi rifornuta b’passiġġieri jew merkanzija addizzjonali.

3.11.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li, minbarra l-proliferazzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għal trasport aktar sostenibbli permezz ta’ servizzi ta’ mobbiltà kondiviżi, li jwassalna għal emissjonijiet żero netti sal-2050. Billi nagħmlu t-traffiku fit-toroq aktar faċli u nnaqqsu l-konġestjonijiet tat-traffiku, qed nilħqu l-għanijiet ambjentali tagħna b’għadd ta’ modi.

3.12.

Il-KESE japprezza li t-tisħiħ tas-sistema ta’ trasport intelliġenti kif qed tiġi proposta bħalissa jista’ jitqies bħala l-ewwel pass lejn Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà, li jfisser valur miżjud konsiderevoli f’termini ta’ effiċjenza mtejba.

3.13.

Huwa ċar li l-ħolqien ta’ spazju bħal dan jiffaċilita l-forniment tal-mobbiltà bħala servizz fir-rigward kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija u jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport.

3.14.

Il-KESE jilqa’ s-sistemi ta’ trasport intelliġenti għal parkeġġ sikur għas-sewwieqa professjonali fin-Network Trans-Ewropew tal-Awtostradi. L-applikazzjonijiet telematiċi għall-parkeġġ sikur jistgħu jiffaċilitaw il-konformità mal-ħinijiet legali tas-sewqan u tal-perjodi ta’ mistrieħ. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-problema bażika kemm għall-kumpaniji kif ukoll għas-sewwieqa professjonali hija l-infrastruttura inadegwata taż-żoni ta’ mistrieħ tal-awtostrada, li twassal biex is-sewwieqa jqattgħu ljieli iktar milli suppost fiż-żoni ta’ parkeġġ. L-iżvilupp tal-infrastruttura għandu jimxi id f’id mas-servizzi bbażati fuq sistemi ta’ trasport intelliġenti (eż. parkeġġ riżervat).

3.15.

F’dan il-kuntest, il-KESE jerġa’ jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-fiduċja u l-fatt li l-ebda obbligu li tingħata informazzjoni m’għandu jaffettwa l-kunfidenzjalità tan-negozju, il-privatezza jew il-protezzjoni tad-data.

3.16.

Fir-rigward tad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex taġġorna obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni, il-KESE jinnota l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti u fiduċja fir-rigward ta’ dawk kollha involuti fil-“kondiviżjoni tad-data”. Il-KESE jappoġġja l-kamp ta’ applikazzjoni mwessa’ tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ trasport intelliġenti u l-valur miżjud li ġġib magħha. Il-KESE jieħu nota wkoll tal-eżistenza ta’ problemi ta’ fiduċja fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data u l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza tal-Ispazji Ewropej tad-Data, b’mod partikolari f’oqsma strateġiċi bħall-mobbiltà, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għad-Data (5).

3.17.

Il-KESE jenfasizza wkoll li huwa importanti li l-informazzjoni fis-sistema tintuża biss għal finijiet ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti u mhux għal finijiet oħra. Il-KESE jtenni l-importanza tal-privatezza effettiva u l-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti. Madankollu, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data ma jipprovdix protezzjoni suffiċjenti meta jintużaw teknoloġiji (eż. xejriet ta’ mobbiltà ta’ data tal-vetturi, rikonoxximent tal-wiċċ, eċċ.) li jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet dwar individwi jew saħansitra jiddiskriminaw permezz ta’ algoritmi meta d-data tiġi anonimizzata. Fir-rigward tal-użu ta’ data personali fuq il-post tax-xogħol, il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tagħhom u t-trade unions jeħtieġ li jingħataw vuċi u veto. Il-KESE jenfasizza li l-Artikolu 10 tal-proposta (dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza) għandu jeskludi dan ir-riskju potenzjali. Dan huwa partikolarment importanti biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-sistema u l-aċċettazzjoni fis-soċjetà inġenerali.

3.18.

Il-KESE jinnota li l-konsumaturi jrid ikollhom kontroll fuq id-data li qed tiġi kondiviża: l-informazzjoni personali tagħhom meta jibbukkjaw servizzi jew jixtru biljetti, kif ukoll id-data li l-karozzi tagħhom jikkondividu mal-fornituri tas-servizzi jew mal-infrastruttura. Fiċ-ċirkostanzi kollha, il-konsumaturi jeħtiġilhom ikunu fil-qalba tal-kwistjoni u jkollhom id-data tagħhom protetta, f’konformità sħiħa mal-GDPR.

3.19.

L-aċċess għad-data ta’ ġol-vettura jrid finalment jiġi rregolat favur il-protezzjoni tad-data u tal-konsumatur, kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta. Jekk id-data ta’ ġol-vettura titħalla f’idejn il-manifatturi tal-karozzi, dan iwassal għal monopolji u pożizzjonijiet dominanti fis-suq u riskju ta’ abbuż. Il-Kummissjoni ilha li ntalbet tippreżenta proposta regolatorja u tat sinjali pożittivi f’dan ir-rigward, pereżempju fl-Istrateġija għad-Data msemmija hawn fuq, madankollu s’issa għadha ma ħadet l-ebda passi biex tippreżenta proposta. Dan id-dewmien huwa partikolarment ta’ ħsara għall-interessi tal-konsumatur u għall-possibbiltajiet tal-konsumaturi li jikkontrollaw id-data u jagħmlu għażliet alternattivi u infurmati.

3.20.

Id-diġitalizzazzjoni tista’ tnaqqas in-nuqqas ta’ inklużjoni li jaffettwa lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. F’dan is-sens, ir-rekwiżiti espliċiti ta’ aċċessibbiltà skont id-Direttiva (UE) 2019/882 għandhom jiġu stabbiliti b’mod programmatiku f’din id-Direttiva għas-setturi kollha tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti. Il-fatt li dan is-suġġett jissemma biss fi premessa li fiha l-prospett li jiġu żviluppati karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa fis-servizzi multimodali diġitali huwa ftit wisq.

3.21.

Il-KESE jilqa’ l-iskambju u d-disponibbiltà ppjanati tad-data dwar it-toroq u l-awtostradi (projbizzjonijiet fuq is-sewqan, limiti tal-veloċità, data f’ħin reali dwar l-għeluq tat-toroq, xogħlijiet fit-toroq, eċċ.), kif previst fl-Anness III. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ li jiġu żviluppati sistemi intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistgħu jassimilaw it-traffiku tat-trasport (ta’ tranżitu) bit-triq fl-awtostradi f’termini ta’ ħin u b’hekk jiżguraw is-sikurezza u l-fluwidità tat-traffiku.

3.22.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-Kummissjoni, fil-ħidma tagħha biex taġġorna l-lista ta’ informazzjoni obbligatorja, beħsiebha titlob il-kontribut tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti. Għaldaqstant, il-KESE jtenni l-offerta li huwa għamel fl-Opinjoni msemmija hawn fuq biex jgħin lill-Kummissjoni billi jservi ta’ rabta mas-soċjetà ċivili.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

(2)  COM(2021) 1811.

(3)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 85 u COM(2016) 766.

(4)  Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE — Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040 — COM(2021) 345.

(5)  COM(2020) 66.


Top