This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE3294
Opinion of the European Economic and Social Committee on Key components of sustainable quality work during and after recovery (Exploratory opinion at the request of the Slovenian Presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)
EESC 2021/03294
ĠU C 517, 22.12.2021, p. 23–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 517/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)
(2021/C 517/04)
Relatur: |
Andrej ZORKO |
Talba mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill |
Ittra tad-19.3.2021 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
7.9.2021 |
Adottata fil-plenarja |
23.9.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
563 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
146/24/54 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja. Il-prinċipju tal-kwalità tax-xogħol għall-kwalità tal-ħajja għandu jiġi segwit, peress li dan huwa prerekwiżit għal żvilupp soċjali sostenibbli. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan għandu jingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li jrid jipprevjeni r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta. |
1.2. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-problemi u l-isfidi li jeżistu fil-qasam tax-xogħol ta’ kwalità għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030. L-istandards internazzjonali tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti (1) għandhom jiġu kkunsidrati wkoll, flimkien mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2). Għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali, fil-kuntest tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, biex jidentifikaw u jsibu soluzzjonijiet għall-bidliet li ġew aċċellerati mill-pandemija fis-suq tax-xogħol, f’livelli adatti u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali. |
1.3. |
Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ aktar ambizzjuż biex jappoġġjaw, jikkoordinaw u jimplimentaw l-isforzi lejn politiki attivi tas-suq tax-xogħol filwaqt li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u jiżguraw ambjent kummerċjali sostenibbli u kompetittiv għall-kumpaniji fl-ekonomija globali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jiggwida l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ewropa soċjali, il-ġustizzja soċjali u l-irkupru sostenibbli. |
1.4. |
Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza tal-pandemija fil-qasam tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, jistgħu jimmonitorjaw il-funzjonament, jew fejn xieraq, ir-reviżjoni tar-Regolamenti eżistenti, u jiżviluppaw politiki adegwati biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità deċenti u sostenibbli. Dan jista’ jinkludi l-ħarsien tal-ħaddiema u l-organizzazzjoni tax-xogħol xierqa li jwassal għal produttività u innovazzjoni ogħla, filwaqt li jiġu promossi l-elementi pożittivi tad-diġitalizzazzjoni, inkluż il-ħtieġa tal-ħaddiema għal taħriġ diġitali biex tiġi promossa l-impjegabbiltà tagħhom (3). Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-iżgurar li l-partijiet interessati kollha jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda, permezz ta’ konsultazzjoni u negozjati mal-ħaddiema u l-impjegaturi. |
1.5. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari fi ħdan is-Semestru Ewropew imsaħħaħ u mekkaniżmi eżistenti oħrajn, biex tistabbilixxi mekkaniżmi ġodda u/jew (4) tkompli tidentifika l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fuq terminu medju u twil. Dan jippermetti lill-Istati Membri, li jinvolvu b’mod attiv lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiżviluppaw ippjanar u implimentazzjoni aktar fit-tul tal-politiki dwar l-impjiegi, inkluż l-ippjanar għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema u l-għoti ta’ soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet. Huwa importanti wkoll li jissaħħu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-kooperazzjoni tagħhom mas-settur privat sabiex jgħinu fl-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol b’mod aktar effettiv. |
1.6. |
Il-KESE jtenni li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) jeħtieġ li jkunu effettivi u mmirati sabiex jinkisbu riżultati tajbin fil-qasam tal-impjieg (5) u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jippromovu xogħol ta’ kwalità. Il-KESE jenfasizza wkoll l-appoġġ tiegħu għal approċċ gradwali lejn standards minimi komuni fil-qasam tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad sabiex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità fl-Istati Membri (6). |
1.7. |
L-Istati Membri għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw kemm parteċipazzjoni adegwata (governanza kollettiva) fil-proċessi tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-impjieg jew tas-suq tax-xogħol. |
1.8. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex isaħħu d-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Jirrakkomanda wkoll li wieħed jikkapitalizza fuq il-kontenut tradizzjonali tad-djalogu soċjali biex jinkludi kontenut ieħor aktar strateġiku orjentat lejn is-sostenibbiltà u s-soluzzjonijiet. Dan ikun, pereżempju, l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri tal-kumpaniji u tal-ħaddiema b’ċerti kompetenzi u ħiliet, attivitajiet konġunti għat-taħriġ tal-ħaddiema, l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn l-ekonomiji diġitali u ekoloġiċi, u r-regolamentazzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbilanċjati għax-xogħol tal-pjattaformi, u kwistjonijiet simili importanti fil-qasam tal-iżvilupp. |
1.9. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-imsieħba soċjali u l-ftehimiet kollettivi biex jinżamm il-bilanċ tas-suq tax-xogħol. Taħriġ adatt għall-imsieħba soċjali huwa kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu soċjali (7). Dan qed juri li huwa kemm punt kritiku kif ukoll punt ewlieni għall-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu soċjali, li għandu jaħdem ukoll biex jiżgura xogħol ta’ kwalità sostenibbli. |
1.10. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ li jinħoloq ambjent ta’ fiduċja fid-djalogu soċjali, li tiġi rikonoxxuta l-importanza tiegħu u li l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn jiġu involuti fil-ħin fil-formulazzjoni tal-miżuri u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu, fejn adegwat u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp. Qafas b’saħħtu għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata b’mod xieraq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali filwaqt li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol (8). |
1.11. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tagħti kontribut pożittiv għat-tisħiħ u l-iżgurar tal-kwalità tax-xogħol u tar-rwol tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk jipproponi li l-Kummissjoni torganizza laqgħat annwali mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex tikseb fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri, ikun jagħmel sens li l-konsultazzjonijiet jitwettqu separatament u jiġu fformulati linji gwida u rakkomandazzjonijiet b’mod konġunt biex il-Faċilità tibqa’ tiġi implimentata b’suċċess. |
1.12. |
Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din il-parti tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli, bħall-ħaddiema prekarji u dawk żgħażagħ, li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija, ma għandhomx jiġu injorati. |
1.13. |
Il-KESE jappella biex issir riċerka ħalli jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol matul il-perjodu ta’ rkupru. Jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-bidliet fil-mudelli tan-negozju li għandhom impatt fuq il-mod kif jitwettaq ix-xogħol u fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’enfasi partikolari fuq id-diskrepanzi fil-ħiliet u t-tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol. L-implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni tax-xogħol u aspetti importanti oħrajn tax-xogħol ta’ kwalità għandhom jiġu esplorati u eżaminati bir-reqqa, u jeħtieġ li jitqiesu kemm is-soluzzjonijiet pożittivi kif ukoll il-perikli tad-diġitalizzazzjoni rapida. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu d-diversità tal-pajjiżi u l-konsegwenzi tal-pandemija kemm għas-soċjetà kif ukoll għas-suq tax-xogħol. Il-bidliet jeħtieġ li jiġu evalwati bl-użu ta’ approċċ olistiku. |
2. Kuntest
2.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi d-diversità u n-natura multidimensjonali tal-kunċett ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli, u jirrimarka li dan huwa magħmul minn diversi komponenti li jaffettwaw direttament jew indirettament il-kwalità tal-ħajja tan-nies, id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà soċjali tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li min iħaddem u l-Istati Membri għandhom rwol ċentrali fl-iżgurar ta’ xogħol ta’ kwalità, inkluż il-promozzjoni tal-ħiliet, impjieg ta’ kwalità, forom ġodda u differenti ta’ xogħol, is-sigurtà, il-benesseri tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni tidher li hija konxja ta’ dan, minħabba li ammont konsiderevoli ta’ programmi u assistenza finanzjarja matul il-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-programm SURE, kienu mmirati kemm lejn l-irkupru ekonomiku kif ukoll lejn iż-żamma tas-sigurtà soċjali tan-nies. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea mhumiex possibbli mingħajr il-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jiġi żgurat ambjent kompetittiv għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija globali u li l-irkupru ekonomiku u dak soċjali għandhom jimxu id f’id. |
2.2. |
Il-KESE jemmen li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali li jippjanaw u jimplimentaw miżuri biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità sostenibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati strateġija u miżuri li jiżguraw xogħol ta’ kwalità sostenibbli malajr kemm jista’ jkun abbażi tal-isforzi komuni mill-atturi rilevanti kollha. |
2.3. |
L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ġusti u kompetittivi għall-ekonomija Ewropea, l-investiment fl-innovazzjoni u l-iżvilupp, il-prevenzjoni tad-dumping soċjali, l-inkoraġġiment tal-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u inċentivi adatti għandhom ikunu komponenti ewlenin tal-istrateġiji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex il-kwalità tax-xogħol tittejjeb. |
2.4. |
Taħt il-kundizzjonijiet tajba, in-negozju Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal prosperità sostenibbli, aktar impjiegi ta’ kwalità tajba u benesseri msaħħaħ. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet ta’ qafas favorevoli speċjalment fir-rigward tal-iżgurar ta’ provvista affidabbli ta’ enerġija, forza tax-xogħol tas-sengħa, infrastruttura tajba tat-trasport, u swieq tax-xogħol effettivi. |
2.5. |
Il-kunċett ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli huwa wieħed mill-komponenti essenzjali tal-kwalità tal-ħajja u għandu jitqies flimkien mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, u jeħtieġ li jitqies ukoll il-kuntest usa’ ta’ tkabbir u impjieg sostenibbli, b’mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni, li għandhom ikunu ġusti għall-partijiet interessati kollha. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-Opinjonijiet li diġà adotta f’dan il-kuntest. |
2.6. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-Għan 8, adottat mill-193 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015 (9), tista’ tagħti kontribut sinifikanti biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli, filwaqt li jitqiesu wkoll it-tkabbir ekonomiku, u l-impjieg sħiħ u produttiv. Il-Kummissjoni Ewropea, speċjalment matul il-perjodu ta’ rkupru, għandha tiffoka aktar fuq it-tilħiq ta’ dawn l-objettivi u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilħquhom. |
2.7. |
Il-KESE jirrimarka wkoll li l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-pjan ta’ azzjoni relatat, kif ukoll tal-istandards legali internazzjonali rilevanti (10), hija importanti ferm biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli. Il-KESE diġà adotta għadd ta’ Opinjonijiet f’dan il-kuntest, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex, abbażi tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu sehem b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom flimkien mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn. |
2.8. |
Meta jitfasslu miżuri biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli, għandhom jitqiesu l-fatturi varji li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja, l-iżgurar ta’ xogħol deċenti, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-faqar u l-iżgurar tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u, fl-istess ħin, tiġi promossa tranżizzjoni bla xkiel lejn soċjetà u ekonomija diġitali u ekoloġiċi. Dawn il-fatturi kollha għandhom ikunu bbilanċjati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-miżuri. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ kunsens soċjali usa’. |
2.9. |
Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema, l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv. |
2.10. |
Il-KESE jinnota li l-iżgurar ta’ xogħol deċenti huwa wieħed mill-elementi essenzjali biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali jagħtu aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet ta’ xogħol deċenti u ta’ kwalità. |
2.11. |
Il-KESE huwa konxju li l-provvista ta’ komponenti ta’ xogħol ta’ kwalità tiddependi wkoll mir-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej fis-suq globali, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tas-suq intern, diversi mudelli ta’ negozju u politiki ekonomiċi. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-imsieħba soċjali joħolqu kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investimenti sostenibbli u b’hekk jippermettu lill-impjegaturi jipprovdu xogħol ta’ kwalità fuq bażi sostenibbli u jindirizzaw il-prattiki inġusti. L-Istati Membri għandhom jgħinu biex iħaffu din is-sitwazzjoni permezz ta’ diversi inċentivi, politiki u regolamenti adegwati. |
3. COVID-19
3.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-attività ekonomika qed tonqos b’mod asimmetriku matul l-epidemija u li l-mekkaniżmu SURE stabbilit mill-Kummissjoni matul il-pandemija għen biex ikunu preservati għadd kbir ta’ impjiegi. Sabiex jiġu evitati s-sensji u jiġi evitat li s-sigurtà tad-dħul tan-nies tiddeterjora, l-Istati Membri adottaw diversi skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, sussidji tal-pagi għall-impjegati, assenzi bil-permess (eż. ħaddiema f’attivitajiet li ma tħallewx joperaw) b’perċentwal aktar baxx ta’ pagi, diversi miżuri attivi ta’ politika ta’ impjieg, protezzjoni għaż-żgħażagħ u l-anzjani, sussidji li parzjalment jikkumpensaw għat-telf ta’ dħul, u dħul bażiku għal ċerti gruppi ta’ nies, eċċ. Madankollu, il-KESE jenfasizza li dawn il-miżuri temporanji m’għandhomx jinjoraw il-ħtieġa għal politiki ekonomiċi sodi u sostenibbli u l-ħtieġa li l-Istati Membri jimmiraw għall-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi ġodda. |
3.1.1. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma involvietx b’mod attiv u adatt lill-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħrajn bħala kriterju importanti biex isir użu minn dawn il-fondi. F’xi Stati Membri, l-imsieħba soċjali ma kinux involuti b’mod attiv fid-definizzjoni ta’ miżuri u politiki tas-suq tax-xogħol. L-irkupru u l-iżgurar ta’ xogħol ta’ kwalità se jkunu aktar diffiċli f’dawn il-pajjiżi. |
3.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li matul l-epidemija l-mod kif jitwettqu xi attivitajiet tax-xogħol inbidel, bir-riżultat li xi bidliet se jkomplu matul il-perjodu ta’ rkupru u lil hinn minnu. Għalhekk huwa kruċjali li dawn il-bidliet jiġu rikonoxxuti, indirizzati kif xieraq, immonitorjati u żviluppati b’tali mod li tiġi żgurata kwalità ta’ xogħol dejjiema, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet addizzjonali għall-kumpaniji u għall-ħaddiema. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt u l-konsegwenzi tad-diġitalizzazzjoni u tal-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fl-impjiegi. |
3.3. |
Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Għandha tingħata attenzjoni ħalli jkun żgurat li dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti. |
3.4. |
Il-KESE jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjieg b’segwitu tal-kriżi tal-COVID-19, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-politiki tas-suq tax-xogħol b’tali mod li l-investiment fin-nies isir wieħed mill-elementi ewlenin biex tingħeleb il-kriżi, u jeħtieġ li titqies ukoll il-ħtieġa għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri tal-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjieg miftiehma mal-imsieħba soċjali fil-pjani nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. |
3.5. |
Il-KESE jinsab imħasseb li l-benesseri mentali tal-ħaddiema Ewropej iddeterjora b’mod konsiderevoli matul il-pandemija, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li tilfu l-impjieg tagħhom (12). Għalhekk, il-KESE jappella għal approċċ olistiku u konġunt, bil-għan li jgħaqqad flimkien politiki ambizzjużi dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri mentali. |
3.6. |
Il-KESE jtenni l-pożizzjoni u l-proposti li ressaq f’diversi Opinjonijiet (13) dwar kwistjonijiet relatati mal-futur tax-xogħol, id-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol mid-dar, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dak kollu ddikjarat dwar il-kwalità tax-xogħol japplika għal kull min jaħdem, irrispettivament min-nazzjonalità, u dan huwa r-raġuni għaliex l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma importanti. |
3.7. |
Fid-dawl tal-bidliet li ġabet magħha l-pandemija, l-evoluzzjoni parallela tad-diġitalizzazzjoni u l-fatt li l-kwalità tax-xogħol hija affettwata minn ħafna fatturi, din l-Opinjoni tiffoka biss fuq xi aspetti enfasizzati mill-Presidenza Slovena li jeħtieġu attenzjoni partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ xogħol ta’ kwalità. Dawn huma: 1) l-adattament tal-ambjent tax-xogħol għall-popolazzjoni li qed tixjieħ; 2) it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja; 3) l-iżgurar tal-ugwaljanza; 4) l-indirizzar tal-benefiċċji u n-nases tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali; u 5) ir-rwol tal-imsieħba soċjali. |
4. L-adattament tal-ambjent tax-xogħol għall-popolazzjoni li qed tixjieħ
4.1. |
Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ, il-ħajja tax-xogħol qed titwal ukoll fil-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-età effettiva tal-irtirar qed togħla. Dan, min-naħa tiegħu, jeħtieġ il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet adatti tax-xogħol għall-persuni akbar fl-età. Primarjament, dan jirrigwarda l-adattament għall-kapaċitajiet psikofiżiċi tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-bażi tal-ħiliet tagħhom tibqa’ aġġornata għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema akbar fl-età huma wkoll indispensabbli biex tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar fl-età. |
4.2. |
Filwaqt li l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati huwa dmir primarju tal-impjegatur, il-kooperazzjoni tripartitika bejn l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet għandha wkoll rwol importanti f’dan ir-rigward, peress li bl-għarfien li għandhom dwar il-proċeduri tax-xogħol u tal-ħaddiema nfushom, dawn jistgħu, permezz ta’ djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi fil-livell adegwat, jgħinu biex jinħoloq ambjent tax-xogħol li jippermetti lill-ħaddiema akbar fl-età jaħdmu kif imiss. |
4.3. |
L-Istati Membri wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu. Billi jipprovdu livell adatt ta’ protezzjoni soċjali, aċċess għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità u diversi inċentivi u sussidji għall-impjegaturi, dawn jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent tax-xogħol li jippermetti lin-nies jaħdmu b’mod sikur u produttiv meta jikbru fl-età. |
4.4. |
Il-KESE jipproponi li tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni ta’ politiki tas-suq tax-xogħol b’rabta mad-demografija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti b’mod attiv fl-istrateġiji u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri b’rabta mal-persuni akbar fl-età fis-suq tax-xogħol, inkluża l-integrazzjoni adegwata fis-suq tax-xogħol. |
4.5. |
Jeħtieġ li jiġu żviluppati modi moderni u innovattivi sabiex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u dawk akbar fl-età jaħdmu flimkien. It-trasferiment adatt u bidirezzjonali tal-għarfien u l-esperjenza huwa essenzjali. |
5. Taħriġ u tagħlim tul il-ħajja
5.1. |
Fl-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE kemm-il darba enfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ kemm għall-ħaddiema qiegħda kif ukoll għall-ħaddiema impjegati (14). |
5.2. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ antiċipazzjoni f’waqtha tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-impjegaturi f’termini ta’ ħiliet u ppjanar strateġiku f’dan il-qasam. Dan jirrikjedi li l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien, b’mod partikolari fil-livell settorjali u tan-negozju. |
5.3. |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-persuni qiegħda fit-tul u għal dawk li ilhom barra mis-suq tax-xogħol għal perjodu twil ta’ żmien. L-assenza fit-tul mis-suq tax-xogħol ixxekkel l-impjegabbiltà b’mod sinifikanti, speċjalment minħabba l-ħeffa tal-bidla diġitali (15). Il-pandemija aggravat il-problema, għax l-għeluq ta’ ċerti attivitajiet ġiegħel lill-ħaddiema jibqgħu d-dar. Din hija r-raġuni għaliex, minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, jinħtieġu politiki attivi u effettivi tal-impjieg. |
5.4. |
L-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom jiffukaw fuq li tiżdied b’mod adegwat is-sensibilizzazzjoni tal-impjegaturi fir-rigward tal-importanza ta’ ppjanar f’waqtu fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-kompetenzi għal xogħol futur. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-pjani ta’ taħriġ diġitali għall-ħaddiema. |
5.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll inċentivi finanzjarji u fiskali għal taħriġ aktar attiv tal-ħaddiema mill-impjegaturi, jew bħala finanzjament dirett jew bħala ħelsien mit-taxxa għall-kumpaniji. |
6. L-iżgurar tal-ugwaljanza
6.1. |
Il-KESE huwa tal-fehma li, matul u wara l-irkupru, huwa essenzjali li tinżamm l-ugwaljanza fir-rigward taċ-ċirkostanzi personali u li jiġu evitati l-forom kollha ta’ prattiki diskriminatorji. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-opportunitajiet offruti minn forom diversi ta’ xogħol, hemm ukoll il-periklu li dawn jistgħu jżidu l-inugwaljanzi bejn il-ħaddiema, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (16). Għandhom jinstabu modi biex jiġi żgurat trattament ugwali għall-ħaddiema permezz tal-mezzi adegwati kollha, kemm permezz tal-leġiżlazzjoni kif ukoll permezz ta’ ftehimiet kollettivi. |
6.2. |
Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom prekarji ta’ xogħol, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi. |
6.3. |
Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar żdiedet il-prekarjatà. |
6.4. |
Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw forom prekarji ta’ xogħol, li ma jiggarantixxux ħajja deċenti. |
6.5. |
L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili. |
7. Id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali
7.1. |
Id-diġitalizzazzjoni għandha impatt kbir fuq ir-relazzjonijiet industrijali, minħabba l-konsegwenzi pożittivi u negattivi tal-impjegaturi li jimplimentawha fil-proċessi tax-xogħol. |
7.2. |
Is-soluzzjonijiet diġitali jqajmu wkoll tħassib fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi. Sabiex jiġu żgurati komponenti sostenibbli ta’ xogħol ta’ kwalità, jeħtieġ li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi adegwati fis-seħħ biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, mingħajr ma jixxekkel l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali. L-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn għandhom, kollha kemm huma, jaqdu rwol biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti għat-tħassib tan-nies. Il-KESE jenfasizza li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fil-ħajja tax-xogħol tista’ ġġib benefiċċji, filwaqt li toħloq ukoll sfidi. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni malajr tal-ftehim qafas tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni tista’ taqdi rwol importanti (18). |
7.3. |
Hemm ħtieġa urġenti li tiġi ġestita l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema – inkluż id-dritt ta’ skonnessjoni – u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali. |
Brussell, it-23 ta’ Settembru 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://www.ilo.org/global/topics/decent-work/lang--en/index.htm.
(2) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(3) ĠU C 374, 16.9.2021, p. 16.
(4) Skont is-sitwazzjoni fl-Istati Membri.
(5) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.19.
(6) ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32; ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159, punt 1.6.
(7) Voss, Eckhard, Broughton, Andrea, Pulignano, Valeria, Franca, Valentina, Rodriguez, Contreras, Ricardo.Exploring the connections between EU and national-level social dialogue (Neżaminaw il-konnessjonijiet bejn id-djalogu soċjali fl-UE u fil-livell nazzjonali)Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018, (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) Pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-KESE dwar is-Summit ta’ Porto, ĠU C 286, 16.7.2021, p. 6 u ĠU C 341, 24.8.2021, p. 23.
(9) Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development.
(10) Standards tal-ILO u l-Artikoli 151 u 156 TFUE.
(11) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.
(12) Eurofound (2021), Living, working and COVID-19 (Update April 2021): Mental health and trust decline across EU as pandemic enters another year,, [Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19 (Aġġornament, April 2021): is-saħħa mentali u t-tnaqqis tal-fiduċja fl-UE kollha hekk kif il-pandemija tidħol f’sena oħra], Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, paġna 4 (mhux disponibbli bil-Malti).
(13) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44; ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37; ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18.
(14) Kif espress fil-ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.
(15) Il-ħiliet diġitali u t-taħriġ tal-ħaddiema jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi tal-UE, u dan jaggrava d-disparitajiet bejn is-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema. Fl-2019, bħala medja, in-negozji fl-UE li pprovdew taħriġ diġitali kienu inqas minn 25 %, li jvarja minn 6 % fir-Rumanija għal 37 % fil-Finlandja.
(16) ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13
(17) https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.
(18) The European Social Partners framework agreement_and_studies/2020-06-22_agreement_on_digitalisation_-_with_signatures.pdf.
ANNESS
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):
EMENDA 3
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 2.9
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema, l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv u fatturi simili. |
Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema , inkluż il-ħtieġa għal forom diversi ta’ xogħol u l-flessibilità fi ħdan id-djalogu soċjali , l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv u fatturi simili. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
92 |
Kontra: |
120 |
Astensjonijiet: |
15 |
EMENDA 4
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 3.3
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Għandha tingħata attenzjoni ħalli jkun żgurat li dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti. |
Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Filwaqt li huwa importanti li jissaħħu l-intraprenditorija u l-politiki favur l-intraprendituri awtonomi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali u li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol , għandu jkun żgurat li dawn ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
90 |
Kontra: |
125 |
Astensjonijiet: |
16 |
EMENDA 5
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 6.2
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom prekarji ta’ xogħol, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi. |
Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom ta’ xogħol inqas stabbli u siguri , il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
88 |
Kontra: |
138 |
Astensjonijiet: |
14 |
EMENDA 6
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 6.3
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar żdiedet il-prekarjatà . |
Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar kibret l-isfida li jinstab impjieg stabbli u sikur . |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
80 |
Kontra: |
143 |
Astensjonijiet: |
10 |
EMENDA 7
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 6.4
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw forom prekarji ta’ xogħol , li ma jiggarantixxux ħajja deċenti . |
Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw l-isfida li jsibu forom ta’ xogħol stabbli u sikuri . |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
80 |
Kontra: |
143 |
Astensjonijiet: |
10 |
EMENDA 8
Imressqa minn:
BARRERA CHAMORRO Maria del Carmen
MEYNENT Denis
SALIS-MADINIER Franca
ZORKO Andrej
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 6.5
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili. |
L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri vinkolanti li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
102 |
Kontra: |
113 |
Astensjonijiet: |
16 |
EMENDA 10
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 7.3
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Hemm ħtieġa urġenti li tiġi ġestita l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema – inkluż id-dritt ta’ skonnessjoni – u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali. |
Biex jiġi żgurat żvilupp trasparenti u bbilanċjat tal-intelliġenza artifiċjali hemm ħtieġa urġenti li din tiġi ġestita fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-mitigazzjoni ta’ tħassib bla bażi, il-promozzjoni tal-awtonomija tal-ħaddiema u l-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
88 |
Kontra: |
136 |
Astensjonijiet: |
10 |
EMENDA 11
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 1.1
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja. Il-prinċipju tal-kwalità tax-xogħol għall-kwalità tal-ħajja għandu jiġi segwit, peress li dan huwa prerekwiżit għal żvilupp soċjali sostenibbli. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan għandu jingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li jrid jipprevjeni r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta. |
Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja u għandha titqies flimkien mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli fejn jitqies ukoll il-kuntest usa’ ta’ tkabbir u impjieg sostenibbli, b’mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni . Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol ta’ min iħaddem bil-għan li jiġu promossi l-ħiliet, l-impjieg, il-forom differenti ta’ xogħol, is-sigurtà, il-benesseri tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kwalità tax-xogħol bħala komponent tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi għandha tingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li tista’ tagħti kontribut doppju sinifikanti għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-produttività filwaqt li tindirizza r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
79 |
Kontra: |
136 |
Astensjonijiet: |
11 |
EMENDA 12
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 1.2
Żid punt ġdid:
Pożizzjoni: Wara punt eżistenti – Fl-istess livell
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
|
Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni komprensiva u ffukata sew biex jiġu żgurati swieq tax-xogħol reattivi, reżiljenti u inklużivi fl-Istati Membri, inkluż bħala riżultat tal-pandemija b’enfasi speċjali fuq il-provvista ta’ impjiegi flessibbli. Madankollu, il-KESE jinnota li l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu appoġġjati, mhux regolati żżejjed jew imxekkla. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fir-rigward tal-kompetenzi tal-UE u l-Istati Membri u d-diversi strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom. Fir-rigward tal-iżgurar ta’ pedament ekonomiku sod għall-appoġġ ta’ tranżizzjonijiet ġusti fl-Ewropa, l-enfasi għandha tkun fuq il-ħolqien ta’ qafas regolatorju ġust, stabbli u prevedibbli għan-negozju inkluż l-evitar ta’ piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
79 |
Kontra: |
144 |
Astensjonijiet: |
7 |
EMENDA 15
Imressqa minn:
ARDHE Christian
HOŠTÁK Martin
KONTKANEN Mira-Maria
LE BRETON Marie-Pierre
SOC/685
Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru
Punt 1.12
Ibdel it-test kif ġej:
Opinjoni tas-sezzjoni |
Emenda |
Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din il-parti tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli , bħall-ħaddiema prekarji u dawk żgħażagħ, li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija, ma għandhomx jiġu injorati. |
Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn il-komponenti jiġu indirizzati b’mod adegwat fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija ma għandhomx jiġu injorati. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
82 |
Kontra: |
140 |
Astensjonijiet: |
8 |
(11) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.
(11) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.
(17) https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.
(17) https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.