This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0227(04)
Publication of an application for approval of an amendment, which is not minor, to a product specification pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs 2020/C 64/13
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emendamhux minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 64/13
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emendamhux minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 64/13
C/2020/932
ĠU C 64, 27.2.2020, p. 41–53
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 64/41 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emendamhux minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2020/C 64/13)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“BRIE DE MEAUX”
Nru tal-UE: PDO-FR-00110-AM01 – 26 ta’ Settembru 2018
DOP (X) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Isem: Union interprofessionnelle de défense, de gestion et de contrôle du Brie de Meaux et du Brie de Melun
Indirizz: 13 rue des Fossés – 77000 Melun, FRANCE
Tel. +33 164371392 / Fax: +33 164870427
Posta elettronika: odgbriemeauxmelun@gmail.com
Kompożizzjoni: Il-grupp huwa magħmul minn produtturi tal-ħalib, produtturi azjendali, proċessuri u dawk li jieħdu ħsieb il-maturazzjoni tal-“Brie de Meaux”. Għaldaqstant, għandu d-dritt leġittimu li jitlob l-emendi.
2. Stat membru jew pajjiż terz
Franza
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
☐ |
Isem il-prodott |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
☒ |
Żona ġeografika |
☒ |
Prova tal-oriġini |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
☒ |
Rabta |
☒ |
Tikkettar |
☒ |
Oħrajn: dettalji tal-korp ta’ kontroll u tal-grupp applikant, rekwiżiti nazzjonali. |
4. Tip ta’ emenda/i
☒ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
☐ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
5. Emenda/i
5.1. “Deskrizzjoni tal-prodott”
Is-sentenza:
“Il-‘Brie de Meaux’ huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat, b’konsistenza ratba u b’moffa superfiċjali.”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Il-‘Brie de Meaux’ huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat u b’konsistenza ratba.”
Is-sentenza:
“Il-‘Brie de Meaux’ għandu qoxra rqiqa u bajda, bi strixxi jew tikek ħomor, u b’konsistenza omoġenja.”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Il-‘Brie de Meaux’ għandu qoxra msejħa bil-flora, irqiqa, bajda, bi strixxi jew tikek ħomor, u b’konsistenza omoġenja.”
Id-dehra tal-prodott hija deskritta f’aktar dettall bl-indikazzjoni li l-“Brie de Meaux” għandu qoxra msejħa “bil-flora”, li hija marbuta mal-iżvilupp tal-Penicillium candidum bħala sostituzzjoni għal “moffa superfiċjali” li tista’ tiġi osservata fuq tipi oħra ta’ ġobon.
Din is-sentenza tiżdied wkoll fid-Dokument Uniku, fejn tissostitwixxi s-sentenza “Ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqar mhux ipproċessat, b’qoxra miksija b’feltru fin abjad [...]”.
Is-sentenza:
“Huwa f’sura ta’ ċilindru ċatt b’dijametru ta’ madwar 36 ċentimetru u ħxuna ta’ 2,5 ċentimetri”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Huwa f’sura ta’ ċilindru ċatt. Il-ġobon jiġi ffurmat f’forom ċilindriċi b’dijametru intern ta’ bejn 36 u 37 ċentimetru”.
Il-verifika tad-daqs tal-ġobniet tista’ tkun ineżatta minħabba d-deformazzjoni tal-ġobniet waqt il-maturazzjoni. Għalhekk qed jiżdied li d-daqs huwa dak tad-dijametru intern tal-forom, u hemm firxa ta’ valuri definiti minflok iż-żewġ valuri separati: “bejn 36 u 37 ċentimetru”. Il-ħxuna tal-ġobniet (2,5 ċentimetri) titħassar għaliex l-għoli ġej mir-relazzjoni bejn id-dijametru u l-piż tal-ġobniet; din il-kjarifika għaldaqstant mhijiex meħtieġa.
Din is-sentenza tiżdied ukoll fid-Dokument Uniku billi tissostitwixxi t-termini “ċilindru ċatt”.
Il-kunċett ta’ “kulur il-krema uniformi” jitħassar peress li l-kulur tal-konsistenza ta’ ġewwa jvarja bejn il-qalba u x-xifer, għalhekk mhuwiex uniformi. Barra minn hekk, il-kulur mhuwiex kostanti, jista’ jvarja skont l-istaġun u jiddependi mill-għalf tal-baqar.
Jiżdied il-paragrafu li ġej:
“Wara 4 ġimgħat ta’ maturazzjoni, il-‘Brie de Meaux’ ikun ġobon immaturat kwart biss (jiġifieri minimu ta’ 25 % tal-għoli tiegħu). Għandu togħma tal-ħalib li tista’ tkun kemxejn mielħa bi ħjiel ta’ mrar. Bejn 4 u 6 ġimgħat, il-ġobon jimmatura bil-mod mill-qoxra lejn il-qalba, bil-konsistenza tiegħu tinbidel minn ġobon li jitfarrak għal ġobon flessibbli. L-aroma tiegħu tiżviluppa b’mod gradwali. Wara 6 sa 8 ġimgħat, il-‘Brie de Meaux’ huwa matur sal-qalba, b’konsistenza flessibbli; għandu riħa sottili ta’ krema, butir u ġellewż.”
Id-dehra tal-konsistenza tal-ġobon hija deskritta skont l-istadju ta’ maturazzjoni tal-ġobna:
— |
Il-konsistenza tinbidel minn ġobon li jitfarrak (ġobna ta’ 4 ġimgħat) għal flessibbli (ġobna ta’ 6-8 ġimgħat). |
— |
Fir-rigward tal-kriterji organolettiċi, il-“Brie de Meaux”, fi tmiem il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni (4 ġimgħat), għandu togħma ta’ ħalib li tista’ tkun kemxejn mielħa bi ħjiel ta’ mrar. Bejn 4 u 6 ġimgħat, ir-riħa tiegħu tiżviluppa b’mod gradwali. Wara 6 sa 8 ġimgħat, għandu riħa sottili ta’ krema, butir u ġellewż. |
Dan il-paragrafu għandu jiżdied ukoll fid-Dokument Uniku.
Is-sentenza:
“Fih 45 fil-mija ta’ xaħam u 44 fil-mija ta’ materja niexfa”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Fih mill-inqas 45 gramma ta’ xaħam għal kull 100 gramma ġobon tal-estratt niexef totali, u mill-inqas 44 gramma ta’ materja niexfa għal kull 100 gramma ġobon għall-kummerċjalizzazzjoni.”
Ir-rata ta’ xaħam hija espressa fi grammi għal kull 100 gramma ġobon tal-estratt niexef minflok perċentwal. Bl-istess mod, ir-rata ta’ materja niexfa hija espressa fi grammi ta’ materja niexfa għal kull 100 g ġobon minflok perċentwal. Ġie ppreċiżat ukoll li dawn ir-rati huma r-rati minimi li għandhom jiġu osservati fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni, sabiex jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għall-kontroll.
Din is-sentenza tiżdied ukoll fid-Dokument Uniku.
Is-sentenza:
“Jiżen madwar 2,6 kg [...]”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Jiżen bejn 2,6 kg u 3,3 kg.”
Din il-firxa tqis il-kummerċjalizzazzjoni tal-“Brie de Meaux” fi stadji differenti ta’ maturazzjoni. Aktar ma jkun immaturat il-ġobon, aktar jitlef mill-ilma, u għalhekk jonqos il-piż tiegħu. Jekk ikun anqas minn 2,5 kg, ikun niexef iżżejjed u ma jurix aktar il-karatteristiċi tad-DOP. Ma għadux speċifikat li l-piż jirrigwarda l-ġobon “wara 4 ġimgħat” minħabba li dan il-parametru huwa impliċitu safejn il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni tal-“Brie de Meaux” huwa ta’ 4 ġimgħat.
Din is-sentenza tiżdied ukoll fid-Dokument Uniku biex tissostitwixxi “il-piż medju ta’ 2,6 kg”.
Tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Il-qsim tal-‘Brie de Meaux’ jista’ jsir biss fin-nofs jew f’porzjonijiet (bil-ponta, miċ-ċentru sat-tarf), fi tmiem il-perjodu minimu ta’ erba’ ġimgħat ta’ maturazzjoni.”
Il-“Brie de Meaux” rari jinbiegħ sħiħ lill-konsumatur aħħari minħabba li l-ġobna tkun kbira. Jiżdiedu ċerti regoli tal-qsim biex ikun żgurat li kull biċċa għandha tarf bil-qoxra, u b’hekk ikunu sottolineati l-forma tonda tal-ġobna u l-format tagħha; jintuża għall-qtugħ. Ġie speċifikat ukoll li l-qsim jista’ jsir biss fi tmiem il-perjodu minimu ta’ erba’ ġimgħat ta’ maturazzjoni.
Din is-sentenza tiżdied ukoll fid-Dokument Uniku.
5.2. “Żona ġeografika”
Tiżdied il-lista tal-muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika ddefinita sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ. Din il-lista tkopri l-muniċipalitajiet kollha fiż-żona ġeografika ddefinita li fiha jistgħu jsiru l-istadji kollha tal-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon, abbażi tal-kodiċi uffiċjali ġeografiku Franċiż għas-sena 2017.
5.3. “Prova tal-oriġini”
Jiżdiedu l-obbligi ta’ rappurtar għall-operaturi. Dawn il-bidliet huma marbuta ma’ żviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali. B’mod partikolari:
— |
identifikazzjoni tal-operaturi bil-ħsieb li jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; |
— |
paragrafu dwar iż-żamma ta’ rekords u dokumenti dwar it-traċċabbiltà; |
— |
id-dikjarazzjonijiet neċessarji għall-għarfien u l-monitoraġġ tal-produzzjoni; |
— |
paragrafu dwar il-kontroll imwettaq fuq il-karatteristiċi tal-prodotti maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati bid-denominazzjoni tal-oriġini. |
5.4. “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni”
Kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib
Il-paragrafi dwar il-bhejjem, l-akkomodazzjoni, l-għalf oħxon, il-konċentrati u l-awtosuffiċjenza fl-ikel (għalf u manutenzjoni ta’ żoni ta’ għalf) jiżdiedu fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott sabiex jiġu rreġistrati prattiki tradizzjonali.
Tiżdied id-definizzjoni tal-merħla tal-ħalib: il-baqar tal-ħalib kollha fl-azjenda, inklużi l-erieħ u l-baqar xotti. Din id-definizzjoni hija maħsuba biex jiġi ċċarat għal liema annimali qed issir referenza bl-użu tat-terminu “merħla tal-ħalib” fil-bqija tal-Ispeċifikazzjoni, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u jiġu ffaċilitati l-kontrolli.
Tiżdied il-kompożizzjoni tal-merħla tal-ħalib: mill-inqas 80 % tal-annimali li twieldu fl-azjenda jew minn merħliet tal-ħalib fiż-żona ġeografika, sabiex jiġi żgurat li l-baqar ikunu l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet tal-bhejjem lokali (trobbija bit-tiben, tip ta’ razzjon) u għall-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat. Dan l-aġġustament tajjeb huwa appoġġat ukoll mill-obbligu għall-erħiet wara l-ftim u qabel l-ewwel treddigħ li jkollhom perjodu ta’ rigħi ta’ mill-inqas 5 xhur fiż-żona ġeografika ddefinita.
Jiżdied li l-użu tat-tiben għall-mistrieħ tal-baqar tal-ħalib huwa obbligatorju minħabba li l-akkomodazzjoni tal-baqar tal-ħalib fuq it-tiben hija prattika tradizzjonali fiż-żona ġeografika. Dan il-metodu ta’ akkomodazzjoni jippermetti li tinżamm ekosistema mikrobjali li tinfluwenza l-flora naturali tal-ħalib mhux ipproċessat; dan jikkontribwixxi għall-karattru speċifiku tal-“Brie de Meaux”. Jiżdiedu kwantitajiet minimi għall-provvista tat-tiben sabiex tiġi garantita l-kwalità tal-boton (0,5 kg għal kull baqra kull jum fis-sistema ta’ stalel, 5 kg f’kenn liberu). It-tiben jinħażen taħt kenn sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tiegħu.
Tiżdied id-definizzjoni tar-razzjon totali: “l-għalf oħxon kollu (razzjon bażiku) u l-konċentrati distribwiti”, sabiex ikun hemm fehim aħjar tad-dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjoni matul l-ispezzjoni.
Jiżdied li 85 % tal-materja niexfa fir-razzjon totali tal-merħla jiġi miż-żona ġeografika, u 60 % mill-azjenda nnifisha, b’mod li l-azjendi tal-Brie jagħtu importanza b’mod tradizzjonali għall-prodotti dderivati tagħhom stess tal-għelejjel ewlenin (iċ-ċereali, il-pitravi) u dawk taż-żona ġeografika.
Din id-dispożizzjoni tiżdied mal-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Fil-fatt, l-azjendi huma azjendi tat-tip ta’ polikultivazzjoni u trobbija, li għalhekk għandhom varjetà ta’ għelejjel li jistgħu jintużaw għall-alimentazzjoni tal-merħla. Madankollu, l-għalf ikkonċentrat b’sorsi ta’ proteina spiss mhumiex biżżejjed biex ikopru l-bżonnijiet tal-baqar tal-ħalib li qed ireddgħu. Għalhekk, dawk li jrabbu jużaw għalf li ma jkunx miż-żona fi proporzjon massimu ta’ 15 % tal-materja niexfa fir-razzjon totali.
Is-sistema lokali tal-alimentazzjoni tal-baqar hija bbażata fuq razzjon bażiku diversifikat, u tagħti importanza lill-prodotti dderivati tal-azjenda agrikola u taż-żona ġeografika. Għalhekk jiżdiedu:
— |
il-lista tal-foraġġi awtorizzati (ħaxix li jirgħu fih, imqassma fil-ħaxix jew ippreservat fil-forma ta’ silaġġ, ħuxlief, għalf imgeżwer jew għalf niexef; ċereali u legumi mhux misjura, imqassma fil-ħaxix jew ippreservati f’forma ta’ silaġġ; qamħirrum u sorgu distribwit fil-ħaxix, ippreservat fil-forma ta’ silaġġ jew disidratat; qmuħ taċ-ċereali; pitravi tal-għalf u għeruq u tuberi oħrajn, bil-polpa friska, ippressati jew disidratati; tiben taċ-ċereali, tal-legumi u taż-żrieragħ żejtnin); |
— |
ir-razzjon bażiku għandu jkun kompost minn tal-inqas tliet kostitwenti, li jinkludu żewġ komponenti obbligatorji: il-ħaxix frisk jew ippreservat (4 kg ta’ materja niexfa għal kull baqra tal-ħalib fil-produzzjoni kull jum, li minnhom 2 kg ikunu minn legumi tal-għalf), u polpa tal-pitravi jew pitravi tal-għalf (minimu ta’ 2 kg ta’ materja niexfa). |
Din id-dispożizzjoni tiżdied mal-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Jiżdied li l-għalf prinċipali ma jistax jaqbeż 60 % tar-razzjon bażiku ta’ materja niexfa, ħlief fil-każ tal-ħaxix, b’tali mod li jiġi żgurat razzjon bażiku diversifikat.
Din id-dispożizzjoni tiżdied mal-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Meta l-kundizzjonijiet jippermettu, dan ir-razzjon bażiku jista’ jiġi sostitwit minn mergħa għal mill-inqas 150 jum fis-sena b’mill-inqas 20 “ares” (2 000 metru kwadru) disponibbli għal kull baqra tal-ħalib fil-produzzjoni. Barra mill-perjodu ta’ mergħa, ir-razzjon bażiku għandu jinkludi mill-inqas 3 kg ta’ materja niexfa abbażi tal-ħaxix u l-għalf prinċipali ma għandux jaqbeż 70 % tar-razzjon bażiku, f’materja niexfa, ħlief fil-każ tal-ħaxix.
Din id-dispożizzjoni tiżdied mal-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Jiżdied li l-kontribut tal-għalf ikkonċentrat huwa limitat għal 2 000 kg ta’ materja niexfa għal kull baqra tal-ħalib u għal kull sena, biex jiġi kkonfermat il-post tal-foraġġi fl-alimentazzjoni tal-baqar tal-ħalib u b’hekk tissaħħaħ ir-rabta maż-żona ġeografika.
Din id-dispożizzjoni tiżdied mal-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Jiżdiedu lista ta’ konċentrati awtorizzati u l-metodi ta’ distribuzzjoni tagħhom:
— |
Ħbub taċ-ċereali u prodotti dderivati |
— |
Żrieragħ tal-legumi u prodotti dderivati |
— |
Żrieragħ jew frott taż-żejt u prodotti dderivati |
— |
Melassa tal-pitravi jew kannamieli |
— |
Xorrox (għall-bdiewa biss) |
— |
Addittivi nutrittivi, ħlief il-metjonina protetta, l-urea u l-prodotti dderivati tagħha |
— |
Addittivi żootekniċi. |
Jiżdied li huwa pprojbit it-taħwil ta’ għelejjel transġeniċi fuq iż-żoni kollha ta’ azjenda li tipproduċi ħalib maħsub għall-ipproċessar fi “Brie de Meaux” DOP (din il-projbizzjoni tapplika għal kull speċi ta’ pjanta li tista’ tingħata lill-annimali fl-azjenda, u l-uċuħ tar-raba’ kollha li kapaċi jikkontaminawhom). Għaldaqstant tista’ tinżamm ir-rabta maż-żona ġeografika, u jista’ jissaħħaħ il-karattru tradizzjonali tal-alimentazzjoni (60 % tal-materja niexfa fir-razzjon totali tal-merħla mill-azjenda).
Jiżdiedu l-kundizzjonijiet għat-tifrix tad-demel organiku (minimu ta’ 30 jum bejn il-fertilizzazzjoni organika, il-ħrit jew ir-ragħa ta’ bur, 21 jum fil-każ tal-kompost, monitoraġġ tal-kwalità tad-demel ta’ oriġini mhux agrikola, kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ demel organiku ta’ oriġini mhux agrikola). Dan biex jiġi evitat kull riskju ta’ kontaminazzjoni minħabba li l-“Brie de Meaux” isir mill-ħalib mhux ipproċessat.
Il-paragrafi dwar il-ħalib użat, l-ipproċessar (it-tames, l-iffurmar, it-tqattir, it-tmelliħ, l-ippriservar/it-tnixxif), it-trasport qabel il-maturazzjoni, il-maturazzjoni u l-kunsinna jiżdiedu fl-Ispeċifikazzjoni.
Din il-parti ġiet ukoll issupplimentata biex tikkaratterizza aħjar ir-rotta teknoloġika tal-“Brie de Meaux”. Timmira li tiċċara liema huma l-prattiki li jirriflettu l-għarfien tal-operaturi, filwaqt li tirregola l-valuri fil-mira sabiex ikunu żgurati l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott.
Għandu jiżdied limitu ta’ żmien massimu għall-ġbir u limitu taż-żmien massimu għall-użu tal-ħalib: massimu ta’ kull 48 siegħa għall-ġbir, massimu ta’ 36 siegħa bejn il-ġbir tal-ħalib u l-inokulazzjoni għaliex huwa ġobon magħmul esklussivament minn ħalib mhux ipproċessat u jeħtieġ li jiġi limitat id-deterjorament fil-kwalità tal-ħalib.
Jiżdied li:
— |
il-ħalib tal-baqar mhux ipproċessat użat huwa standardizzat f’dak li għandu x’jaqsam max-xaħam permezz ta’ xkumar parzjali tal-ħalib sa massimu ta’ 40 °C; |
— |
il-ħalib jiġi mmaturat, f’forma ta’ qabel il-maturazzjoni u/jew ta’ maturazzjoni. It-tul ta’ żmien ta’ qabel il-maturazzjoni huwa inqas minn 48 siegħa f’temperatura massima ta’ 22 °C b’limitu massimu ta’ inokulazzjoni ta’ 3 % tal-volum tal-ħalib użat fil-proċess tal-produzzjoni; il-fażi tal-maturazzjoni hija għal perjodu ta’ inqas minn sagħtejn f’temperatura massima ta’ 37 °C; |
— |
l-ingredjenti awtorizzati għall-produzzjoni, minbarra l-materja prima tal-ħalib, huma elenkati: it-tames, il-kulturi tal-batterji, il-ħmira, il-moffa (is-sikurezza tagħhom hija ddemostrata), il-klorur tal-kalċju u l-melħ; |
— |
l-użu tal-ħlejjeb li ġejjin huwa pprojbit: |
— |
rikombinanti, rikostitwiti, dilwiti, u b’mod partikolari hija pprojbita ż-żieda tat-trab tal-ħalib għajr għall-fermenti, |
— |
ikkonċentrati kompletament jew parzjalment, ikun xi jkun il-proċess (ultrafiltrazzjoni, mikrofiltrazzjoni jew metodu ieħor). Għaldaqstant iż-żieda ta’ proteini hija pprojbita, peress li l-ħalib użat jista’ jkun biss ħalib mhux ipproċessat standardizzat f’dak li għandu x’jaqsam max-xaħam permezz ta’ xkumar. |
Il-preparazzjoni tal-fermenti minn trab tal-ħalib hija awtorizzata, fejn il-proporzjon ta’ inkorporazzjoni ma jistax jaqbeż it-3 % tal-volum tal-ħalib użat fil-proċess tal-produzzjoni.
L-inokulazzjoni fil-kultura termofila hija pprojbita, peress li din ikollha impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Brie de Meaux”.
Dan huwa l-għarfien u l-prattiki attwali tal-manifatturi tal-“Brie de Meaux”.
Jiżdied li:
— |
il-metodi ta’ preservazzjoni f’temperatura negattiva jew f’atmosfera modifikata tal-materja prima u tal-prodotti fil-proċess tal-manifattura għandhom jiġu pprojbiti sabiex jiġu ggarantiti l-karatteristiċi tal-“Brie de Meaux”; |
— |
il-materjali tradizzjonali (injam, tiben, ġummar) huma awtorizzati għall-istadji tal-ipproċessar u tal-maturazzjoni (dan jikkonċerna b’mod partikolari l-blinds użati għall-iskular tal-ġobniet u t-tidwir tagħhom waqt il-maturazzjoni). |
— |
Tiżdied ir-referenza għall-kalkolu tal-perjodi tal-manifattura u tal-maturazzjoni: din hija d-data tat-tibqit. |
It-tibqit
Is-sentenza:
“Il-ħalib jista’ jiġi msaħħan darba biss u biss fil-ħin meta jiżdied it-tames f’temperatura ta’ mhux aktar minn 37 °C”
hija sostitwita bis-sentenza:
“Il-baqta tal-ħalib issir f’temperatura li hija inqas minn jew ugwali għal 37 °C”.
Fil-prattika, il-ħalib jissaħħan għall-ewwel darba biex jiġi xkumat u mbagħad jissaħħan mill-ġdid għat-tibqit. Id-dispożizzjoni relatata mal-fatt li l-ħalib jista’ jiġi msaħħan darba biss, li kienet primarjament maħsuba biex tippreserva l-karattru tal-ħalib mhux ipproċessat tal-ħalib, hija għalhekk imħassra. It-temperatura tat-tisħin tibqa’ 40 °C jew inqas, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat.
Jiżdiedu fid-deskrizzjoni l-valuri fil-mira għat-tibqit (pH ta’ inqas minn 6,5 jew aċidità ta’ iktar minn 19 °D, b’temperatura tal-ħalib ta’ 37 °C jew inqas, ħin ta’ koagulazzjoni ta’ inqas minn sagħtejn), peress li dawn jiddeskrivu r-rotta teknoloġika karatteristika tal-“Brie de Meaux”.
In-natura tat-tames tiżdied ukoll. Din hija ta’ oriġini bovina, li tipprojbixxi t-tames ta’ oriġini veġetali jew mikrobjali. Jiżdiedu wkoll id-dożi użati: doża massima ta’ 28 mg għal kull 100 litru ta’ ħalib u forza massima ta’ 750 mg/l ta’ kimosina.
L-iffurmar
Jiżdied li l-baqta tiġi magħmula f’tank u li ma tistax tkun suġġetta għal xi azzjoni esterna, ħlief għat-tfettit vertikali jew għall-qtugħ vertikali u l-iffurmar f’pala tal-Brie, li jikkorrispondi għal tfettit orizzontali. Jekk ikun hemm qtugħ, l-indikazzjoni “b’xafra waħda” titneħħa peress li ma tkunx meħtieġa, minħabba li skont id-definizzjoni, il-qtugħ jiġifieri taqta’ b’xafra jew sikkina waħda.
Il-valur fil-mira assoċjat ma’ dan l-istadju huwa spjegat sabiex dan jiġi kkaratterizzat aħjar: id-distanza bejn żewġ linji ta’ tfettit vertikali għandha tkun tal-inqas ta’ ċentimetru. Il-projbizzjoni fuq l-ippumpjar titħassar, billi din il-kjarifika mhijiex xierqa meta wieħed iqis id-deskrizzjoni tal-istadju tal-iffurmar.
Jiżdied perjodu ta’ 15-il minuta bejn it-tfettit u l-bidu tal-iffurmar biex jissostitwixxi l-espressjoni kwalitattiva “qabel l-ixkumar tax-xorrox”, sabiex il-kontroll ikun iktar oġġettiv.
Barra minn hekk, flimkien mal-perjodu bejn it-tqattigħ u l-iffurmar, jiżdied li l-iffurmar ta’ tank tal-baqta ma jistax jiġi interrott: l-għan huwa li jiġi limitat l-iskular tal-baqta fit-tank, li tista’ sseħħ fuq il-karatteristiċi tal-ġobon, b’mod partikolari fuq il-koeżjoni tiegħu. Għal dan il-għan, fir-rigward tal-iffurmar li jsir manwalment minn saffi rqaq suċċessivi għal fuq il-pala tal-Brie, jiżdied li dan għandu jsir darba biss jew f’operazzjoni waħda, jiġifieri b’mili addizzjonali, ladarba l-ġobon ikun beda jiskula fil-forma.
Tiżdied id-deskrizzjoni tal-pala tal-Brie sabiex tiddeskrivi din l-għodda tradizzjonali, tip ta’ xkumatur tond b’dijametru ta’ bejn 28 u 32 ċm, imtaqqab sabiex ix-xorrox ikun jista’ jiskula. Hija kkaratterizzata mill-manku tagħha, li jaqbeż il-parti tonda tal-għodda billi tirritorna lejn iċ-ċentru tagħha.
Skular
Jiżdiedu l-kundizzjonijiet li fihom isir l-iskular : forom li jitqiegħdu fuq wiċċ ċatt bi trej tal-qasab jew tal-injam fuqu, f’temperatura ta’ 30 °C jew inqas. Il-ġobniet jiddawru mill-inqas darbtejn biex jiskulaw sew b’mod spontanju.
It-tmelliħ
Jiżdied il-valur tal-pH tal-ġobon 24 siegħa wara l-iffurmar. Dan il-valur QNE ma jistax ikun akbar minn 4,9, u dan jippermetti li jiġi żgurat il-karattru lattiku mħallat b’xejra tat-tames tal-“Brie de Meaux”.
Jiżdied li l-ġobon prodott inqas minn 7 ijiem ilu jista’ jintbagħat lil dawk li jieħdu ħsieb il-maturazzjoni. Jiżdiedu l-kundizzjonijiet tat-trasport sabiex ikun żgurat li dan ma jwassalx għal interruzzjoni sostanzjali tal-evoluzzjoni tal-ġobniet: f’temperatura pożittiva sa 12 °C fi żmien massimu ta’ 24 siegħa ta’ trasport. Kull vjaġġ li jkun itwal minn 24 siegħa jrid jiżdied mal-minimu ta’ 4 ġimgħat ta’ maturazzjoni.
Jiżdied li l-perjodu ta’ maturazzjoni ta’ mill-inqas 4 ġimgħat jingħadd mill-ġurnata tat-tibqit, u mhux aktar mill-ġurnata tal-manifattura; dan huwa aktar preċiż, sabiex il-kontrolli jsiru aktar preċiżi.
Il-kundizzjonijiet tal-maturazzjoni jiżdiedu skont il-prattika attwali:
— |
il-maturazzjoni maqsuma f’żewġ fażijiet: qabel il-maturazzjoni u l-maturazzjoni; |
— |
kull fażi hija deskritta b’firxa ta’ temperaturi (bejn 8 °C u 16-il °C għal qabel il-maturazzjoni, bejn 4 °C u 14-il °C għall-maturazzjoni), l-umdità tagħha (umdità kkontrollata għall-perjodu ta’ qabel il-maturazzjoni, bejn 80 % u 98 % għall-maturazzjoni) u d-durata tagħha (inqas minn 21 jum għal qabel il-maturazzjoni, tal-inqas sad-durata minima ta’ maturazzjoni għall-fażi ta’ maturazzjoni); |
— |
il-ġobniet jiddawru mill-inqas darba fil-ġimgħa biex jiġi żgurat l-iżvilupp uniformi tal-flora tal-ġobon; |
— |
il-ġobniet jiġu mmaturati b’mod “għeri” (il-maturazzjoni f’kaxxa jew f’landa hija pprojbita) mill-inqas sal-perjodu minimu ta’ maturazzjoni, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tal-flora u sabiex tkun tista’ tiġi mmonitorjata l-evoluzzjoni tal-ġobniet; |
— |
fil-kantina, il-ħarsien isir manwalment sabiex il-ġobniet jiġu ttrattati b’attenzjoni, peress li huma fraġli minħabba l-forma ċatta tagħhom. |
Jiżdied li l-ippakkjar ma jistax isir qabel ma jintemm il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni, u mhux aktar minn għaxart ijiem qabel ma jintbagħat l-impjant ta’ maturazzjoni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ottimali ta’ maturazzjoni għall-iżvilupp tal-aromi tal-“Brie de Meaux”, fejn dawn tal-aħħar jiġu mmaturati b’mod tradizzjonali, jiġifieri mingħajr ebda ppakkjar, fil-kantina tal-maturazzjoni, għall-kuntrarju ta’ produzzjonijiet oħra tal-Brie aktar industrijali li jiġu ppakkjati malli l-qoxra jkollha l-flora u jkomplu jiżviluppaw fi kmamar tat-tkessiħ. Jiżdied li l-“Brie de Meaux” jiġi ppakkjat fil-karta jew film tal-plastik, fuq it-tiben jew le, u li jitwassal f’kartun jew f’kaxxa tal-injam jew permezz ta’ kaxxa tat-trasport. L-ippakkjar użat għandu jagħmilha possibbli li l-ġobon jinġarr mingħajr ma jinqasam.
Dawn ir-regoli jiżdiedu mal-punt 3.5 tad-Dokument Uniku “Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.”.
5.5. “Rabta”
Ir-rabta hija miktuba mill-ġdid fl-intier tagħha, sabiex turi b’mod iktar ċar id-dimostrazzjoni tar-rabta bejn il-“Brie de Meaux” u ż-żona ġeografika tiegħu, mingħajr ma tinbidel ir-rabta nfisha. Din id-dimostrazzjoni tenfasizza, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat adattat għall-ipproċessar tal-ġobon, li għalih huwa meħtieġ għarfien speċifiku, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-maturazzjoni. Il-punt “speċifiċità taż-żona ġeografika” jiġbor il-fatturi naturali taż-żona ġeografika kif ukoll il-fatturi umani billi jiġbor fil-qosor l-aspett storiku u jenfasizza l-għarfien speċifiku. Il-punt “speċifiċità tal-prodott” jenfasizza ċerti elementi introdotti fid-deskrizzjoni tal-prodott. Fl-aħħar nett, il-punt “Rabta kawżali” jispjega l-interazzjonijiet bejn il-fatturi naturali u umani u bejn il-prodott.
Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.
5.6. “Tikkettar”
Ir-referenza għal-logo tal-INAO hija mħassra.
Tiżdied is-sentenza li ġejja: “It-tikkettar tal-‘Brie de Meaux’ jinkludi:
— |
L-isem tad-denominazzjoni |
— |
Is-simbolu ‘DOP’ tal-Unjoni Ewropea.”. |
Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.
Jiżdied li l-isem tad-denominazzjoni għandu jinkiteb b’karattri ta’ daqs li jkun mill-inqas żewġ terzi tal-ikbar karattri tat-tikketta, b’tali mod li l-isem tat-trademark ma jiġix enfasizzat iżżejjed għad-detriment tal-isem tad-denominazzjoni.
Jiżdied li meta t-trademark ma tkunx dik tal-manifattur jew ta’ min jieħu ħsieb il-maturazzjoni, l-isem tal-manifattur jew ta’ min jieħu ħsieb il-maturazzjoni għandu jidher fuq it-tikketta sabiex il-prodott ikun jista’ jiġi rintraċċat u l-konsumatur ikun jista’ jiġi infurmat.
Jiżdied li l-użu ta’ kwalunkwe aġġettiv jew dettall ieħor li jakkumpanja l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini huwa pprojbit, bl-eċċezzjoni ta’ trademarks li jipprevjenu talbiet frivoli li jistgħu jqarrqu bil-konsumatur fir-rigward tal-karatteristiċi tal-“Brie de Meaux”.
5.7. “Oħrajn”
L-indirizz tas-servizz kompetenti tal-Istat Membru ġie aġġornat.
L-isem u d-dettalji tal-grupp applikant ġew aġġornati.
Għat-taqsima dwar ir-referenzi tal-istrutturi ta’ spezzjoni, ġew aġġornati l-isem u d-dettalji tal-istrutturi uffiċjali. F’dik it-taqsima jingħataw id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kontroll fil-livell Franċiż: L-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kontroll tal-Frodi (DGCCRF). Jiżdied ukoll li l-isem u d-dettalji tal-korp taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati permezz tas-sit web tal-INAO u l-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-entrata dwar ir-rekwiżiti nazzjonali, tiżdied tabella bil-punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati u l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom.
DOKUMENT UNIKU
“BRIE DE MEAUX”
Nru tal-UE: PDO-FR-00110-AM01 – 26 ta’ Settembru 2018
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Brie de Meaux”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.3. Ġobon
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Brie de Meaux” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat u b’konsistenza ratba.
Il-perjodu ta’ maturazzjoni huwa ta’ mhux inqas minn erba’ ġimgħat mill-ġurnata tat-tibqit.
Il-ġobon huwa f’sura ta’ ċilindru ċatt. Il-ġobon jiġi ffurmat f’forom ċilindriċi b’dijametru intern ta’ bejn 36 u 37 ċentimetru. Il-“Brie de Meaux” għandu qoxra msejħa bil-flora, irqiqa, bajda, bi strixxi jew tikek ħomor, u b’konsistenza omoġenja.
Wara 4 ġimgħat ta’ maturazzjoni, il-“Brie de Meaux” ikun ġobon kwart immaturat (jiġifieri minimu ta’ 25 % tal-għoli tiegħu). Għandu togħma tal-ħalib li tista’ tkun kemxejn mielħa bi ħjiel ta’ mrar. Bejn 4 u 6 ġimgħat, il-ġobon jimmatura bil-mod mill-qoxra lejn il-qalba, bil-konsistenza tiegħu tinbidel minn ġobon li jitfarrak għal ġobon flessibbli. L-aroma tiegħu tiżviluppa b’mod gradwali. Wara 6 sa 8 ġimgħat, il-“Brie de Meaux” huwa matur sal-qalba, b’konsistenza flessibbli; għandu riħa sottili ta’ krema, butir u ġellewż.
Fih mill-inqas 45 gramma ta’ xaħam għal kull 100 gramma ġobon tal-estratt niexef totali, u mill-inqas 44 gramma ta’ materja niexfa għal kull 100 gramma ta’ ġobon għall-kummerċjalizzazzjoni.
Il-piż ta’ ġobna huwa bejn 2,6 u 3,3 kilogrammi.
Il-qsim tal-“Brie de Meaux” jista’ jsir biss fin-nofs jew f’porzjonijiet (bil-ponta, miċ-ċentru sat-tarf), fi tmiem il-perjodu minimu ta’ erba’ ġimgħat ta’ maturazzjoni.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Mill-inqas 85 % tal-materja niexfa fir-razzjon totali tal-merħla tal-ħalib tiġi miż-żona ġeografika, li mill-inqas 60 % minnu jiġi mill-azjenda nfisha.
Fil-fatt, l-azjendi huma azjendi tat-tip ta’ polikultivazzjoni u trobbija, li għalhekk għandhom varjetà ta’ għelejjel li jistgħu jintużaw għall-alimentazzjoni tal-merħla. Madankollu, l-għalf ikkonċentrat b’sorsi ta’ proteina spiss mhumiex biżżejjed biex ikopru l-bżonnijiet tal-baqar tal-ħalib li qed ireddgħu. Għalhekk, dawk li jrabbu jużaw għalf li ma jkunx miż-żona fi proporzjon massimu ta’ 15 % tal-materja niexfa fir-razzjon totali.
Il-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib fil-produzzjoni jinkludi mill-inqas 3 kostitwenti. Għandu jkun magħmul minn tal-inqas 2 kilogrammi ta’ materja niexfa miksuba minn polpa tal-pitravi jew minn pitravi tal-għalf, u minn tal-inqas 4 kilogrammi ta’ materja niexfa mill-ħaxix, li minnhom minimu ta’ 2 kilogrammi huma minn legumi tal-mergħa.
L-għalf prinċipali ma jistax jaqbeż 60 % tar-razzjon bażiku f’materja niexfa, ħlief fil-każ tal-ħaxix.
Għall-baqar tal-ħalib fil-produzzjoni li jkunu jirgħu, din ir-regola tat-tliet kostitwenti ma tapplikax sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
— |
Il-perjodu tar-ragħa: il-baqar tal-ħalib li jkunu qed jipproduċu l-ħalib jintużaw għar-ragħa mill-inqas 150 jum fis-sena. L-erja għal kull baqra tal-ħalib li tirgħa hija ta’ mill-inqas 20 “ares”. |
— |
Meta mhux fil-perjodu tar-ragħa: il-porzjon bażiku għandu jinkludi minimu ta’ 3 kilogrammi ta’ materja niexfa bbażata fuq il-ħaxix. L-għalf prinċipali ma jistax jaqbeż 70 % tar-razzjon bażiku, f’materja niexfa, ħlief fil-każ tal-ħaxix. |
Il-konsum annwali ta’ għalf ikkonċentrat huwa limitat għal 2 000 kilogramma ta’ materja niexfa bħala medja għal kull baqra tal-ħalib fil-produzzjoni.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobniet isiru fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-ippakkjar qabel ma jintbagħat jista’ jsir biss wara minimu ta’ erba’ ġimgħat mill-ġurnata tat-tibqit. Il-ġobon għandu jintbagħat mill-ħanut tax-xogħol fi żmien għaxart ijiem mill-ippakkjar (l-ippakkjar, it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-ġobon għall-bejgħ).
Il-“Brie de Meaux” huwa ppakkjat fil-karta jew film tal-plastik, fuq it-tiben jew le. Jitwassal f’kaxxa tal-kartun jew fil-landa, jew f’kaxxa tal-injam jew f’kaxxa tat-trasport.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini għandu jiddaħħal f’karattri mill-inqas żewġ terzi tad-daqs tal-akbar karattri fuq it-tikketta.
Fejn il-marka kummerċjali ma tkunx dik tal-manifattur jew ta’ min ħsieb il-maturazzjoni, għandhom jiddaħħlu l-isem tal-manifattur u l-post tal-manifattura, jew l-isem ta’ min jieħu ħsieb il-maturazzjoni u l-post tal-maturazzjoni.
L-użu ta’ kwalunkwe aġġettiv jew dettall ieħor li jakkumpanja d-denominazzjoni ta’ oriġini għandu jkun ipprojbit fit-tikkettar, fir-reklamar, fil-fatturi jew fid-dokumenti kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ marki kummerċjali jew fabbrika partikolari.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Id-département ta’ Aisne (02): Chezy-sur-Marne;
Id-département ta’ Aube (10):
L-arrondissement ta’ Nogent-sur-Seine: il-komuni kollha;
Allibaudieres, Arcis-Sur-Aube, Arrembecourt, Aubeterre, Aulnay, Avant-Les-Ramerupt, Bailly-Le-Franc, Balignicourt, Betignicourt, Blignicourt, Braux, Brillecourt, Chalette-Sur-Voire, Champigny-Sur-Aube, Charmont-Sous-Barbuise, Chaudrey, Chavanges, Coclois, Courcelles-Sur-Voire, Dampierre, Dommartin-Le-Coq, Donnement, Dosnon, Feuges, Grandville, Herbisse, Isle-Aubigny, Jasseines, Joncreuil, Lassicourt, Le Chene, Lentilles, Lesmont, Lhuitre, Longsols, Magnicourt, Mailly-Le-Camp, Mesnil-La-Comtesse, Mesnil-Lettre, Molins-Sur-Aube, Montmorency-Beaufort, Montsuzain, Morembert, Nogent-Sur-Aube, Nozay, Ormes, Ortillon, Pars-Les-Chavanges, Planty, Poivres, Pouan-Les-Vallees, Pougy, Ramerupt, Rances, Rosnay-L’hopital, Saint-Christophe-Dodinicourt, Saint-Etienne-Sous-Barbuise, Saint-Leger-Sous-Margerie, Saint-Nabord-Sur-Aube, Saint-Remy-Sous-Barbuise, Semoine, Soulaines-Dhuys, Torcy-Le-Grand, Torcy-Le-Petit, Trouans, Vaucogne, Vaupoisson, Verricourt, Villeret, Villette-Sur-Aube, Villiers-Herbisse, Vinets, Voue, Yevres-Le-Petit;
Parti mill-komun ta’: Aix-Villemaur-Palis;
Id-département ta’ Loiret (45):
Bazoches-Sur-Le-Betz, Chantecoq, Chateau-Renard, Chevannes, Chevry-Sous-Le-Bignon, Chuelles, Corbeilles, Courtemaux, Courtempierre, Courtenay, Dordives, Douchy-Montcorbon, Ervauville, Ferrieres-En-Gatinais, Fontenay-Sur-Loing, Foucherolles, Girolles, Gondreville, Griselles, Gy-Les-Nonains, La Chapelle-Saint-Sepulcre, La Selle-En-Hermoy, La Selle-Sur-Le-Bied, Le Bignon-Mirabeau, Louzouer, Melleroy, Merinville, Migneres, Mignerette, Nargis, Pers-En-Gatinais, Prefontaines, Rozoy-Le-Vieil, Saint-Firmin-Des-Bois, Saint-Germain-Des-Pres, Saint-Hilaire-Les-Andresis, Saint-Loup-De-Gonois, Sceaux-Du-Gatinais, Thorailles, Treilles-En-Gatinais, Trigueres;
Id-département tal-Marne (51):
Allemanche-Launay-Et-Soyer, Ambrieres, Anglure, Anthenay, Arrigny, Arzillieres-Neuville, Bagneux, Bannay, Baslieux-Sous-Chatillon, Baudement, Baye, Beaunay, Belval-Sous-Chatillon, Binson-Et-Orquigny, Blaise-Sous-Arzillieres, Boursault, Brandonvillers, Breban, Chaltrait, Champaubert, Champlat-Et-Boujacourt, Champvoisy, Chapelaine, Chatelraould-Saint-Louvent, Chatillon-Sur-Broue, Chatillon-Sur-Marne, Clesles, Coizard-Joches, Conflans-Sur-Seine, Congy, Corbeil, Corribert, Courjeonnet, Courtagnon, Courthiezy, Cuchery, Cuisles, Dormans, Drosnay, Ecollemont, Esclavolles-Lurey, Etoges, Ferebrianges, Festigny, Giffaumont-Champaubert, Gigny-Bussy, Granges-Sur-Aube, Hauteville, Humbauville, Igny-Comblizy, Jonquery, La Caure, La Celle-Sous-Chantemerle, La Chapelle-Lasson, La Chapelle-Sous-Orbais, La Neuville-Aux-Larris, La Ville-Sous-Orbais, Landricourt, Le Baizil, Le Breuil, Les Rivieres-Henruel, Leuvrigny, Lignon, Marcilly-Sur-Seine, Mareuil-En-Brie, Mareuil-Le-Port, Margerie-Hancourt, Margny, Marsangis, Montmort-Lucy, Nanteuil-La-Foret, Nesle-Le-Repons, Oeuilly, Olizy, Orbais-L’abbaye, Outines, Passy-Grigny, Pleurs, Potangis, Pourcy, Reuil, Saint-Cheron, Sainte-Gemme, Sainte-Marie-Du-Lac-Nuisement, Saint-Just-Sauvage, Saint-Martin-D’ablois, Saint-Ouen-Domprot, Saint-Quentin-Le-Verger, Saint-Remy-En-Bouzemont-Saint-Genest-Et-Isson, Saint-Saturnin, Saint-Utin, Saron-Sur-Aube, Sompuis, Somsois, Suizy-Le-Franc, Talus-Saint-Prix, Troissy, Vandieres, Verneuil, Villers-Sous-Chatillon, Villevenard, Villiers-Aux-Corneilles, Vincelles, Vouarces;
Il-canton ta’ Sezanne-Brie u Champagne: il-komuni kollha;
Id-département ta’ Haute-Marne (52):
il-cantons ta’ Saint-Dizier-1, Saint-Dizier-3, Wassy: il-komuni kollha;
Aingoulaincourt, Annonville, Bayard-Sur-Marne, Chamouilley, Chevillon, Cirfontaines-En-Ornois, Domblain, Echenay, Effincourt, Eurville-Bienville, Fays, Fontaines-Sur-Marne, Germay, Germisay, Gillaume, Lezeville, Magneux, Maizieres, Mertrud, Montreuil-Sur-Thonnance, Narcy, Noncourt-Sur-Le-Rongeant, Nully, Osne-Le-Val, Pansey, Paroy-Sur-Saulx, Poissons, Rachecourt-Sur-Marne, Roches-Sur-Marne, Sailly, Saint-Dizier, Saudron, Sommancourt, Thonnance-Les-Moulins, Tremilly, Troisfontaines-La-Ville, Valleret;
Parti mill-komun ta’: Epizon
Id-département ta’ Meuse (55):
L-arrondissement ta’ Bar-le-duc: il-komuni kollha;
Ancemont, Aubreville, Baudremont, Belrain, Bonnet, Bouquemont, Bovee-Sur-Barboure, Boviolles, Brabant-En-Argonne, Brocourt-En-Argonne, Broussey-En-Blois, Chauvoncourt, Chonville-Malaumont, Clermont-En-Argonne, Courcelles-En-Barrois, Courouvre, Cousances-Les-Triconville, Dagonville, Dombasle-En-Argonne, Dompcevrin, Dugny-Sur-Meuse, Erneville-Aux-Bois, Fresnes-Au-Mont, Froidos, Futeau, Gimecourt, Grimaucourt-Pres-Sampigny, Heippes, Jouy-En-Argonne, Julvecourt, Koeur-La-Grande, Koeur-La-Petite, Lahaymeix, Landrecourt-Lempire, Laneuville-Au-Rupt, Lavallee, Le Claon, Le Neufour, Lemmes, Lerouville, Les Islettes, Les Paroches, Les Souhesmes-Rampont, Levoncourt, Lignieres-Sur-Aire, Longchamps-Sur-Aire, Marson-Sur-Barboure, Meligny-Le-Grand, Meligny-Le-Petit, Menil-Aux-Bois, Menil-La-Horgne, Naives-En-Blois, Nancois-Le-Grand, Neuville-En-Verdunois, Neuvilly-En-Argonne, Nicey-Sur-Aire, Nixeville-Blercourt, Osches, Pierrefitte-Sur-Aire, Rambluzin-Et-Benoite-Vaux, Rarecourt, Recicourt, Recourt-Le-Creux, Reffroy, Rupt-Devant-Saint-Mihiel, Saint-Andre-En-Barrois, Saint-Aubin-Sur-Aire, Saint-Joire, Sampigny, Saulvaux, Sauvoy, Senoncourt-Les-Maujouy, Sivry-La-Perche, Souilly, Thillombois, Treveray, Vadelaincourt, Vadonville, Ville-Devant-Belrain, Villeroy-Sur-Meholle, Ville-Sur-Cousances, Villotte-Sur-Aire, Void-Vacon, Woimbey;
Parti mill-komuni ta’: Bannoncourt, Belleray, Bislee, Boncourt-Sur-Meuse, Commercy, Dieue-Sur-Meuse, Euville, Han-Sur-Meuse, Maizey, Mecrin, Les Monthairons, Ourches-Sur-Meuse, Pagny-Sur-Meuse, Pont-Sur-Meuse, Saint-Mihiel, Sorcy-Saint-Martin, Tilly-Sur-Meuse, Troussey, Troyon, Verdun, Vignot, Villers-Sur-Meuse;
Id-départements ta’ Seine-et-Marne (77), Hauts-de-Seine (92), Seine-Saint-Denis (93), Val-de-Marne (94) u l-belt ta’ Pariġi (75): il-komuni kollha;
Id-département ta’ Yonne (89):
Brannay, Champigny, Chaumont, Cheroy, Courtoin, Cuy, Dollot, Domats, Evry, Foucheres, Gisy-Les-Nobles, Jouy, La Belliole, Lixy, Michery, Montacher-Villegardin, Nailly, Piffonds, Pont-Sur-Yonne, Saint-Agnan, Saint-Martin-Du-Tertre, Saint-Serotin, Saint-Valerien, Savigny-Sur-Clairis, Vallery, Vernoy, Villeblevin, Villebougis, Villemanoche, Villenavotte, Villeneuve-La-Dondagre, Villeneuve-La-Guyard, Villeperrot, Villeroy, Villethierry, Vinneuf.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-reġjun naturali ta’ Brie, il-benniena tal-“Brie de Meaux”, jespandi parzjalment jespandi fuq Île-de-France u fuq Champagne bejn il-widien tal-Marne u tas-Sena. Huwa kkaratterizzat mill-kapaċità tiegħu għall-produzzjoni taċ-ċereali, u għall-pożizzjoni tiegħu li tkopri parti mill-agglomerazzjoni ta’ Pariġi.
Għalkemm iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Brie de Meaux” sussegwentement twessgħet lil hinn mir-reġjun naturali ta’ Brie, xorta waħda żammet koerenza ġeografika. Għalhekk, iż-żona ġeografika tad-DOP “Brie de Meaux” hija ċċentrata lejn in-naħa ta’ fuq u ċ-ċentru tal-baċir tax-xmara Sena. Tinkludi l-widien tal-maġġoranza tat-tributarji l-kbar ta’ din ix-xmara (Loing, Yonne, Aube, Marne u t-tributarji tagħhom). Il-pajsaġġ taż-żona ġeografika fih pjanuri kbar. Minħabba l-impermeabbiltà tas-sottoswol, l-ilmijiet ma jinżlux u l-pajsaġġ tnaqqax minn għadd ta’ widien.
Il-pjanuri koperti bil-loess huma għammiela u favorevoli għall-kultivazzjoni fil-wisa’. L-għoljiet tal-widien, koperti mit-tafal, huma inqas adattati għall-kultivazzjoni taċ-ċereali u l-mergħat tajbin għar-ragħa, kif inhu l-każ fil-fondi tal-widien.
Storikament, il-pjanuri kienu ddedikati għall-kultivazzjoni taċ-ċereali, fejn il-bhejjem kienu installati fil-widien u fl-għoljiet, proprju fejn tinstab il-belt ta’ Meaux.
Fis-seklu 18, l-agronomisti rrakkomandaw is-sostituzzjoni ta’ raba’ mhux maħdum b’kultivazzjoni tal-legumi fuq bwar temporanji b’newba (prattika ta’ newba ta’ tliet snin). Minbarra l-effetti pożittivi fuq il-produzzjoni taċ-ċereali, din il-prattika ppermettiet il-produzzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ għalf użat għall-għalf tal-annimali.
Minn dak iż-żmien, xi azjendi taċ-ċereali fi Brie bdew jaqilbu għall-polikultivazzjoni u trobbija. Brie ma saritx żona tat-trobbija speċjalizzata, peress li l-karatteristika partikolari tas-sistema ta’ Brie kienet tinkludi l-bhejjem f’rotazzjoni fuq il-bażi tal-produzzjoni taċ-ċereali. It-tiben minn din il-produzzjoni importanti taċ-ċereali ntuża għall-marqad tal-baqar.
Bl-iżvilupp tal-industrija tal-alkoħol u taz-zokkor, il-produzzjoni tal-pitravi taz-zokkor saret ukoll komponent essenzjali tal-polikultivazzjoni ta’ Brie. Il-prodotti dderivati kienu kkunsmati mill-bhejjem, li kien ikkunsidrat bħala l-aħjar mod biex isir użu sħiħ minn dak li kienu jipproduċu l-azjendi agrikoli u li ma setax jiġi kkummerċjalizzat.
Bħala riżultat, numru kbir ta’ prodotti sekondarji taċ-ċereali (tiben, tiben żgħir u nuħħala), kif ukoll pasta taż-żrieragħ żejtnin u pitravi, ġew mitmugħa lill-merħla.
Id-destinazzjoni ovvja tal-produzzjoni żejda tal-ħalib kienet l-ipproċessar tal-ġobon, fejn il-Brie diġà kellu reputazzjoni sinifikanti f’dan il-qasam, u bbenefika minn żbokk bis-saħħa tal-viċinanza tiegħu għal Pariġi.
Il-Brie kien prodott fl-irziezet, fejn id-daqs tal-forom kien jikkorrispondi għall-kwantità ta’ ħalib disponibbli fl-azjenda agrikola. Fl-aħħar tas-seklu 19, l-użu tat-tames, li sa dak iż-żmien ma kienx obbligatorju, kien ikkontrollat aħjar u t-teknoloġija saret speċjalizzata: il-“Brie de Meaux” ta’ format kbir b’teknoloġija tat-tip b’baqta tames u ġobniet iżgħar b’teknoloġija tat-tip lattiku.
Il-manifatturi ħadu wkoll vantaġġ mix-xogħol ta’ Emile Duclaux u Georges Roger, li fl-1897, għall-ewwel darba, iżola l-penicillum candidum minn ġobna Brie, u żviluppa l-metodu Roger tal-inokulazzjoni tal-ġobniet b’fermenti identifikati.
Bis-saħħa tal-viċinanza ta’ Pariġi u t-titjib fil-kundizzjonijiet tat-trasport, parti mill-produzzjoni tal-ħalib tal-Brie kienet orjentata lejn il-bejgħ ta’ ħalib għall-konsum u ta’ prodotti friski. Barra minn hekk, sa minn nofs is-seklu 19, dawk li jieħdu ħsieb il-maturazzjoni bbenefikaw mit-titjib tan-netwerk tat-toroq u l-emerġenza tal-ferrovija biex iwasslu l-prodotti tagħhom, iżda wkoll biex jixtru ġobniet “mielħa friski”, mhux immaturati, prodotti fil-parti tal-Lvant tal-baċir ta’ Pariġi, biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis waqgħa fil-produzzjoni fis-Seine u l-Marne. Kienu jimmaturawhom u jbigħuhom bħala “Brie de Meaux”.
Fil-fatt, it-teknoloġija tat-tip tames tagħmilha possibbli li tinkiseb baqta koerenti li tissapporti t-trasport, filwaqt li baqta tat-tip lattika titfarrak aktar u tkun fraġli fl-istadju ta’ “mielaħ frisk”. Il-produzzjoni tal-ġobon żviluppat f’Marne, Haute-Marne u Meuse.
Illum, dawn il-kompetenzi differenti għadhom qed jiġu implimentati: il-ħalib prodott fiż-żona ġeografika, li huwa relattivament nieqes mix-xaħam u li huwa rikk fil-proteini, għandu kapaċitajiet tajbin għall-produzzjoni tal-ġobon.
It-teknika tal-manifattura ftit li xejn inbidlet: tiżdied doża qawwija ta’ tames sabiex il-baqta ssir malajr (baqta tat-tip tames). Il-baqta tinqata’ u titqiegħed f’forma malajr, manwalment bl-użu tal-pala tal-Brie.
Il-“Brie de Meaux” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat, b’konsistenza ratba u qoxra bil-flora.
Prodott f’forom ċilindriċi b’dijametru ta’ bejn 36 u 37 ċentimetru, għandu l-forma ta’ torta.
Wara 4 ġimgħat ta’ maturazzjoni, il-“Brie de Meaux” għandu togħma tal-ħalib u kemxejn mielħa bi ħjiel ta’ mrar. Bejn 4 u 6 ġimgħat, il-ġobon jimmatura bil-mod mill-qoxra lejn il-qalba, bil-konsistenza tiegħu tinbidel minn ġobon li jitfarrak għal ġobon flessibbli. L-aroma tiegħu tiżviluppa b’mod gradwali. Wara 6 sa 8 ġimgħat, huwa mmaturat sal-qalba, b’konsistenza flessibbli; għandu riħa sottili ta’ krema, butir u ġellewż.
F’dan ir-reġjun b’vokazzjoni għaċ-ċereali, l-azjendi agrikoli f’polikultivazzjoni u trobbija jużaw legumi, pitravi u varjetà kbira ta’ prodotti dderivati mill-pitravi u ċereali disponibbli lokalment biex jitimgħu l-merħliet tagħhom. Dawn ir-razzjonijiet fuq il-bażi tal-prodotti dderivati jipprovdu ħalib relattivament nieqes mix-xaħam iżda rikk fil-proteini, u għaldaqstant adatt għall-ipproċessar tal-ġobon. Barra minn hekk, l-akkomodazzjoni tal-baqar fuq it-tiben tippermetti li tinżamm ekosistema mikrobjali li jkollha influwenza fuq il-flora naturali tal-ħalib mhux ipproċessat. Fil-fatt, minbarra l-kundizzjonijiet tal-għalf għall-baqar, il-“Brie de Meaux” jikseb il-karattru speċifiku tiegħu mill-użu esklużiv ta’ ħalib mhux ipproċessat, li jeħtieġ l-għarfien li l-manifatturi taż-żona ġeografika żviluppaw u ppreservew.
Dan l-għarfien, li oriġinarjament ġie żviluppat fl-azjendi agrikoli fejn intużaw metodi ta’ produzzjoni li kienu jeħtieġu tagħmir sempliċi u perjodu ta’ żmien qasir, dan l-għarfien huwa evidenti b’mod partikolari bil-kompetenza fit-tibqit, li tippermetti li tinkiseb baqta soda li hija adattata għall-produzzjoni tal-ġobon f’forom ta’ dijametru kbir, l-adattament tat-tfettit għall-karatteristiċi tal-baqta, u l-użu tal-pala tal-brie biex jimtlew il-forom. L-iskular ta’ dan it-tip ta’ baqta jsir b’mod naturali mingħajr ma jkun hemm bżonn li titqatta’ rqiqa, il-baqta hija maqtugħa jew mfetta, u mbagħad tiġi ffurmata b’safef irqaq bl-użu tal-pala tal-Brie.
Fl-aħħar nett, il-kura mogħtija lill-ġobniet mit-tmelliħ sal-melħ niexef u matul il-proċess ta’ maturazzjoni tippermetti lill-“Brie de Meaux” jesponi l-aromi speċifiċi tiegħu.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDCBrieMeaux190320.pdf