EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XR2622

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

COR 2020/02622

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/16


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

(2020/C 324/03)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

wara li kkunsidra:

il-Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni Ewropea għall-2020 (1);

il-Protokoll ta' Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta' Frar 2012;

il-prijoritajiet tal-KtR għall-mandat ta' ħames snin tiegħu (2020-2025),

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq l-azzjonijiet li ġejjin permezz tal-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2021 billi:

1.

twieġeb għat-talba ta' azzjoni fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 billi tagħmel enfasi akbar fuq il-benesseri soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali fi ħdan il-mudell tal-ekonomija tas-suq soċjali, filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

2.

tiżgura li l-istrateġija ta' rkupru ta' wara l-pandemija, filwaqt li tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u mal-impenji meħuda mill-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, tiffoka fuq il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u r-restawr tat-tkabbir ekonomiku fl-UE. L-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-klima għandha tirrikonoxxi d-diversità ġeografika, ekonomika u soċjali sħiħa tat-territorji tal-Ewropa u ssaħħaħ il-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

3.

taħdem mal-KtR biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-appoġġ pubbliku għal tali azzjonijiet permezz tal-qafas Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tiegħu;

4.

tinkludi d-dimensjoni tas-saħħa fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku, tippromovi għajxien b'saħħtu għal kulħadd, tkompli tesplora r-rabtiet u s-sinerġiji eżistenti bejn is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, l-ekonomija, l-impjiegi, il-kompetittività u l-protezzjoni tal-klima filwaqt li tipproponi strateġija ċara biex jinbnew territorji, ekonomiji u soċjetajiet reżiljenti fil-perjodu ta' wara l-pandemija fil-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

5.

tieħu aktar passi biex tnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19, u tuża l-fondi kollha disponibbli biex tgħin jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa Ewropej. Il-firxa rapida tal-virus poġġiet kemm is-saħħa kif ukoll il-kura soċjali taħt pressjoni akbar, filwaqt li fl-istess ħin jeħtieġ li jsiru wkoll tħejjijiet għat-“tieni mewġa”. Għall-ippjanar transfruntier tal-pandemija, għandhom jiġu promossi timijiet ta' kriżi reġjonali li jinkludu l-livelli kollha ta' governanza, jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-epidemija u li ma jiqfux mal-fruntieri nazzjonali;

6.

tikkoopera mal-KtR biex issaħħaħ is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Maniġerjali biex l-opportunitajiet relatati mal-Patt Ekoloġiku jintużaw bl-aħjar mod u, fl-istess ħin, tħeġġeġ aċċess aktar dirett għall-fondi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u b'mod speċjali tappoġġja ż-żoni tal-fruntieri billi tħaffef l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu Transkonfinali Ewropew (ECBM);

7.

tippromovi l-Patt Klimatiku bħala impenn konġunt għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini bil-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u bħala umbrella li tiġbor flimkien il-partijiet interessati kollha biex jabbozzaw u jimplimentaw patti klimatiċi lokali u jiskambjaw l-aħjar prattiki;

8.

tistabbilixxi Forum għall-Irkupru Ekoloġiku fejn il-KtR, il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra jistgħu jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-qafas il-ġdid tal-irkupru ta' wara l-pandemija;

9.

tiżgura li l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, prevista mill-Patt Ekoloġiku, tibqa' parti essenzjali mill-Irkupru Ekoloġiku. Pjan ta' azzjoni ambizzjuż ta' tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija huwa indispensabbli b'mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa;

10.

tkun aktar ambizzjuża fid-dawl tal-istrateġija futura tal-UE dwar il-bijodiversità biex jitwaqqaf it-telfien kontinwu tal-bijodiversità u biex l-UE titħalla tassumi rwol ta' tmexxija fuq livell globali fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, li huwa essenzjali biex jiġi evitat jew jitnaqqas l-impatt ta' pandemiji futuri; tippromovi implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija Ewropea għall-Foresti, filwaqt li tiżgura li jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi t-tajba biex jiġi żgurat li l-aħjar prattiki jiġu skambjati u mmultiplikati;

11.

tippromovi l-produzzjoni sostenibbli u lokali tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi mħabbra mill-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, biex b'hekk jiġu ppreservati l-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma u l-ambjent tal-baħar u jiġi żgurat livell tajjeb ta' introjtu għall-bdiewa tal-UE; filwaqt li jiġu żgurati prezzijiet ġusti tas-suq f'pożizzjoni ta' suq ġust għall-produtturi agrikoli billi jadattaw il-produzzjoni għad-domanda tas-suq b'mod ġeneralment vinkolanti, b'mod partikolari f'sitwazzjoni ta' kriżi tas-suq; tiżgura li l-bdiewa u ż-żoni rurali jkunu akkumpanjati biex jagħmlu l-bidliet strutturali meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli;

12.

twettaq pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se jgħin biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE u biex jittaffa l-impatt tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li għaddejjin bħalissa. Il-KtR jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu komponent territorjali b'saħħtu u li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li bħalissa tirrifletti biss medji nazzjonali, għandha tissaħħaħ b'data reġjonali addizzjonali;

13.

tintegra Garanzija Ewropea għat-Tfal li tindirizza l-faqar u l-esklużjoni tat-tfal fl-UE fil-pjan ta' implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

14.

tesplora l-potenzjal tal-ekonomija soċjali u tħejji “Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali” li jinkorpora l-prinċipji tagħha f'politiki soċjoekonomiċi differenti tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekoloġika u ġusta u għal pjan ta' rkupru fl-era ta' wara l-COVID-19 li fih jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjiegi, filwaqt li tingħata prijorità lill-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġi promoss il-bilanċ bejn il-ġeneri;

15.

tippreżenta riforma ambizzjuża tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li jintegra l-objettiv ta' finanzi pubbliċi sostenibbli u t-tagħlimiet miksuba mill-kriżi tal-coronavirus;

16.

tgħin biex jinħolqu investimenti pubbliċi u privati li jista' jkollhom impatt konkret fuq l-ekonomija reali fil-livell lokali u reġjonali, mentri titqies is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi;

17.

tipproponi b'mod urġenti riforma profonda tas-Semestru Ewropew u tal-governanza ekonomika tal-UE lejn proċess trasparenti, inklużiv u demokratiku. Ir-rabta b'saħħitha tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza mas-Semestru Ewropew iżżid l-urġenza għal riforma sabiex tiġi evitata aktar ċentralizzazzjoni u approċċ minn fuq għal isfel tal-pjani ta' rkupru, minflok ma tingħata prijorità lill-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost u fi ħdan l-Istati Membri u l-investiment pubbliku ta' kwalità meħtieġ għall-irkupru sostenibbli tal-UE. Semestru Ewropew riformat, bħala l-istrateġija ekonomika Ewropea ġenerali li timplimenta l-SDGs fl-UE, għandu jintegra l-prinċipji ta' sħubija, ta' governanza f'diversi livelli u dimensjoni territorjali, abbażi tal-proposta tal-KtR għal Kodiċi ta' Kondotta għall-involviment fis-Semestru tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-livell Ewropew;

18.

tindirizza l-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-valur Ewropej li ġiet żvelata matul il-kriżi tal-COVID-19; tidentifika l-aktar rabtiet dgħajfa u tiddiversifika s-sorsi fil-ktajjen tal-provvista tal-UE, tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq pajjiżi individwali, issaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea b'mod sostenibbli, u tiżgura l-awtonomija industrijali strateġika tal-UE; toħloq politika ta' raggruppament bħala parti ċentrali minn kwalunkwe politika industrijali tal-UE li tkun adattata għall-iskop sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' raggruppamenti Ewropej ta' klassi dinjija li jgħaqqdu raggruppamenti, networks u ekosistemi reġjonali;

19.

tinsisti fuq implimentazzjoni aħjar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSDs) fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u tiffoka fuq li ttejjeb l-impatt soċjoekonomiku u territorjali tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż il-ftehim futur mar-Renju Unit, billi tipprovdi analiżijiet settorjali u ġeografiċi aktar iddettaljati filwaqt li ssaħħaħ il-kondizzjonalitajiet tat-TSDs fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li kummerċ ħieles, ġust u miftuħ jista' jaħdem biss b'Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) b'saħħitha u effettiva u jappoġġja l-intenzjoni tagħha li tniedi inizjattiva ta' riforma komprensiva tad-WTO;

20.

tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi għall-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027;

21.

tiżgura li flessibbiltà akbar mogħtija għall-użu tal-fondi ta' koeżjoni u fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li hija meħtieġa biex jiġi appoġġjat l-irkupru tar-reġjuni u l-bliet u ż-żoni rurali mill-kriżi tal-COVID-19, ma twassalx għal ċentralizzazzjoni tal-poteri u ċċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-prerogattivi tagħhom;

22.

tieħu vantaġġ mill-esperjenza tal-Aġenda Urbana għall-UE u l-Karta mġedda ta' Leipzig billi torganizza summit urban dwar l-iżvilupp urban sostenibbli;

23.

tibni fuq il-proposta ta' “mewġa ta' rinnovazzjoni” kif ukoll il-pjan ta' azzjoni tas-Sħubija Urbana dwar l-akkomodazzjoni adottata f'Novembru 2018 biex titħejja Aġenda Ewropea dwar l-Abitazzjoni għall-integrazzjoni tal-akkomodazzjoni fil-politiki differenti tal-UE li għandhom impatt fuqha;

24.

tipproponi Aġenda tal-UE koerenti u ambizzjuża għaż-Żoni Rurali mmirata b'mod partikolari lejn territorji remoti, li ta' spiss ġew injorati, u b'hekk tinħoloq rabta akbar maċ-ċittadini li jgħixu f'żoni rurali u li skont id-definizzjoni huma aktar iżolati minn sistemi ċentralizzati ta' governanza. It-tiġdid tal-irħula u l-komunitajiet rurali jgħin lill-UE turi appoġġ tanġibbli u ssaħħaħ il-leġittimità tagħha fil-prattika;

25.

tipprovdi rispons b'saħħtu għall-isfidi li qed jiffaċċja t-turiżmu Ewropew kemm permezz ta' finanzjament fuq perjodu qasir kif ukoll permezz ta' strateġija ta' rkupru mill-kriżi fit-tul, li tagħmilha aktar reżiljenti u sostenibbli fil-futur; B'hekk, il-politika ta' koeżjoni fil-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027 trid tiżgura sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-kultura u tat-turiżmu. L-enfasi tibqa' l-kompetittività ekonomika permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll l-aġenda Ewropea dwar it-turiżmu Ewropew;

26.

timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni aġġornat għall-Edukazzjoni Diġitali biex iqis bis-sħiħ l-impatt tal-COVID-19 u l-kundizzjonijiet il-ġodda għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jaġixxi wkoll bħala katalist għall-iżvilupp rapidu ta' għodod ta' tagħlim mill-bogħod fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali, u f'reġjuni inqas żviluppati, b'mod partikolari fl-iskejjel, filwaqt li jagħmel il-ħiliet diġitali u tal-media parti integrali mit-tagħlim tul il-ħajja u jagħmel il-Pjan pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-prattika tajba bejn il-bliet u r-reġjuni Ewropej u madwar id-dinja;

27.

tinvolvi b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li tisfrutta r-rwol ewlieni tagħhom li jipprovdu servizzi diġitali liċ-ċittadini u joħolqu u jiġġestixxu l-infrastruttura diġitali; tiżgura monitoraġġ mill-qrib u kejl ta' proċessi ta' trasformazzjoni diġitali sostenibbli fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq id-distakk bejn iż-żoni urbani u rurali;

28.

tipprovdi aktar finanzjament u edukazzjoni dwar l-introduzzjoni rapida u komprensiva tal-infrastruttura diġitali u speċjalment il-5G fl-UE, inkluż permezz tal-fond futur għall-irkupru tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi konnessjoni broadband aktar rapida u t-tagħmir meħtieġ fiż-żoni rurali, muntanjużi u ta' gżejjer, fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'żoni li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi;

29.

tappoġġja t-tnedija ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 f'sinerġija mill-qrib maż-Żona Ewropea tar-Riċerka, sabiex jiġu żgurati edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, kif ukoll ugwaljanza u ekwità fl-edukazzjoni, bħala rispons għat-tibdil demografiku u l-eżodu ta' mħuħ; tinvolvi lill-KtR fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri futuri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Aġġornata għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

30.

tippreżenta evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza tal-impatt tal-COVID-19 fuq it-tibdil demografiku u tiżgura li d-deċiżjonijiet futuri jitfasslu apposta skont il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet lokali;

31.

tagħti prijorità lill-appoġġ għall-organizzazzjonijiet, inklużi dawk mingħajr skop ta' qligħ, kif ukoll lill-SMEs, lill-artisti individwali u lill-impjegati fis-setturi kulturali u kreattivi, li sofrew b'mod partikolari mit-tifqigħa tal-COVID-19. Fil-proċess tat-titjib tal-qafas strateġiku attwali tal-UE għall-kultura u fil-programm Ewropa Kreattiva li jmiss, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ u s-salvagwardja tan-nisġa kulturali rikka tal-Ewropa, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-wirt reġjonali u lokali;

32.

tiżgura li l-assistenza tal-Unjoni għal wara l-kriżi lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali tilħaq lill-komunitajiet lokali, u tinvolvi u tagħti s-setgħa b'mod suffiċjenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma essenzjali biex tiġi stabbilita l-leġittimità demokratika tal-impenn tal-UE f'dawk il-pajjiżi, filwaqt li tkompli tenfasizza u tindirizza l-perikli ta' “manipulazzjoni tal-Istat lokali” li thedded il-pedamenti tad-demokrazija;

33.

iżżid l-appoġġ tal-UE mmirat lejn il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi msieħba, b'mod partikolari fil-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran u fis-Sħubija tal-Lvant, sabiex tinħoloq dinamika ġdida għar-riformi ta' deċentralizzazzjoni u jittejbu r-riżultati fil-qasam tal-governanza, kif ukoll tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-benefiċċji tal-politiki tal-UE fit-territorji u l-livelli ta' governanza tal-pajjiżi msieħba. Dan għandu jinkludi l-ħolqien ta' Skola tas-Sħubija tal-Lvant tal-Amministrazzjoni Pubblika, kif propost fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020;

34.

tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-SDGs, inkluż permezz tal-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba u l-appoġġ għal attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-pari fi spirtu ta' sħubija u solidarjetà, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatti globali gravi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri biex din tiġi kkontrollata;

35.

tinvolvi lill-gvernijiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tinkorpora miżuri u għodod għar-reżiljenza kontra l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 fi kwistjonijiet tal-ġeneru;

36.

tuża l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa bħala okkażjoni f'waqtha biex tirrifletti maċ-ċittadini u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-UE bħala proġett ibbażat fuq valuri fundamentali bħad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-bidliet meħtieġa fil-qafas istituzzjonali attwali tagħha sabiex ittejjeb l-effettività u l-leġittimità tagħha, kif ukoll is-sens ta' “sjieda” taċ-ċittadini tal-proġett Ewropew;

37.

tinkludi bis-sħiħ lill-KtR u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali b'setgħat leġislattivi fil-korpi kollha tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, filwaqt li tagħmel il-proċess kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadini; tikkoopera mal-KtR fl-iżvilupp ta' mudell pilota għal djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jippermetti proċess bidirezzjonali ta' komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE li aktar tard jista' jservi biex jittejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE fit-tul;

38.

tintensifika l-isforzi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, inkluż fil-livell lokali u reġjonali, permezz ta' appoġġ għal verifikaturi tal-fatti indipendenti, il-litteriżmu fil-media u l-ġurnaliżmu ta' kwalità, filwaqt li tenfasizza li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni m'għandhiex tintuża bħala skuża għaċ-ċensura jew biex titrażżan il-libertà tal-espressjoni;

39.

tadotta approċċ komprensiv għall-politiki dwar il-migrazzjoni, l-integrazzjoni u l-ażil ibbażat fuq il-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, is-sussidjarjetà, is-solidarjetà u l-obbligi internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; tiżgura sforzi konġunti mtejba għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin f'kooperazzjoni mal-imsieħba tal-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu; issaħħaħ l-appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rwol essenzjali li għandhom fil-politiki ta' integrazzjoni;

40.

tkompli l-kooperazzjoni b'suċċess mal-KtR dwar Regolamentazzjoni Aħjar u l-promozzjoni tal-kunċett ta' “sussidjarjetà attiva”, b'mod partikolari permezz tan-Network ta' Ċentri Reġjonali għar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Politika tal-UE (RegHub) u r-rwol il-ġdid tiegħu fil-Pjattaforma Fit for Future, u billi tappoġġja lill-KtR fl-iżvilupp ta' RegHub 2.0 biex isir aktar effettiv bħala fornitur ta' feedback f'waqtu bbażat fuq l-esperjenza tal-utenti tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fil-livell lokali u reġjonali; tikkonferma u telabora dwar dawn il-prinċipji fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Regolamentazzjoni aħjar li jmiss;

41.

tqis id-dibattiti dwar il-Programm ta' Ħidma Futura tal-Kummissjoni Ewropea li seħħew fil-parlamenti reġjonali, wara l-konklużjonijiet tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità u l-proġett pilota mniedi mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġislattivi Ewropej.

Il-KtR jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  COM(2020) 440 final.


Top