|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar il-Komunikazzjoni “Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?
|
|
L-UE adottat objettiv li ssir newtrali għall-klima sal-2050, jiġifieri li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) tagħha għal żero nett. Il-mira klimatika attwali tagħha għall-2030 li tikseb tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-GHG, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar il-klima, l-enerġija u t-trasport, ġew adottati f’perspettiva ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 80 % sal-2050. Għalhekk, hemm ir-riskju li l-ambizzjoni klimatika attwali għall-2030, li tinkludi kemm il-mira kif ukoll il-leġiżlazzjoni, se tinċentiva d-deċiżjonijiet ta’ dawk li jfasslu l-politika, tal-investituri u taċ-ċittadini li jistgħu jintrappolaw ix-xejriet tal-emissjonijiet tal-UE b’mod li mhuwiex konsistenti mal-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
L-ewwel objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-GHG għall-2030 tiżdied għal bejn 50 % u 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li l-Liġi dwar il-Klima proposta tiġi emendata skont dan. Dan iqiegħed lill-UE fuq perkors bilanċjat u kredibbli biex tilħaq l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika sal-2050 u jagħti aktar prevedibbiltà lill-partijiet ikkonċernati. It-tieni objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li titwitta t-triq għall-adattament meħtieġ tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija li għandha rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, inkluż id-determinazzjoni tar-rwol u l-applikazzjoni futuri tal-ipprezzar tal-karbonju u l-interazzjoni tagħha ma’ politiki oħra.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
Azzjoni koordinata tal-UE tista’ tissupplimenta u ssaħħaħ b’mod effettiv l-azzjoni nazzjonali u lokali u l-benefiċċji tas-suq uniku tal-UE. Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika teħtieġ reazzjonijiet ta’ politika f’diversi oqsma. L-impatti ta’ tali żieda fl-ambizzjoni u tal-politiki relatati dwar it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, il-korrettezza u l-kosteffettività huma eżempji ta’ elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar fil-livell tal-UE. It-tibdil fil-klima huwa problema transkonfinali u l-azzjoni tal-UE hija importanti biex tingħata spinta lil azzjoni dinjija.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?
|
|
Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonferma li żieda fl-ambizzjoni fil-firxa ta’ bejn 50 % u 55 % ta’ tnaqqis tal-GHG hija possibbli b’mod responsabbli u soċjalment ġust, u li tista’ tixpruna t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-impjiegi, u taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, b’mod partikolari meta tiġi kkombinata ma’ politiki abilitanti adegwati u mal-użu tad-dħul mill-karbonju. Ir-riskji ekonomiċi ta’ żieda fl-ambizzjoni għal tnaqqis ta’ 55 % fil-GHG huma limitati, filwaqt li din iżżid iċ-ċertezza tal-investituri u tnaqqas ir-riskju ta’ intrappolament tal-karbonju, u tikseb benefiċċji ambjentali ġenerali sinifikanti. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonferma li biex titwettaq żieda fl-ambizzjoni jeħtieġ li jiġu rieżaminati diversi strumenti ta’ politika tal-UE. Skont il-valutazzjoni tal-impatt, hemm benefiċċji partikolari fl-użu ta’ taħlita wiesgħa ta’ strumenti ta’ politika, inkluż l-ipprezzar tal-karbonju u ż-żieda fl-ambizzjoni tal-politika regolatorja settorjali dwar l-enerġija u t-trasport, u tissuġġerixxi b’mod ċar li ma hemm l-ebda strument ta’ politika uniku li kapaċi jilħaq l-objettivi kollha kkunsidrati fil-valutazzjoni biss.
|
|
X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema alternattiva u min jappoġġaha?
|
|
Il-biċċa l-kbira tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika approvaw l-aktar alternattivi ambizzjużi għall-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Kważi 80 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika esprimew il-fehma li l-mira għall-gassijiet serra għandha tiżdied għal mill-inqas 55 % u, bħala konsegwenza, kważi 70 % esprimew il-fehma li l-mira attwali għall-enerġija rinnovabbli għandha tiżdied għal sehem ogħla minn 40 %, filwaqt li aktar minn 60 % ta’ dawk li wieġbu ppreferew mira ogħla minn 40 % għat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (primarja u finali). Madankollu t-tweġibiet, b’mod partikolari dawk tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, kienu mqassma b’mod aktar ugwali fil-livelli ta’ ambizzjoni. B’mod globali, il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat b’mod partikolari l-ħtieġa għal politiki regolatorji addizzjonali li jakkumpanjaw kull inizjattiva tal-ipprezzar tal-karbonju.
|
|
C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-benefiċċju ewlieni huwa li l-perkors tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għan-newtralità klimatika sal-2050 ma jiġix ittardjat, filwaqt li tiżdied iċ-ċertezza tal-investituri u jitnaqqsu r-riskji ta’ intrappolament tal-karbonju. L-investimenti f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jistgħu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, u jista’ jkollhom rwol fl-irkupru ekoloġiku wara l-kriżi tal-COVID-19. L-istrumenti tal-ipprezzar tal-karbonju jistgħu jżidu d-dħul li jista’ jiġi riċiklat f’investimenti ekoloġiċi u taxxi ta’ distorsjoni aktar baxxi bħat-taxxi fuq ix-xogħol, biex jiġu xprunati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Bħala riżultat ta’ dan, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jintużaw ħafna aktar u s-sistema tal-enerġija tkun aktar sigura u inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet, bi ffrankar fil-kontijiet tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili li jammonta għal EUR 325 biljun u EUR 375 biljun matul il-perjodu 2021-2030. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli jgħinu biex jipproteġu lill-konsumaturi mill-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. L-impatti tat-tniġġis tal-arja jonqsu, bi tnaqqis ogħla minn 60 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2015 għall-ogħla mira ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra. Ikun hemm ġestjoni sostenibbli mtejba fis-settur tal-użu tal-art tal-UE li tipprovdi aktar inċentivi għall-afforestazzjoni u għar-restawr ta’ artijiet degradati biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis tal-bir tal-karbonju naturali tal-UE.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Iż-żidiet fl-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija huma limitati ħafna, minn 10,6 % tal-PDG fl-2015 għal madwar 11 % fl-2030. L-investimenti medji annwali fis-sistema tal-enerġija, inkluż it-trasport, jeħtieġ li jiżdiedu bi EUR 312-il biljun fil-perjodu 2021-2030 meta mqabbel mal-perjodu 2011-2020 biex jinkiseb tnaqqis ta’ 50 % fl-emissjonijiet tal-GHG, u li jiżdiedu b’madwar EUR 350 biljun biex jinkiseb tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-GHG. Kemm l-ispiża tas-sistema kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ investiment jiddependu fuq l-għażliet ta’ politika implimentati, iżda l-kobor tal-varjazzjoni huwa limitat. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-investimenti jitħallsu lura maż-żmien permezz ta’ tnaqqis fil-pagamenti tal-fjuwil, iżda l-mobilizzazzjoni tal-iskala meħtieġa ta’ finanzjament sal-2030 se tkun sfida sinifikanti. Il-kriżi tal-COVID-19 ma biddlitx din l-isfida peress li ma tnaqqasx l-ammont ta’ investimenti strutturali meħtieġa sa tmiem id-deċennju. Dan jenfasizza l-importanza ta’ pakkett ta’ rkupru li jkun iffukat fuq investimenti ekoloġiċi kemm fl-infrastruttura fiżika kif ukoll fl-infrastruttura umana. L-analiżi turi li s-sehem tal-ispejjeż relatati mal-enerġija fil-baġits tal-unitajiet domestiċi jiżdied biss bi ftit meta tiżdied il-mira għall-GHG, iżda għandha tingħata attenzjoni lill-impatti asimetriċi. L-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw sehem akbar mill-introjtu għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u t-tranżizzjoni se tolqothom b’mod aktar sinifikanti. Id-dħul mill-karbonju jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati politiki li jnaqqsu l-effetti distributtivi negattivi (eż. permezz ta’ appoġġ immirat għall-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew trasferimenti lil unitajiet domestiċi b’introjtu baxx). Ir-riċiklaġġ tad-dħul immirat tal-ipprezzar tal-karbonju jista’ fil-fatt ireġġa’ lura l-impatti negattivi antiċipati.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
L-impatti fuq il-kompetittività ġenerali tal-UE huma pożittivi, billi jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ċ-ċirkolarità filwaqt li jippromwovu l-innovazzjoni. L-UE tiggwadanja minn vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel b’żieda fl-azzjoni globali b’rabta mat-tibdil fil-klima. L-allokazzjoni bla ħlas bħala parti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet xorta tista’ tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, iżda qed jiġu kkunsidrati wkoll miżuri oħra. L-SMEs mistennija jkollhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni, b’mod partikolari bħala sors ta’ innovazzjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
L-impatti distributtivi fil-livell tal-Istati Membri se jiġu vvalutati bi proposti leġiżlattivi speċifiċi li se jsegwu l-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-azzjoni tal-UE waħedha ma tistax twassal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali meħtieġ, iżda l-UE aċċettat l-isfida li turi lis-sħab tagħna li ż-żieda fl-ambizzjoni klimatika, il-prosperità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli jistgħu jimxu id f’id. Il-Konferenza ewlenija tan-NU li jmiss dwar il-klima li se ssir fi Glasgow fl-2021 se tkun importanti f’dan il-kuntest. Il-partijiet huma mistennija jaġġornaw il-kontributi tagħhom għall-Ftehim ta’ Pariġi (il-ftehim tan-NU dwar il-klima).
|
|
Il-proporzjonalità?
|
|
L-azzjoni proposta hija proporzjonali biex sal-2050 jinkisbu emissjonijiet żero netti tal-gassijiet serra.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija tipprevedi qafas komprensiv biex jiġi segwit il-progress lejn il-kisba tal-miri tal-UE u biex jiġu rieżaminati l-politiki. Il-qafas ġenerali huwa pprovdut mil-Liġi dwar il-Klima u l-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar dettaljat huwa pprovdut mir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika. Il-progress jiġi rieżaminat kull ħames snin, f’konformità mal-eżerċizzju ta’ rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi.
|