Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE6074

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022 [COM(2021) 740 final]

    EESC 2021/06074

    ĠU C 275, 18.7.2022, p. 50–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 275/50


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022

    [COM(2021) 740 final]

    (2022/C 275/09)

    Relatur:

    Judith VORBACH

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 21.1.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    8.2.2022

    Adottata fil-plenarja

    23.2.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    567

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    140/5/38

    1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet avversi ħafna qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020, l-UE daħlet “fl-agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha”, filwaqt li l-isfidi eżistenti kien baqagħlhom ħafna biex jiġu solvuti. L-UE ħadet azzjonijiet ta’ appoġġ mingħajr preċedent biex ittaffi l-impatt u tevita sitwazzjoni instabbli. Madankollu, il-pandemija tista’ tiġi indirizzata biss b’mod transnazzjonali u l-KESE jitlob kooperazzjoni antiċipatorja dwar il-politika tas-saħħa tal-UE, spinta lil-livelli tat-tilqim u l-adozzjoni ta’ approċċ globali, sabiex ikun hemm dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS.

    1.2.

    Il-KESE jirrakkomanda politika li tiffoka fuq il-prosperità u jappoġġja l-aġenda ta’ “sostenibbiltà kompetittiva” tal-UE. L-erba’ dimensjonijiet tagħha – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika – kif ukoll il-kompetittività, għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell sabiex jinkisbu l-effetti previsti ta’ rinfurzar u trasformazzjoni li tirnexxi. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar ikun probabbli li d-disparitajiet jiżdiedu u l-aċċettazzjoni tonqos, speċjalment fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-ekonomija biex tinkiseb in-newtralità klimatika.

    1.3.

    Waħda mill-isfidi tagħna hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mid-degradazzjoni ambjentali. Għal darb’oħra, dak li huwa meħtieġ huwa approċċ olistiku li jqis it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali. L-impenji biex jiġi ssalvagwardjat il-benesseri soċjali ma għandhomx isarrfu biss fi slogans fiergħa. Huwa kruċjali li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ klima kummerċjali tajba u li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għandu jiġi mfassal b’mod effettiv u l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għandhom ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi fiskali. Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe bidla lejn it-tassazzjoni ambjentali m’għandhiex tinvolvi effetti distributtivi rigressivi jew faqar enerġetiku.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi u l-investiment u l-promozzjoni ta’ suq uniku ġust sabiex tiġi żgurata bażi ekonomika b’saħħitha. Il-miżuri biex jippromovu s-suq uniku u jtejbu l-ambjent tan-negozju huma kruċjali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-produttività. Barra minn hekk, approċċ ġust ta’ produttività huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu twil ta’ żmien. Madankollu, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġu ggarantiti r-regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Il-KESE jirrakkomanda mitigazzjoni tal-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, u jilqa’ l-monitoraġġ aktar mill-qrib tar-riskji tas-suq finanzjarju li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja għandu jikkonsolida l-kanali ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza.

    1.5.

    Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri. Politiki tas-suq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfassla tajjeb huma l-pedament tar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi biex itejbu l-eżiti tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u li l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għandu jiġi żgurat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq skrutinju tal-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u tan-NextGenerationEU (NGEU) u biex tiżgura l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta’ ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata, u anke għal konverġenza soċjali ’l fuq.

    1.6.

    L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli. Il-politika jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ u lesta biex tindirizza kwalunkwe tfixkil. Il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livelli ta’ attività ekonomika, tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni qabel ma jidħol fis-seħħ qafas modernizzat. Il-KESE jwissi kontra l-promozzjoni ta’ politiki li jnaqqsu l-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa, u jitlob politiki ta’ dħul ġust. Barra minn hekk, filwaqt li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, il-KESE jitlob ukoll li jsir monitoraġġ tal-iżbilanċi soċjali.

    1.7.

    Il-KESE għandu l-impressjoni li qed nidħlu f’fażi ġdida ta’ politika ekonomika u s-Semestru Ewropew 2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. L-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva għandu jiġi rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) futuri, u l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata suppost ilu li sar. Jekk l-iżborż ta’ għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jsir soġġett għall-konformità mar-riformi mħabbra, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiksbu relevanza politika akbar. Filwaqt li l-enfasi msaħħa fuq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija apprezzata, kemm fil-fatt se tiġi riflessa fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) għadu mhux ċar. Il-governanza ekonomika jeħtieġ li tiġi integrata fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet ekonomiċi u soċjali negattivi anki qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Wara perjodu twil ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wara l-kriżi tas-suq finanzjarju fl-2008, l-ekonomija tal-UE finalment irrankat fl-2014 u mbagħad kellha perjodu ta’ tkabbir u r-rati ta’ impjieg bdew jogħlew. Madankollu, l-investiment pubbliku kien naqas taħt il-livelli meħtieġa biex l-istokk tal-kapital pubbliku jinżamm stabbli bħala sehem tal-PDG. Filwaqt li l-UE b’mod ġenerali hija relattivament għanja skont l-istandards globali, id-diverġenzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, kif ukoll l-inugwaljanzi u d-differenza bejn il-ġeneri fis-soċjetajiet tagħna ppersistew. It-theddida tal-kriżi klimatika u l-isfidi minħabba t-tibdil teknoloġiku kienu diġà evidenti.

    2.2.

    F’Marzu 2020, il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri meħuda biex din titrażżan biddlu b’mod drammatiku s-sitwazzjoni. L-UE daħlet fl-“agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha” (1), filwaqt li l-isfidi eżistenti kienu għadhom ’il bogħod milli jiġu solvuti. Mhux biss il-pandemija u l-impatti tagħha kienu mingħajr preċedent – iżda l-UE ħadet ukoll firxa ta’ azzjonijiet bla preċedent ta’ solidarjetà biex ittaffi d-diffikultajiet, inkluża l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali u l-istrument SURE (2). B’mod partikolari, il-KESE japprezza l-fatt li l-UE rnexxielha tfassal u tadotta inizjattiva tant wiesgħa bħall-Istrument Ewropew għall-Irkupru f’nofs din il-kriżi severa. Din l-inizjattiva għandha mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi, iżda wkoll – kif inhu xieraq – biex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. L-effett ta’ tisħiħ tal-fiduċja tal-approċċ ġenerali ta’ politika ta’ appoġġ u koeżiva kien ta’ suċċess fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi mill-kriżi, li inkella setgħu rriżultaw f’destabbilizzazzjoni ekonomika u politika.

    2.3.

    Ir-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija u l-pandemija saret evidenti wkoll mill-irkupru ekonomiku xprunat mis-sitwazzjoni epidemjoloġika mtejba f’nofs l-2021. It-tbassir tal-ħarifa tal-2021 jipprevedi bidla lil hinn mill-irkupru għal espansjoni u rata ta’ tkabbir ta’ 4,3 % fl-2022, filwaqt li l-ħolqien tal-impjiegi huwa mistenni li jsegwi dan it-tkabbir (3). Fl-isfond tal-mewġa l-ġdida tal-pandemija u tal-varjant Omicron, din il-prospettiva pożittiva tista’ sfortunatament ma ssirx realtà. Il-KESE jindika l-livell għoli ta’ inċertezza u l-impatt sinifikanti tal-pandemija fuq l-attività ekonomika.

    2.4.

    L-indirizzar tal-pandemija u l-prevenzjoni ta’ varjanti ġodda tal-virus ma jistgħux jinkisbu fuq livell nazzjonali biss. Minflok, huwa meħtieġ approċċ transnazzjonali. Il-KESE jitlob kooperazzjoni mill-qrib u ta’ prospettiva rigward il-politika tas-saħħa tal-UE, li mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi tas-saħħa iżda wkoll biex jittaffa l-impatt tagħha fuq l-ekonomija. Il-KESE jirrakkomanda li ż-żieda fil-livelli tat-tilqim tkompli tkun prijorità ewlenija u jitlob approċċ globali, speċjalment minħabba li l-provvista globali suffiċjenti ta’ tilqim hija wkoll fl-interess proprju tal-UE. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS li tapplika għat-tilqim, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19 (4).

    2.5.

    Il-KESE jilqa’ l-approċċ multidimensjonali tal-aġenda tas-“sostenibbiltà kompetittiva” deskritta fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Sostenibbli. Dan huwa konformi mal-approċċ ta’ politika li tiffoka fuq il-prosperità, kif irrakkomanda l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, fejn jitlob li jitqiesu diversi għanijiet: is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u xogħol ta’ kwalità għolja, distribuzzjoni ġusta, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva, u finanzi pubbliċi stabbli. Dawn l-objettivi huma konsistenti wkoll mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u huma interkonnessi mill-qrib. Pereżempju, approċċ ta’ tkabbir sostenibbli li jmur lil hinn mill-objettiv uniku tat-tkabbir tal-PDG huwa kruċjali għall-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima fl-2050.

    2.6.

    Barra minn hekk, l-erba’ dimensjonijiet tal-aġenda tas-sostenibbiltà kompetittiva – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika — huma interkonnessi mill-qrib u ta’ importanza ugwali. Huma kollha ħoloq f’katina unika, u ħolqa minnhom ma tistax teżisti mingħajr l-oħrajn, b’tali mod li l-ebda waħda minnhom mhi subordinata għal oħra. Il-Kummissjoni tenfasizza, bir-raġun, li dawn id-dimensjonijiet għandhom isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Il-KESE jilqa’ dan, iżda jindika wkoll il-periklu ta’ effetti restrittivi. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar hemm ċans ta’ disparitajiet bejn dawn l-erba’ dimensjonijiet.

    2.7.

    Il-KESE jirrimarka wkoll li mhux l-erba’ dimensjonijiet biss huma interkonnessi – iżda l-kompetittività hija wkoll marbuta mill-qrib magħhom u ta’ importanza daqshom, flimkien mal-kummerċ bilanċjat, li huwa wieħed mill-objettivi ekonomiċi ewlenin. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Il-mudell soċjali Ewropew u b’mod partikolari l-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali huma partijiet kruċjali tal-kompetittività tal-UE. Bl-istess mod, min-naħa l-oħra, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva huwa prerekwiżit importanti għat-tkabbir inklużiv, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali tal-UE.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.   Sostenibbiltà ambjentali

    3.1.1.

    Waħda mill-isfidi ewlenin ta’ dan is-seklu hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mit-theddid għall-ambjent jew mill-qerda tiegħu. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jitolbu azzjoni immedjata. Filwaqt li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li tiġi miġġielda l-kriżi klimatika, huwa jitlob approċċ olistiku li jqis bl-istess mod it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali, bħat-theddid għall-bijodiversità, l-ilma u l-ħamrija, it-tniġġis tal-arja u l-iskart nukleari u tipi oħra ta’ skart tossiku.

    3.1.2.

    Bir-raġun, il-Kummissjoni tindika d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ din it-tranżizzjoni u tenfasizza l-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-prosperità u l-benesseri. Il-KESE jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li dawn il-proklamazzjonijiet ma jsarrfux fi slogans fiergħa u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mmappjar granulari u analiżi tal-impatt li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet (5). Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Sabiex jinkiseb dan, il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali, ir-rispett sħiħ għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, il-governanza korporattiva robusta bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (6) u l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tfassil tal-politiki. Dan mhux biss se jiżgura s-sjieda, iżda – fuq kollox – huwa essenzjali biex jiġi żgurat proċess ta’ tranżizzjoni bbilanċjat u inklużiv.

    3.1.3.

    Dan l-involviment jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod partikolari fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li fih għadd kbir ta’ proposti ta’ politika estensivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà ambjentali. Il-proposta għal “mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri” għandha l-potenzjal li tbiddel l-impjieg f’kumpaniji ttrasformati favur il-klima f’impjieg aktar robusti u għalhekk hija kruċjali u trid titfassal b’mod effettiv. Fil-kuntest ta’ kwalunkwe bidla lejn tassazzjoni ambjentali, bħall-impożizzjoni ta’ taxxi fuq attivitajiet li jniġġsu, huwa essenzjali li jiġu evitati effetti distributtivi rigressivi u l-faqar enerġetiku. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għandu jiġi indirizzat f’dan ir-rigward.

    3.1.4.

    Il-Kummissjoni tindika li t-twettiq tal-aġenda ambizzjuża tal-UE tal-Patt Ekoloġiku se jirrikjedi investimenti sinifikanti li jammontaw għal madwar EUR 520 biljun fis-sena. Se jkunu meħtieġa aktar investimenti biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. F’dak il-kuntest, il-KESE jindika l-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali minħabba t-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali u r-riċerka u l-iżvilupp. Il-KESE jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ investiment, huwa essenzjali li l-investiment privat kif ukoll l-investiment pubbliku jiġu orjentati mill-ġdid u jiżdiedu. Madankollu, il-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali tirrappreżenta ġid pubbliku bir-riskju ta’ falliment tas-suq.

    3.1.5.

    L-investiment privat għandu rwol kruċjali fiċ-ċirku ekonomiku sabiex jippromovi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-investiment tas-settur privat u l-innovazzjoni, b’mod partikolari, huma meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tas-sostenibbiltà ambjentali, pereżempju fl-oqsma tal-batteriji ġodda għall-karozzi u tal-produzzjoni tal-azzar b’żero CO2. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal klima kummerċjali tajba u jilqa’ l-isforzi biex il-finanzjament privat jiġi kanalizzat lejn ir-reżiljenza għall-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, kif previst mill-istrateġija l-ġdida għall-finanzi sostenibbli (7). Il-KESE jappoġġja wkoll ir-rwol tas-settur pubbliku – b’mod partikolari l-programm InvestEU u l-miżuri rispettivi tan-NextGenerationEU – biex isostni l-investiment privat billi jipprovdi appoġġ immirat f’konformità sħiħa mal-Artikolu 107 tat-TFUE. Madankollu, il-KESE jitlob li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards ambjentali u l-obbligi fiskali.

    3.2.   Produttività

    3.2.1.

    Fil-produttività, l-effiċjenza tal-produzzjoni ekonomika hija importanti u hija bażikament iddefinita mill-proporzjon tal-output mal-input. It-tkabbir tal-produttività b’mod ġust u sostenibbli jikkontribwixxi għall-kompetittività, il-prosperità u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu ta’ żmien twil. Madankollu, l-isforz għall-produttività b’mod inġust u mhux sostenibbli jista’ jwassal għal aktar pressjoni fuq l-impjegati u l-impjegaturi, ixekkel is-sostenibbiltà ambjentali, joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, iżid l-inugwaljanza u jfixkel il-proċess ta’ tranżizzjoni. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li ttejjeb il-produttività b’mod orjentat lejn il-prosperità billi tippromovi teknoloġiji avvanzati u innovazzjoni, issaħħaħ il-ħiliet tan-nies, iżżid it-taħriġ u edukazzjoni, issaħħaħ it-trasferiment u l-valorizzazzjoni tal-għarfien u tippromovi l-effiċjenza fir-riżorsi. Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-fatt li s-sostenibbiltà soċjali hija wkoll element importanti ta’ approċċ ta’ produttività ġusta.

    3.2.2.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti ġodda b’mod ġenerali u b’mod partikolari fis-settur diġitali u jappoġġja b’mod espliċitu s-sejħa tal-Kummissjoni biex l-RRPs jiffukaw ukoll fuq il-bini u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali mill-aktar avvanzati. Tabilħaqq, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ u għandh tgħin lill-Istati Membri jwettqu investimenti u riformi li – fost affarijiet oħra – jippermettu intelliġenza artifiċjali, computing ta’ prestazzjoni għolja, ċibersigurtà, komponenti mikroelettroniċi u elettroniċi u konnettività sigura. Minbarra li tingħata spinta lill-ħiliet diġitali fil-livelli kollha, dan se jipprovdi bażi soda għat-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività u għalhekk jippromovi bażi ekonomika b’saħħitha u prosperità fit-tul.

    3.2.3.

    Suq uniku ġust u li jiffunzjona tajjeb jippromovi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli u inklużivi. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rispett għall-istat tad-dritt, is-sistemi tal-ġustizzja ta’ kwalità u effiċjenti, l-istrutturi effettivi kontra l-korruzzjoni, l-amministrazzjoni effiċjenti inkluż l-amministrazzjoni tat-taxxa, u l-oqfsa kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-frodi huma fatturi importanti għat-titjib tal-ambjent tan-negozju u għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji. B’xorti ħażina għad hemm żbilanċ bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol. Id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Id-drittijiet ta’ protezzjoni nazzjonali favur l-impjegati xi kultant huma kklassifikati bħala ostakli amministrattivi għas-suq. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ħaddiema jipperċepixxu s-suq intern bħala theddida. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġi rimedjat dak l-iżbilanċ u jiġu ggarantiti regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda b’saħħa li l-“inizjattiva lil hinn mill-PDG” tiġi segwita bi sforzi b’mod konsistenti (8).

    3.2.4.

    Il-KESE jirrakkomanda ħafna li jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi u distributtivi negattivi tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Din iż-żieda fil-prezzijiet tista’ tkun minħabba l-attività ekonomika li qed tirpilja bil-qawwa u minħabba t-tfixkil min-naħa tal-provvista, u tista’ tibbilanċja ruħha meta l-iżvilupp ekonomiku jsir aktar stabbli. Madankollu, dan ipoġġi piż immedjat fuq in-naħa tal-produzzjoni u l-kompetittività tal-industrija. Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija bl-ingrossa x’aktarx li jaffettwaw il-prezzijiet bl-imnut, u b’hekk ipoġġu piż ulterjuri fuq il-prezzijiet tal-ikel. Anke jekk dawn l-effetti jkunu tranżitorji, jistgħu joħolqu pressjonijiet ’l isfel fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi, biex b’hekk l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx jistgħu jiġu esposti għall-faqar. Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex jiġu miġġielda dawn l-iżviluppi.

    3.3.   Il-ġustizzja

    3.3.1.

    Sa minn ħafna qabel il-kriżi tal-COVID-19, protezzjoni soċjali dgħajfa, żbilanċi u inugwaljanzi kienu jikkostitwixxu problema. B’aktar minn 20 % taċ-ċittadini tal-UE f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, fl-2016 il-BĊE kkonkluda li d-distribuzzjoni tal-ġid nett hija “asimmetrika ħafna” (9). Skont ir-rapport tal-Bank Dinji dwar il-faqar fid-dinja (2018) (10), ftit aktar minn biljun persuna kienu tneħħew mill-faqar assolut matul it-tliet deċennji preċedenti, l-aktar minħabba t-tnaqqis tal-faqar fiċ-Ċina. Il-pandemija naqqset ir-ritmu ta’ din ix-xejra pożittiva. Madankollu, il-ġid għadu miġmugħ fil-quċċata u s-sinjuri nett fil-fatt kisbu aktar ġid matul l-aħħar 25 sena (11). Il-Kummissjoni bir-raġun tindika żieda fl-inugwaljanzi minħabba l-pandemija. L-inugwaljanza mhijiex biss problema fiha nnifisha, iżda tillimita wkoll l-iżvilupp ekonomiku billi trażżan id-domanda privata u sservi bħala bażi għall-ħolqien ta’ tensjoni soċjali. Għalhekk, it-titjib ta’ impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tajbin ta’ ħlas u ta’ xogħol, l-impjieg għal gruppi żvantaġġati u d-dritt għal negozjar kollettiv huma kruċjali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati r-relazzjonijiet industrijali nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali meta jiġu promossi politiki bħal dawn.

    3.3.2.

    Il-KESE jilqa’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ekwità jeħtieġ li tkun fil-qalba tal-irkupru. Meta jitqiesu l-inugwaljanza problematika, iċ-ċifri inkwetanti tal-faqar u t-tensjonijiet politiċi, jirriżulta li s-sostenibbiltà soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u d-distribuzzjoni ġusta huma għanijiet importanti fihom infushom. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda ħafna li ssir enfasi mhux biss fuq l-hekk imsejħa tranżizzjoni doppja ambjentali u diġitali, iżda wkoll li jsir sforz għas-sostenibbiltà soċjali flimkien ma’ din. Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri.

    3.3.3.

    Politiki attivi tas-suq tax-xogħol imfassla tajjeb, servizzi pubbliċi tal-impjiegi u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li jgħinu lin-nies jippreservaw l-istandards tal-għajxien tagħhom fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku kif ukoll fil-każ ta’ ħtieġa individwali, huma l-bażi għar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. L-implimentazzjoni ta’ miżuri għaż-żamma tal-impjiegi, bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, għenet b’mod deċiżiv biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi tal-kriżi fuq is-swieq tax-xogħol. Iżda għalkemm l-appoġġ għad-dħul u x-xbieki tas-sikurezza soċjali evitaw tnaqqis kbir fid-dħul, il-pandemija tal-COVID-19 kixfet ukoll lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Il-KESE jappella għal konverġenza soċjali ’l fuq li tikkontribwixxi għar-reżiljenza ġenerali tal-UE għall-kriżijiet.

    3.3.4.

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-impatt soċjali tat-tranżizzjoni diġitali, speċjalment minħabba li l-pandemija aċċellerat dan il-proċess. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tindika – fost affarijiet oħra – l-aċċess mhux uniformi għall-apprendiment online, li jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul, inklużi livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi, u għalhekk jista’ jaggrava l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu r-riżultati tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom. Sabiex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u biex jiġu evitati differenzi soċjali li qed jiżdiedu, id-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja jeħtieġ jiġi rikonoxxut u jeħtieġ jiġi żgurat l-aċċess għalih. Dan għandu jiġi appoġġjat minn finanzjament pubbliku sabiex jgħin lill-intrapriżi responsabbli jwettqu taħriġ ta’ kwalità tul il-ħajja. Sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali, għandha tingħata attenzjoni mill-qrib lill-aċċessibbiltà għas-servizzi diġitali għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani.

    3.3.5.

    Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid u n-NextGenerationEU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jammontaw għal EUR 1,824 triljun, li se jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi attwali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza li l-miżuri ta’ politika mħabbra jiġu implimentati kif suppost, sabiex l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jiġu promossi b’mod tanġibbli mill-allokazzjoni tal-fondi. Fuq kollox, in-nefqiet diġà ppjanati ma għandhomx jiġu aċċettati bħala parti mill-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dawn se jgħinu wkoll biex tiġi evitata l-ħtieġa li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali jew li jitnaqqas l-infiq mill-baġit tal-UE.

    3.3.6.

    Barra minn hekk, l-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-fondi u l-impatt soċjali tagħhom iridu jiġu mmonitorjati bir-reqqa wkoll sabiex jiġi żgurat il-kontribut tagħhom għal konverġenza soċjali ’l fuq. Il-Kummissjoni debitament tindika d-diversi aspetti tal-impatt asimmetriku tal-kriżi fuq gruppi, setturi u reġjuni differenti tal-popolazzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob sforzi partikolari biex jiġu protetti l-familji bi dħul baxx u medju u l-persuni vulnerabbli, li huma l-aktar affettwati minn kwalunkwe kriżi u proċess ta’ tranżizzjoni. L-investimenti għandhom jiġu ffinanzjati bil-kundizzjoni li dawn iwasslu għall-ħolqien nett tal-impjiegi u jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Kollox ma’ kollox, huwa importanti li l-ġenerazzjonijiet futuri jiksbu l-valur għal flushom mill-infiq tal-lum.

    3.4.   L-istabbiltà makroekonomika

    3.4.1.

    Ix-xokk tal-pandemija mhux biss żied il-vulnerabbiltajiet pre-eżistenti u wassal għal pass lura fit-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn l-Istati Membri iżda ħoloq inċertezza akbar. Għalhekk, il-politika tal-ekonomija u monetarja mhux biss jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ iżda jeħtieġ ukoll li tkun aġli u lesta li tirreaġixxi għal kwalunkwe tfixkil jew skossi u tiżgura r-reżiljenza tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livell ta’ attività ekonomika kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-politiki fiskali fil-livell nazzjonali u tal-UE kif ukoll il-politiki monetarji għandhom jiġu kkoordinati b’mod prudenti sabiex isaħħu b’mod reċiproku l-effetti maħsuba ta’ appoġġ u stabbilizzazzjoni.

    3.4.2.

    Il-KESE jitlob bidla lejn governanza ekonomika li tiffoka fuq il-prosperità, li għandha tkun strutturata kif deskritt f’diversi Opinjonijiet (12). Għalhekk, wara li twaqqfet għal kollox minħabba l-pandemija, it-tnedija mill-ġdid tar-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika kien ilu li wasal iż-żmien għaliha sabiex tippromovi politiki fiskali adatti fi żminijiet tajbin kif ukoll f’dawk ħżiena. In-nuqqasijiet tal-qafas fiskali attwali kienu diġà ovvji fl-2020, u l-kriżi tippreżenta sfidi saħansitra aktar serji. Analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit mhux se jiġi ssodisfat minn 23 Stat Membru u lanqas il-kriterju tad-dejn minn 13-il Stat Membru.

    3.4.3.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tastjeni milli tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra kwalunkwe Stat Membru u dwar ir-rakkomandazzjoni tagħha li l-Istati Membri għandhom ikomplu jipprovdu appoġġ fiskali filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju ta’ żmien meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu. Dan huwa konformi mad-dikjarazzjoni tal-KESE li jappoġġja t-tkabbir sostenibbli, u b’hekk ikunu jistgħu jissaħħu l-finanzi pubbliċi (13). Madankollu, il-KESE jitlob ukoll li jiġi rikonoxxut li hemm ħtieġa urġenti li jiżdied l-investiment sabiex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Madankollu, qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas rivedut, il-Kummissjoni għandha tressaq linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ma għandhiex tinbeda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u bil-possibbiltà li tintuża l-“klawżola dwar avvenimenti mhux tas-soltu” fuq bażi speċifika skont il-pajjiż (14).

    3.4.4.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) setgħet ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, b’mod partikolari l-pressjonijiet ambjentali (15). Barra minn hekk, l-iżbilanċi soċjali jeħtieġ jiġu mmonitorjati sabiex tiġi kkumpensata l-predominanza tar-rekwiżiti fiskali u makroekonomiċi (16). Peress li l-iżbilanċi soċjali u tal-impjiegi jista’ jkollhom effetti transfruntiera detrimentali, huwa importanti li dawn jiġu identifikati u kkoreġuti fi stadju bikri. Fl-aħħar nett il-KESE jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku.

    3.4.5.

    L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli u l-formazzjoni ta’ buffers fiskali. Peress li l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali se jkompli jkollu rwol ewlieni, l-applikazzjoni tar-“regola tad-deheb”, mingħajr ma tipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien u l-valur tal-euro, hija essenzjali jekk irridu li l-proċess ta’ tranżizzjoni jkun ta’ suċċess. Iżda fl-isfond ta’ livell għoli ta’ inċertezza, il-KESE jwissi wkoll kontra t-tnaqqis tal-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa. Stabilizzaturi awtomatiċi li jiffunzjonaw tajjeb huma essenzjali għall-prevenzjoni ta’ tbatija soċjali, għall-istabbilizzazzjoni tad-domanda u għar-reżiljenza kontra kwalunkwe kriżi. Min-naħa l-oħra, politiki tat-tassazzjoni inġusti bi frodi tat-taxxa u ppjanar aggressiv tat-taxxa jipperikolaw il-flessibbiltà fiskali meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għal skossi u jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-naħa tad-dħul huma milqugħa. Dan huwa minnu wkoll għar-riformi proposti fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fir-rigward ta’ żieda fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa bil-ħsieb li jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji u l-individwi.

    3.4.6.

    Aspett importanti tal-istabbiltà makroekonomika huwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kanali ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat għall-isforzi ta’ investiment. Il-KESE jitlob li f’dan ll-proċess jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u, b’mod partikolari, jilqa’ l-isforzi għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jitqiesu r-riskji tas-sostenibbiltà soċjali, li qed jipperikolaw il-koeżjoni soċjali minħabba d-distakki fid-distribuzzjoni li qed jiżdiedu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju għandha tagħti prijorità wkoll lill-effiċjenza aktar milli lill-kumplessità u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    3.5.   Is-Semestru Ewropew jevolvi

    3.5.1.

    Il-KESE jenfasizza li bl-Istrument Ewropew għall-Irkupru, l-UE tilħaq fażi ġdida ta’ politika ekonomika u tagħmel pass deċiżiv ’il quddiem lejn is-solidarjetà. Is-Semestru Ewropew tal-2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tittejjeb is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. Il-KESE jitlob impenn għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tisħiħ tal-pożizzjoni demokratika tiegħu b’mod deċiżiv. Barra minn hekk, l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess tas-semestru ilu mistenni ħafna.

    3.5.2.

    L-ipproċessar tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza permezz tas-Semestru jżid ir-rilevanza tal-proċess tas-semestru. Barra minn hekk, meta l-iżborż tas-segmenti tal-għotjiet ikun soġġett għall-konformità mar-riformi – stabbiliti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u li huma bbażati ħafna fuq is-CSRs – dawn tal-aħħar jingħataw piż politiku akbar. Dan jagħmel obbligatorju l-involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti standards minimi għal tali konsultazzjoni (17). Ir-regoli stretti tal-politika ta’ koeżjoni dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-prinċipju tas-sħubija, b’mod partikolari, għandhom jitqiesu, tal-inqas, bħala pjan għall-proċeduri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (18).

    3.5.3.

    Diversi studji empiriċi jenfasizzaw li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ffokaw fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u l-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva b’mod partikolari għas-CSRs li ġejjin. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjoni ta’ riformi bħal politiki attivi u inklużivi tas-suq tax-xogħol u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi programmi għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet u li joffru appoġġ għat-tibdil fil-karriera, inkluż għal gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’diżabilità jew l-anzjani.

    3.5.4.

    B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ l-eżitu tas-Summit Soċjali ta’ Porto, jiġifieri li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta għandha tgħin biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex il-monitoraġġ jiġi integrat fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Għalhekk, il-fokus akbar tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 dwar il-prinċipji tal-Pilastru, flimkien mal-fatt li jinkorpora l-miri ewlenin tal-2030 u l-indikaturi ewlenin tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta fl-analiżi tiegħu, huma milqugħin. Madankollu, il-punt sa fejn dawn il-konklużjonijiet se jiġu riflessi fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadu mhux ċar. Barra minn hekk, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom iservu bħala punti ta’ referenza.

    3.5.5.

    Il-KESE jitlob ukoll riformi li jiggarantixxu li l-fondi tal-UE jiġu assorbiti b’mod effettiv, pereżempju billi jinbnew kapaċitajiet tekniċi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiġu ġestiti proġetti ta’ investiment, għal sistemi ta’ akkwist pubbliku bbażati fuq il-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża minflok l-irħas offerta, li b’hekk jitqiesu l-aspetti tax-xogħol, soċjali u ambjentali, u fl-aħħar nett għal riformi biex jitneħħew ostakli mhux monetarji oħra għal politika ta’ investiment effettiva. B’mod partikolari, il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe użu ħażin tal-fondi u korruzzjoni.

    3.5.6.

    Il-governanza ekonomika u b’mod partikolari r-regoli tal-qafas tal-politika fiskali jeħtieġ li jiġu integrati fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Barra minn hekk, għandha tiġi riformata wkoll bl-għan li jitrawwem djalogu multilaterali u demokratiku dwar l-isfidi makroekonomiċi, soċjali u ambjentali, u li tiġi appoġġjata l-koordinazzjoni tal-politika.

    Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Tbassir Ekonomiku, Rebbiegħa 2020, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].

    (2)  L-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza.

    (3)  Tbassir tal-Ħarifa 2021 [Mhux disponibbli bil-Malti].

    (4)  Opinjoni tal-KESE dwar Noħorġu aktar b’saħħitna wara l-pandemija: Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 116).

    (5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 101).

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar Id-djalogu soċjali għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomiji (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14).

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija mġedda għal finanzjament sostenibbli (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 97).

    (8)  Sfond – Lil hinn mill-PDG, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].

    (9)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, The Household Finance and Consumption Survey: results from the Second wave, Nru 18 / Diċembru 2016 [mhux disponibbli bil-Malti].

    (10)  Grupp tal-Bank Dinji: Poverty and shared prosperity 2018. Piecing together the poverty puzzle. Overview, Immaġni 01; p. 2 [Mhux disponibbli bil-Malti].

    (11)  Id-dokument The World Inequality Report 2022 [Mhux disponibbli bil-Malti] jippreżenta l-aktar data aġġornata u kompluta dwar l-inugwaljanza madwar id-dinja.

    (12)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227, u dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).

    (13)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020 (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227).

    (14)  Opinjoni tal-KESE dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).

    (15)  COM(2021) 662 final.

    (16)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 13).

    (17)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

    (18)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ta’ koeżjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi – komplementarjetajiet/duplikazzjonijiet mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 1).


    Top