Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XG1201(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa 2020/C 415/10

    ĠU C 415, 1.12.2020, p. 22–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/22


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa

    (2020/C 415/10)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRA:

    1.

    Il-kuntest politiku kif deskritt fl-Anness,

    FILWAQT LI JENFASIZZA LI:

    2.

    Edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi huma punt b'saħħtu Ewropew ibbażat fuq il-valuri demokratiċi u l-idea tal-illuminiżmu. Id-distribuzzjoni mifruxa ta' teknoloġiji diġitali u l-aċċess għall-internet jiftħu possibbiltajiet u sfidi ġodda.

    3.

    It-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tal-għarfien tagħna qed taċċellera u hemm disponibbiltà dejjem akbar ta' servizzi u data diġitali. Dan jinkludi suq tax-xogħol li qed jinbidel kif ukoll profili ġodda tal-impjiegi u domanda għal kompetenzi diġitali (1) fil-kuntest tal-ħiliet tas-seklu 21. L-influwenza dejjem tikber tal-intelliġenza artifiċjali (2) ser tamplifika l-effetti tat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tal-għarfien tagħna f'perspettiva fit-tul, u tista' toffri opportunitajiet ġodda promettenti għall-apprendiment, it-tagħlim u t-taħriġ fil-futur. Edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi huma essenzjali biex l-individwi u ċ-ċittadini kollha jiġu responsabilizzati biex jifhmu dawn l-iżviluppi, jieħdu sehem fihom u jsawruhom.

    4.

    Il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt attwali tagħha fuq is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti għal fehim aħjar u evalwazzjoni kontinwa tal-użi, il-benefiċċji u l-isfidi tat-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali (3), u tal-livelli ta' kompetenzi diġitali, anki fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja.

    5.

    Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal approċċ olistiku għall-edukazzjoni diġitali. Sabiex jiġu ssodisfati d-domandi attwali, edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi jikkomportaw forom diġitali u mhux diġitali ta' apprendiment u tagħlim, inkluż approċċi bħal tagħlim imħallat (4) u apprendiment mill-bogħod (5). Dan joffri opportunità biex jissaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ iffukati fuq min qed jitgħallem skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-individwi.

    6.

    L-edukazzjoni diġitali (6) hija prerekwiżit biex tgħin fit-tiswir tat-trasformazzjoni diġitali, it-tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja u biex tippermetti edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi għal kulħadd. Għalhekk, huwa importanti li titqies id-dimensjoni soċjetali tagħha u li tinftiehem bħala parti minn trasformazzjoni kulturali profonda. Din it-trasformazzjoni kulturali twitti t-triq biex l-individwi u ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jużaw id-data, it-teknoloġiji diġitali u l-infrastrutturi b'mod kunfidenti u sikur, filwaqt li jiġu rrispettati kif xieraq ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, u tippermettilhom jipparteċipaw b'mod attiv fid-deċiżjonijiet politiċi, fl-iżviluppi soċjetali u fis-suq tax-xogħol.

    7.

    L-edukazzjoni diġitali jenħtieġ li tkun iffukata fuq l-istudent u tappoġġa lill-individwi u liċ-ċittadini kollha biex jiżviluppaw il-personalità u l-ħiliet tagħhom b'mod kunfidenti, liberu u responsabbli. Bħala parti integrali minn edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi, jenħtieġ li l-edukazzjoni diġitali timpenja ruħha għall-prinċipju tal-integrità akkademika u l-fiduċja fil-kwalità tagħha. Jenħtieġ ukoll li tikkontribwixxi għal aċċessibbiltà aħjar tal-kontenut edukattiv u tal-pedagoġiji, għal inklużjoni soċjali akbar, kif ukoll għall-kisba aħjar tal-kompetenzi, filwaqt li tippromwovi s-suċċess edukattiv għal kulħadd. Jenħtieġ li l-edukazzjoni diġitali tqis it-teknoloġiji emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, u l-applikazzjoni sikura, pedagoġikament soda u etika tagħhom.

    8.

    Jenħtieġ ukoll li l-edukazzjoni diġitali tqis il-benesseri tal-istudenti, l-għalliema, il-ħarrieġa u l-edukaturi, kif ukoll tal-ġenituri u l-persuni li jindukraw, pereżempju fir-rigward tal-ambjenti sikuri għat-tagħlim. Għandha wkoll tikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-aċċess aktar faċli għall-informazzjoni għaċ-ċittadini kollha u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali attiva fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa.

    9.

    L-edukazzjoni diġitali jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, inkluż iċ-ċittadinanza diġitali (7) billi trawwem kompetenzi taċ-ċittadinanza. Dawn jinkludu approċċ kritiku għall-informazzjoni, li jippermetti liċ-ċittadini jinnavigaw f'dinja diġitali u jiżviluppaw fehim tal-valuri bażiċi tad-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni.

    10.

    Kull persuna Ewropea għandu jkollha s-setgħa li tinvolvi ruħha b'mod attiv fit-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u li tibbenefika minn ambjenti ta' tagħlim xierqa, aċċessibbli u sikuri. Id-dritt tal-bniedem għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi, kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u protett mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, irid jiġi garantit f'kull ħin.

    11.

    Sabiex jingħalaq id-distakk diġitali bejn il-ġeneri fl-oqsma relatati mal-ICT u x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, huwa kruċjali approċċ sensittiv għall-ġeneru f'kull tip u livell ta' edukazzjoni u taħriġ.

    12.

    L-aċċess għal opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi appoġġati b'mod diġitali huwa kruċjali. Minkejja r-rwol kruċjali u l-benefiċċji tal-formati tal-apprendiment u t-tagħlim wiċċ imb'wiċċ, l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi bit-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali, u permezz tagħhom, huma prerekwiżiti għall-vijabbiltà futura tas-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa kif ukoll għal sistema ta' innovazzjoni Ewropea li tippermetti trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, tipprovdi tkabbir, impjiegi u opportunitajiet sostenibbli u tippromwovi l-iżvilupp personali.

    13.

    Ewropa b'saħħitha hija bbażata fuq kultura ta' valuri komuni, il-kondiviżjoni, it-tiġdid u l-ftuħ għal forom ġodda ta' skambju kif ukoll il-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni bejn iċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-settur privat u s-sistemi edukattivi nazzjonali differenti. Il-komunitajiet online (8) li jikkondividu l-prattiki (fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni) huma aktar viżibbli u ser jikbru fil-futur.

    KONXJU LI:

    14.

    F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-responsabbiltà għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni hija tal-Istati Membri.

    15.

    L-edukazzjoni diġitali tiġi implimentata fi gradi li jvarjaw fit-tipi u l-livelli differenti ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni. L-esperjenza tat-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali madwar l-Unjoni tvarja u tiddependi ħafna mill-oqfsa ta' politika u governanza, l-infrastruttura u l-faċilitajiet tekniċi kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji u umani. Dawn jinkludu b'mod partikolari għalliema, ħarrieġa, edukaturi u persunal pedagoġiku u amministrattiv ieħor imħejjija sew, inkluż mexxejja tal-istituzzjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

    16.

    Il-pandemija tal-COVID-19 qanqlet risposta rapida ta' emerġenza. L-Istati Membri għalqu l-biċċa l-kbira tas-siti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u talbu lill-istituzzjonijiet jipprovdu kontinwità fit-tagħlim, it-taħriġ, l-apprendiment u l-valutazzjoni prinċipalment permezz ta' approċċi remoti.

    17.

    Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali enfasizzaw l-importanza ta' fehim tal-edukazzjoni diġitali, għenu biex tingħata spinta lill-kapaċitajiet diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u pprovdew lill-għalliema, lill-ħarrieġa, lill-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor b'opportunitajiet ta' żvilupp professjonali.

    18.

    Madankollu, minkejja l-isforzi kbar żviluppati mill-Istati Membri kollha, ir-risposti ta' emerġenza għall-faċilitazzjoni ta' approċċi remoti kixfu sfidi u dgħufijiet komuni fost is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-Unjoni:

    a)

    Matul il-pandemija tal-COVID-19, spiss deher li għadd ta' studenti, f'livell li jvarja madwar l-Istati Membri, ma setgħux jeżerċitaw kompletament id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ minħabba nuqqas ta' aċċess fiżiku u teknoloġiku xieraq (9).

    b)

    L-isfida bla preċedent marbuta mal-pandemija tal-COVID‐19 żvelat ħtieġa urġenti ta' provvista aħjar ta' kompetenzi diġitali għal kulħadd sabiex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-individwi u ċ-ċittadini kollha, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ jingħataw mill-bogħod. Studenti bi bżonnijiet speċjali ffaċċjaw sfidi partikolari.

    c)

    Għalkemm il-bidla għall-edukazzjoni diġitali aċċellerat matul il-pandemija tal-COVID‐19, l-iżvilupp u l-użu ta' forom ġodda ta' disseminazzjoni tal-għarfien jistgħu, meta jsiru b'mod inkonxju u mingħajr intenzjoni, jirreplikaw forom aktar tradizzjonali ta' tagħlim u apprendiment.

    d)

    Il-pandemija tal-COVID-19 kienet ta' sfida għall-kontinwità tal-attivitajiet tranżnazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan jikkonċerna l-edukazzjoni u t-taħriġ transkonfinali kif ukoll il-mobbiltà tal-Erasmus+, b'mod partikolari l-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET).

    e)

    L-għeluq ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikkawżat mill-COVID-19 biddel ir-rwol tal-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor, li kellhom isibu modi ġodda biex iżommu kuntatt ma' u jappoġġaw lill-istudenti biex jaħdmu b'mod indipendenti, kemm f'ambjenti ta' tagħlim kollaborattiv kif ukoll mod ieħor. Wera wkoll il-ħtieġa ta' kollaborazzjoni, tisħiħ ta' kapaċitajiet, u taħriġ professjonali speċifiku għat-tagħlim diġitali kif ukoll ta' miżuri ta' assistenza fost l-għalliema, il-ħarrieġa u n-networks tal-edukazzjoni tal-għalliema, kif ukoll fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

    19.

    Id-distakk diġitali fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni jibqa' sfida, peress li jista' jsaħħaħ inugwaljanzi strutturali oħra li diġà jeżistu, inkluż l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u bejn il-ġeneri.

    20.

    Il-protezzjoni tad-data u s-sovranità diġitali tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom għandhom jiġu żgurati fil-kuntest tat-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali, irrispettivament mill-urġenza tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest taż-żieda fil-ħolqien u d-disseminazzjoni tal-kontenut diġitali edukattiv, il-prinċipji legali u etiċi li jirfdu l-proprjetà intellettwali jridu jiġu rikonoxxuti.

    21.

    Forom ġodda ta' trasferiment tal-għarfien u ambjenti ta' tagħlim, anke fil-forma ta' kokreazzjoni, jippromwovu konnessjoni usa' bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ formali u t-tagħlim mhux formali u informali. L-iskambju ta' prattiki tajba fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni jipprovdi opportunitajiet biex tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali fil-forom kollha ta' tagħlim u biex jitrawmu kwalità għolja u inklużività fit-tagħlim u l-apprendiment.

    22.

    It-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-apprendiment u t-tagħlim u huma fattur importanti fl-iżgurar ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi. Dawn jistgħu jikkomplementaw l-interazzjoni diretta fil-forma ta' tagħlim u taħriġ wiċċ imb'wiċċ kif ukoll l-aħjar prattiki mhux diġitali u l-mezzi għat-tagħlim u l-apprendiment, li għad għandhom l-importanza tagħhom u ma jistgħux jiġu sostitwiti kompletament minn formati virtwali.

    23.

    Biex it-teknoloġija tkun tista' trawwem il-kwalità u l-inklużività fl-edukazzjoni, trid timxi id f'id ma' ambjenti ta' tagħlim u approċċi pedagoġiċi sikuri. Il-kumpaniji tat-teknoloġija tal-edukazzjoni, inkluż in-negozji ġodda u l-SMEs, għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi u aċċessibbli tal-edukazzjoni diġitali, li permezz tagħhom irawmu kemm l-edukazzjoni diġitali kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji Ewropej. Kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni u opportunitajiet xierqa ta' finanzjament huma essenzjali biex dawn il-kumpaniji jirnexxu.

    24.

    Jeħtieġ li l-edukazzjoni diġitali tenfasizza l-importanza tal-kunċetti pedagoġiċi, l-għodod u l-metodi ta' apprendiment u tagħlim. Ir-riċerka edukattiva tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kunċetti innovattivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ u tista' tippermetti fehim usa' tal-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq l-apprendiment u t-tagħlim kif ukoll fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    25.

    L-għoti ta' kompetenzi diġitali f'kull tip u livell ta' edukazzjoni u taħriġ għandu dejjem jimxi id f'id ma' taħlita rilevanti ta' kompetenzi ewlenin relatati, inkluż ħiliet għall-ħajja, u għandu jkun appoġġata minn infrastruttura, tagħmir u teknoloġija aċċessibbli tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. Speċjalment il-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali, inkluż programmi ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, jeħtieġu taħlita xierqa ta' ħiliet u kompetenzi diġitali, okkupazzjonali u teknoloġiċi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-impjegabbiltà.

    26.

    Sistema ta' innovazzjoni Ewropea kompetittiva f'livell internazzjonali u sostenibbli tiddependi minn sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi. Tistrieħ ukoll fuq sistema ta' riċerka eċċellenti, li idealment tkun marbuta mill-qrib mal-edukazzjoni u t-taħriġ. Għalhekk, it-trasferiment bikri tas-sejbiet mir-riċerka u l-innovazzjoni, eż. mir-riċerka edukattiva, kif ukoll il-kokreazzjoni u l-ittestjar ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-edukazzjoni diġitali ser ikunu ta' valur miżjud fl-edukazzjoni u t-taħriġ, eż. f'oqsma bħat-tfassil tal-politika jew l-applikazzjoni pedagoġika.

    FILWAQT LI JINNOTA LI:

    27.

    Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat verżjoni mġedda ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 li jissettja mill-ġdid l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali (10), li għandu jkollu segwitu fi proċess kokreattiv mal-Istati Membri, meta jkun xieraq u rilevanti.

    28.

    L-objettivi ewlenin tiegħu li jrawwem l-iżvilupp ta' ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u li jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għat-trasformazzjoni diġitali jistgħu jikkontribwixxu għal approċċ aktar strateġiku għall-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-Unjoni.

    29.

    Ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja (11)għandha tippermetti edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi permezz ta' infrastruttura, konnettività, ippjanar ta' kapaċità diġitali u kapaċitajiet organizzattivi rilevanti li jistgħu jiffaċilitaw aċċess aktar flessibbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd kullimkien. Hija l-bażi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-edukazzjoni diġitali u prerekwiżit għat-trasformazzjoni strutturali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    30.

    Huma meħtieġa kompetenzi diġitali u approċċi pedagoġiċi adegwati għall-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor u studenti ta' kull età f'kull tip u livell ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex isir użu sinifikattiv tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni. L-għoti ta' kompetenzi diġitali jenħtieġ li jkun sensittiv għall-età u l-ġeneru u jenħtieġ li jkopri wkoll il-litteriżmu medjatiku, diġitali u tad-data, il-ħsieb kritiku u l-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u ta' ħsara, u l-bullying ċibernetiku u d-dipendenza ċibernetika, u jindirizza kwistjonijiet ta' sigurtà bħall-protezzjoni tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    31.

    It-tagħlim mhux formali u dak informali jenħtieġ li jitrawmu bħala mezzi importanti biex il-persuni ta' kull età li huma barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali jingħataw il-livell meħtieġ ta' kompetenza diġitali, sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali u personali tagħhom, anke fir-rigward ta' fatturi bħar-relazzjonijiet soċjali u s-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll il-benesseri diġitali. F'dan ir-rigward, huma importanti l-ambjenti diġitali u kultura ta' użu sinifikattiv u etiku tal-għodod diġitali. L-opportunitajiet ta' tagħlim diġitali mhux formali u informali huma partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ, iżda wkoll għall-anzjani li sofrew b'mod partikolari mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITA MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

    32.

    Jippromwovu l-inkorporazzjoni ta' teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali u l-kisba ta' kompetenzi diġitali sabiex jissaħħu t-tagħlim, it-taħriġ u l-apprendiment f'kull tip u livell ta' edukazzjoni u taħriġ kif ukoll f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja.

    33.

    Jinkoraġġixxu l-valutazzjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment ta' modi innovattivi ta' apprendiment inkluż il-komponenti diġitali.

    34.

    Jirriflettu fuq il-mudelli pedagoġiċi u l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema, il-ħarrieġa u l-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor sabiex jittieħed vantaġġ aħjar mid-diversi opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali.

    35.

    Jippermettu u jimmotivaw lill-għalliema, il-ħarrieġa u l-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor, bħall-ħarrieġa tal-għalliema, biex jipparteċipaw fi żvilupp professjonali inizjali u kontinwu sabiex jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali u l-għarfien bażiku tagħhom stess tal-ICT għal livell li jippermettilhom jaħdmu b'kunfidenza bit-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali u jagħtu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja. B'dan il-mod, għandu jkollhom il-kapaċità li jipparteċipaw fil-ħolqien ta' metodi ta' tagħlim u taħriġ innovattivi u ffukati fuq l-istudenti u didattiċi applikati li jippromwovu ħsieb kritiku u kreattiv u li joħolqu ambjenti u kontenuti sikuri ta' tagħlim ta' kwalità għolja u inklużivi. Għalliema mħarrġa sew li jistgħu jużaw teknoloġiji diġitali b'mod pedagoġiku sinifikattiv u sensittiv għall-età u l-ġeneru huma fattur ewlieni fl-istabbiliment ta' edukazzjoni diġitali ta' kwalità għolja u inklużiva għal kulħadd.

    36.

    Irawmu l-inklużjoni tal-istudenti kollha, billi jnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u d-distakk diġitali, kif ukoll jipprovdu aċċess ekwu għal opportunitajiet u ambjenti ta' tagħlim diġitali adatti għal kulħadd.

    37.

    Jikkunsidraw investimenti fl-edukazzjoni diġitali billi jisfruttaw il-possibbiltajiet tal-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b'mod partikolari l-inizjattivi ewlenin "Connect" u "Reskill and Upskill", sabiex jikkontribwixxu għall-irkupru billi jimmodernizzaw u jsaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi. Jikkunsidraw ukoll l-użu ta' opportunitajiet oħra ta' finanzjament tal-Unjoni, bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa II, InvestEU, il-FEŻR u l-FSE+.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, FKONFORMITÀ MAT-TRATTATI U BIL-KUNSIDERAZZJONI DOVUTA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ U Ċ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

    38.

    Tiżgura approċċ ikkoordinat dwar l-edukazzjoni diġitali fi ħdan il-Kummissjoni u tniedi, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, proċess ta' riflessjoni strateġika dwar il-fatturi abilitanti ta' edukazzjoni diġitali li tirnexxi inkluż il-konnettività u l-pedagoġija diġitali, l-infrastruttura, it-tagħmir diġitali, il-ħiliet diġitali tal-għalliema u tal-istudenti, l-interoperabbiltà u l-istandards tad-data, b'kont meħud tas-sovranità teknoloġika, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u l-etika, filwaqt li timmira lejn edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi. Barra minn hekk, f'dan il-proċess, tkompli l-ħidma, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u abbażi tal-evidenza, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni, bil-għan li jkun hemm komprensjoni kondiviża fil-livell tal-Unjoni tal-approċċi għal proċessi ta' apprendiment mill-bogħod li jkunu effettivi, inklużivi u interessanti.

    39.

    Tesplora modi biex trawwem approċċ aktar integrat għall-iżvilupp tal-politika tal-edukazzjoni diġitali permezz tal-istabbiliment possibbli ta' Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali, li jibni fuq networks eżistenti u azzjonijiet oħra rilevanti, sabiex tkun tista' tirreaġixxi aħjar għall-ħeffa tat-trasformazzjoni diġitali, fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u f'sinerġija u b'mod komplementari ma' politiki rilevanti oħra.

    40.

    Tappoġġa l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali fl-Ewropa u tenfasizza r-rwol tagħha permezz tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-qafas strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea li ser jissostitwixxi l-ET2020.

    41.

    Tipprovdi informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' metodi ta' edukazzjoni diġitali u tikkondividi prattiki tajbin, b'mod partikolari permezz ta' tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri kif ukoll informazzjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-valutazzjoni komparattiva, eż. mal-Kunsill tal-Ewropa, l-UNESCO u l-OECD.

    42.

    Tappoġġa lill-Istati Membri fit-trasformazzjoni diġitali li għaddejja fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari permezz ta' kollaborazzjoni transsettorjali bejn diversi inizjattivi u strateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni diġitali u tlaqqa' flimkien l-awtoritajiet, l-esperti, ir-riċerkaturi edukattivi, il-fornituri ta' edukazzjoni u taħriġ, is-soċjetà ċivili (l-unions tal-għalliema, l-assoċjazzjonijiet tal-istudenti u tal-ġenituri) u s-settur privat.

    43.

    Taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tisfrutta l-ekosistemi eżistenti nazzjonali u Ewropej tal-edukazzjoni diġitali filwaqt li tirrikonoxxi li ekosistema tal-edukazzjoni diġitali ta' prestazzjoni għolja teħtieġ kontenut, pjattaformi, servizzi u għodod edukattivi li jeħtieġ li jkunu ffukati fuq l-istudent, affidabbli, sikuri, pedagoġikament sodi, aċċessibbli u, fejn rilevanti, multilingwi, kif ukoll żviluppati b'mod miftuħ u ta' kwalità għolja. Dan jinkludi l-indirizzar ta' aspetti etiċi, inkluż fl-intelliġenza artifiċjali, u t-trawwim tal-protezzjoni tad-data personali tal-istudenti u tal-utenti u l-garanzija ta' skambju internazzjonali sigur, permezz tal-interoperabbiltà f'konformità mar-regolamenti Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI U LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-KOMPETENZI TAGĦHOM U BIL-KUNSIDERAZZJONI DOVUTA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    44.

    Jagħmlu użu effiċjenti mid-dimensjoni diġitali ta' Erasmus+, u, fejn xieraq, sinerġiji ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni, biex jappoġġaw il-pjanijiet ta' trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Jappoġġaw aktar permezz ta' proġetti ta' Erasmus+ l-iżvilupp professjonali tal-għalliema kif ukoll l-iżvilupp ta' ħiliet, kompetenzi u kapaċità diġitali, l-implimentazzjoni effettiva ta' metodi u għodod tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali kif ukoll l-iżvilupp ta' riżorsi edukattivi miftuħa fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb tat-tagħlim tul il-ħajja. Jesploraw il-kontribut potenzjali ta' Erasmus+ għal aċċessibbiltà aħjar tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali u għal inklużjoni soċjali akbar u sabiex jitrawwem is-suċċess edukattiv tal-istudenti kollha.

    45.

    Jesploraw it-tisħiħ tas-sinerġiji bejn id-diversi programmi, inizjattivi u proġetti Ewropej, nazzjonali u reġjonali għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali; jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi diġitali għall-istudenti u l-għalliema, il-ħarrieġa u l-edukaturi, b'mod partikolari għal persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali inkluż il-persuni l-aktar fil-bżonn; isaħħu l-iżvilupp ta' metodi u għodod innovattivi ta' apprendiment u tagħlim, u jagħtu lill-istudenti kollha l-opportunità li jibbenefikaw minn edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi.

    46.

    Ikomplu jappoġġaw l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej permezz ta' Erasmus+ u Orizzont Ewropa kif ukoll iċ-Ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali; jippromwovu d-disseminazzjoni, l-isfruttament u l-iskalabbiltà tar-riżultati rilevanti tal-proġett Erasmus+ biex jinfurmaw kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti edukattivi.

    47.

    Jesploraw l-użu ta' teknoloġiji diġitali biex joffru firxa usa' ta' opportunitajiet ta' mobbiltà mħallta u virtwali kif ukoll opportunitajiet ulterjuri ta' tagħlim flessibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġaw il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex itejbu l-apprendiment u t-tagħlim, jippromwovu s-servizzi ta' appoġġ u l-proċessi amministrattivi diġitali eż. dawk żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva rigward il-Karta Ewropea tal-Istudenti jew l-Europass.

    48.

    Ikomplu jsaħħu u jimmassimizzaw is-sinerġiji bejn għodod ta' awtovalutazzjoni (eż. SELFIE, HEInnovate), oqfsa (il-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini), avvenimenti parteċipattivi u attivitajiet promozzjonali (eż. il-Hackathon tal-Edukazzjoni Diġitali, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar) u pjattaformi eżistenti (eż. eTwinning, School Education Gateway u EPALE); ikomplu jaħdmu flimkien permezz ta' networks bħall-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u jkomplu jappoġġaw in-Network tal-Proprjetà Intellettwali fl-Edukazzjoni ġestit mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.

    49.

    Jagħmlu użu mir-riċerka, inkluż l-eżiti tal-proġetti Ewropej iffinanzjati taħt Erasmus+ u Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali sabiex jissaħħu s-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet li l-edukazzjoni diġitali tappoġġa u tisfrutta r-riċerka biex jiġu xprunati soluzzjonijiet pedagoġiċi innovattivi u biex tiġi infurmata l-formazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika.

    50.

    Jagħmlu użu mill-eżiti tal-pubblikazzjonijiet u l-istudji rilevanti dwar l-edukazzjoni diġitali mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-OECD, l-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa.

    (1)  Kif iddikjarat fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01), il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kunfidenti, kritiku u responsabbli ta', u l-involviment ma', teknoloġiji diġitali għall-apprendiment, fuq il-post tax-xogħol, u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Hija tinkludi litteriżmu fl-informazzjoni u d-data, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni, il-litteriżmu fil-media, il-ħolqien ta' kontenut diġitali (inkluż l-ipprogrammar), is-sikurezza (inkluż il-benesseri diġitali u l-kompetenzi relatati maċ-ċibersigurtà), kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali, is-soluzzjoni ta' problemi u l-ħsieb kritiku.

    (2)  L-intelliġenza artifiċjali (IA) tirreferi għal sistemi tal-IT li juru mġiba intelliġenti billi janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjonijiet - b'ċertu livell ta' awtonomija - biex jiksbu għanijiet speċifiċi.

    (3)  Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet, it-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali huma definiti bħala teknoloġiji li jippermettu l-prattika tal-faċilitazzjoni, it-tagħlim u t-titjib tal-prestazzjoni tal-istudenti bil-ħolqien, l-użu u l-ġestjoni ta' proċessi u riżorsi teknoloġiċi xierqa.

    (4)  F'dan il-kuntest, it-tagħlim imħallat huwa mifhum bħala approċċ pedagoġiku ta' taħlit ta' tagħlim wiċċ imb'wiċċ u dak online, b'xi livell ta' kontroll tal-istudenti matul iż-żmien, il-post, il-perkors u l-pass.

    (5)  Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet, l-apprendiment mill-bogħod jiddeskrivi mod ta' apprendiment li jippermetti li l-attivitajiet ta' tagħlim u apprendiment jiġu organizzati u mwassla mill-bogħod (eż. bl-użu ta' riżorsi tar-radju, tat-televiżjoni, tal-internet jew elettroniċi).

    (6)  L-edukazzjoni diġitali tinkludi żewġ perspettivi differenti iżda komplementari: l-użu pedagoġiku tat-teknoloġiji diġitali biex jappoġġaw u jsaħħu t-tagħlim, l-apprendiment u l-valutazzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta' kompetenzi diġitali minn studenti u persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (7)  Iċ-ċittadinanza diġitali hija sett ta' valuri, ħiliet, attitudnijiet, għarfien u fehim kritiku li ċ-ċittadini jeħtieġu fl-era diġitali. Ċittadin diġitali jaf kif juża t-teknoloġiji u kapaċi jinvolvi ruħu b'mod kompetenti u pożittiv magħhom.

    (8)  L-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi u persunal pedagoġiku ieħor spiss ikunu involuti f'diversi portali elettroniċi u komunitajiet online, pereżempju pjattaformi elettroniċi Ewropej bħal EPALE, School Education Gateway, E-Twinning eċċ. Jistgħu jkunu involuti wkoll f'komunitajiet elettroniċi internazzjonali usa', eż. permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u negozji multinazzjonali.

    (9)  EURYDICE (2020). L-impatt tal-Covid-19: l-għeluq ta' sistemi tal-edukazzjoni fl-Ewropa.

    (10)  COM(2020) 624 final.

    (11)  Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet, l-ekosistemi tal-edukazzjoni diġitali jistgħu jinftiehmu bħala l-ambjent u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi garantita edukazzjoni diġitali ta' kwalità għolja u inklużiva. Dan jirreferi prinċipalment għal kontenut ta' kwalità għolja, għodod faċli għall-utent, servizzi li jżidu l-valur u pjattaformi siguri.


    ANNESS

    Kuntest politiku

    1.   

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

    2.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: "Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" u l-"Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013" (1).

    3.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (2).

    4.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Ħidma Diġitali fost iż-Żgħażagħ (3).

    5.   

    Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) — Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (4).

    6.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (5).

    7.   

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għal Ewropa Inklużiva u Kompetittiva (6).

    8.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Inklużjoni fid-Diversità biex tinkiseb Edukazzjoni ta' Kwalità Għolja għal Kulħadd (7).

    9.   

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (8).

    10.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Miżuri msaħħa biex tonqos s-segregazzjoni orizzontali tas-sessi fl-edukazzjoni u l-impjiegi (7 ta' Diċembru 2017).

    11.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti (9).

    12.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja (10).

    13.   

    Kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (11).

    14.   

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi (12).

    15.   

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (13); u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni (14).

    16.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-mixja lejn viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (15).

    17.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019"Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030" (16).

    18.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2019 dwar il-futur ta' Ewropa b'diġitalizzazzjoni għolja wara l-2020: "Tingħata spinta lill-kompetittività diġitali u ekonomika mal-Unjoni kollha u lill-koeżjoni diġitali" (17).

    19.   

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (18).

    20.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Ir-rwol ewlieni tal-politiki ta' tagħlim tul il-ħajja fl-għoti tas-setgħa lis-soċjetajiet biex jindirizzaw it-tranżizzjoni teknoloġika u ekoloġika favur tkabbir inklużiv u sostenibbli (19).

    21.   

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew: niżguraw dibattiti infurmati dwar ir-riformi u l-investimenti (20).

    22.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (21).

    23.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ (22).

    24.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020 (23).

    25.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa (24).

    26.   

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta' appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali - Konklużjonijiet tal-Kunsill (8 ta' Ġunju 2020).


    (1)  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.

    (2)  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17.

    (3)  ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2.

    (4)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

    (5)  ĠU C 212, 14.6.2016, p. 5.

    (6)  ĠU C 467, 15.12.2016, p. 1.

    (7)  ĠU C 62, 25.2.2017, p. 3.

    (8)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

    (9)  ĠU C 421, 8.12.2017, p. 2.

    (10)  ĠU C 429, 14.12.2017, p. 3.

    (11)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

    (12)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 15.

    (13)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

    (14)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 23.

    (15)  ĠU C 195, 7.6.2018, p. 7.

    (16)  8286/19.

    (17)  10102/19.

    (18)  ĠU C 389, 18.11.2019, p. 1.

    (19)  ĠU C 389, 18.11.2019, p. 12.

    (20)  ĠU C 64, 27.2.2020, p. 1.

    (21)  ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11.

    (22)  ĠU C 212 I, 26.6.2020, p. 9.

    (23)  EUCO 13/20.

    (24)  ĠU C 202 I, 16.6.2020, p. 1.


    Top