Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0384

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033

    COM/2020/384 final

    Brussell, 18.8.2020

    COM(2020) 384 final

    2020/0179(COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-azzjoniKapitali Ewropej tal-Kultura” (ECOC) hija rregolata bid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE 1  fil-każ tat-titli mill-2020 sal-2033. Fl-Anness tagħha, id-Deċiżjoni tinkludi lista kronoloġika li tindika meta kull Stat Membru (tnejn fis-sena) jew pajjiż kandidat/kandidat potenzjali li qed jipparteċipa fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jsostnu l-kultura, huwa intitolat li jospita l-azzjoni. Il-kompetizzjonijiet għall-għoti tat-titlu tal-ECOC jibdew sitt snin qabel is-sena tat-titlu bil-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet mill-awtorità rilevanti.

    Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1545 2 estendiet l-azzjoni għall-bliet minn pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jiffurmaw parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jsostnu l-kultura. Il-kalendarju anness mad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE kien għalhekk sostitwit bil-kalendarju anness mad-Deċiżjoni (UE) 2017/1545.

    L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjoni tal-ECOC huma deskritti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE. Dawn huma: is-salvagwardja u l-promozzjoni tad-diversità tal-kulturi fl-Ewropa, it-trawwim tal-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-ibliet, it-tisħiħ tal-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fl-ibliet, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, it-twessigħ tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha, it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur kulturali u r-rabtiet tiegħu ma’ setturi oħra, it-tkabbir tal-profil internazzjonali tal-ibliet permezz tal-kultura.

    Il-kisba ta’ dawn l-objettivi, li hija marbuta mal-mobilità, l-ivvjaġġar, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u l-parteċipazzjoni pubblika hija kompromessa serjament mill-pandemija tal-COVID-19, li kellha implikazzjonijiet serji fuq it-twassil u t-tħejjija tal-ECOC attwali u li jmiss.

    Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE ma tipprevedix il-flessibbiltà meħtieġa biex jitqiesu tali ċirkostanzi straordinarji.

    Għalhekk, l-iżgurar li jintlaħqu l-objettivi tal-azzjoni tal-ECOC f’dawn iċ-ċirkostanzi jkun jeħtieġ li jsiru bidliet fid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE. Dawn il-bidliet jenħtieġ li ma jiddevjawx mill-prinċipji, mir-regoli u mill-proċeduri oriġinali tad-Deċiżjoni iżda jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ttrattata din is-sitwazzjoni bla preċedent.

    L-aktar ECOC affettwati huma ovvjament dawk li issa jenħtieġ li jiċċelebraw is-sena tagħhom (iż-żewġ ECOC tal-2020) jew li jenħtieġ li jaċċelleraw il-ħidma ta’ tħejjija tagħhom biex ikunu lesti fil-ħin is-sena d-dieħla (it-tliet ECOC tal-2021). Iż-żewġ ECOC tal-2022 u l-ECOC waħda tal-2023 huma ferm inqas affettwati peress li għad fadlilhom biżżejjed żmien biex jaħsbu bir-reqqa dwar kif jistgħu jaġġustaw il-programmi tagħhom biex iqisu x-xenarji ta’ restrizzjoni differenti fil-futur.

    Iż-żewġ ECOC tal-2020 kellhom jipposponu jew jikkanċellaw l-avvenimenti kollha minn Marzu 2020 mingħajr ebda ċarezza meta s-sitwazzjoni se terġa’ lura għan-normalità. Fil-prattika, dawn mhux qed jitħallew jimplimentaw is-sena tal-ECOC tagħhom u jisfruttaw ix-xogħol tajjeb ta’ tħejjija tagħhom. Prolongazzjoni possibbli tal-programmi kulturali tal-ECOC 2020 għall-2021 – għalkemm dan ma jikkumpensax liż-żewġ bliet għat-telf enormi li qed iġarrbu – jixħet aktar dawl fuq il-marka mibdula tal-attivitajiet taż-żewġ ECOC tal-2020 fix-xhur bikrin tal-2021. Dan ikun ta’ benefiċċju għalihom ukoll għax jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni assoċjata mal-marka ECOC għal perjodu itwal.

    Barra minn hekk, il-COVID-19 wasslet għal livell għoli ta’ inċertezza fi kważi l-oqsma kollha assoċjati mal-ECOC tal-2021 f’termini ta’ perspettivi ta’ finanzjament insiguri minn sħab pubbliċi u privati, regolamenti mhux magħrufa tas-sikurezza li jaffettwaw kemm il-ħidma parteċipattiva maċ-ċittadini kif ukoll it-tipi ta’ avvenimenti li jridu jiġu awtorizzati, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jnaqqsu l-flussi tat-turiżmu u l-possibbiltajiet ta’ sħubijiet Ewropej/internazzjonali. Il-miżuri preventivi battew ix-xogħol preparatorju tat-tliet ECOC tal-2021 għal punt kritiku, meta, f’ċirkostanzi normali, jenħtieġ li jsiru sforzi doppji. It-timijiet tat-twettiq tal-ECOC kienu soġġetti għal lockdown għal xi xhur u s-sopravivenza ekonomika ta’ xi sħab kontraenti potenzjali mhijiex ċerta. Għalhekk huwa rrakkomandat li t-tliet ECOC tal-2021 jiġu posposti għall-2022 jew l-2023.

    Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, belt waħda biss hija skedata li jkollha t-titlu tal-ECOC fl-2023. Il-posponiment ta’ tnejn mit-tliet ECOC mill-2021 għall-2023 ikun aktar ibbilanċjat: se jkun hemm tliet ECOC fl-2022 u tliet ECOC fl-2023. Tali approċċ ibbilanċjat jimmassimizza l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-ECOC.

    Biex jiġu akkomodati ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq, jiġifieri tingħata l-possibbiltà li ż-żewġ ECOC tal-2020 jestendu l-programmi kulturali tagħhom fl-2021 u jipposponu s-snin li fihom il-pajjiżi tal-ECOC tal-2021 se jkunu jistgħu jiċċelebraw it-titlu, jeħtieġ li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Din il-proposta temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li għaldaqstant għandha l-istess bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 167(5) tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Billi d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE hija att legali tal-Unjoni, tista’ tiġi emendata biss permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment.

    Proporzjonalità

    L-emendi proposti huma adattati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni straordinarja li nħolqot fl-ECOC tal-2020 u tal-2021 billi jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għalihom biex iwettqu l-programmi u l-attivitajiet kulturali tagħhom b’mod li jiżguraw il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni.

    L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imsemmi hawn fuq, peress li huma limitati għal bidliet li jikkonċernaw is-snin 2020 u 2021, meta l-impatt tal-pandemija huwa mistenni li jkun l-ogħla.

    Għażla tal-istrument

    Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija att legali tal-Unjoni u tista’ tiġi emendata biss minn att legali tal-istess tip.

    3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

    Minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt u djalogu mill-qrib mat-timijiet ta’ konsenja tal-ECOC tal-2020 sal-2023 kollha f’diversi kuntesti individwali, bilaterali u kollettivi bil-għan li jinftiehem aħjar l-impatt tal-pandemija fuq it-twettiq u t-tħejjija tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura attwali u li jmiss. It-timijiet ta’ konsenja kkollaboraw ukoll mal-Bordijiet rispettivi tagħhom kif ukoll mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali tagħhom sabiex jesploraw magħhom l-aħjar postijiet biex imexxu l-attivatajiet ’il quddiem. Il-Kummissjoni ġiet ikkuntattjata wkoll direttament minn xi awtoritajiet nazzjonali (l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija u s-Serbja).

    B’mod aktar partikolari, ġew organizzati erba’ laqgħat online konġunti matul il-perjodu: fit-2 ta’ April, telekonferenza konġunta flimkien maż-żewġ ECOC tal-2020 u r-rappreżentanti mill-Ministeri tal-Kultura tal-Irlanda u tal-Kroazja; fid-29 ta’ April, laqgħa konġunta online maż-żewġ ECOC tal-2022; fit-30 ta’ April, laqgħa online konġunta mat-tliet ECOC tal-2021; u fil-5 ta’ Mejju, laqgħa online konġunta mat-tmien ECOC 2020-2023.

    Fuq stedina mill-Kummissjoni, kull ECOC tal-2020, tal-2021, tal-2022 u tal-2023 bagħtu ittra lill-Kummissjoni (il-parti l-kbira minnhom iffirmata b’mod konġunt mill-Ministeru/Ministru tal-Kultura rispettiv tagħhom) biex jesprimu jekk kinux lesti jtawlu/jipposponu l-programm kulturali tas-sena titolari tagħhom u jagħtu ġustifikazzjoni soda għall-pożizzjoni tagħhom.

    Il-paragrafi li ġejjin jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-eżitu ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni.

    Iż-żewġ ECOC tal-2020 huma l-aktar milquta serjament u direttament. It-tnejn li huma kellhom jipposponu jew jikkanċellaw l-avvenimenti kollha minn Marzu 2020 mingħajr ebda ċarezza meta (u jekk) is-sitwazzjoni hux se terġa’ lura għan-normalità. Fil-prattika, dawn mhux qed jitħallew jimplimentaw is-sena tal-ECOC tagħhom u jisfruttaw l-investiment enormi li sar. Iż-żewġ timijiet ta’ konsenja tal-ECOC kellhom jagħtu s-sensja lill-persunal u huma f’modalità ta’ semiibernazzjoni.

    Fit-tliet ECOC tal-2021, il-pandemija tirriżulta f’livell għoli ħafna ta’ inċertezza fi kważi l-oqsma kollha assoċjati mal-preparazzjoni tagħhom: perspettivi ta’ finanzjament insiguri minn sħab pubbliċi u privati, regolamenti futuri mhux magħrufa dwar is-sikurezza li jaffettwaw kemm it-tipi ta’ xogħol kif ukoll it-tipi ta’ avvenimenti li se jiġu awtorizzati, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jnaqqsu l-flussi tat-turiżmu u l-possibbiltajiet ta’ sħubijiet Ewropej/internazzjonali. Il-miżuri ta’ prevenzjoni battew ix-xogħol preparatorju tat-tliet ECOC tal-2021 għal punt kritiku, meta, f’ċirkostanzi normali, huma jenħtieġ li jirdoppjaw l-isforzi, minħabba l-fatt li t-timijiet ta’ konsenja kienu soġġetti għal lockdown filwaqt li s-sopravivenza tas-sħab kontraenti potenzjali mhijiex ċerta.

    Iż-żewġ ECOC tal-2022 u l-ECOC waħda tal-2023 huma ferm inqas affettwati peress li għad fadlilhom biżżejjed żmien biex jaħsbu bir-reqqa dwar kif jistgħu jaġġustaw il-programmi tagħhom biex iqisu x-xenarji ta’ restrizzjoni differenti fil-futur.

    Bħala konklużjoni, jidher li l-ECOC tal-2020 sal-2023 mhumiex affettwati bl-istess mod mill-pandemija.

    L-aktar milquta huma ovvjament dawk l-ECOC li kellhom jiċċelebraw din is-sena (iż-żewġ ECOC tal-2020) jew li jenħtieġ li jaċċelleraw il-ħidma preparatorja tagħhom biex ilestu fil-ħin sas-sena d-dieħla (it-tliet ECOC tal-2021).

    Ta’ min jinnota wkoll li l-ECOC tal-istess sena jistgħu jiġu affettwati f’diversi gradi minħabba li l-miżuri ta’ konfinament ma kinux l-istess madwar l-Ewropa, minħabba li r-reżiljenza tas-settur kulturali u l-kapaċità finanzjarja tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali tagħhom mhumiex l-istess u/jew għaliex ma laħqux l-istess livell ta’ żvilupp fit-tħejjija tagħhom meta ntlaqtu mill-pandemija, u dan wassal biex xi wħud inqabdu f’mument meta kellhom jimxu b’pass mgħaġġel ħafna.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja diretta. Il-Premju Melina Mercouri mogħti lil kull belt nominata sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena titolari skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-ħidma ta’ dawk il-membri tal-bord ta’ esperti nnominati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni huma koperti mir-riżorsi eżistenti tal-programm Ewropa Kreattiva għall-qafas finanzjarju 2014-2020, jew se jkunu koperti mill-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura għas-snin ta’ wara l-2020. Barra minn hekk, il-proposta mhux se twassal għal għadd akbar ta’ Kapitali Ewropej tal-Kultura matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li:

    tippermetti li l-Istati Membri fil-kalendarju li jinsab fl-Anness ikunu aktar minn tnejn għas-sena 2023;

    tagħti lill-ECOC nominati mill-Kroazja u mill-Irlanda għall-2020 il-possibbiltà li jimplimentaw il-programmi tagħhom sat-30 ta’ April 2021 mingħajr ma tinbidel is-sena tan-nomina;

    tiġi posposta s-sena li fiha r-Rumanija u l-Greċja huma intitolati jospitaw it-titlu tal-ECOC mill-2021 għall-2023;

    tiġi posposta s-sena li fiha pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali jkun intitolat jospita t-titlu tal-ECOC mill-2021 għall-2022;

    tikkonferma l-validità tal-proċessi msemmija fl-Artikoli 7 sa 11 u fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE diġà konklużi għas-sena titolari 2021 (is-sena titolari biss tinbidel kif indikat hawn fuq);

    taġġorna kif xieraq id-dati tal-preżentazzjoni tal-evalwazzjonijiet finali għaż-żewġ ECOC tal-2020.

    2020/0179 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 167(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)L-objettivi tal-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE, li tiġi ssalvagwardjata u promossa d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa, li jitrawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-ibliet, li tissaħħaħ il-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fl-ibliet, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, li jitwessa’ l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha, li tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur kulturali u r-rabtiet tiegħu ma’ setturi oħra u li jiżdied il-profil internazzjonali tal-bliet permezz tal-kultura.

    (2)Il-kisba ta’ dawn l-objettivi tippresupponi l-mobbiltà, l-ivvjaġġar, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u l-parteċipazzjoni pubblika, li huma estremament diffiċli jekk mhux prattikament impossibbli fl-era tal-pandemija tal-COVID-19.

    (3)Bħala konsegwenza diretta tal-miżuri tal-lockdown meħuda madwar l-Ewropa, il-postijiet kulturali ngħalqu u l-avvenimenti kulturali ġew ikkanċellati jew posposti għal perjodu ta’ żmien mhux determinat. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni kulturali Ewropej u internazzjonali naqqsu r-ritmu b'mod radikali, peress li l-qsim fiżiku tal-fruntieri kien limitat. Fl-aħħar nett, minħabba d-dħul li qed jonqos b’rata mgħaġġla u l-ħtiġijiet emerġenti għas-saħħa pubblika, il-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali huma taħt iktar pressjonijiet baġitarji. L-isponsorjar privat għall-kultura wkoll qed isir aktar diffiċli għalissa minħabba li ma hemm l-ebda avveniment pubbliku x’jiġi sponsorjat jew għaliex il-kumpaniji jagħtu prijorità lil attivitajiet ta' sponsorjar relatati mas-saħħa pubblika.

    (4)Il-Kapitali Ewropej attwali u futuri tal-Kultura huma affettwati fi gradi varji primarjament skont is-sena li għaliha jkollhom it-titlu. Jidher li l-impatt huwa l-aktar b’saħħtu fuq l-implimentazzjoni taż-żewġ Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2020 u t-tħejjija tat-tliet Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2021.

    (5)Iż-żewġ Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2020 kellhom jipposponu jew jikkanċellaw l-avvenimenti kollha minn Marzu 2020 mingħajr ebda ċarezza meta (u jekk) is-sitwazzjoni hix se terġa’ lura għan-normalità. Fil-prattika, dawn mhux qed jitħallew jimplimentaw is-sena tagħhom bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura u jisfruttaw l-investiment enormi li sar.

    (6)Fit-tliet Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2021, il-pandemija tirriżulta f’livell għoli ħafna ta’ inċertezza fi kważi l-oqsma kollha assoċjati mal-preparazzjoni tagħhom: perspettivi ta’ finanzjament insiguri minn sħab pubbliċi u privati, regolamenti futuri mhux magħrufa dwar is-sikurezza li jaffettwaw kemm it-tipi ta’ xogħol kif ukoll it-tipi ta’ avvenimenti li se jiġu awtorizzati, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jnaqqsu l-flussi tat-turiżmu u l-possibbiltajiet ta’ sħubijiet Ewropej. Il-miżuri preventivi naqqsu x-xogħol ta’ tħejjija tat-tliet Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2021 għal punt kritiku, meta, taħt ċirkostanzi normali, jenħtieġ li jsiru sforzi doppji, minħabba l-fatt li t-timijiet ta’ konsenja kienu soġġetti għal lockdown filwaqt li s-sopravivenza tas-sħab kontraenti potenzjali mhijiex ċerta.

    (7)Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE ma tipprevedix il-flessibbiltà meħtieġa biex jitqiesu dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, u b’mod aktar speċifiku ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar il-prolongazzjoni jew il-posponiment tas-sena meta belt partikolari jkollha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.

    (8)Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata b’mod li jkun strettament imfassal għall-ħtieġa li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni eċċezzjonali sabiex l-ibliet li jkollhom it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura li jintlaqtu l-agħar mill-pandemija jitħallew jimplimentaw il-programmi tagħhom b’mod li jippermetti t-twettiq tal-objettivi tal-azzjoni.

    (9)Wara proċess ta’ konsultazzjoni li involva l-ibliet u l-Istati Membri kkonċernati, ġie konkluż li huwa xieraq li tingħata l-possibbiltà lill-ibliet ECOC nominati mill-Kroazja u mill-Irlanda għall-2020 biex ikomplu jimplimentaw il-programmi tagħhom sat-30 ta’ April 2021, mingħajr ma tinbidel is-sena tan-nomina. Għalhekk, l-Artikoli 3, 4 u 16 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

    (10)Wara proċess ta’ konsultazzjoni li involva l-ibliet u l-Istati Membri kkonċernati, ġie konkluż li s-sena li fiha r-Rumanija u l-Greċja huma intitolati jiċċelebraw it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura jenħtieġ li tiġi posposta mill-2021 għall-2023 u s-sena li fiha pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali huwa intitolat li jiċċelebra t-titlu tal-ECOC jenħtieġ li tiġi posposta mill-2021 għall-2022. Għalhekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE u l-kalendarju stabbilit fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu emendati skont dan. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax il-validità tal-proċeduri msemmija fl-Artikoli 7 sa 11 u 13 li diġà ġew konklużi fir-rigward tas-sena titolari 2021,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE hija emendata kif ġej:

    (1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “It-titlu għandu jingħata kull sena lil mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (“il-kalendarju”) u, fis-snin rilevanti, lil belt waħda minn pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“pajjiż tal-EFTA/taż-ŻEE”), pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali, jew lil belt waħda f'pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-paragrafu 5. Fl-2023, massimu ta’ belt waħda f’kull wieħed mit-tliet Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness għandu jkollha t-titlu.”;

    (b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-ibliet fl-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jżommu t-titlu għal sena waħda skont l-ordni tal-Istati Membri li jidhru fil-kalendarju. L-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 għandu jkollhom il-possibbiltà li jkomplu jimplimentaw il-programm kulturali tagħhom sat-30 ta’ April 2021, mingħajr ma tinbidel is-sena tan-nomina.”

    (2)It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-programm kulturali għandu jkopri s-sena titolari u għandu jinħoloq speċifikament għat-titlu, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5. L-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 għandu jkollhom il-possibbiltà li jkomplu jimplimentaw il-programm kulturali tagħhom sat-30 ta’ April 2021.”

    (3)Fl-Artikolu 16(1), jiżdied il-ħames subparagrafu li ġej:

    “L-ibliet li għandhom it-titlu fl-2020 għandhom ifasslu r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom u jibagħtuhom lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2022.”

    (4)L-Anness huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 7 sa 11 u fl-Artikolu 13(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE diġà konklużi għas-sena titolari 2021 għandhom jibqgħu validi. Is-sena titolari għandha tinbidel skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1).
    (2)    Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1545 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 (ĠU L 237, 15.9.2017, p. 1).
    (3)    ĠU C , , p. .
    Top

    Brussell, 18.8.2020

    COM(2020) 384 final

    ANNESS

    ta' [...]

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033


     

    KALENDARJU

    2020

    Il-Kroazja

    L-Irlanda

    2021

    2022

    Il-Litwanja

    Il-Lussemburgu

    Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

    2023

    L-Ungerija

    Ir-Rumanija

    Il-Greċja

    2024

    L-Estonja

    L-Awstrija

    Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

    2025

    Is-Slovenja

    Il-Ġermanja

    2026

    Is-Slovakkja

    Il-Finlandja

    2027

    Il-Latvja

    Il-Portugall

    2028

    Ir-Repubblika Ċeka

    Franza

    Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

    2029

    Il-Polonja

    L-Iżvezja

    2030

    Ċipru

    Il-Belġju

    Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

    2031

    Malta

    Spanja

    2032

    Il-Bulgarija

    Id-Danimarka

    2033

    In-Netherlands

    L-Italja

    Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

    Top