Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020SC0542

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni fi proċedumenti ċivili u kriminali transfruntiera (is-sstema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726

    SWD/2020/542 final

    Brussell, 2.12.2020

    SWD(2020) 542 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal
    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni fi proċedumenti ċivili u kriminali transfruntiera (is-sstema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726

    {COM(2020) 712 final} - {SEC(2020) 408 final} - {SWD(2020) 541 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatt dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni fi proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera (Komunikazzjoni tal-Ġustizzja elettronika permezz tal-Iskambju ta’ Data Online — is-sistema e-CODEX) 

    A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

    Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

    e-CODEX hija sistema tal-IT għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, li tippermetti lill-utenti, kemm jekk huma awtoritajiet ġudizzjarji, prattikanti legali jew ċittadini, li jibagħtu u jirċievu dokumenti, forom legali, evidenza jew informazzjoni oħra b’mod sigur. e-CODEX ġie żviluppat minn konsorzju ta’ 21 Stat Membru tal-UE bejn l-2010 u l-2016 b’finanzjament tal-UE mill-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). L-Istati Membri għamlu użu mis-sistema fuq bażi volontarja fi proċeduri bħall-Ordni ta’ Ħlas Ewropea jew il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Issa, sabiex jiġu żgurati ż-żamma, l-evoluzzjoni u l-estensjoni futura għal proċeduri ġudizzjarji oħra tas-sistema, għandha tinstab soluzzjoni biex jiġu żgurati l-finanzjament u s-sostenibbiltà xierqa tagħha. Dan huwa wkoll prerekwiżit għall-adozzjoni tas-sistema mill-Istati Membri li s’issa għadhom ma użawhiex. Il-Kummissjoni diġà qed tiżviluppa s-Sistema ta’ Skambju Diġitali ta’ Evidenza Elettronika (eEDES), bl-użu ta’ e-CODEX bħala l-mezz ta’ komunikazzjoni. L-Istati Membri huma mistennija li jaqbdu mal-eEDES sal-2021. e-CODEX huwa wkoll l-aktar soluzzjoni ta’ softwer probabbli li għandha tintuża għall-istabbiliment tas-sistema tal-IT deċentralizzata fil-kuntest tar-Regolamenti dwar in-Notifika ta’ dokumenti u l-Kumpilazzjoni ta’ xhieda. In-nuqqas ta’ ġestjoni sostenibbli ta’ e-CODEX jista’ jipperikola din il-ħidma, kif ukoll fir-rigward tal-proċeduri kollha li diġà qed jużaw din is-sistema f’kuntest pilota.

    X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

    L-objettiv ġenerali huwa li jiġi promoss il-funzjonament effiċjenti ta’ spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi jiġi żgurat l-aħjar użu tal-proċeduri ġudizzjarji. Sistema komuni għal komunikazzjoni online mfassla apposta għall-awtoritajiet ġudizzjarji hija essenzjali biex jintlaħaq dak l-objettiv. B’mod aktar speċifiku, l-inizjattiva għandha l-għan li tipprevjeni l-ineffiċjenzi fil-komunikazzjoni transfruntiera billi tiżgura manutenzjoni sostenibbli tas-sistema e-CODEX u ttejjeb l-effiċjenza billi tiżgura użu usa’ tas-sistema e-CODEX.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

    Mekkaniżmu għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni transfruntiera fi proċedimenti ġudizzjarji jinkiseb l-aħjar fil-livell tal-UE, peress li hija meħtieġa soluzzjoni universalment aċċettata. Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-UE, hemm riskju li l-Istati Membri jiżviluppaw sistemi nazzjonali b’mod indipendenti, li jwassal għal nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi. Filwaqt li l-manutenzjoni fil-livell tal-UE tinvolvi spiża, dan huwa l-uniku mod biex tinkiseb sistema interoperabbli għall-komunikazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    B. Soluzzjonijiet

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

    Ġew ikkunsidrati bosta għażliet leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. Ċerti għażliet twarrbu fi stadju bikri. Il-ħolqien ta’ entità legali separata twarrab peress li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-kompiti limitati li jingħataw lill-entità. Barra minn hekk, l-użu jew l-iżvilupp ta’ sistema alternattiva twarrbu prinċipalment peress li s-soluzzjoni attwali e-CODEX uriet li kienet effettiva u effiċjenti ħafna għall-proċeduri li għalihom diġà ntużat u huwa raġonevoli li wieħed jistenna redditu fuq l-EUR 24 miljun investiti fil-ħolqien ta’ e-CODEX. Barra minn hekk, soluzzjoni kummerċjali tqajjem kwistjonijiet rigward is-sostenibbiltà fit-tul u l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data skambjata, peress li s-sid tas-soluzzjoni jista’ fit-teorija jkollu aċċess għad-data trasferita bl-użu tas-soluzzjoni tagħha. It-trasferiment ta’ e-CODEX lil Stat Membru jew konsorzju ta’ Stati Membri ma setax jiġi kkunsidrat peress li l-Istati Membri rrifjutaw b’mod ċar din il-possibbiltà. Il-preferenza tagħhom, kif espressa f’diversi konklużjonijiet tal-Kunsill, hija li l-eu-LISA tiżgura aktar manutenzjoni evoluttiva ta’ e-CODEX.

    Taħt dawn il-kundizzjonijiet, ġew ivvalutati żewġ għażliet kontra x-xenarju bażi, jiġifieri li ma tiġi pprovduta l-ebda manutenzjoni permanenti li twassal għall-iskadenza ta’ e-CODEX. Fost dawn, l-għażla li e-CODEX jiġi ttrasferit lil Aġenzija tqieset l-aktar xierqa. L-għażla alternattiva li l-Kummissjoni tiżgura ż-żamma ta’ e-CODEX tqieset inqas favorevoli peress li jkun aktar diffiċli li jiġi żgurat l-involviment tal-Istati Membri fil-governanza tas-sistema — li hija xi ħaġa li l-Istati Membri jqisu importanti sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura. Aġenzija tista’ wkoll tkun soluzzjoni aktar flessibbli li tippermetti li jitqies aħjar il-kontribut tal-partijiet interessati. Fost l-aġenziji eżistenti, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA) hija l-unika waħda b’esperjenza rilevanti fil-ġestjoni tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira u għalhekk jenħtieġ li tingħata l-kompitu li tiġġestixxi e-CODEX. Sabiex tkun tista’ tiġi adottata bażi legali għal e-CODEX, kif ukoll biex jiġi żgurat proċess adegwat ta’ trasferiment, il-konsorzju attwali tal-Istati Membri jew entità ġdida jkollhom ikomplu l-manutenzjoni ta’ e-CODEX fil-perjodu 2021-2023.

    Min jappoġġa liema għażla? 

    L-Istati Membri esprimew preferenza qawwija li jgħaddu e-CODEX lil aġenzija u jqisu l-eu-LISA bħala l-aktar waħda xierqa (l-aktar reċenti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fil-Kunsill ĠAI f’Ottubru 2020).

    Il-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet professjonali legali ewlenin fl-Ewropa, esprimew ukoll appoġġ għal soluzzjoni permanenti għas-sistema e-CODEX. Bosta partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu jqisu lil eu-LISA bħala l-aktar entità xierqa biex timmaniġġja s-sistema.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

    Bħala sistema tal-IT essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, e-CODEX se jissimplifika u jħaffef il-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera. Billi jtejjeb l-effiċjenza tal-proċedimenti transfruntiera, e-CODEX jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku Diġitali. L-użu ta’ e-CODEX ikollu impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji kriminali. L-effiċjenza tal-qrati nazzjonali tista’ tiżdied ukoll bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri.

    Aġenzija regolatorja tal-UE bħal eu-LISA se jkollha l-kapaċità li tiżgura l-manutenzjoni fit-tul tas-sistema e-CODEX. L-Aġenzija se tkun tista’ tadotta proċeduri ta’ governanza li jippermettu assimilazzjoni rapida tal-ħtiġijiet li jirriżultaw minn komunitajiet differenti, inkluż mill-Istati Membri u mill-utenti ta’ e-CODEX.

    X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

    L-akkwiżizzjoni tal-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-konsorzju e-CODEX tal-Istat Membru se tinvolvi spejjeż għall-baġit tal-UE. L-ispejjeż totali għall-2022–2027 jammontaw għal EUR 9,667 miljun (spiża medja fis-sena ta’ EUR 1,611 miljun). L-ispejjeż jinkludu r-riżorsi umani addizzjonali meħtieġa għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA u mill-Kummissjoni. F’eu-LISA, ir-reklutaġġ ta’ riżorsi interni se jibda diġà mill-1 ta’ Settembru 2022 b’żewġ karigi ta’ CA. Mill-1 ta’ Jannar 2023, eu-LISA jenħtieġ li jkollha total ta’ 2 TAs u 3 CAs, li se jiżguraw il-funzjonijiet ewlenin fir-rigward ta’ e-CODEX. Barra minn hekk, il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi) se jkollha tkun involuta fil-forniment ta’ governanza tal-politika tal-ħidma ta’ eu-LISA, fil-monitoraġġ tal-Aġenzija, u fit-tħejjija tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa b’mandat mir-Regolament. Kariga statutorja addizzjonali għal dan ġiet allokata fil-baġit mill-2022.

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

    L-SMEs u l-mikrointrapriżi se jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji ffaċilitati minn e-CODEX. Il-possibbiltà li jiġu ppreżentati talbiet lill-qrati online, pereżempju fl-applikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea jew talbiet taħt il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, se tiffranka l-ispejjeż għall-posta u twassal għal iffrankar tal-ispejjeż bħala riżultat ta’ proċeduri aktar effiċjenti u iqsar. Mhux se jkun hemm spejjeż addizzjonali għall-SMEs (jew operaturi oħra) wara l-implimentazzjoni ta’ e-CODEX għal proċedura legali speċifika.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    Jistgħu jkunu mistennija impatti pożittivi fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Pereżempju, is-sistema e-CODEX tista’ tiffaċilita l-infurzar ta’ multi mhux imħallsa għal reati tat-traffiku kontra residenti barranin.

    L-installazzjoni u l-użu ta’ e-CODEX se jinvolvu spejjeż għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan. L-ispiża m’għandhiex taqbeż 80-100 persuna-jiem għal kull skjerament.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Sa 6 linji

    L-użu estiż ulterjuri ta’ sistema tal-IT bħal e-CODEX għal proċeduri legali jista’ jiffranka riżorsi naturali billi jnaqqas l-użu tal-karti. Użu inqas ta’ servizzi tat-trasport għall-kunsinna postali jista’ jkollu wkoll impatt ambjentali pożittiv. Huwa mistenni wkoll effett konsegwenzjali li jwassal għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali, meta wieħed iqis li s-soluzzjoni e-CODEX tista’ tiġi adottata domestikament ukoll, mhux biss għal każijiet transfruntiera.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata din il-politika? Sa erba’ linji 

    Tliet snin wara t-trasferiment ta’ e-CODEX lil eu-LISA u kull erba’ snin minn hemm’ il quddiem, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tal-punt sa fejn din kienet soluzzjoni effettiva. Skont din l-evalwazzjoni, l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar is-segwitu xieraq.

    Top