IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.9.2020
COM(2020) 491 final
2020/0251(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-pandemija tal-COVID-19 qed toħloq tfixkil kbir li qed ikollu impatt fuq l-industrija tal-muturi fil-forma ta’ xokkijiet multipli, b’interruzzjonijiet immedjati tas-siti ta’ produzzjoni u tal-katini ta’ valur internazzjonali u tnaqqis konsiderevoli fid-domanda, li wassal għal żieda fl-istokk ta’ vetturi. Dan affettwa l-kapaċità tal-manifatturi li jżommu ma’ xi wħud mid-dati ta’ skadenza imposti bir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013.
Skont dak ir-Regolament, l-istadju Euro 5 tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu se japplika fl-1 ta’ Jannar 2021, li jfisser li minn dik id-data ’l quddiem, fis-suq tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu biss vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti Euro 5.
Madankollu, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-bejgħ tal-muturi ġarrab impatt qawwi ħafna. Normalment, sa 60 % tal-bejgħ isir bejn Marzu u Lulju. Minħabba l-lockdowns imposti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, ma setax isir bejgħ fl-eqqel tal-istaġun tal-bejgħ. Skont sorsi tal-industrija, huwa stmat li f’Marzu 2020 kien hemm stokk ta’ madwar 553 700 vettura Euro 4. Matul il-lockdowns, il-bejgħ naqas b’98 % u baqa’ kajman sal-lum. Għalhekk huwa probabbli li l-istokk attwali ta’ vetturi Euro 4 mhux se jinbiegħ kollu sa tmiem is-sena.
Jekk ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jipprevedi l-possibbiltà li l-manifatturi jbigħu l-hekk imsejħa vetturi ta’ tmiem is-serje (jiġifieri vetturi minn “stokk qadim” li ma jissodisfawx l-aktar rekwiżiti reċenti), f’kull Stat Membru din hija limitata għal massimu ta’ 10 % tal-medja tal-vetturi li jkunu nbiegħu fis-sentejn preċedenti, jew għal 100 vettura. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu l-għadd ta’ vetturi li jistgħu jiġu rreġistrati bħala vetturi ta’ tmiem is-serje.
Minħabba dan it-tfixkil, u meta jitqiesu l-għadd ta’ vetturi fl-istokk u l-waqfien kważi totali tal-bejgħ fl-eqqel tal-istaġun tal-2020, id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar tmiem is-serje ma jikkostitwixxux mekkaniżmu xieraq biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar tmiem is-serje jiġu adattati biex in-negozjanti jkunu jistgħu jbigħu ammonti akbar mill-istokk tagħhom ta’ vetturi Euro 4 fl-2021 biss.
Din il-proposta mhix se żżid l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu minħabba li l-flessibilità se tkun limitata għall-vetturi li diġà jkunu ġew manifatturati fi żmien il-lockdowns. Barra minn hekk, tevita wkoll il-ħtieġa li jiġu skrappjati bla bżonn vetturi li kienu jitqiegħdu fis-suq li kieku ma seħħitx il-kriżi. Din il-proposta mhijiex se tipposponi d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2021, tal-istadju Euro 5 għall-vetturi ġodda kollha li jkunu għadhom kemm ġew prodotti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Billi l-proposta tinvolvi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, hija biss l-UE li tista’ tindirizza l-kwistjonijiet b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-objettivi ta’ politika ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti bl-azzjonijiet tal-Istati Membri.
Sabiex tkun tista’ titwitta t-triq għal sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE, ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-elementi ta’ sikurezza u dawk ambjentali jridu jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. L-azzjoni mill-Istati Membri waħedhom tista’ ddgħajjef is-sistema kollha tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi. Minħabba l-bżonn li jiġu evitati ostakoli għas-suq uniku, hija meħtieġa azzjoni mill-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza pubblika u protezzjoni ambjentali.
•Għażla tal-istrument
Regolament li jemenda Regolament
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, minħabba li diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) Nru 168/2013. Din il-proposta ma tibdilx is-sustanza ta’ dak ir-Regolament u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Għandha l-għan primarju li tipprovdi, għal raġunijiet eċċezzjonali fil-kuntest tat-tifqigħa attwali tal-COVID-19, dispożizzjonijiet speċjali dwar tmiem is-serje applikabbli biss għall-2021.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit għall-istituzzjonijiet tal-UE.
2020/0251 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil fil-katina tal-provvista ta’ partijiet u komponenti kritiċi ta’ vetturi tal-kategorija L u tnaqqis sostanzjali fid-domanda għal dawk il-vetturi, li wasslu għal dewmien sinifikanti għall-manifatturi biex ibiegħu l-istokk tagħhom ta’ vetturi Euro 4 li, skont l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jeħtieġ li jiġu rreġistrati qabel l-applikazzjoni tal-istadju ambjentali Euro 5 fl-1 ta’ Jannar 2021.
(2)Id-dispożizzjonijiet dwar tmiem is-serje stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jippermettu lill-manifatturi jkomplu jqiegħdu fis-suq, jirreġistraw jew idaħħlu fis-servizz parti limitata ta’ stokk ta’ vetturi tal-kategorija L li ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jew li ma jistgħux jibqgħu jitqiegħdu fis-suq, minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda li minħabba fihom dawk il-vetturi ma ġewx approvati.
(3)Meta jitqies it-tfixkil ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jidher li d-dispożizzjonijiet dwar tmiem is-serje tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 ma jikkostitwixxux mekkaniżmu xieraq biex jiġi indirizzat l-ammont ta’ vetturi Euro 4 tal-kategorija L li l-manifatturi se jkollhom fl-istokk tagħhom wara l-applikazzjoni tal-istadju ambjentali Euro 5.
(4)Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19 u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, jeħtieġ li r-regoli preċedenti dwar tmiem is-serje tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jiġu emendati.
(5)Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun ristretta għal vetturi li kienu parti mill-istokk fi żmien il-lockdowns nazzjonali, jenħtieġ li l-ammont ta’ vetturi li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri speċifiċi ta’ tmiem is-serje ma jaqbiżx l-għadd ta’ vetturi Euro 4 tal-kategorija L li kienu parti mill-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020.
(6)Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
(7)Minħabba li dawn il-miżuri huma meħtieġa b’mod urġenti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 168/2013 jiġi emendat skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament (UE) Nru 168/2013, jiddaħħal l-Artikolu 44a li ġej:
“Artikolu 44a
Miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19
1.
B’deroga mill-Artikolu 44, vetturi li jikkonformaw ma’ tip ta’ vettura li l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tagħha ma tkunx għadha valida fl-1 ta’ Jannar 2021 skont il-punt (a) tal-Artikolu 37(2), jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz bħala vetturi ta’ tmiem is-serje sal-31 ta’ Diċembru 2021, soġġett għall-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
2.
L-għadd ta’ vetturi ta’ tmiem is-serje msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ vetturi b’approvazzjoni tat-tip tal-UE li ma tkunx għadha valida mill-1 ta’ Jannar 2021 skont il-punt (a) tal-Artikolu 37(2), u li kienu parti mill-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020.
3.
Manifattur li jixtieq jibbenefika mid-deroga msemmija fil-paragrafu 1 għandu jressaq talba lill-awtorità nazzjonali ta’ kull Stat Membru fejn il-vetturi inkwistjoni jkunu se jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz, filwaqt li jindika l-għadd ta’ vetturi ta’ tmiem is-serje li għalihom tintalab id-deroga msemmija fil-paragrafu 1.
L-awtorità nazzjonali kkonċernata għandha tiddeċiedi, fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba, jekk għandhiex tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ dawk il-vetturi ta’ tmiem is-serje fit-territorju tagħha, u għal kemm minnhom.
4.
Il-manifattur għandu jagħmel entrata speċjali fiċ-ċertifikat ta’ konformità tal-vetturi li jiddaħħlu fis-servizz skont il-paragrafu 1, sabiex dawk il-vetturi jiġu kkwalifikati bħala “2021 – tmiem is-serje”.
5. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2021, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ vetturi li għalihom ikun ingħata l-istatus ta’ tmiem is-serje skont dan l-Artikolu.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President