Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE5838

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija (2021-2030)” (COM(2021) 615 final)

EESC 2021/05838

ĠU C 290, 29.7.2022, p. 73–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija (2021-2030)”

(COM(2021) 615 final)

(2022/C 290/13)

Relatur:

Ákos TOPOLÁNSZKY

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 1.12.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

145/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jiddefendi b’determinazzjoni u jenfasizza bis-sħiħ il-valuri fundamentali li jikkostitwixxu l-pedamenti tal-UE u tal-ħajja komunitarja Ewropea. Iqis il-manifestazzjonijiet tal-antisemitiżmu ta’ kull tip bħala inkompatibbli mal-valuri u l-istandards Ewropej, peress li jwasslu għal ksur tad-drittijiet u għall-esklużjoni, li huma ta’ theddida mhux biss għall-komunitajiet ikkonċernati u għall-ħajja Lhudija, iżda wkoll għall-wirt Ewropew u l-Ewropa tal-lum, kif ukoll għal futur Ewropew demokratiku li jista’ jsir biss realtà f’soċjetà diversa.

1.2.

Għalhekk, il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali t-tnedija tal-Istrateġija (1) u l-fatt li kienet preċeduta minn proċess ta’ u l-fatt li kienet preċeduta minn proċess ta’ konsultazzjoni estensiv fl-2021. Jaqbel ukoll, fl-aspetti kollha, li mhux biss hija meħtieġa l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, iżda wkoll, fl-istess ħin, l-isforz biex jiġu stabbiliti l-politiki pubbliċi u l-kooperazzjoni fil-livell komunitarju għall-promozzjoni tal-aċċettazzjoni reċiproka.

1.3.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-Istrateġija għandha l-għan mhux biss li tiġġieled l-antisemitiżmu, iżda wkoll li trawwem il-ħajja Lhudija. Il-komunitajiet Lhud u l-persuni ta’ dan it-twemmin mhumiex biss vittmi passivi tal-passat u tas-sitwazzjoni attwali, iżda huma wkoll atturi tas-soċjetajiet Ewropej. Il-Kumitat jimpenja ruħu bis-sħiħ mal-viżjoni tal-Istrateġija għal futur Ewropew fejn il-komunitajiet Lhud jikbru u jiżviluppaw. Il-KESE huwa konvint li l-antisemitiżmu mhuwiex biss ksur tal-liġi li jolqot lil-Lhud Ewropej, iżda li huwa wkoll test għall-idea Ewropea, għall-ħajja komunitarja fl-Ewropa, għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet fundamentali u għad-demokrazija.

1.4.

Il-KESE jadotta d-definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu użata mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA) (2) u jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri kollha biex jadottawha u jagħmluha l-bażi tal-azzjoni politika tagħhom.

1.5.

Il-Kumitat beħsiebu jpoġġi dan is-suġġett fuq l-aġenda ta’ wieħed mill-korpi operattivi ewlenin tiegħu kull sena u, jekk meħtieġ, jivvaluta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija b’mezzi oħra wkoll (żjara fil-pajjiż, riċerka, eċċ.).

1.6.

Il-KESE huwa favur li l-edukazzjoni tingħata attenzjoni speċjali fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija. Din għandha rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-prevenzjoni tiegħu. Għal skopijiet ta’ taħriġ u tagħlim, huwa meħtieġ li, b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet professjonali u rappreżentattivi tal-komunità Lhudija, jinħolqu kontenut u materjal ta’ tagħlim li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti, inkluża l-ġlieda kontra l-intolleranza etnika, ir-razziżmu, ir-reati ta’ mibegħda u l-preġudizzju.

1.7.

L-istrumenti kostituzzjonali u legali Ewropej kollha disponibbli għall-ġlieda kontra l-kontenut antisemitiku għandhom jintużaw b’mod sistematiku fil-midja, u l-għarfien u l-fehim tal-ħajja Lhudija għandhom jitjiebu billi jiġi żgurat li r-rapportar dwar dan is-suġġett ikun aktar bilanċjat u juri sensittività akbar għal din il-kwistjoni.

1.8.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis kif għandu jiġi garantit id-dritt tal-komunitajiet Lhud li jippreservaw it-twemmin u r-riti tagħhom meta jitfasslu l-politiki futuri, bħala parti mill-appoġġ għall-ħajja Lhudija fl-Ewropa.

1.9.

Fil-fehma tal-KESE, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess taċ-ċittadini u tal-pubbliku ġenerali għall-kultura Lhudija, bħala wirt inseparabbli mill-identità Ewropea, u li din titqarreb ħafna lejhom. Dan l-approċċ joffri wkoll opportunità eċċellenti biex jiġi promoss il-fehim reċiproku u komunitarju, prerekwiżit għas-suċċess tal-idea Ewropea, iżda wkoll għall-iżvilupp tal-identità Lhudija u għat-tisħiħ tal-komunitajiet li jqisu lilhom infushom Lhud.

1.10.

Qafas leġiżlattiv ċar u sod, li jindirizza b’mod sistematiku d-diskors ta’ mibegħda u l-fenomeni konnessi, bħall-kwistjoni tad-diżinformazzjoni, huwa element essenzjali u indispensabbli tal-ordinament ġuridiku Ewropew, iżda fih innifsu mhuwiex rispons suffiċjenti. L-oqfsa leġiżlattivi għandhom jiġu kkumplimentati minn għodod edukattivi u minn sistema ta’ programmi skjerati fuq skala kbira fil-livelli tal-komunità u tas-soċjetà u li jkunu kapaċi jilħqu liċ-ċittadini.

1.11.

Iż-żieda tal-populiżmu fuq skala globali tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm ħarsa lejn il-kuntest soċjali usa’ tal-antisemitiżmu. Mhuwiex possibbli li jiġi ttrattat tip wieħed ta’ mibegħda jekk l-oħrajn jiġu injorati u mhux trattati b’mod effettiv.

1.12.

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha li jiggarantixxu l-libertà taċ-ċittadini li jkollhom twemmin u riti reliġjużi u li jipprattikawhom mingħajr biża’. Intimidazzjoni, bi kwalunkwe mezz jew miżura, kontra r-reliġjonijiet b’mod ġenerali u r-reliġjożità Lhudija b’mod partikolari għandha titqies bħala attakk fuq l-ordinament ġuridiku demokratiku.

1.13.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħti lill-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u lill-programm strateġiku ta’ appoġġ għall-ħajja tal-Lhud dimensjoni qawwija ta’ politika barranija fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

1.14.

Sabiex l-istrateġija tiġi implimentata b’mod aktar effettiv, il-Kumitat jirrakkomanda li tinħoloq unità permanenti fil-livell tal-Kunsill għall-monitoraġġ u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

1.15.

Peress li l-isport, u b’mod partikolari l-futbol, minħabba l-popolarità u l-pubbliċità tiegħu, joħloq riskju serju ta’ antisemitiżmu iżda jista’ wkoll ikun għodda essenzjali biex jiġi miġġieled b’mod effettiv dan il-fenomenu, il-KESE huwa konvint li għandhom jiġu żviluppati wkoll rakkomandazzjonijiet b’saħħithom u linji gwida f’dan il-qasam.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jiddefendi b’determinazzjoni u jenfasizza bis-sħiħ il-valuri fundamentali li jikkostitwixxu l-pedamenti tal-UE u tal-ħajja komunitarja Ewropea. Dawn il-valuri jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi (3). Iqis il-manifestazzjonijiet tal-antisemitiżmu ta’ kull tip bħala inkompatibbli mal-valuri u l-istandards Ewropej, peress li jwasslu għal ksur tad-drittijiet u għall-esklużjoni, li huma ta’ theddida mhux biss għall-komunitajiet ikkonċernati u għall-ħajja Lhudija, iżda wkoll għall-wirt Ewropew u l-Ewropa tal-lum, kif ukoll għal futur Ewropew demokratiku li jista’ jsir biss realtà f’soċjetà diversa.

2.2.

Madankollu, huwa importanti li jiġi nnutat li l-għan tal-Istrateġija mhuwiex biss li tiġġieled l-antisemitiżmu, iżda wkoll li trawwem il-ħajja Lhudija. Fi kwalunkwe każ, ta’ min jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq il-fatt li l-komunitajiet Lhud u l-persuni ta’ dan it-twemmin mhumiex biss vittmi passivi tal-passat u tas-sitwazzjoni attwali, iżda wkoll atturi fis-soċjetajiet Ewropej, li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ Ewropa diversa u inklużiva. Il-Kumitat jimpenja ruħu bis-sħiħ mal-viżjoni tal-Istrateġija għal futur Ewropew fejn il-komunitajiet Lhud jikbru u jiżviluppaw.

2.3.

Għalhekk, il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali t-tnedija tal-Istrateġija (4) u l-fatt li kienet preċeduta minn proċess ta’ u l-fatt li kienet preċeduta minn proċess ta’ konsultazzjoni estensiv fl-2021. Jaqbel ukoll, fl-aspetti kollha, li mhux biss hija meħtieġa l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, iżda wkoll, fl-istess ħin, l-isforz biex jiġu stabbiliti l-politiki pubbliċi u l-kooperazzjoni fil-livell komunitarju għall-promozzjoni tal-aċċettazzjoni reċiproka. Il-Kumitat iħoss ukoll l-obbligu li jappoġġja l-isforzi kollha biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej ta’ oriġini Lhudija jħossuhom fiduċjużi u sikuri, jiġu milqugħa kullimkien fl-Ewropa u jkollhom perspettiva pożittiva għall-futur fl-Unjoni Ewropa.

2.4.

Il-KESE huwa konvint li l-antisemitiżmu mhuwiex biss ksur tal-liġi li jolqot lil-Lhud Ewropej, iżda li huwa wkoll test għall-idea Ewropea, għall-ħajja komunitarja fl-Ewropa, għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet fundamentali u għad-demokrazija. Għalhekk dan il-fenomenu jikkonċerna liċ-ċittadini kollha, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet politiċi u pubbliċi kollha b’responsabbiltajiet, u huwa l-karta litmus biex titkejjel l-evoluzzjoni tal-mod ta’ ħajja Ewropew tagħna u l-grad ta’ protezzjoni taċ-ċittadini u l-valuri tal-Unjoni.

2.5.

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jadottaw strateġija bbażata fuq approċċ komuni, iżda jqis li approċċ bħal dan mhuwiex biżżejjed fih innifsu. L-impenji li joħorġu mill-valuri stabbiliti fl-istrateġiji għandhom jiġu implimentati wkoll b’mod li jista’ jitkejjel u jiġi vverifikat, u jiġu rikonoxxuti bħala manifestazzjoni evidenti minnha nnifisha tal-ħajja komunitarja Ewropea.

2.6.

Simili għal dak li diġà qed isir fil-qafas tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill (5) tal-2018 dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill (6) tal-2020 dwar l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-oqsma kollha ta’ politika, ir-rakkomandazzjonijiet minn riċerka indipendenti bbażata fuq l-evidenza u l-istħarriġ komunitarju se jkunu essenzjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u l-pjani ta’ azzjoni tagħhom, kif ukoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom.

2.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-proġett NOA (Networks Overcoming Antisemitism; networks kontra l-antisemitiżmu), appoġġjat mill-Kummissjoni, li jivvaluta l-miżuri meħuda minn kull Stat Membru fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu permezz ta’ mistoqsijiet u indikaturi oġġettivi bbażati fuq l-istandards internazzjonali u Ewropej (7), jiġi implimentat b’mod wiesa’ fl-Istati Membri kollha sabiex dawn jiġu megħjuna jużaw u jiżviluppaw b’mod effettiv il-politiki tagħhom.

2.8.

Il-KESE jadotta u japplika d-definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu użata mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA). Jirrakkomanda wkoll bis-sħiħ li l-Istati Membri kollha jaqblu wkoll ma’ din id-definizzjoni u jiddependu fuqha biex jadottaw miżuri u jiddeterminaw l-azzjoni tal-istituzzjonijiet statali u lokali f’dan il-qasam.

2.9.

Il-KESE jilqa’ u jqis bħala eżemplari l-fatt li l-Istrateġija tfasslet abbażi ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni (8). Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet u l-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ.

2.10.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħatra minn kull Stat Membru, bħala parti indispensabbli mill-istrateġija tiegħu, ta’ koordinatur jew mibgħut speċjali nazzjonali, li għandu jgħin biex jaħdem b’mod liberu u awtonomu billi jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha fis-soċjetà fl-attivitajiet tiegħu.

2.11.

Bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Unjoni Ewropea, il-KESE jqis li huwa urġenti li jkun hemm azzjoni, mhux biss permezz ta’ kampanji ad hoc jew kampanji kontra l-antisemitiżmu, iżda wkoll billi fl-Unjoni Ewropea tiġi stabbilita missjoni permanenti ta’ monitoraġġ u sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett. F’dan ir-rigward, jirrakkomanda bil-qawwa li tiġi stabbilita wkoll unità permanenti fil-livell tal-Kunsill għall-monitoraġġ u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu (9). Dan mhux biss jagħti lill-UE simbolu viżibbli importanti, iżda jsaħħaħ ukoll, min-naħa tal-Istati Membri, il-ħidma siewja tal-Koordinatur tal-Kummissjoni Ewropea tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u tas-sostenn tal-ħajja Lhudija u tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew dwar l-Antisemitiżmu.

2.12.

Il-Kumitat beħsiebu jpoġġi dan is-suġġett fuq l-aġenda ta’ wieħed mill-korpi operattivi ewlenin tiegħu kull sena u, jekk meħtieġ, jivvaluta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija b’mezzi oħra wkoll (żjara fil-pajjiż, riċerka, eċċ.).

3.   Politika tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ

3.1.

Il-KESE huwa favur li l-edukazzjoni tingħata attenzjoni speċjali fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija. Din għandha rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-prevenzjoni tiegħu. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi, inkluża l-liġi kriminali, naturalment għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-mibegħda, l-evoluzzjoni fit-tul tal-attitudnijiet, id-diskors pubbliku u l-mentalitajiet ma jistgħux verament jinkisbu biss permezz ta’ għodod ta’ politika edukattiva u strumenti komunitarji.

3.2.

Ir-rapport (10) tal-2019 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) juri biċ-ċar li l-attakki antisemitiċi huma ta’ spiss immirati lejn żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-34 sena u għal ħafna minnhom dawn huma r-realtà tagħhom ta’ kuljum. L-iskejjel Lhud jeħtieġu protezzjoni madwar l-Ewropa. Il-KESE jirrakkomanda li l-istudenti tal-iskejjel sekondarji, l-istudenti universitarji u ż-żgħażagħ ikollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, billi jinvolvu persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet tal-istudenti u billi jistabbilixxu konsultazzjoni u djalogu kontinwi ma’ dawn l-atturi kollha, inkluż fil-livell lokali. L-esperjenza tagħhom fil-qasam tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, il-midja soċjali u l-edukazzjoni huma wkoll ta’ importanza kbira, peress li jistgħu jkunu tal-ewwel li jiġu affettwati u, jekk meħtieġ, ikunu l-mira ewlenija tal-attakki antisemitiċi.

3.3.

Skont il-fehma tal-KESE, l-Istrateġija għandha tinkludi wkoll azzjonijiet maħluqin b’mod konġunt, li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha, inklużi gruppi ta’ minoranza oħra u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet interreliġjużi eżistenti, biex iwasslu għal tibdil fil-fond.

3.4.

Xi kultant l-universitajiet u l-komunitajiet xjentifiċi jkunu influwenzi intellettwali tal-antisemitiżmu. L-involviment tal-uffiċjali universitarji fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu għandu jkun prijorità tal-Istrateġija, u f’dan ir-rigward huma pprovduti linji gwida fil-pubblikazzjoni “Il-prevenzjoni tal-antisemitiżmu permezz tal-edukazzjoni” (11) tal-Unesco, li ċertament ikun rakkomandat li tiġi implimentata b’mod vinkolanti. Dawn il-linji gwida jirrelataw b’mod partikolari mal-attivazzjoni ta’ mekkaniżmi trasparenti wara manifestazzjonijiet ta’ antisemitiżmu, jiġifieri proċedura adegwata, rapporti ta’ aċċidenti u s-segwitu tagħhom, mingħajr ma tintesa l-kanċellazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ natura antisemitika meħuda mill-bord tal-università.

3.5.

Sabiex il-persunal li jgħallem fl-iskejjel u fl-universitajiet jingħata fehim ċar dwar it-tifsira tal-antisemitiżmu, l-opportunitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni msemmija fl-Istrateġija għandhom ikunu aċċessibbli għalihom fil-prattika. Bl-istess mod, l-iskejjel għandhom jitħeġġu, permezz ta’ mezzi finanzjarji u ta’ organizzazzjoni tat-tagħlim, biex f’dan il-qasam jimplimentaw programmi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ żvilupp tal-għarfien li jinvolvu lill-organizzazzjonijiet Lhud, ċivili u reliġjużi, biex jiġu miġġielda n-negazzjoniżmu, id-diżinformazzjoni, kif ukoll l-oskurament u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu, u biex jiġi nnewtralizzat kwalunkwe approċċ immirat li jfaħħar lin-Nażisti u lill-kollaboraturi tagħhom. Programmi simili jistgħu jiġu proposti bħala parti minn korsijiet (ta’ integrazzjoni) għall-migranti. Il-KESE jqis li huwa mixtieq u xieraq li l-membri tal-korpi deċiżjonali tal-UE u tal-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu sehem ukoll f’korsijiet ta’ taħriġ li fihom jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom dwar il-komunità Lhudija u minoranzi oħra.

3.6.

Għall-futur u s-sigurtà tal-komunità Lhudija fl-Ewropa, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu mandat lill-ministeri rilevanti tagħhom biex jeżaminaw il-kontenut u l-orjentazzjoni tal-kurrikuli tal-iskejjel nazzjonali u l-kurrikuli tal-istituzzjonijiet edukattivi dwar l-antisemitiżmu u r-rikonoxximent tal-valuri u l-identità Lhud, kif ukoll biex, għal skopijiet ta’ taħriġ u tagħlim u f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet professjonali u rappreżentattivi tal-komunità Lhudija, joħolqu kontenut u materjal ta’ tagħlim li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti, inkluża l-ġlieda kontra l-intolleranza etnika, ir-razziżmu, ir-reati ta’ mibegħda u l-preġudizzju.

3.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal materjali ta’ informazzjoni edukattiv aċċessibbli u kapaċi jilħqu lill-gruppi kollha kkonċernati li jiddefinixxu, fil-lingwa tal-iskola u fl-interess tal-minoranzi, b’mod partikolari l-komunitajiet Lhud, xi jfisser li tkun parti minn Unjoni Ewropea bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fejn id-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma l-valuri impliċiti evidenti.

3.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni sekondarja u għolja jpoġġu b’mod ċar kemm l-impenn tagħhom kontra l-antisemitiżmu kif ukoll ir-rikonoxximent tal-valuri Lhud fuq l-aġenda tal-politika tagħhom għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

3.9.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Lhud jingħataw rwol ewlieni fil-politiki pubbliċi futuri li għandhom l-għan li jsostnu l-ħajja Lhudija, fl-oqsma kollha identifikati fl-Istrateġija, u li jiġi żgurat li jirċievu appoġġ xieraq minn dawk li jfasslu l-politika biex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom.

4.   Midja

4.1.

Sabiex tiġġieled il-kontenut antisemitiku, il-midja għandha, bħala parti mill-attivitajiet ordinarji tagħha, tieħu azzjoni deċiżiva bbażata fuq il-valuri komuni u tappoġġja bis-sħiħ it-tixrid ta’ kontenut pożittiv, li jirrikonoxxi d-dinjità u d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-persuni ta’ oriġini Lhudija, fejn xieraq permezz ta’ kampanji fuq il-midja soċjali.

4.2.

Ir-rappreżentanza tal-komunitajiet Lhud u tal-membri tagħhom fil-midja tradizzjonali kif ukoll fil-midja soċjali hija, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, limitata ħafna u tiffoka prinċipalment fuq l-impatt tal-vjolenza antisemitika u t-terroriżmu kif ukoll fuq it-tifkira kollettiva tal-Olokawstu fl-Ewropa, li bla dubju huma kollha suġġetti importanti. Madankollu, lil hinn minn dan, ikun interessanti wkoll li jkun hemm aktar kontenut pożittiv, pereżempju l-preżentazzjoni tal-arti tal-ispettaklu Lhudija kontemporanja jew il-festi Lhud, jew il-promozzjoni tal-lingwi Lhud fi spirtu ta’ rikonoxximent tal-importanza tal-ħajja komunitarja fis-soċjetajiet tagħna.

4.3.

Barra minn hekk, lil hinn mill-kultura nnifisha, fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejjin b’mod parallel bosta proġetti u inizjattivi mis-soċjetà ċivili jew mill-komunità Lhudija li jaħdmu lejn Ewropa aktar inklużiva u demokratika, b’kont meħud tal-valuri u l-objettivi tal-UE. Dawn l-inizjattivi jsiru f’diversi oqsma fosthom, iżda mhux biss, il-ġlieda kontra r-razziżmu, id-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u d-diversità kulturali.

4.4.

Fil-fehma tal-KESE, ikun mixtieq, minbarra l-possibbiltà offruta mill-midja soċjali ta’ familjarizzazzjoni mal-valuri tradizzjonali tal-komunità Lhudija u l-espressjonijiet storiċi u reliġjużi tagħhom, li s-soċjetà b’mod ġenerali jkollha idea tal-effetti pożittivi tal-attiviżmu komunitarju Lhudi fuq is-soċjetà kollha kemm hi, li jista’ wkoll ikollu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi (12).

4.5.

Hemm bżonn li jittejbu l-għarfien u l-fehim tal-ħajja Lhudija fil-midja permezz ta’ taħriġ u informazzjoni għall-ġurnalisti, sabiex ir-rappurtar dwar dan is-suġġett ikun aktar ibbilanċjat u aktar sensittiv.

4.6.

Għandu jsir użu b’mod sistematiku fil-midja tal-istrumenti kostituzzjonali u legali Ewropej kollha disponibbli għall-ġlieda kontra l-kontenut antisemitiku. Għal dan il-għan, l-attivitajiet esploratorji sistematiċi għandhom jitwettqu wkoll bil-parteċipazzjoni tal-korpi statali għall-monitoraġġ tal-midja u l-organizzazzjonijiet ta’ kontroll.

5.   Kultura

5.1.

Fil-fehma tal-KESE, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess taċ-ċittadini u tal-pubbliku ġenerali għall-kultura Lhudija, bħala wirt inseparabbli mill-identità Ewropea, u li din titqarreb ħafna lejhom. Dan l-approċċ joffri wkoll opportunità eċċellenti biex jiġi promoss il-fehim reċiproku u komunitarju, prerekwiżit għas-suċċess tal-idea Ewropea, iżda wkoll għall-iżvilupp tal-identità Lhudija u għat-tisħiħ tal-komunitajiet li jqisu lilhom infushom Lhud.

5.2.

L-edukazzjoni fil-kultura Lhudija bħala parti inkontestabbli, integrali u inseparabbli tal-paletta kulturali Ewropea hija dejjem aktar meħtieġa fl-iskejjel, peress li mill-Olokawstu ’l hawn ftit nies kellhom kuntatt ta’ kuljum mal-ħajja Lhudija.

5.3.

Il-KESE huwa konvint li l-wirt kulturali għandu jiġi rikonoxxut, rispettat u promoss bħala realtà ħajja u li qed tevolvi, u mhux bħala sempliċi wirt ta’ passat kompletament mitmum. Għal dan il-għan, hemm il-ħtieġa li jiġu appoġġjati parteċipazzjoni u impenn akbar fil-livell lokali billi jitħeġġu sħubijiet mal-partijiet ikkonċernati.

5.4.

Għalkemm l-Istrateġija ssemmi l-Konvenzjoni ta’ Faro (13), din ma tindirizzax il-kwistjoni tal-applikazzjoni prattika tagħha. Il-qafas u l-linji gwida pprovduti minn din il-konvenzjoni għandhom jiġu trasposti fil-prattika, sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iżvilupp fl-oqsma xjentifiċi, kulturali, artistiċi u edukattivi, biex ma nsemmux it-turiżmu.

5.5.

Il-Kumitat jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali biex jippreżentaw u jiċċelebraw kif suppost il-kontribut tal-Lhud lill-Unjoni Ewropea bħala parti integrali u inaljenabbli mill-kultura komuni tagħna, billi jieħdu ispirazzjoni pereżempju mis-Sena tal-Ħajja u l-Kultura Lhud, inizjattiva li timmarka 1 700 sena ta’ preżenza Lhudija fil-Ġermanja. Jipproponi li jiġu appoġġjati l-Jiem Ewropej tal-Kultura Lhudija, bl-involviment tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa fil-qafas tal-implimentazzjoni u l-estensjoni tal-programm tiegħu ta’ Rotta Kulturali.

5.6.

Fejn ma teżisti l-ebda inizjattiva bħal din, għandhom jiġu stabbiliti standards u linji gwida nazzjonali biex jiġi ssalvagwardjat u jinżamm il-wirt kulturali Lhudi u jerġa’ jitqajjem, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dan il-għan. Għandhom jiġu appoġġjati l-preżenza tal-kultura Lhudija fid-djalogu interkulturali u l-preżentazzjoni tagħha.

5.7.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jiġu implimentati strateġiji ta’ salvagwardja tal-wirt integrati fit-tul, ibbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u li jiddependu fuq approċċ multidixxiplinari, u li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ strumenti finanzjarji. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-partijiet ikkonċernati rilevanti (komunitajiet lokali, muniċipalitajiet, voluntiera, attivisti, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, komunitajiet reliġjużi Lhud, knejjes, istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali, awtoritajiet pubbliċi), biex jiġu definiti metodi ta’ informazzjoni, parteċipazzjoni u konsultazzjoni, biex jiġu identifikati opportunitajiet għal kooperazzjoni u sħubijiet u biex jiġu appoġġjati b’mod sistematiku dawn il-proċessi. Huwa essenzjali li tiġi assoċjata b’mod permanenti l-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Salvagwardja u l-Promozzjoni tal-Kultura u l-Wirt Lhudi (AEPJ), l-akbar organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-wirt Lhudi fl-Ewropa.

6.   Diskors u reati ta’ mibegħda u sigurtà

6.1.

Qafas leġiżlattiv ċar u sod, li jindirizza b’mod sistematiku d-diskors ta’ mibegħda u l-fenomeni konnessi, bħall-kwistjoni tad-diżinformazzjoni, huwa element essenzjali u indispensabbli tal-ordinament ġuridiku Ewropew, iżda fih innifsu mhuwiex risposta suffiċjenti. Dan għandu jkun akkumpanjat minn għodod edukattivi u programmi fuq skala kbira li jistgħu jilħqu liċ-ċittadini u li, fost affarijiet oħra, jippromovu l-kompetenza diġitali u l-litteriżmu fl-informazzjoni, jinkorporaw il-valuri ta’ ċittadinanza responsabbli u joffru taħriġ kontra l-preġudizzju u d-diżinformazzjoni, sabiex tinbena kultura ta’ fehim reċiproku.

6.2.

Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li jiġu mifhuma l-għeruq u l-kawżi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra l-persuni u l-komunitajiet Lhud, sabiex ikun hemm azzjoni effikaċi mhux biss mill-ġustizzja kriminali, iżda wkoll permezz ta’ sistema aktar effettiva ta’ interventi mill-komunità u s-soċjetà, fosthom billi jiġu promossi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni, jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-għoti ta’ taħriġ lill-gruppi fil-mira biex ikunu jistgħu jirrikonoxxu d-diskors u r-reati ta’ mibegħda u jitħeġġu jirreaġixxu, kif ukoll billi dawn l-organizzazzjonijiet jiġu pprovduti b’appoġġ u finanzjament għall-monitoraġġ, il-ġbir ta’ informazzjoni u r-rappurtar fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

6.3.

Il-KESE jqis li r-responsabbiltà taċ-ċittadini f’dawn l-oqsma mhijiex uniformi, li għandha fuq kollox tiġi enfasizzata r-responsabbiltà ta’ dawk li l-attivitajiet tagħhom għandhom l-akbar influwenza fuq il-preġudizzju soċjali, u li huma prinċipalment dawn il-persuni li għandhom jiġu opposti jekk ikun meħtieġ, u li jiġu mħarrka fl-aktar każijiet serji. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-atturi politiċi, l-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika u lokali, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-korpi ġudizzjarji. Il-ksur li jwettqu għandu jiġi ttrattat bi prijorità u b’mod adegwat.

6.4.

Hemm il-ħtieġa ta’ aktar taħriġ intern sabiex issir sensibilizzazzjoni f’dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u titwettaq riċerka regolari biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni internament, sabiex ikunu jistgħu jitfasslu politiki biex jenfasizzaw il-preġudizzji possibbli fi ħdan il-forza tax-xogħol u biex titjieb is-sitwazzjoni.

6.5.

Il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi aktar fil-fond tas-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà u t-theddid għall-ħajja Lhudija fil-qafas tal-FRA. Fl-istess ħin, tentattivi ta’ diżinformazzjoni li, fil-livell ta’ Stat Membru, jimmiraw lejn il-komunità Lhudija u huma bbażati fuq informazzjoni falza jew żbaljata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ atti relatati mar-ritwali, għandhom jiġu investigati u evitati permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni u strumenti ta’ politika pubblika.

6.6.

Għandhom jissaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonalizzati għall-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tal-komunità Lhudija, kif ukoll għandu jiġi pprovdut it-taħriġ meħtieġ biex il-pulizija tkun tista’ tidentifika b’mod preċiż reati bħal dawn u r-raġuni ta’ preġudizzju tagħhom. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (14), għandha tiġi appoġġjata l-kapaċità tal-komunità Lhudija u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi. Għandu jiġi previst ġbir ta’ data uniformi u komprensiv aktar komparabbli fil-livell tal-UE.

6.7.

Iż-żieda tal-populiżmu fuq skala globali tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm ħarsa lejn il-kuntest soċjali usa’ tal-antisemitiżmu meta nfittxu li niġġieldu dan il-fenomenu: il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija, ir-razziżmu, l-antiżingariżmu ħafna drabi jimxu id f’id mal-antisemitiżmu u mhuwiex possibbli li jiġi ttrattat tip wieħed ta’ mibegħda filwaqt li jiġu injorati l-oħrajn. Dawn huma sintomi differenti tal-istess fenomenu soċjali, li ma jistgħux jiġu interpretati jew trattati separatament b’mod effettiv.

6.8.

Il-komunitajiet Lhud tal-Ewropa jiffaċċjaw il-ħtieġa li jsaħħu s-sigurtà madwar l-iskejjel, is-sinagogi u ċ-ċentri tal-komunità tagħhom. L-Istati għandhom jadottaw approċċ globali u komprensiv għal din il-kwistjoni, billi jipprevedu miżuri u/jew finanzjament biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati dawn l-isfidi b’mod li tiġi żgurata s-sigurtà tal-istituzzjonijiet Lhud u tal-ħajja komunitarja Lhudija.

7.   Libertà tar-reliġjon u prattika reliġjuża

7.1.

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha li jiggarantixxu l-libertà taċ-ċittadini li jkollhom twemmin u riti reliġjużi u li jipprattikawhom mingħajr biża’. Intimidazzjoni, bi kwalunkwe mezz jew miżura, kontra r-reliġjonijiet b’mod ġenerali u r-reliġjożità Lhudija b’mod partikolari għandha titqies bħala attakk fuq l-ordinament ġuridiku demokratiku.

7.2.

Id-djalogu interkonfessjonali għandu jkun is-suġġett ta’ strateġiji bbażati fuq il-valuri reali komuni għall-organizzazzjonijiet reliġjużi differenti u ma jiġix ikkunsidrat u implimentat bħala sempliċi ġest ta’ korteżija, u dan l-approċċ jeħtieġ li jiġi appoġġjat permezz ta’ strumenti speċifiċi tal-Istat.

7.3.

Il-komunitajiet Lhud iridu li jitneħħew l-inċertezzi legali li qed jikbru fir-rigward tat-tbiċċir ritwali (Shecita) u ċ-ċirkonċiżjoni (Brit Mila), u li din il-kwistjoni tiġi rregolata b’mod uniformi fil-livell tad-dritt tal-Unjoni. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li dawn il-kwistjonijiet jiġu diskussi b’mod sistematiku mal-komunitajiet Lhud u jiġu riżolti legalment, filwaqt li jirrikonoxxi li huma kienu parti integrali mill-prattika tal-ħajja reliġjuża Lhudija għal eluf ta’ snin, inkluż fl-Ewropa.

8.   Dimensjoni internazzjonali

8.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħti lill-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u lill-programm strateġiku ta’ appoġġ għall-ħajja tal-Lhud dimensjoni qawwija ta’ politika barranija fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

8.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-aspetti internazzjonali ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jqis b’mod partikolari l-istrumenti tal-politika tal-viċinat u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, kif ukoll dawk li jagħmluha possibbli li jqarrbu l-pajjiżi kandidati lejn l-Unjoni, bħala mekkaniżmi xierqa għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-promozzjoni tal-ħajja Lhudija.

9.   Sport

9.1.

Peress li l-isport, u b’mod partikolari l-futbol, minħabba l-popolarità u l-pubbliċità tiegħu, joħloq riskju serju ta’ antisemitiżmu iżda jista’ wkoll ikun għodda essenzjali biex jiġi miġġieled b’mod effettiv dan il-fenomenu, il-KESE huwa konvint li għandhom jiġu żviluppati wkoll rakkomandazzjonijiet b’saħħithom u linji gwida f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, jappoġġja l-linji gwida tal-Gwida għall-Prattiki Tajba tal-FIFA dwar id-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li tista’ tkun ukoll referenza importanti għall-Istrateġija.

9.2.

Huwa importanti li l-federazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet sportivi jiddefinixxu l-objettivi tagħhom skont it-tema fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-FIFA (regolamenti interni, sanzjonijiet u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, edukazzjoni, networking u kooperazzjoni, komunikazzjoni u opportunitajiet indaqs).

9.3.

Il-KESE jqis li t-taħriġ edukattiv u l-programmi ta’ informazzjoni għall-partitarji, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet għandhom jiġu żviluppati u implimentati b’mod wiesa’, b’impenn ċar min-naħa tagħhom. Taħriġ simili jista’ jiġi impost ukoll bħala parti mis-sanzjonijiet kontra l-partitarji, flimkien mas-sanzjonijiet kriminali jew b’mod indipendenti minnhom.

9.4.

Il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ li jitħejja materjal ta’ tagħlim għall-komunità tal-partitarji sabiex itejbu l-fehim tagħhom tal-kuntest storiku tal-antisemitiżmu fit-tribuni, filwaqt li jikkontribwixxi biex tinħoloq kultura ta’ inklużjoni (15).

9.5.

Il-federazzjonijiet u l-klabbs nazzjonali għandhom jitħeġġu permezz ta’ mezzi sportivi biex jiżviluppaw lilhom infushom, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet lokali kkonċernati, il-pubblikazzjonijiet edukattivi u l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni (16).

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2021) 615 final, Strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija.

(2)  “L-antisemitiżmu huwa ċerta perċezzjoni tal-Lhud, li tista’ tiġi espressa bħala mibegħda lejn il-Lhud. Il-manifestazzjonijiet retoriċi u fiżiċi tal-antisemitiżmu huma diretti lejn individwi Lhud jew mhux Lhud u/jew il-proprjetà tagħhom, lejn istituzzjonijiet tal-komunità Lhudija u l-postijiet ta’ qima”. https://www.holocaustremembrance.com/resources/working-definitions-charters/working-definition-antisemitism.

(3)  Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:12012M/TXT&from=MT

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2021) 615 final, Strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija.

(5)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15213-2018-INIT/mt/pdf

(6)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13637-2020-INIT/mt/pdf

(7)  https://www.noa-project.eu/report-cards/ Il-metodoloġija tivvaluta l-linja ta’ azzjoni ta’ kull Stat Membru f’għaxar oqsma enfasizzati wkoll fl-Istrateġija: l-edukazzjoni, ir-reati ta’ mibegħda, id-diskors ta’ mibegħda, il-midja, it-tifkira tal-Olokawstu, l-isport, id-djalogu interkonfessjonali, il-libertà tar-reliġjon, il-kultura u l-protezzjoni tal-wirt, u s-sigurtà. L-istandards li fuqhom hija bbażata huma kważi kollha bbażati fuq standards, linji gwida, rakkomandazzjonijiet jew linji gwida internazzjonali, approvati mill-istituzzjonijiet tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (pereżempju l-OSCE jew l-Unesco).

(8)  Għalhekk, mis-76 punt imressqa fir-rakkomandazzjoni konġunta fformulata minn disa’ organizzazzjonijiet Lhud Ewropej (B’nai B’rith International, is-CEJI, il-Kungress Dinji Lhudi, il-Kungress Lhudi Ewropew, l-Unjoni Ewropea tal-Istudenti Lhud, l-Unjoni Ewropea tal-Ġudaiżmu Progressiv, l-American Jewish Committee, l-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Salvagwardja u l-Promozzjoni tal-Kultura u l-Wirt Lhudi, B’nai B’rith Europe), 58 huma inklużi fit-test finali tal-Istrateġija.

(9)  Kummenti tal-ftuħ mill-President tal-KESE fl-okkażjoni tad-dibattitu dwar l-antisemitiżmu fil-kuntest tal-Opinjoni SOC/704 dwar “Strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija”, laqgħa tas-Sezzjoni SOC tal-10 ta’ Frar 2022.

(10)  Young Jewish Europeans: perceptions and experiences of antisemitism (“Żgħażagħ Lhud Ewropej: perċezzjonijiet u esperjenzi ta’ antisemitiżmu”), https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2019-young-jewish-europeans_en.pdf.

(11)  https://en.unesco.org/preventing-violent-extremism/education/antisemitism.

(12)  Għal eżempji konkreti ta’ kampanji u proġetti ta’ dan it-tip, ara: https://www.noa-project.eu/profiles/

(13)  https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list?module=treaty-detail&treatynum=199

(14)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52020DC0258

(15)  Pereżempju https://changingthechants.eu/wp-content/uploads/2021/10/Guidelines.ENGpdf.pdf

(16)  Eżempju tajjeb ta’ dan huma l-gwida tal-Klabb tal-Futbol ta’ Chelsea: https://www.efdn.org/wp-content/uploads/2018/05/CFC-CST-KIO-Antisemitism-Stewards-Guide-2018.pdf, kif ukoll l-inizjattiva “Show Racism The Red Card” (“Karta ħamra għar-razziżmu”): https://www.theredcard.org/


Top