IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.8.2020
COM(2020) 355 final
2020/0163(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
{SWD(2020) 154 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020PC0355
Proposal for a COUNCIL DECISION on the AIEM tax applicable in the Canary Islands
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
COM/2020/355 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.8.2020
COM(2020) 355 final
2020/0163(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
{SWD(2020) 154 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li japplika għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, u li jinkludu l-Gżejjer Kanarji, fil-prinċipju ma jawtorizza l-ebda differenza bejn it-tassazzjoni ta’ prodotti lokali u t-tassazzjoni ta’ prodotti minn Spanja jew minn Stati Membri oħra. L-Artikolu 349 tat-TFUE jippermetti li jittieħdu miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE peress li jagħraf li r-restrizzjonijiet permanenti u kkombinati jrażżnu bil-kbir l-iżvilupp tagħhom u jaffettwaw il-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom.
Il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill attwali Nru 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 1 . Din id-Deċiżjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, tawtorizza lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2020, tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre Importaciones y Entregas de Mercancías en las Islas Canarias” (minn hawn ’il quddiem “AIEM”) jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji.
L-AIEM hija taxxa indiretta imposta mill-Istat fi stadju wieħed fuq il-provvisti ta’ oġġetti fil-Gżejjer Kanarji. Il-miżuri speċifiċi koperti mid-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE jistabbilixxu forma ta’ tassazzjoni differenzjata, li tibbenefika l-produzzjoni lokali ta’ ċerti prodotti. Dan il-benefiċċju tat-taxxa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, attwalment implimentata mill-awtoritajiet Spanjoli taħt it-taqsima tal-għajnuna reġjonali tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa 2 .
L-objettiv ta’ din il-miżura hija li tikkumpensa lill-produtturi fil-Gżejjer Kanarji għar-restrizzjonijiet permanenti relatati mal-iżolament, il-materja prima u d-dipendenza enerġetika, l-obbligu li jinbnew ħażniet, id-daqs żgħir tas-suq lokali u l-livell baxx tal-attività ta’ esportazzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet tfisser li l-kostijiet tal-produzzjoni, u b’hekk il-prezz tal-kost ta’ oġġetti prodotti lokalment, huma ogħla, u għalhekk mingħajr miżuri speċifiċi, il-produtturi lokali jkunu inqas kompetittivi mill-produtturi tal-Ewropa kontinentali, anke jekk jitqies il-kost biex dawn l-oġġetti jiġu ttrasportati lejn il-Gżejjer Kanarji. Dan se jagħmilha aktar diffiċli biex tinżamm il-produzzjoni lokali. Il-miżuri speċifiċi huma maħsuba biex isaħħu l-industriji lokali billi jikkumpensawhom għall-kostijiet addizzjonali tagħhom, u b’hekk joħolqu kundizzjonijiet ekwi.
Fl-24 ta’ April 2019, Spanja ressqet talba lill-Kummissjoni biex testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE.
Fir-rigward tat-talba biex jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE, il-Kummissjoni nediet studju estern sabiex tivvaluta r-reġim attwali kif ukoll l-impatti potenzjali tal-għażliet possibbli għall-perjodu ta’ wara l-2020, inkluż l-għażla li fuqha hija mibnija din il-proposta. Abbażi ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni tqis li huwa ġġustifikat li tingħata l-estensjoni mitluba, b’xi emendi għar-reġim eżistenti.
Għalhekk, din il-proposta tinvolvi l-istabbiliment tal-qafas legali għall-AIEM mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2027, bir-reviżjonijiet tal-arranġamenti attwali mmirati biex jagħmlu r-reġim aktar flessibbli u trasparenti.
L-emendi proposti, meta mqabbla mar-reġim attwali, huma kif ġej:
(a)Reviżjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-prodotti eliġibbli.
Ir-reġim rivedut jipproponi metodu ġdid użat għall-identifikazzjoni tal-prodotti appoġġati permezz tar-reġim tat-taxxa speċjali. Minflok l-approċċ attwali fejn kull prodott speċifiku huwa espliċitament identifikat fid-Deċiżjoni (abbażi ta’ kodiċi li jvarja minn CN4 għal TARIC10), id-Deċiżjoni proposta tindika biss il-kategoriji ta’ prodotti eliġibbli (CN4), filwaqt li prodotti speċifiċi (CN8 jew ogħla) huma dettaljati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-oqfsa legali u amministrattivi tagħhom.
L-awtoritajiet Spanjoli talbu li 99 kategorija ta’ prodotti tal-Intestaturi tas-Sistema Armonizzata (HS) 3 , skont l-erba’ ċifri tan-Nomenklatura Magħquda, jenħtieġ li jibbenefikaw minn din il-miżura. Il-Kummissjoni taqbel mal-lista fl-Anness I peress li dawn il-kategoriji ta’ prodotti jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà.
Il-prodotti jintgħażlu abbażi tal-kriterji li ġejjin:
–li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %;
–li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %; u
–li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-prezz tal-kost tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
Il-limiti tas-sehem fis-suq jistgħu jiġu derogati f’ċirkostanzi debitament iġġustifikati, li jinkludu produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema; produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali; produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi; produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati; produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa.
(b)Reviżjoni tal-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit id-differenzjal massimu permess.
Ir-reġim rivedut għandu l-għan li jissimplifika l-arranġamenti dwar l-istabbiliment ta’ differenzjal tat-taxxa, is-sostituzzjoni tal-erba’ listi ta’ prodotti differenti attwali b’lista waħda biss b’limitu massimu permess uniku ta’ 15 % bħala d-differenzjal massimu permess għall-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni l-ġdida.
L-awtoritajiet Spanjoli se jiddeċiedu liema se jkun il-persentaġġ xieraq għal kull prodott u se jipprovdu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kunsill. Madankollu, jenħtieġ li japplika l-limitu kwantitattiv ta’ EUR 150 miljun kull sena ta’ dħul mitluf, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.
Din il-lista ta’ prodotti u d-differenzjal massimu permess jindirizzaw l-objettiv tal-Artikolu 349 tat-TFUE li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-Gżejjer Kanarji bħala reġjun ultraperiferiku tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin, ma ssirx distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod li jista’ jiġi pperikolat is-suq intern.
(c)Arranġamenti ta’ monitoraġġ riveduti.
L-għan ta' din il-proposta huwa wkoll li tnaqqas il-piż ta’ valutazzjoni mill-ġdid frekwenti u li ttejjeb l-utilità u l-effettività tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Għalhekk, tippreżenta struttura standardizzata għar-rappurtar ibbażata fuq sett armonizzat ta’ indikaturi komuni għar-reġjuni ultraperiferiċi kollha tal-UE li jibbenefikaw minn reġim tat-taxxa speċjali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Il-Komunikazzjoni tal-2017 dwar “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” 4 tinnota li r-reġjuni ultraperiferiċi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji, li ħafna minnhom huma permanenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-approċċ tal-Kummissjoni f’termini ta’ appoġġ lil dawn ir-reġjuni biex jibnu fuq l-assi uniċi tagħhom u ta’ identifikazzjoni ta’ setturi ġodda li jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
F’dan il-kuntest, l-għan ta’ din il-proposta huwa li tappoġġa lir-reġjun ultraperiferiku ta’ Spanja biex jibni fuq l-assi tiegħu sabiex jippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur lokali. Din il-proposta tissupplimenta l-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI) 5 , li jimmira lejn l-appoġġ għas-settur primarju u l-produzzjoni ta’ materja prima, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) 6 u l-finanzjament tal-Allokazzjoni Addizzjonali Speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) 7 .
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-2015 8 , fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li twassal Suq Uniku aktar profond u aktar ġust li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha. Wieħed mill-objettivi tal-miżura proposta huwa li jittaffew il-kostijiet addizzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji fir-reġjuni ultraperiferiċi u li jxekklu s-sehem bis-sħiħ tagħhom fis-Suq Uniku. Minħabba l-volumi limitati ta’ produzzjoni involuti u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-AIEM fuq il-Gżejjer Kanarji biss, ma hu previst l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 349 tat-TFUE. Dan il-provvediment jippermetti lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi li jaġġustaw l-applikazzjoni tat-Trattati għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, il-Kunsill biss huwa awtorizzat li jadotta miżuri speċifiċi għall-aġġustament tal-applikazzjoni tat-Trattati favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, inkluż il-politiki komuni, minħabba r-restrizzjonijiet permanenti li jaffettwaw il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ dawk ir-reġjuni. Dan jgħodd ukoll għall-awtorizzazzjoni ta’ derogi tal-Artikolu 110 tat-TFUE. Għaldaqstant, il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet involuti u, b’dak il-mod, biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattat sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem b’mod tajjeb u effettiv.
•L-għażla tal-istrument
Deċiżjoni tal-Kunsill hija proposta biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 377/2014/UE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet “ex post”/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim AIEM jindirizza b’mod sodisfaċenti l-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Ir-raġunament tar-reġim speċjali AIEM huwa li jappoġġa l-prodotti lokali billi jnaqqas id-distakk fil-kompetittività tal-prodotti lokali meta mqabbla mal-oġġetti prodotti barra mill-gżejjer ikkawżat minn kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni b'riżultat tar-restrizzjonijiet permanenti li jaffettwaw lill-Gżejjer Kanarji. Ir-reġim AIEM jikkumpensa biss għal parti mill-kostijiet addizzjonali stmati. Bħala medja, ir-rata mnaqqsa tindirizza madwar kwart tal-kostijiet addizzjonali, iżda f’termini monetarji, il-kumpens totali – imkejjel b’rabta mat-taxxa totali imposta fuq l-importazzjonijiet – jammonta biss għal 14 % tal-kostijiet addizzjonali ġenerali. F’dan is-sens, l-AIEM itaffi primarjament tnaqqis fl-industrija lokali fil-Gżejjer Kanarji minflok jgħin bis-sħiħ l-iżvilupp u t-tkabbir.
Ir-riżultati tal-analiżi tad-data kwantitattiva tal-istudju estern jissuġġerixxu li, fin-nuqqas tal-appoġġ tal-AIEM, il-prestazzjoni tas-setturi tal-produzzjoni lokali kienet tkun ferm agħar. Madwar terz tal-valur tal-prodotti appoġġati mill-AIEM (madwar EUR 570 miljun) teoretikament kien permess mill-mekkaniżmu tad-differenzjal tat-taxxa, b’effetti pożittivi fuq l-impjiegi – li rreġistra żieda ta’ kważi 2 000 unità fis-setturi tal-AIEM mill-2014 – u fuq l-għadd ta’ intrapriżi attivi, li kiber b’madwar 300 unità fl-istess perjodu. Ma hemm l-ebda evidenza ta’ benefiċċji fuq il-valur totali tal-investimenti u fuq id-diversifikazzjoni tal-produzzjonijiet. F’termini ta’ effiċjenza, il-prestazzjoni tar-reġim speċjali hija ġeneralment pożittiva bi proporzjon ta’ kważi 1:3 bejn il-“kost” tal-miżura (id-dħul mitluf mit-taxxa) u l-produzzjoni lokali addizzjonali li possibbilment tippermetti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
B’mod ġenerali, ġew intervistati madwar 120 parti kkonċernata bħala parti mill-istudju estern li jappoġġa l-analiżi tar-reġim attwali. Il-programm ta’ intervisti involva lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u lir-rappreżentanti ta’ Spanja.
Għal din il-konsultazzjoni, ingħatat attenzjoni biex tiġi żgurata kopertura xierqa tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u bilanċ bejniethom, inklużi kemm ir-rappreżentanti tas-setturi produttivi lokali - jiġifieri l-benefiċjarji tar-reġimi speċjali - u s-setturi tal-kummerċ u s-servizzi li huma affettwati direttament jew indirettament minnhom.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din l-inizjattiva tħejjiet bħala eżerċizzju "back-to-back": evalwazzjoni ex-post tar-reġim attwali segwita mill-qrib minn valutazzjoni progressiva. Valutazzjoni bħal din, tal-impatti potenzjali tat-tkomplija u possibbilment tat-tibdil tar-reġim eżistenti, ġiet stabbilita f’dokument analitiku, inkluż anness ta’ evalwazzjoni. Dan id-dokument jissejjes fuq studju estern u fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-funzjonament tad-deroga se jkun ir-rwol tal-awtoritajiet Spanjoli u tal-Kummissjoni, kif kien sal-ġurnata tal-lum.
L-awtoritajiet Spanjoli sejrin jintalbu jissottomettu rapport sat-30 ta’ Settembru 2025 għall-perjodu mill-2019 sal-2024. Dan ir-rapport se jinkludi dan li ġej: informazzjoni dwar il-kostijiet addizzjonali involuti fil-produzzjoni; id-distorsjonijiet ekonomiċi u l-impatti fuq is-suq; informazzjoni għall-evalwazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza mal-politiki l-oħrajn tal-UE; kif ukoll informazzjoni dwar ir-rilevanza kontinwata u l-valur miżjud tal-UE tal-leġiżlazzjoni.
L-eżerċizzju ta’ rapportar jenħtieġ li jfittex ukoll li jiġbor kontribut mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-rigward tal-livell u tal-evoluzzjoni tal-kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni tagħhom, il-kostijiet tal-konformità tagħhom u kwalunkwe każ ta’ distorsjoni tas-suq.
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet Spanjoli jkun fiha d-data meħtieġa biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni infurmata dwar il-validità u l-vijabbiltà tal-iskema fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tfassal linji gwida speċifiċi dwar l-informazzjoni meħtieġa. Linji gwida bħal dawn se jkunu, sa fejn ikun possibbli, komuni għal skemi simili oħrajn għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, regolati minn leġiżlazzjoni simili.
Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din id-deroga għadhomx jeżistu, jekk il-vantaġġ fiskali mogħti minn Spanja għadux proporzjonat u jekk miżuri alternattivi għal sistema ta’ deroga għat-taxxa humiex possibbli, filwaqt li titqies id-dimensjoni internazzjonali tagħhom.
L-istruttura u d-data meħtieġa fir-rapport ta’ monitoraġġ huma annessi mal-proposta fl-Anness II. Meta l-awtoritajiet Spanjoli jissottomettu r-rapport ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni tevalwa l-effetti tar-rati differenzjati u tivvaluta l-ħtieġa għal bidliet.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-parti mhijiex applikabbli peress li l-artikoli huma evidenti.
2020/0163 (CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,
Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, il-Kunsill, filwaqt li jqis ir-restrizzjonijiet strutturali soċjali u ekonomiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, inkluż il-periferiċità, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, għandu jadotta miżuri speċifiċi mmirati, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni, inkluż il-politiki komuni.
(2)Għalhekk jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-Trattat għal dawk ir-reġjuni. Dawn iridu jqisu l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali ta’ dawn ir-reġjuni, bla preġudizzju għall-integrità u l-koerenza tal-ordni ġuridiku tal-Komunità, inkluż is-suq intern u l-politiki komuni.
(3)Id-dipendenza ekonomika tal-Gżejjer Kanarji fuq is-settur tas-servizzi u b’mod partikolari fuq it-turiżmu kif imkejjel fis-sehem tal-PDG tar-reġjun relatat ma’ dan is-settur, tikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti. Dan is-settur għandu rwol ferm akbar fl-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji mis-settur tal-industrija.
(4)L-iżolament u l-insularità inerenti f’arċipelagu jfixklu l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi u huma t-tieni l-akbar restrizzjoni li qed jiffaċċjaw il-Gżejjer Kanarji. Il-post fejn jinsabu l-gżejjer iżid id-dipendenza tagħhom fuq it-trasport bl-ajru u fuq it-trasport marittimu. It-trasport lejn, minn u fuq dawk il-gżejjer imbiegħda u insulari jkompli jżid il-kostijiet tal-produzzjoni għall-industriji lokali. Il-kostijiet tal-produzzjoni huma akbar minħabba li dawn il-modi ta’ trasport huma inqas effiċjenti u jiġu jiswew iktar flus milli bit-triq jew bil-ferrovija.
(5)Bħala konsegwenza ulterjuri ta’ dan l-iżolament, kostijiet ogħla tal-produzzjoni jirriżultaw mid-dipendenza tal-gżejjer fuq l-importazzjoni ta’ materja prima u tal-enerġija, l-obbligu li jiġu akkumulati ħażniet u diffikultajiet li jaffettwaw il-forniment ta’ tagħmir ta’ produzzjoni.
(6)Id-daqs żgħir tas-suq u l-livell baxx ta’ attività ta’ esportazzjoni, il-frammentazzjoni ġeografika tal-arċipelagu, u l-obbligu li jinżammu linji ta’ produzzjoni diversifikati iżda żgħar sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ suq żgħir, jillimitaw l-opportunitajiet għal ekonomiji ta’ skala.
(7)F’ħafna każijiet huwa aktar diffiċli jew aktar għali fil-Gżejjer Kanarji biex tikseb servizzi speċjalizzati u ta’ manutenzjoni, u taħriġ għal maniġers u tekniċi, jew li tissottokuntratta jew tippromwovi l-espansjoni ta’ negozju lil hinn mis-suq reġjonali. Il-firxa dejqa ta’ metodi ta’ distribuzzjoni tirriżulta wkoll f’eċċess ta’ stokk.
(8)Fir-rigward tal-ambjent, ir-rimi ta’ skart industrijali u t-trattament ta’ skart tossiku jagħti lok għal kostijiet ambjentali ogħla. Dawn il-kostijiet huma ogħla minħabba li ma hemmx impjanti tar-riċiklaġġ, ħlief għal ċerti prodotti, u l-iskart irid ikun ittrasportat biex jiġi ttrattat barra l-Gżejjer Kanarji.
(9)Eżaminazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni tikkonferma li huwa meħtieġ li tintlaqa’ t-talba ta’ Spanja li tiġġedded l-awtorizzazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ taxxa għal lista ta’ prodotti li għalihom eżenzjonijiet għal prodotti lokali jistgħu jkunu permessi.
(10)It-taxxa AIEM qed isservi l-għan ta’ żvilupp awtonomu tas-setturi ta’ produzzjoni industrijali tal-Gżejjer Kanarji u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Gżejjer.
(11)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta’ Ġunju 2002, adottata abbażi tal-Artikolu 299 tat-Trattat tal-KE, inizjalment awtorizzat lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2011, tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala ‘Arbitrio sobre Importaciones y Entregas de Mercancías en las Islas Canarias’ (minn hawn ’il quddiem “AIEM”) jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji. L-Anness għal dik id-Deċiżjoni fih lista ta’ prodotti li għalihom jistgħu jiġu applikati eżenzjonijiet u tnaqqis fit-taxxa. Skont il-prodott, id-differenza fit-tassazzjoni bejn il-prodotti lokali u l-prodotti l-oħrajn ma tistax taqbeż il-5, il-15 jew il-25 punt perċentwali.
(12)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 895/2011/UE tad-19 ta’ Diċembru 2011 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE, billi estendiet il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2013.
(13)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1413/2013/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE, billi estendiet il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2014.
(14)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 awtorizzat lil Spanja biex tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala AIEM jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-anness tad-Deċiżjoni fih il-lista tal-prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa jew it-tnaqqis tat-taxxa.
(15)Ir-rata massima differenzjali, li tista’ tiġi applikata għall-prodotti industrijali inkwistjoni, hija ta’ 15 %. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet Spanjoli sejrin jiddeċiedu dwar il-persentaġġ xieraq għal kull prodott. Id-differenzjal tat-taxxa awtorizzat jenħtieġ li ma jeċċedix il-kostijiet addizzjonali ġġustifikati. Madankollu, dan il-vantaġġ fiskali jenħtieġ li japplika soġġett għal limitu ta’ EUR 150 miljun fis-sena, ħlief f’każijiet iġġustifikati bix-xieraq.
(16)B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u sabiex tiġi żgurata flessibbiltà, l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jemendaw il-prodotti u d-differenzjali tat-taxxa awtorizzati tagħhom biex jirriflettu l-livell attwali tal-kostijiet addizzjonali mġarrba għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Gżejjer Kanarji. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet Spanjoli biex japplikaw rati tad-differenzjali aktar baxxi u li jistabbilixxu taxxa minima għal prodotti speċifiċi fejn meħtieġ, diment li kwalunkwe emenda tkun konformi mal-objettivi tal-Artikolu 349 tat-TFUE. Kwalunkwe emenda fil-lista ta’ prodotti jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin: li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %; li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %; li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-prezz tal-kost tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
(17)F’ċirkostanzi debitament ġustifikati tista' ssir deroga mil-limiti tas-sehem fis-suq, li jinkludu: produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema; produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali; produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi; produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati; produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa. Għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet Spanjoli li jemendaw il-lista ta’ prodotti u d-differenzjal tat-taxxa awtorizzat tagħhom, diment li kwalunkwe emenda tkun konformi mal-objettivi tal-Artikolu 349 tat-TFUE.
(18)L-objettivi li jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Gżejjer Kanarji huma riflessi fuq livell nazzjonali għall-għanijiet tat-taxxa u għall-allokazzjoni tad-dħul li hija tiġġenera. L-inkorporazzjoni tad-dħul minn din it-taxxa fir-riżorsi tas-sistema ekonomika u tat-taxxa tal-Gżejjer Kanarji u l-użu tiegħu għal strateġija ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li tinvolvi l-promozzjoni ta’ attivitajiet lokali hija obbligu legali.
(19)L-eżenzjonijiet minn jew it-tnaqqis fit-taxxa tal-AIEM jenħtieġ li japplikaw għal 7 snin. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni għadhomx issodisfati, jenħtieġ li Spanja tissottometti rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2025.
(20)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Artikoli 28, 30 u 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jiġu awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 2027 li jistipulaw, fir-rigward ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Anness I li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji, eżenzjonijiet totali jew tnaqqis parzjali tat-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre las Importaciones y Entregas de mercancias en las islas Canarias (AIEM)”. Dawn l-eżenzjonijiet iridu jagħmlu parti mill-istrateġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji u jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ attivitajiet lokali.
2. L-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet totali jew tat-tnaqqis imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex twassal għal differenzi li jeċċedu l-15 % għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Anness I.
Spanja għandha tiżgura li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis applikati għall-prodotti ma jaqbżux il-persentaġġ strettament meħtieġ biex jinżammu, jiġu promossi u jiġu żviluppati attivitajiet lokali. Id-differenzjal tat-taxxa awtorizzat ma għandux jeċċedi l-kostijiet addizzjonali ġustifikati.
3. Dan il-vantaġġ fiskali għandu japplika soġġett għal limitu ta’ EUR 150 miljun fis-sena, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.
Artikolu 2
Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintgħażlu billi jitqiesu l-kriterji li ġejjin:
(a) li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %;
(b) li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %;
(c) li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-kostijiet tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
Il-limiti tas-sehem fis-suq imsemmija fil-paragrafi a u b jistgħu jiġu derogati f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, li jinkludu:
(i) produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema;
(ii) produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali;
(iii) produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi;
(iv) produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati;
(v) produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa.
Artikolu 3
Sal-1 ta’ Jannar 2021, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista inizjali ta’ prodotti li għalihom japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis. Dawk il-prodotti għandhom jaqgħu fil-kategoriji ta’ prodotti stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. L-emendi għal din il-lista ta’ prodotti jistgħu jsiru mill-awtoritajiet Spanjoli, sakemm il-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-informazzjoni rilevanti kollha.
Artikolu 4
Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025, Spanja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni jibqgħux issodisfati. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness II.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.8.2020
COM(2020) 355 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
{SWD(2020) 154 final}
ANNESS I
Lista ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) skont il-kategoriji tal-prodott tal-Intestaturi tas-Sistema Armonizzata
Agrikoltura, trobbija tal-annimali, forestrija u sajd
0203 0204 0207 0407 0603 0701 0703 0706 0708 0810
Minjieri u barrieri
2516 6801 6802 6810
Materjali tal-bini
2523 3816 3824 6809 7006 7007 7008 7009 7010
Sustanzi kimiċi
2804 2807 2811 2828 2853 3102 3105 3208 3209 3212 3213 3214 3304
3401 3402 3406 3814 3917 3920 3923 3925 4012
Industriji tax-xogħol tal-ħadid
7308 7309 7604 7608 7610 8415 8424 8907 9403 9404 9406
Industrija tal-ikel u tax-xorb
0210 0305 0403 0406 0901 1101 1102 1601 1602 1702 1704 1806 1901 1902 1904 1905 2002 2005 2006 2007 2008 2009 2103 2105 2106 2201
2202 2203 2204 2208 2309
Tabakk
2402
Tessuti, ġilda u żraben
6109 6112
Karta
4808 4811 4818 4819 4821 4823
Arti grafika
4909 4910 4911
ANNESS II
It-tagħrif li jrid jiddaħħal fir-rapport ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 4
1. Kostijiet addizzjonali stmati. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jibagħtu rapport sommarju b’data suffiċjenti sabiex jiġi evalwat li l-kost addizzjonali li jżid il-prezz tal-kost tal-produzzjoni lokali meta mqabbla mal-prodotti mmanifatturati band’ oħra, huwa minnu. L-informazzjoni pprovduta fir-rapport sommarju għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja, meta tali tagħrif ikun disponibbli: kostijiet ta’ dħul, kostijiet ta’ ħażniet żejda, kostijiet ta’ tagħmir, kostijiet ta’ xogħol addizzjonali u kostijiet finanzjarji. Din id-data trid tiġi pprovduta b’referenza għal mill-inqas kategoriji tal-prodotti tal-Intestaturi tas-Sistema Armonizzata, skont l-erba’ ċifri tan-Nomenklatura Magħquda.
Dan ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati sommarji ta’ studji ad hoc dettaljati dwar kostijiet addizzjonali li Spanja għandha tkompli twettaq perjodikament.
2. Sussidji oħra. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jibagħtu lista tal-miżuri l-oħra kollha ta’ għajnuna u ta’ appoġġ li jindirizzaw il-kostijiet operatorji addizzjonali tal-operaturi ekonomiċi marbuta mal-istatus tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Gżejjer Kanarji.
3. Impatt fuq il-baġit pubbliku. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jimlew it-Tabella 1 u jipprovdu l-ammont totali stmat (f’EUR) tat-taxxa mhux miġbura minħabba d-differenzjali tat-taxxa applikati.
Tabella 1.
|
Sena* |
2019 |
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
Noti** |
|
Dħul mit-taxxa mitluf |
|||||||
|
Riċevuti tat-taxxa – importazzjonijiet |
|||||||
|
Riċevuti tat-taxxa – produzzjoni lokali |
Noti mat-Tabella:
(1)“dħul mit-taxxa mitluf”: l-ammont totali (f’EUR) tat-taxxa mhux miġbura minħabba d-differenzjali tat-taxxa applikati għall-produzzjoni lokali (tnaqqis/eżenzjonijiet). Fil-livell tal-prodotti, dan jiġi kkalkulat billi jiġi mmultiplikat il-valur tal-produzzjoni mibjugħa fis-suq lokali (jiġifieri jitnaqqsu l-esportazzjonijiet) bid-differenzjal fit-taxxa applikata. Imbagħad l-indikatur jiġi kkalkulat billi jingħaddu flimkien l-istimi fil-livell tal-prodott.
(2)“riċevuti tat-taxxa - importazzjonijiet”: l-ammont totali (f’EUR) tat-taxxa imposta fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti taxxabbli.
(3)“riċevuti tat-taxxa – produzzjoni lokali”: l-ammont totali (f’EUR) tat-taxxa imposta fuq il-prodotti lokali taxxabbli.
(4)(*) jista’ jkun li t-tagħrif mhux disponibbli għas-snin kollha elenkati.
(5)(**) ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.
4. Impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika globali. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jimlew it-Tabella 2 u jipprovdu kwalunkwe data li turi l-impatt tat-taxxi mnaqqsa fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjun. L-indikaturi mitluba fit-Tabella għandhom jirreferu għall-prestazzjoni tas-setturi appoġġati meta mqabbel mal-prestazzjoni ġenerali tal-ekonomija reġjonali. Jekk uħud mill-indikaturi ma jkunux disponibbli, għandha tiddaħħal data alternattiva ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni soċjoekonomika globali tar-reġjun.
Tabella 2.
|
Sena* |
2019 |
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
Noti** |
|
Valur miżjud gross reġjonali |
|||||||
|
-Fis-setturi appoġġati |
|||||||
|
Impjieg globali reġjonali |
|||||||
|
-Fis-setturi appoġġati |
|||||||
|
Għadd ta’ intrapriżi attivi |
|||||||
|
-Fis-setturi appoġġati |
|||||||
|
Indiċi tal-livell tal-prezzijiet - fil-kontinent |
|||||||
|
Indiċi tal-livell tal-prezzijiet - fir-reġjuni |
Noti mat-Tabella:
(1)“setturi appoġġjati”: maħsuba bħala s-setturi ekonomiċi (definizzjoni NACE jew simili) fejn il-produzzjoni b’mod prevalenti (skont il-volum tal-produzzjoni) qed tibbenefika minn tnaqqis/eżenzjonijiet mit-taxxa.
(2)(*) jista’ jkun li t-tagħrif mhux disponibbli għas-snin kollha elenkati.
(3)(**) ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.
5. Speċifikazzjonijiet tar-reġim. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jimlew it-Tabelli 3 u 4 għal kull prodott (CN4, CN6, CN8 jew TARIC10 kif applikabbli) u skont is-sena (minn 2019 sa 2024). Il-lista tinkludi biss il-prodotti li jibbenefikaw minn rati tat-taxxa differenzjati.
Tabella 3. L-identifikazzjoni tal-prodotti u r-rati applikati.
|
Prodotti appoġġati – kodiċi tan-NM (4, 6, 8 jew 10 ċifri) |
Sena |
Kategorija approvata CN4 |
Speċifikazzjonijiet tal-kodiċi |
Rata tat-taxxa esterna |
Rata tat-taxxa interna |
Differenzjal fit-taxxa applikata |
Noti** |
|
2019 |
|
|
|
|
|
||
|
2020 |
|
|
|
|
|
||
|
2021 |
|||||||
|
2022 |
|||||||
|
2023 |
Noti mat-Tabella:
(1)“Kategorija approvata CN4”: il-kategorija approvata CN4 f’din id-Deċiżjoni.
(2)“speċifikazzjoni tal-kodiċi”: fil-każ li trattament differenti jiġi estiż għal kodiċijiet b’10 ċifri differenti jew abbażi ta’ speċifikazzjonijiet ad hoc oħra tad-definizzjonijiet tan-NM/TARIC.
(3)“Rata tat-taxxa esterna”: ir-rata tat-taxxa applikata għall-importazzjonijiet.
(4)“Rata tat-taxxa interna”: ir-rata tat-taxxa applikata għall-produzzjoni lokali.
(5)“Differenzjal fit-taxxa applikata”: id-differenza bejn ir-rata esterna u dik interna.
(6)(**) ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.
Tabella 4. Is-sehem mis-suq tal-prodotti appoġġati.
|
Prodotti appoġġati – kodiċi tan-NM (4, 6, 8 jew 10 ċifri) * |
Sena |
Volum |
Valur (f’EUR) |
Noti** |
|||||
|
produzzjoni lokali |
unità |
importazzjonijiet |
Sehem mis-suq** |
produzzjoni lokali |
importazzjonijiet |
Sehem mis-suq** |
|||
|
2019 |
|
|
|
|
|
||||
|
2020 |
|
|
|
|
|
||||
|
2021 |
|||||||||
|
2022 |
|||||||||
|
2023 |
|||||||||
Noti mat-Tabella:
(1)(*) l-ewwel kolonna għandha tkun identika għat-tabella preċedenti li tippermetti t-tqabbil tad-data.
(2)“volum”: fil-kolonna “unità” speċifika l-unità ta’ kejl (tunnellati, hl, biċċiet, eċċ.).
(3)“valur”: għall-importazzjoni, jikkoinċidi mal-ammont taxxabbli.
(4)(**) “sehem mis-suq”: is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkulat billi jitnaqqsu l-esportazzjonijiet ta’ prodotti lokali.
(5)(***) ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.
6. Irregolaritajiet. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jipprovdu tagħrif dwar kwalunkwe investigazzjoni dwar irregolaritajiet amministrattivi, b’mod partikolari dwar l-evażjoni mit-taxxi jew il-kuntrabandu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni. Ipprovdi tagħrif, inkluż tal-inqas tagħrif dwar in-natura tal-każ, il-valur u l-perjodu ta’ żmien.
7. Ilmenti. L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jipprovdu tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali rċevewx xi lmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, kemm mill-benefiċjarji kif ukoll minn dawk li mhumiex benefiċjarji.