Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE5586

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulata)” (COM(2021) 802 final — 2021/0426 (COD))

    EESC 2021/05586

    ĠU C 290, 29.7.2022, p. 114–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 290/114


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulata)”

    (COM(2021) 802 final — 2021/0426 (COD))

    (2022/C 290/18)

    Relatur:

    Mordechaj Martin SALAMON

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 14.2.2022

    Kunsill, 9.2.2022

    Bażi legali

    L-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    10.3.2022

    Adottata fil-plenarja

    23.3.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    568

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    212/6/6

    1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) riformulata, peress li din tindirizza l-isfidi ewlenin identifikati f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE biex tipprovdi għodod sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u jiġi rrimedjat nuqqas strutturali ta’ investiment fit-tul fil-qasam tal-bini, biex b’hekk tissaħħaħ ir-rinnovazzjoni speċjalment tal-bini bl-agħar prestazzjoni u naqbdu t-triq it-tajba lejn tisħin u tkessiħ dekarbonizzati.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ tal-UE biex jinkiseb ambjent mibni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ta’ kwalità għolja u mingħajr l-użu ta’ fossili, peress li l-miżuri fil-livell tal-UE huma aktar effiċjenti biex titħaffef it-tranżizzjoni meħtieġa.

    1.3.

    Il-KESE jqis li ż-żidiet qawwija reċenti fil-prezzijiet għall-enerġija u l-prospettiva ta’ prezzijiet għoljin fuq perjodu ta’ żmien medju wrew li huwa saħansitra aktar importanti li tiġi stabbilita strateġija biex tittaffa u jiġi eliminat il-faqar enerġetiku. Iridu jiġu implimentati miżuri konkreti mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini biex tiġi żgurata akkomodazzjoni deċenti, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu t-tneħħija sikura tal-asbestos.

    1.4.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment ta’ Standards Minimi tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija, speċifikament għall-bini residenzjali bl-agħar prestazzjoni. L-introduzzjoni tal-prinċipju fil-livell tal-UE huwa pass sinifikanti ’l quddiem.

    1.5.

    Il-KESE jitlob li tiġi stabbilita progressjoni aktar komprensiva tar-rekwiżiti għat-titjib mill-bidu nett, bi skeda ta’ żmien aktar ċara u aktar kompluta li twassal sal-2050, biex tħeġġeġ rinnovazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem.

    Peress li l-EBPD innifisha ma tipprovdix finanzjament ġdid u l-kompitu tal-finanzjament tar-rinnovazzjonijiet meħtieġa huwa diffiċli, il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-qafas u l-għodod ipprovduti għall-aċċess għall-finanzi kemm pubbliċi kif ukoll bankarji fl-EBPD ikunu kapaċi jwettqu l-kompitu.

    1.6.

    Meta jitqies ir-rwol ċentrali tagħhom fit-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-bini, il-KESE jilqa’ ż-żieda fir-rekwiżiti, fl-affidabbiltà u fl-użu taċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija (EPCs).

    1.7.

    Il-KESE jilqa’ l-importanza akbar tal-Pjani Nazzjonali għar-Rinnovazzjoni tal-Bini u l-inklużjoni tar-rapportar tal-isforzi min-naħa tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar enerġetiku.

    1.8.

    Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ “Passaport ta’ rinnovazzjoni” tal-bini sal-2024, li jagħti lill-konsumaturi aċċess aktar faċli għall-informazzjoni u kostijiet aktar baxxi meta jippjanaw ir-rinnovazzjoni tal-bini tagħhom.

    1.9.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu inklużi rekwiżiti għar-rapportar dwar l-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu (il-manifattura u l-kostruzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja) tal-bini, peress li l-influwenza klimatika ewlenija minn djar ġodda tista’ tiġi mill-materjali u mill-isforz tal-kostruzzjoni. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-definizzjoni ta’ “bini b’emissjonijiet żero” tippermettilu jinteraġixxi bl-aħjar mod mas-sistemi tal-enerġija tal-madwar u jinkludi l-emissjonijiet tal-gassijiet serra inkorporati kollha. Il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom jinftiehmu bħala għodod ta’ gwida speċifiċi għall-proġett li jqabblu għażliet differenti ta’ materjali u tekniki.

    1.10.

    Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ proċess komunitarju reali għat-taħriġ u t-titjib fis-snajja’ tal-bini.

    2.   Sfond

    2.1.

    Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (riformulazzjoni) (EPBD) fil-kuntest tal-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Fi ħdan l-istrateġija “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-EPBD issegwi l-Istrateġija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, li stabbiliet l-għan li minn tal-anqas tirdoppja r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini sal-2030, u enfasizzat il-ħtieġa għall-miżuri regolatorji, ta’ finanzjament u ta’ abilitazzjoni meħtieġa.

    2.2.

    L-EPBD tipprova tipprovdi l-miżuri u l-għodod meħtieġa fi ħdan it-tliet oqsma ta’ prijorità tal-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, jiġifieri l-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-bini bl-agħar prestazzjoni; il-bini pubbliku u l-infrastruttura soċjali li juru t-triq li għandna nsegwu; u d-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ.

    2.3.

    Qed tiġi proposta sensiela ta’ bidliet u żidiet fl-EPBD attwali, b’mod partikolari:

    Mill-2030 ’il quddiem, il-bini l-ġdid kollu jrid ikun b’emissjonijiet żero; il-bini pubbliku l-ġdid diġà jrid ikun b’emissjonijiet żero sal-2027.

    Rekwiżit ġdid huwa impost fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-bini kollu li jkun proprjetà ta’ korpi pubbliċi u l-bini mhux residenzjali kollu jiġi aġġornat mill-inqas għall-klassi F tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2027 u mill-inqas għall-klassi E sal-2030. Il-bini residenzjali kollu jrid jiġi aġġornat ukoll mill-inqas għall-klassi F sal-2030 u mill-inqas għall-klassi E sal-2033. Minħabba l-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-klassijiet tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, ir-rekwiżiti se jwasslu għal aġġornament ta’ aktar minn 15 % tal-istokk tal-bini sal-2033.

    L-obbligu li jkun hemm EPC huwa estiż għall-bini li jkun għaddej minn rinnovazzjoni kbira, għall-bini li għalih jiġġedded kuntratt ta’ kiri u għall-bini pubbliku kollu. Il-bini jew l-unitajiet tal-bini li jiġu offruti għall-bejgħ jew għall-kiri jrid ikollhom EPC, li jrid jiġi ddikjarat fir-reklamar kollu.

    Il-Pjani Nazzjonali għar-Rinnovazzjoni tal-Bini se jiġu integrati bis-sħiħ fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima biex jiġu żgurati l-komparabbiltà u t-traċċar tal-progress — inklużi pjani direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili fit-tisħin u t-tkessiħ sa mhux aktar tard mill-2040.

    “Passaport ta’ rinnovazzjoni” tal-bini se jagħti aċċess għal informazzjoni u kostijiet aktar baxxi għall-konsumaturi biex jiffaċilitaw l-ippjanar tagħhom u rinnovazzjoni gradwali lejn livell ta’ emissjonijiet żero.

    L-Istati Membri huma mistiedna jinkludu kunsiderazzjonijiet ta’ rinnovazzjoni fir-regoli ta’ finanzjament pubbliku u privat u jistabbilixxu strumenti adegwati, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi bi dħul baxx.

    Ġiet introdotta klawżola ta’ estinzjoni għall-inċentivi finanzjarji biex jintużaw il-fjuwils fossili fil-bini.

    Trid tiġi stabbilita infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u tal-ispazju għall-parkeġġ tar-roti.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) riformulata, peress li din tqis l-isfidi ewlenin identifikati f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE biex tipprovdi għodod sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, jiġi rrimedjat nuqqas strutturali ta’ investiment fit-tul fil-qasam tal-bini, biex b’hekk tissaħħaħ ir-rinnovazzjoni speċjalment tal-bini bl-agħar prestazzjoni u naqbdu t-triq it-tajba lejn tisħin u tkessiħ dekarbonizzati.

    3.2.

    Il-problema ta’ bini ftit jew moderatament iżolat li jiddependi fuq il-fjuwils fossili għat-tisħin u t-tkessiħ hija mifruxa mal-UE kollha. Fin-nuqqas ta’ politiki kkoordinati fil-livell tal-UE, hemm riskju li l-Istati Membri ma jiħdux azzjoni suffiċjenti minħabba tħassib dwar kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    3.3.

    Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta tal-Kummissjoni ta’ approċċ tal-UE biex jinkiseb ambjent mibni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ta’ kwalità għolja u mingħajr l-użu ta’ fossili. Il-miżuri fil-livell tal-UE huma aktar effiċjenti fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, approċċ konġunt fil-livell tal-UE jgħin biex jinkisbu l-benefiċċji tas-suq intern, bħall-ekonomiji ta’ skala u l-kooperazzjoni teknoloġika bejn l-Istati Membri. Dan jikkontribwixxi wkoll għal aktar ċertezza għall-investituri u b’mod ġenerali jirfed ir-rwol ewlieni li l-Ewropa u l-kumpaniji Ewropej jista’ jkollhom bħala dawk li jistabbilixxu l-istandards globali u li jkunu fuq quddiem nett f’dan il-qasam.

    3.4.

    Il-KESE jqis li ż-żidiet qawwija reċenti fil-prezzijiet għall-enerġija u l-prospettiva ta’ prezzijiet għoljin mill-inqas fuq terminu medju wrew li huwa saħansitra aktar importanti li tiġi stabbilita strateġija biex jittaffa u jiġi eliminat il-faqar enerġetiku. Filwaqt li fl-2018, 6,8 % tan-nies madwar l-UE (30,3 miljun) ma setgħux ilaħħqu mal-kontijiet tal-utilitajiet, u għalhekk kienu f’riskju li jkollhom il-provvista tagħhom maqtugħa, l-iżviluppi reċenti aggravaw din il-problema. Fil-perjodu fit-tul għandhom jittieħdu miżuri konkreti mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini biex tiġi żgurata akkomodazzjoni deċenti, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd. Dan huwa aktar u aktar urġenti, peress li l-kostijiet għat-tisħin u t-tkessiħ ibbażati fuq il-fjuwils fossili se jiżdiedu permezz ta’ kostijiet dejjem ogħla tal-kwoti tal-ETS.

    3.5.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment ta’ Standards Minimi tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija, speċifikament għall-bini residenzjali bl-agħar prestazzjoni. L-introduzzjoni tal-prinċipju fil-livell tal-UE huwa pass sinifikanti ’l quddiem. Madankollu, huwa f’idejn l-Istati Membri jekk il-bqija tal-massa tal-bini residenzjali għandhiex tkun koperta minn standards stabbiliti fil-livell nazzjonali.

    3.6.

    Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-enfasi fuq l-eradikazzjoni tal-faqar enerġetiku permezz ta’ rinnovazzjoni prijoritizzata tal-parti bl-agħar prestazzjoni tal-istokk tal-bini residenzjali, dan ma għandux iwassal għal nuqqas ta’ titjib għall-bini residenzjali l-ieħor. Għalhekk, il-KESE jitlob li tiġi stabbilita progressjoni aktar komprensiva tar-rekwiżiti għat-titjib mill-bidu nett, bi skeda ta’ żmien aktar ċara u aktar kompluta li twassal sal-2050. Dan se jagħti wkoll lis-sidien tal-bini l-għarfien intwittiv dwar rekwiżiti futuri sabiex jippjanaw ir-rinnovazzjoni għal livell ottimali ta’ kostijiet.

    3.7.

    Peress li ċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija (EPCs) qed isiru għodda ċentrali għall-atturi kollha, l-affidabbiltà u l-użu tagħhom għandhom jittejbu. Għalhekk, il-KESE jilqa’ d-domandi akbar biex ikun hemm titjib fil-kwalità lejn format diġitali, kontenut u metodi ta’ kalkolu ta’ kwalità tajba u dettaljati, affordabbiltà, u aċċess għall-EPCs u l-pubblikazzjoni tagħhom. EPC f’format stampat għandu dejjem ikun disponibbli għaċ-ċittadini li jeħtieġu wieħed.

    3.8.

    Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-isforzi ta’ kull Stat Membru biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku fil-Pjani Nazzjonali għar-Rinnovazzjoni tal-Bini, fejn dawn se jirrapportaw dwar it-tnaqqis tan-numru ta’ persuni affettwati mill-faqar enerġetiku u s-sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’abitazzjoni mhux adegwata (eż. ħitan jew soqfa li jnixxu) jew b’kundizzjonijiet inadegwati ta’ kumdità termali.

    3.9.

    Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ “Passaport ta’ rinnovazzjoni” tal-bini sal-2024 iżda jiddubita l-effett tiegħu, peress li mhuwiex obbligatorju. Il-Passaport se jagħti aċċess aktar faċli lill-konsumaturi għall-informazzjoni u kostijiet aktar baxxi meta jippjanaw ir-rinnovazzjoni tal-bini tagħhom. Bħala żvilupp pożittiv, huwa jinkludi ukoll benefiċċji usa’ relatati mas-saħħa, il-kumdità u r-rispons tal-bini għat-tibdil fil-klima.

    3.10.

    Minħabba l-inabbiltà mifruxa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ finanzjament biex tinbeda r-rinnovazzjoni fost dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku u wkoll għal ħafna sidien ta’ djar żgħar, il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-qafas u l-għodod ipprovduti fl-EBPD għall-finanzjament ikunu kapaċi jwettqu l-kompitu. Dan irid jinkludi spjegazzjonijiet u gwida ċari fl-aspetti finanzjarji tar-rinnovazzjoni, inkluż l-użu tal-krediti fil-livell lokali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-talba tiegħu f’(TEN/723) biex l-iskemi diversi jiġu unifikati sabiex isiru aktar ċari u aktar aċċessibbli għall-unitajiet domestiċi u l-awtoritajiet pubbliċi fil-mira tagħhom.

    3.11.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li fir-rekwiżiti tal-EPBD jiġu inklużi r-rekwiżiti għar-rapportar dwar l-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu (il-manifattura u l-kostruzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja) tal-bini. Meta jinbena bini ġdid b’użu baxx ta’ enerġija, l-influwenza klimatika ewlenija tista’ ma tiġix mill-użu tal-bini iżda mill-materjali u mill-isforz tal-kostruzzjoni. Il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom jinftiehmu bħala għodod ta’ gwida speċifiċi għall-proġett li jqabblu għażliet differenti ta’ materjali u tekniki.

    3.12.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-mod kif jiġi definit “bini b’emissjonijiet żero” jippermettilu jinteraġixxi bl-aħjar mod mas-sistemi tal-enerġija tal-madwar u jinkludi l-emissjonijiet integrati ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ materjali tal-bini u s-sit tal-kostruzzjoni.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Filwaqt li l-EBPD fiha innifsha ma tipprovdix finanzjament ġdid, din tistabbilixxi rekwiżiti għal-livelli ta’ finanzjament u l-koordinazzjoni tal-isforzi finanzjarji tal-Istati Membri biex jinħoloq qafas legali u finanzjarju mfassal apposta, inkluż appoġġ finanzjarju mmirat. Madankollu, il-KESE jistaqsi jekk il-finanzjament fir-realtà huwiex se jsir faċilment disponibbli għar-rinnovaturi prospettivi u jaħseb li mhuwiex ċar jekk l-isforz ta’ finanzjament totali f’kull Stat Membru hux se jkun biżżejjed biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tar-rinnovazzjoni.

    4.2.

    Illum, il-finanzjament u l-għotjiet ħafna drabi jistgħu jiġu żborżati biss ladarba titlesta r-rinnovazzjoni tal-enerġija, u b’hekk ikun diffiċli għal ħafna konsumaturi biex jibdew ix-xogħol. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li t-test jiddikjara li l-iskemi ta’ finanzjament jeħtieġ li jipprovdu mill-inqas parti mill-ispejjeż inizjali li jiffaċċjaw il-konsumaturi.

    4.3.

    Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu (TEN/749) biex sehem sostanzjali mis-37 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li huma delimitati għall-proġetti ekoloġiċi jiġi allokat għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’konformità mad-domanda reali u l-ħtieġa f’kull Stat Membru.

    4.4.

    Il-KESE jemmen li huwa ċentrali għas-suċċess tal-EPBD li l-Istati Membri ikunu meħtieġa jaġġustaw l-oqfsa regolatorji li mhumiex adatti għall-iskop tagħhom u jneħħu l-ostakli mhux ekonomiċi li, b’mod speċjali l-problema ta’ inċentivi kondiviżi, ixekklu r-rinnovazzjoni għal ħafna sidien u kerrejja tad-djar. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li tiġi inkluża protezzjoni li tħares lill-kerrejja minn livelli ta’ kera sproporzjonati wara r-rinnovazzjoni, jew permezz ta’ appoġġ fil-kera jew limiti fuq iż-żidiet fil-kera.

    4.5.

    Il-KESE jqis li reviżjoni tal-Artikoli fid-Direttiva relatata maċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija (EPCs) missha ilha li saret. L-esperjenza bl-EPCs madwar l-Ewropa tindika għadd ta’ aġġustamenti meħtieġa, li wħud minnhom jinsabu fil-proposta attwali.

    4.6.

    Il-KESE jirrikonoxxi bħala pass ’il quddiem li l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-kwalità, l-affidabbiltà u l-affordabbiltà tal-EPCs, u jridu jwettqu kontrolli u jistabbilixxu sistema ta’ kontrolli li tiffunzjona tajjeb.

    Il-KESE jqis bħala titjib siewi l-perjodu mnaqqas ta’ validità tal-EPC għal ħames snin għall-istokk tal-bini bl-aktar prestazzjoni baxxa, il-ħtieġa li l-esperti jkunu kkwalifikati jew iċċertifikati u indipendenti u r-rekwiżit espliċitu li tiġi inkluża żjara fuq il-post qabel ma jinħareġ l-EPC.

    4.7.

    Il-KESE jipproponi li l-EPC isir aktar utli għall-konsumaturi billi tiġi inkluża informazzjoni dwar

    (a)

    it-tul tal-ħajja li jifdal tas-sistema tat-tisħin, il-kost medju tax-xogħlijiet, u;

    (b)

    informazzjoni ta’ kuntatt tal-eqreb punt uniku ta’ servizz;

    4.8.

    Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu ssemplifikati fil-livell tal-UE l-klassijiet tar-rendiment (A-F) fi ħdan l-EPC u l-istabbiliment ta’ mudelli komuni. Ir-rekwiżiti biex jiġu stabbiliti bażijiet tad-data aċċessibbli faċilment fil-livell nazzjonali għall-EPCs, għall-passaporti ta’ rinnovazzjoni tal-bini u għall-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza, flimkien mat-trasferiment ta’ informazzjoni minn bażijiet tad-data nazzjonali għall-Osservatorju tal-Istokk Immobiljari, huma wkoll pożittivi.

    4.9.

    Il-KESE jinnota li hemm bżonn ta’ koerenza bejn il-Passaport ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini u ċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija biex jiġu evitati s-sensji u l-kostijiet addizzjonali mhux meħtieġa.

    4.10.

    Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu (TEN/723) għal aktar tisħiħ tal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku u l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Osservatorju tal-Istokk Immobiljari.

    4.11.

    Għaċ-ċittadini Ewropej, l-aċċess għall-pariri, l-informazzjoni, l-assistenza fl-ippjanar u l-gwida finanzjarja se jkunu kruċjali. Fil-preżent, huwa stmat li l-punti uniċi ta’ servizz jgħinu biss madwar 100 000 sid tad-djar fis-sena biex jirrinnovaw l-enerġija, filwaqt li l-potenzjal fl-2030 jista’ jkun ta’ madwar 2 000 000 sid fis-sena (1). Il-KESE jappella għal żvilupp u koordinazzjoni nazzjonali aħjar ta’ dawn il-punti uniċi ta’ servizz, il-finanzjament adegwat tagħhom, il-kondiviżjoni transfruntiera tal-aħjar prattiki u segwitu aktar mill-qrib min-naħa tal-Kummissjoni.

    4.12.

    Il-KESE jappoġġja t-twessigħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ Pjan Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini u jipproponi li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jissemmew b’mod speċifiku, minħabba li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu valutazzjoni u feedback dwar kemm il-programmi u l-istrumenti finanzjarji jilħqu tajjeb lill-konsumaturi.

    4.13.

    Il-KESE jinnota t-tisħiħ tal-Indikatur tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza (Smart Readiness Indicator — SRI) billi jistabbilixxi d-definizzjonijiet, ir-rekwiżiti u l-kondiviżjoni meħtieġa tad-data iżda jesprimi dispjaċir li l-bini residenzjali għadu mhux qed jiġi inkluż u li l-livelli li għandhom jintlaħqu għadhom ma ġewx introdotti.

    4.14.

    Minħabba l-investimenti kbar, l-innovazzjonijiet mistennija u l-livelli ogħla ta’ attività fis-setturi rilevanti, il-ħtieġa għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, imġedda u mtejba se tikber b’mod konsiderevoli. Għalhekk, il-KESE jilqa’ r-rekwiżit għall-Istati Membri biex jippromovu u jiffinanzjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jiżguraw forza tax-xogħol b’ħiliet fis-settur tal-bini, u r-rekwiżit korrispondenti li tiġi rrapportata ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli fil-Pjan Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini. Il-KESE jitlob l-implimentazzjoni ta’ proċess komunitarju reali għat-taħriġ u t-titjib tal-kwalità fis-snajja’ tal-bini.

    4.15.

    Il-KESE jtenni t-talba tiegħu (CCMI/166) lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-sustanzi perikolużi jitneħħew matul ir-rinnovazzjoni tal-bini, u jenfasizza l-ħtieġa għat-tneħħija sikura tal-asbestos.

    4.16.

    Fid-dawl tad-domanda aktar aċċellerata għal infrastruttura tal-iċċarġjar li diġà qed naraw illum, il-KESE jipproponi li jiżdied il-livell ta’ rekwiżiti, inkluża l-installazzjoni ta’ punti ta’ ċċarġjar intelliġenti f’bini mhux residenzjali aktar kmieni, possibbilment qabel l-2027.

    4.17.

    L-għoti ta’ informazzjoni, pariri u finanzjament għar-rinnovazzjoni x’aktarx li jseħħ lokalment u b’mod reġjonali. Barra minn hekk, l-EPBD tipprevedi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu minn ta’ quddiem fit-titjib tal-bini tagħhom. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa importanti li l-attenzjoni u l-isforz fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jkunu inklużi fil-koordinazzjoni u fl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jeħtieġ li jesploraw ukoll il-potenzjal ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki.

    4.18.

    Sabiex l-isforzi jmorru lil hinn mir-rapportar u mill-azzjoni li tixpruna l-impatt fuq il-klima qabel l-2030, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi valuri massimi sew qabel l-2030 għall-emissjonijiet tas-CO2 għal kull metru kwadru fis-sena, aġġustati għaż-żoni klimatiċi.

    4.19.

    Il-KESE jappoġġja t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli” biex tinkludi aktar sorsi tal-enerġija, speċjalment l-enerġija ambjentali li tintuża minn apparati elettriċi bħall-pompi tas-sħana, iżda jissuġġerixxi li l-bijomassa u l-bijogass jiġu definiti bħala parzjalment rinnovabbli minħabba li parti żgħira ħafna biss mill-bijomassa użata jew mill-bijogass prodott jistgħu jitqiesu bħala kompletament rinnovabbli. Għal użu limitat f’perjodu tranżitorju, fejn ma jeżistux alternattivi, din id-definizzjoni usa’ tista’ tinkludi wkoll l-enerġija likwida rinnovabbli (bijofjuwils u fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika). Jista’ jiġi introdott anness ġdid għad-Direttiva fejn jiġi ddeterminat l-impatt klimatiku ta’ forom differenti ta’ bijomassa, tal-produzzjoni tal-bijogass u tal-enerġija likwida.

    4.20.

    Minbarra l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara lill-klima u minkejja t-trasportatur tal-enerġija, is-sustanzi klassiċi li jniġġsu l-arja ma għandhomx jiġu injorati, bħal materja partikolata/trab fin, in-NOx u oħrajn.

    4.21.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-effetti prattiċi tal-użu tad-definizzjoni magħżula ta’ “bini b’emissjonijiet żero”, bħala bini b’rekwiżit ta’ enerġija baxxa u fejn l-enerġija kollha meħtieġa għandha tiġi prodotta fuq il-post jew fis-sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali konnessi. Id-definizzjoni

    (a)

    tirregola fil-prinċipju l-bini bħala “gżira” li ma għandhiex konnessjoni tajba mas-sistema tal-elettriku tal-madwar, peress li hija permessa biss b’mod espliċitu firxa limitata ta’ sorsi esterni tal-enerġija rinnovabbli;

    (b)

    ma tinkludix l-emissjonijiet inkorporati ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ materjali tal-bini u l-emissjonijiet mis-sit tal-kostruzzjoni.

    4.22.

    Il-KESE jipproponi li l-elettriku prodott esternament minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli ikun fuq l-istess livell tal-produzzjoni tal-elettriku fuq il-post għal bini b’emissjonijiet żero. Il-“klawżola ta’ ħruġ” fl-Anness III, fi tmiem il-paragrafu I, mhux se tipprovdi l-mezzi ġenerali biex ikun hemm bidla kosteffiċjenti fil-livell nazzjonali b’mod li jsir effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u biex is-sistemi tal-enerġija jiġu pprovduti b’enerġija rinnovabbli. L-espansjoni tas-sistema tal-enerġija ġenerali b’unitajiet kbar hija ħafna orħos għal kull unità ta’ enerġija prodotta minn unitajiet żgħar fuq kull bini. Dan huwa partikolarment importanti għal perjodi li matulhom il-produzzjoni tal-bini stess ma tkunx qed issir (xemx/riħ). Barra minn hekk, il-flessibbiltà fir-rigward tas-sistema tal-elettriku se tnaqqas il-kostijiet kemm fi ħdan il-bini kif ukoll fis-sistema kollha kemm hi.

    4.23.

    Il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf l-għoti ta’ sussidji għall-installazzjonijiet tal-fjuwils fossili mill-2027 ’il quddiem. Il-KESE huwa sorpriż b’dan, minħabba li perjodu ta’ deprezzament raġonevoli ta’ 15-il sena jfisser li l-installazzjonijiet se jkunu ssussidjati u se jkunu jridu jitneħħew gradwalment sa mhux aktar tard mill-2040. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-iskadenza titressaq ’il quddiem sa mhux aktar tard mill-2025.

    Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/423a4cad-df95-11eb-895a-01aa75ed71a1/language-mt


    Top