IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.7.2020
COM(2020) 282 final
2020/0151(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2020) 120}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 (ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni) u r-Regolament (UE) 575/2013 (ir-Regolament CRR) jistabbilixxu qafas ġenerali tal-UE għat-titolizzazzjoni u joħolqu qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS). L-objettiv tal-qafas huwa li jippromwovi suq sikur, profond, likwidu u robust għat-titolizzazzjoni, li jkun kapaċi jattira bażi ta’ investituri wiesgħa u stabbli sabiex jgħin biex il-finanzi jiġu allokati fejn huwa l-aktar meħtieġ fl-ekonomija. Ir-reġim il-ġdid ta’ titolizzazzjoni ilu fis-seħħ minn Jannar 2019 u huwa l-qofol tal-isforzi tal-UE biex tiġi stabbilita Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali qed ikollhom impatt estensiv fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni u f’dak tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lill-impriżi solventi biex jirreżistu għal dan it-tnaqqis qawwi iżda temporanju fl-attività ekonomika u fil-likwidità li se jinħoloq.
It-tbassir ekonomiku tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni Ewropea jindika riċessjoni profonda ħafna minħabba li l-attività ekonomika kkrollat fl-ewwel nofs tal-2020 u l-PGD reali għas-sena 2020 kollha fl-UE huwa previst li jonqos bi 8,3 %. Id-daqs tat-tnaqqis ekonomiku, għalhekk, huwa mistenni li jkun ferm aktar sever minn dak osservat fl-2009, filwaqt li l-prospetti għall-irkupru huma irregolari u inċerti. Dan huwa għaliex il-miżuri ta’ emerġenza immedjati għandhom jiġu kkumplimentati minn miżuri mmirati ta’ effett fuq terminu medju li jistgħu jappoġġaw irkupru veloċi.
Se jkun kruċjali li l-banek ikunu jistgħu jkomplu jsellfu lill-kumpaniji anki fix-xhur li ġejjin ladarba x-xokk immedjat tal-kriżi tal-COVID-19 ikun għadda. Għalhekk, huwa importanti li titħejja jew tiġi aġġornata kwalunkwe għodda li tippermetti lill-banek imantnu u saħansitra jtejbu l-kapaċità tagħhom li jsellfu lill-ekonomija reali, b’mod partikolari lill-SMEs. It-titolizzazzjoni tista’ tkun faċilitatur ewlieni f’dan ir-rigward. Billi tittrasforma s-self f’titoli negozjabbli, it-titolizzazzjoni tista’ tillibera l-kapital bankarju għal aktar self u tippermetti li firxa usa’ ta’ investituri jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku.
Il-qafas attwali ma jilħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu f’żewġ aspetti, li huma importanti ħafna għat-trawwim tal-irkupru ekonomiku: il-qafas ma jipprevedix titolizzazzjoni sintetika li tidher fil-karta tal-bilanċ u mhuwiex kompletament adattat għall-iskop tat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi improduttivi (NPEs).
Il-qafas tat-titolizzazzjoni se jkun soġġett għal rieżami komprensiv b’emendi leġiżlattivi eventwali, jekk xieraq sa Jannar 2022. Madankollu, il-proposta attwali tistabbilixxi emendi mmirati minn issa, minħabba l-utilità tagħhom għall-irkupru ekonomiku. L-istennija għar-rieżami tal-qafas fl-2022 u l-emendi leġiżlattivi eventwali jwasslu għal aġġustamenti legali mixtieqa probabbilment biss fi ftit snin u għalhekk ifixklu l-għan li t-titolizzazzjoni tintuża bl-aktar mod effiċjenti biex jiġi promoss l-irkupru ekonomiku fix-xhur li ġejjin.
Il-proposta attwali la tissostitwixxi u lanqas tnaqqas bi kwalunkwe mod il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami msemmi hawn fuq, li għandu l-mandat li jagħti ħarsa wiesgħa lejn l-effetti tar-reġim il-ġdid, inklużi kwistjonijiet bħall-modalitajiet tar-retenzjoni tar-riskju, l-użu ta’ titolizzazzjonijiet privati, l-impatt tar-reġim ta’ divulgazzjoni u oħrajn. Ir-rieżami li ġej se jqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum ta’ Livell Għoli tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali dwar l-applikazzjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni Ewropew fuq skala akbar.
Barra minn hekk, dawn l-emendi mmirati mhux biss se jagħtu kontribut biex jiġi ffinanzjat l-irkupru, iżda se jikkontribwixxu wkoll għar-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tagħna: billi jestendu l-qafas STS anki għat-titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ, huwa mistenni li t-tikketta STS bir-rekwiżiti addizzjonali tagħha li jiżguraw anqas kumplessità u aktar trasparenza se tintuża għal sehem usa’ tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-UE. B’dan il-mod, nistgħu nipprovdu inċentivi addizzjonali għat-titolizzazzjoni fi ħdan il-qafas robust tal-UE għal Titolizzazzjoni Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata u ngħinu lill-banek isibu modi biex jaqsmu r-riskju mal-atturi tas-suq kapitali, li huwa wieħed mill-objettivi tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-qafas tat-titolizzazzjoni tal-UE ilu fis-seħħ minn Jannar 2019. L-emendi proposti huma kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tat-titolizzazzjoni. Id-dispożizzjonijiet huma inklużi wkoll f’atti delegati u ta’ implimentazzjoni. L-emendi proposti huma konformi wkoll mar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u s-superviżjoni tagħhom.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija parti minn rispons usa’ tal-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 u tinkludi l-emendi tal-MiFID u tar-Regolament dwar il-Prospett li ġew adottati fl-istess żmien ta’ din il-proposta (daħħal ir-referenza t-tajba). Hija kompletament konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aspetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus maħruġa fit-13 ta’ Marzu 2020, mal-pakkett ta’ miżuri ekonomiċi “COVID 19 – L-użu ta’ kull euro disponibbli” mniedi fit-2 ta’ April 2020 kif ukoll mal-Komunikazzjoni Interpretattiva mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali għall-iffaċilitar tas-self mill-banek tal-UE (Is-sostenn lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi waqt il-COVID-19).
Il-qafas tat-titolizzazzjoni diġà huwa element importanti tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni biex tiżgura li s-sistema finanzjarja tappoġġa impjiegi u tkabbir għal ekonomija li taħdem għan-nies. Għandha l-għan li torbot aħjar it-tfaddil mat-tkabbir u tipprovdi aktar għażliet u redditi ikbar għal min ifaddal u għall-investituri. Għandha l-għan li toffri lin-negozji aktar għażliet ta’ finanzjament fl-istadji differenti tal-iżvilupp tagħhom u talloka l-investiment għal fejn jista’ jintuża bl-iktar mod produttiv, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kumpaniji u l-proġetti Ewropej. Il-proposta tal-lum se ssaħħaħ u tkabbar dan il-qafas waqt li toffri aktar opportunitajiet. Dawn l-emendi se jgħinu biex jiġu pprovduti sorsi ta’ finanzjament addizzjonali għall-kumpaniji, tissaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jappoġġaw l-ekonomija, jiġi diversifikat is-sors tal-investimenti, tiġi estiża l-bażi tal-investituri u jiġu mifruxa r-riskji fost il-parteċipanti tas-suq, filwaqt li jiġu evitati l-eċċessi li wasslu għall-kriżi finanzjarja.
Finalment, din l-inizjattiva, billi partikolarment tneħħi l-ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni tal-NPEs, hija konformi mal-pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa adottat mill-Kunsill ECOFIN f’Lulju 2017, kif ukoll mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. It-tnejn li huma jitolbu għall-iżvilupp tas-swieq sekondarji għal assi f’diffikultà. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni determinata biex jiġu indirizzati l-NPEs ġiet enfasizzata wkoll f’xi rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew lill-Istati Membri.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tar-Regolament STS hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jikkonferixxi lill-istituzzjonijiet Ewropej il-kompetenza li jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa li jkollhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku bħala l-objettiv tagħhom. Dawk ir-Regolamenti jistgħu jiġu emendati biss, inkluż billi jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fuq bażi temporanja, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat.
•Sussidjarjetà
L-emendi jikkonċernaw bidliet fir-regoli tal-Unjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u biex irawmu l-irkupru ekonomiku. L-objettivi segwiti mill-emendi previsti jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni milli minn inizjattivi nazzjonali differenti. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
Il-qafas ġuridiku attwali li jintroduċi Qafas ta’ titolizzazzjoni tal-UE ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni. Minħabba n-natura transfruntiera tat-titolizzazzjoni, jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli proposti jkun allinjat, koerenti u konsistenti biżżejjed fil-livell tal-Unjoni biex ikun verament effettiv. Ma jistax jinkiseb titjib fil-qafas ġuridiku eżistenti jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod awtonomu. Il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw miżuri nazzjonali hija limitata, peress li r-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni diġà jipprevedi sett armonizzat ta’ regoli fil-livell tal-UE u l-bidliet fil-livell nazzjonali kieku jkunu f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni attwalment fis-seħħ. Jekk ma tittiħidx azzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-qafas regolatorju eżistenti jkun anqas effettiv biex jappoġġa lid-diversi miżuri meħuda minn awtoritajiet pubbliċi kemm fil-livell ta’ Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, u inqas reattiv għall-isfidi eċċezzjonali tas-suq. Jekk l-Unjoni kellha tieqaf tirregola dawn l-aspetti, is-suq intern għat-titolizzazzjoni jkun soġġett għal ġabriet differenti ta’ regoli, u dan iwassal għall-frammentazzjoni u jdgħajjef il-ġabra unika tar-regoli li saret reċentement f’dan il-qasam. Dan iwassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi u għal arbitraġġ regolatorju.
Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell nazzjonali ma tistax toħloq b’mod effettiv trattament aktar sensittiv għar-riskji għat-titolizzazzjonijiet, peress li t-trattament prudenzjali diġà huwa stabbilit fil-liġi tal-UE, u lanqas ma tista’ tiżgura konsistenza u standardizzazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li bħalissa huma koperti minn atti legali differenti tal-UE bħal dawk dwar id-divulgazzjoni, id-diliġenza dovuta u r-retenzjoni tar-riskju.
•Proporzjonalità
Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv tal-espansjoni tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u tad-ditti tal-investiment li jsellfu lill-korporattivi u lill-SMEs u biex jilliberaw il-karti tal-bilanċ tagħhom minn skoperturi improduttivi filwaqt li tinżamm il-konsistenza tal-qafas prudenzjali wara l-kriżi tal-COVID-19. L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet u huma bbażati fuq regoli diġà fis-seħħ, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn mill-indirizzar tad-dispożizzjonijiet magħżula fil-qafas tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment li jirrigwardaw esklussivament miżuri mmirati lejn l-iżgurar ta’ appoġġ għall-irkupru tal-ekonomija fix-xhur ta’ wara l-kriżi immedjata tal-COVID. Barra minn hekk, l-emendi proposti huma limitati għal dawk il-kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti li r-regoli attwali jipprevedu.
Il-Kummissjoni tqis li l-bidliet fir-regoli proposti huma proporzjonali mal-objettivi.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta attwali hija emenda tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni u, għalhekk, hija Regolament. Ma jista’ jintuża l-ebda mezz alternattiv – leġiżlattiv jew operattiv – biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta hija bbażata fuq żewġ rapporti mill-Awtorità Bankarja Ewropea – ir-Rapport dwar qafas STS applikabbli għat-Titolizzazzjoni Sintetika skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni (“ir-rapport dwar it-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS” ) u l-Opinjoni dwar it-trattament regolatorju tat-titolizzazzjonijiet NPE (“l-Opinjoni tal-NPE”).
Ir-rapport dwar it-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS jitfassal skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni, li jitlob lill-ABE biex tanalizza l-fattibbiltà ta’ qafas speċifiku rigward titolizzazzjoni sintetika STS, limitata għal tranżazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ.
Abbażi tal-analiżi li hemm fih, ir-rapport dwar it-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS tal-ABE jagħmel tliet rakkomandazzjonijiet:
·li jiġi stabbilit qafas transsettorjali għat-titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata, limitat għat-titolizzazzjoni fil-karta tal-bilanċ;
·li biex tkun eliġibbli għat-tikketta “STS”, it-titolizzazzjoni sintetika għandha tikkonforma mal-kriterji proposti dwar is-sempliċità, l-istandardizzazzjoni u t-trasparenza;
·biex jitqiesu r-riskji u l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ trattament tal-kapital differenzjat rigward it-titolizzazzjoni sintetika STS fil-karta tal-bilanċ.
Il-Kummissjoni ħejjiet rapport, skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni, dwar il-ħolqien ta’ qafas speċifiku għat-titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata, limitat għal titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ. Ir-rapport tal-Kummissjoni jakkumpanja din il-proposta. Ir-rapport tal-Kummissjoni jaqbel mal-analiżi li saret mill-ABE, li turi li huwa possibbli li jiġu stabbiliti standards għal titolizzazzjoni sintetika li jippermettu li l-muturi ewlenin tal-istrutturar tar-riskju jiġu mitigati, bħal riskji tal-aġenzija u tal-mudell, bl-istess mod bħal fil-każ tat-titolizzazzjoni tradizzjonali, u b’hekk jinħoloq subgrupp ta’ titolizzazzjoni sintetika li jkun komparabbli mat-titolizzazzjoni tradizzjonali STS. Barra minn hekk, jidher li ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-istruttura ta’ titolizzazzjoni sintetika tirriżulta b’mod inerenti f’telf akbar mill-istruttura ta’ titolizzazzjoni tradizzjonali. L-analiżi ma tindika l-ebda konsegwenza negattiva materjali li tista’ tkun iġġenerata b’mod prevedibbli mill-ħolqien ta’ qafas STS speċifiku għal titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ.
L-Opinjoni NPE tal-ABE eżaminat ir-rwol tat-titolizzazzjoni bħala għodda ta’ finanzjament għat-tneħħija tal-NPEs mill-karti tal-bilanċ tal-banek. L-analiżi tal-ABE sabet għadd ta’ limiti fir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni u fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital li jirrestrinġu l-kapaċità tas-suq li jassorbi assi improduttivi mill-karti tal-bilanċ tal-banek, u b’hekk sostanzjalment jillimitaw is-suq għal bejgħ bilaterali biss.
Fir-rigward tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet fuq it-titolizzazzjonijiet tal-NPE jirriżultaw minn ċerti elementi tar-rekwiżiti tal-retenzjoni tar-riskju u tal-istandards tal-għoti tal-kreditu. L-użu tal-valuri nominali għal skopijiet tar-retenzjoni tar-riskju jwassal għal dikjarazzjoni eċċessiva tar-rekwiżit maħsub peress li ma jagħtix każ tal-iskont fuq il-prezz li bih jiġu trasferiti l-assi sottostanti u li jirrappreżenta t-telf reali tar-riskju għall-investituri. Barra minn hekk, it-test ma jippermettix li r-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju jiġi ssodisfat mill-ġestur speċjali, li normalment ikollu interess aktar sostantiv mill-oriġinatur fir-ristrutturar tal-assi u fl-irkupru tal-valur u b’hekk l-interessi tiegħu jkunu allinjati aħjar ma’ dawk tal-investituri. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit eżistenti tal-istandards tal-għoti tal-kreditu fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni ma jkoprix it-titolizzazzjonijiet NPE. Il-proposta tiċċara d-dmirijiet ta’ verifika fuq l-oriġinaturi fir-rigward tat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi improduttivi. Fil-fatt, ir-rekwiżiti jridu jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tax-xiri tal-assi u t-tip ta’ titolizzazzjoni. F’dawn il-każijiet, jista’ ma jkunx possibbli li tinkiseb ċertezza dwar iċ-ċirkostanzi li fihom inħolqu l-assi, iżda madankollu huwa possibbli li ssir id-diliġenza dovuta fuq il-kwalità u l-prestazzjoni tal-assi sabiex tittieħed deċiżjoni sensibbli u infurmata sew dwar l-investiment.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, il-kost u l-benefiċċji ewlenin li jirriżultaw mill-emendi ġew analizzati f’dokument ta’ ħidma separat tal-persunal. Barra minn hekk, din il-proposta hija bbażata fuq iż-żewġ dokumenti tal-ABE msemmija hawn fuq, ir-rapport dwar it-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS u l-opinjoni tal-NPE, li t-tnejn li huma janalizzaw fid-dettall l-adegwatezza tal-emendi proposti u kienu soġġetti għal diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati.
L-emendi proposti ma jbiddlux is-sustanza tar-Regolament u għalhekk ma jimponu ebda obbligu addizzjonali fuq in-negozji.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta x’aktarx li mhux se jkollha impatt dirett fuq id-drittijiet previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Peress li l-istrument propost huwa Regolament li huwa bbażat l-aktar fuq id-dritt attwali tal-UE, ma hemmx bżonn li jitħejja pjan ta’ implimentazzjoni. Sa Jannar 2022, l-att leġiżlattiv li qed jiġi emendat se jkun soġġett għal evalwazzjoni kompleta sabiex jiġi vvalutat, fost affarijiet oħra, kemm kien effettiv u effiċjenti f’termini tal-kisba tal-objettivi tiegħu. L-evalwazzjoni se tiġi akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq. F’dak il-kuntest, ir-rekwiżiti ta’ rieżami u ta’ rappurtar se jiġu allinjati, jekk ikun meħtieġ.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
A) Interazzjoni u konsistenza bejn l-elementi tal-pakkett
Dan ir-Regolament jifforma pakkett leġiżlattiv bl-emendi tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital. Kif indikat minn ħafna partijiet ikkonċernati, l-iżvilupp tal-kriterji tal-eliġibbiltà STS rigward it-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ u l-indirizzar tal-ostakli regolatorji li jaffettwaw it-titolizzazzjonijiet NPE, waħedhom ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi ottimizzat ir-rwol li jista’ jkollha t-titolizzazzjoni fl-irkupru ekonomiku. Jeħtieġ li dawn ikunu akkumpanjati minn trattament prudenzjali ġdid, inkluż fil-qasam tar-rekwiżiti kapitali, li jkun jirrifletti aħjar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn it-tipi ta’ titolizzazzjonijiet.
L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju għat-titolizzazzjoni tal-iskoperturi improduttivi
Definizzjoni ta’ titolizzazzjoni NPE (l-Artikolu 2)
Sabiex in-nuqqasijiet regolatorji tat-titolizzazzjoni NPE jiġu indirizzati b’mod komprensiv, din il-proposta tippreżenta definizzjoni ta’ titolizzazzjoni NPE, li hija allinjata mal-ħidma tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.
Retenzjoni tar-riskju (l-Artikolu 6)
It-titolizzazzjonijiet NPE huma soġġetti għal reġim speċjali f’dak li jirrigwarda l-issodisfar tar-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju sabiex il-karatteristiċi speċjali tagħhom jitqiesu aħjar. Jiġifieri, huwa propost li r-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur skontat tal-iskoperturi li ġew trasferiti lill-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni. Barra minn hekk, il-ġestur tat-tranżazzjoni NPE huwa permess li jieħu l-porzjon tar-retenzjoni tar-riskju, minħabba li l-pożizzjoni speċjali tiegħu fil-ftehim tiżgura l-allinjament tal-interessi tiegħu ma’ dawk tal-investituri.
Verifika ta’ standards għall-għoti tal-kreditu (l-Artikolu 9)
Il-proposta tiċċara d-dmirijiet ta’ verifika fuq l-oriġinaturi fir-rigward tat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi improduttivi.
Ħolqien ta’ qafas speċifiku għal titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ
Taqsima ġdida tinkludi l-kriterji applikabbli għal titolizzazzjoni sintetika Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata (“STS”) fil-karta tal-bilanċ. Bħal fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet ta’ bejgħ effettiv STS, jenħtieġ li t-tikketta STS tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi ma tinftehimx li tfisser li t-titolizzazzjoni hija mingħajr riskju, iżda pjuttost li l-prodott jirrispetta għadd ta’ kriterji u li bejjiegħ u xerrej ta’ protezzjoni diliġenti, kif ukoll awtorità kompetenti nazzjonali, se jkunu jistgħu janalizzaw ir-riskju involut. Il-kriterji proposti huma allinjati kemm jista’ jkun ma’ dawk għal titolizzazzjoni STS tradizzjonali, iżda jqisu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-prodott sintetiku u l-objettivi differenti ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi u għalhekk ifittxu li jiżguraw il-protezzjoni kemm għall-oriġinaturi kif ukoll għall-investituri (peress li l-oriġinatur huwa wkoll investitur fit-tranżazzjoni, filwaqt li jżomm is-segment superjuri).
2020/0151 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod sever. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta’ Marzu 2020 bit-titlu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” enfasizzat li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkunu ta’ sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Huwa kruċjali, għalhekk, li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta’ emendi mmirati għal biċċiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni finanzjarja. Dan il-pakkett ta’ miżuri huwa adottat taħt it-tikketta “Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali”.
(2)Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali għandhom impatt wiesa’ fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lill-familji u lill-impriżi solventi biex jifilħu għat-tnaqqis sever iżda temporanju fl-attività ekonomika u n-nuqqasijiet ta’ likwidità li rriżultaw.
(3)Huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment (“istituzzjonijiet”) jużaw il-kapital tagħhom fejn huwa l-aktar meħtieġ u l-qafas regolatorju tal-Unjoni jiffaċilita dan filwaqt li jiżgura li l-istituzzjonijiet jaġixxu b’mod prudenti. Minbarra l-flessibbiltà pprovduta fir-regoli eżistenti, jenħtieġ li l-bidliet immirati fir-Regolament (UE) 2017/2402 jiżguraw li l-qafas tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni jipprevedi għodda addizzjonali biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19.
(4)Iċ-ċirkustanzi straordinarji tal-kriżi tal-COVID-19 u d-dimensjoni bla preċedent tal-isfidi marbuta magħha wasslu għas-sejħa għal azzjoni immedjata biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom l-abbiltà li jipprovdu fondi suffiċjenti lin-negozji biex jgħinu biex jassorbu x-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.
(5)Kif indikat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“ABE”) fl-Opinjoni tagħha dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjoni tal-Iskoperturi Improduttivi, ir-riskji assoċjati mal-assi li jsostnu titolizzazzjonijiet tal-assi improduttivi (NPE) huma ekonomikament distinti minn dawk ta’ titolizzazzjonijiet ta’ assi produttivi. L-NPEs huma titolizzati bi skont fuq il-valur nominali jew pendenti tagħhom u jirriflettu, fost l-oħrajn, il-valutazzjoni tas-suq tal-probabbiltà li l-proċess ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn se jiġġenera biżżejjed flussi ta’ flus u rkupri tal-assi. Ir-riskju għall-investituri huwa, għalhekk, li r-ristrutturazzjoni tad-dejn tal-assi tiġġenera rkupri mhux suffiċjenti biex ikopru l-valur nett tax-xiri ta’ dawk l-NPEs. It-telf reali tar-riskju għall-investituri, għalhekk, ma jirrappreżentax il-valur nominali tal-portafoll, iżda l-valur skontat, nett tal-iskont fuq il-prezz li bih jiġu ttrasferiti l-assi sottostanti. Huwa għalhekk xieraq, fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet NPE, li jiġi kkalkolat l-ammont tar-retenzjoni tar-riskju fuq il-bażi ta’ dak il-valur skontat.
(6)Ir-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju jallinja l-interessi tal-emittenti u tal-investituri fil-prestazzjoni tal-assi sottostanti. Tipikament, f’titolizzazzjonijiet ta’ assi produttivi, l-interess prevalenti fuq in-naħa tal-bejgħ huwa dak tal-oriġinatur, li ta’ spiss ikun ukoll il-mutwant oriġinali. F’titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, l-oriġinaturi jippruvaw jeħilsu mill-assi inadempjenti fil-karti tal-bilanċ tagħhom, peress li ma jixtiqux aktar ikunu assoċjati ma’ dawk l-assi inadempjenti bi kwalunkwe mod. F’dawk il-każijiet, il-ġestur speċjali tal-assi għandu aktar interess fir-ristrutturar tal-assi u fl-irkupru tal-valur.
(7)Qabel il-kriżi finanzjarja, xi attivitajiet ta’ titolizzazzjoni segwew mudell “oriġina u ddistribwixxi”. F’dan il-mudell, l-assi ta’ kwalità inferjuri kienu magħżula għal titolizzazzjoni għad-detriment tal-investituri, li spiċċaw b’riskju akbar minn dak li kienu pprevedew li jieħdu. Ir-rekwiżit li jiġu vverifikati l-istandards tal-għoti tal-kreditu użati fil-ħolqien tal-assi titolizzati ġie introdott biex jiġu evitati prattiki bħal dawn fil-futur. Għal titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, jenħtieġ li din il-verifika tal-istandards tal-għoti tal-kreditu tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi inkluż ix-xiri ta’ dawk l-assi improduttivi u t-tip ta’ titolizzazzjoni. Jeħtieġ, għalhekk, li tiġi emendata l-verifika tal-istandards tal-għoti tal-kreditu sabiex l-investitur ikun jista’ jwettaq id-diliġenza dovuta fuq il-kwalità u l-prestazzjoni tal-assi improduttivi sabiex jieħu deċiżjoni ta’ investiment sensibbli u infurmata tajjeb.
(8)It-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ tinvolvi t-trasferiment tar-riskju tal-kreditu tas-sett ta’ self, tipikament self korporattiv kbir jew self lill-SMEs, bi ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu fejn l-oriġinatur jixtri l-protezzjoni tal-kreditu mingħand l-investitur. Il-protezzjoni tal-kreditu tinkiseb bl-użu ta’ garanziji finanzjarji jew ta’ derivattivi ta’ kreditu filwaqt li s-sjieda tal-assi tibqa’ mal-oriġinatur u ma tiġix ittrasferita lil entità bi skop speċjali ta’ titolizzazzjoni, kif huwa l-każ f’titolizzazzjonijiet tradizzjonali. L-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni jimpenja ruħu li jħallas primjum tal-protezzjoni tal-kreditu, li jiġġenera l-qligħ għall-investituri. Min-naħa tiegħu, l-investitur bħala bejjiegħ ta’ protezzjoni jimpenja ruħu li jħallas pagament ta’ protezzjoni tal-kreditu speċifikat fl-okkorrenza ta’ avveniment ta’ kreditu stabbilit minn qabel.
(9)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-kumplessità ġenerali tal-istrutturi tat-titolizzazzjonijiet u r-riskji assoċjati jiġu mitigati b’mod xieraq u li ma jingħatawx inċentivi regolatorji lill-oriġinaturi biex jippreferu titolizzazzjonijiet sintetiċi fuq titolizzazzjonijiet tradizzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sintetiċi sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) ikunu konsistenti ħafna mal-kriterji STS għat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali ta’ bejgħ veru.
(10)Madankollu, hemm ċerti rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet tradizzjonali STS li ma jaħdmux għal tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi STS minħabba differenzi inerenti bejn dawk iż-żewġ tipi ta’ titolizzazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li f’titolizzazzjonijiet sintetiċi t-trasferiment tar-riskju jinkiseb permezz ta’ ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu minflok bejgħ tal-assi sottostanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji STS jiġu adattati fejn meħtieġ sabiex jitqiesu dawn id-differenzi. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi introdott sett ta’ rekwiżiti ġodda, speċifiċi għal titolizzazzjonijiet sintetiċi, biex jiġi żgurat li l-qafas STS ikun immirat biss lejn titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ u li l-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu jkun strutturat biex jipproteġi b’mod adegwat il-pożizzjoni kemm tal-oriġinatur kif ukoll tal-investitur. Jenħtieġ li dan is-sett ġdid ta’ rekwiżiti jfittex li jindirizza r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti kemm għall-oriġinatur kif ukoll għall-investitur.
(11)Jenħtieġ li l-oġġett tat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu jkun skoperturi oriġinati jew mixtrija minn istituzzjoni rregolata tal-Unjoni fi ħdan l-attività tan-negozju ewlenija tagħha ta’ self u miżmuma fil-karta tal-bilanċ tagħha jew, fil-każ ta’ struttura ta’ grupp, fil-karta tal-bilanċ konsolidata tagħha fid-data tal-għeluq. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit li l-oriġinatur ikollu l-iskoperturi titolizzati fil-karta tal-bilanċ jeskludi titolizzazzjonijiet ta’ arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tikketta STS.
(12)Jenħtieġ li l-oriġinatur jiżgura li ma jiħħeġġjax l-istess riskju ta’ kreditu aktar minn darba billi jikseb protezzjoni tal-kreditu minbarra l-protezzjoni tal-kreditu pprovduta mit-titolizzazzjoni sintetika. Sabiex tiġi żgurata r-robustezza tiegħu, jenħtieġ li l-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jridu jiġu sodisfatti minn istituzzjonijiet li jfittxu trasferiment tar-riskju sinifikanti permezz ta’ titolizzazzjoni sintetika.
(13)Sabiex jiġu evitati kunflitti bejn l-oriġinatur u l-investitur u biex tiġi żgurata ċertezza legali f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kreditu mixtrija għal skoperturi sottostanti, tali protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li tirreferi għall-obbligi referenzjarji identifikati b’mod ċar, li jagħti lok għal skoperturi sottostanti, ta’ entitajiet jew ta’ obbliganti identifikati b’mod ċar. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi referenzjarji li fuqhom tinxtara l-protezzjoni jiġu identifikati b’mod ċar f’kull ħin, permezz ta’ reġistru ta’ referenza, u jinżammu aġġornati. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ikun ukoll indirettament parti mill-kriterju li jiddefinixxi t-titolizzazzjoni fil-karta tal-bilanċ u li jeskludi titolizzazzjoni ta’ arbitraġġ mill-qafas STS.
(14)L-avvenimenti tal-kreditu li jiskattaw pagamenti skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jinkludu mill-inqas dawk imsemmija fl-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Dawn l-avvenimenti huma magħrufa sew u jintgħarfu mill-perspettiva tas-suq u jenħtieġ li jservu biex jiżguraw konsistenza mal-qafas prudenzjali. Il-miżuri ta’ trażżin, li jikkonsistu f’konċessjonijiet lejn debitur li jkun qed jesperjenza jew wasal biex jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu, jenħtieġ li ma jipprekludux l-iskattar tal-avveniment ta’ protezzjoni tal-kreditu. Jenħtieġ li r-ristrutturar jiġi eskluż bħala avveniment ta’ kreditu fil-każ ta’ garanziji finanzjarji sabiex jiġi evitat li l-garanziji finanzjarji jkunu jistgħu jiġu ttrattati bħala derivattiv skont l-istandards tal-kontabbiltà rilevanti.
(15)Id-dritt tal-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni li jirċievi pagamenti fil-ħin fuq telf reali jenħtieġ li jkun protett b’mod adegwat. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tipprevedi proċess ta’ saldu sod u trasparenti għad-determinazzjoni tat-telf reali fil-portafoll ta’ referenza biex jiġi evitat li l-ammont imħallas lill-oriġinatur ikun insuffiċjenti. Billi r-ristrutturazzjoni tat-telf tista’ tkun proċess twil u biex jiġu żgurati pagamenti f’waqthom lill-oriġinatur, jenħtieġ li l-pagamenti interim isiru mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun seħħ tali avveniment ta’ kreditu. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta’ aġġustament finali biex jiġi żgurat li l-pagamenti interim ikopru t-telf reali u jimpedixxu pagamenti eċċessivi għad-detriment tal-investituri. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jispeċifika wkoll b’mod ċar il-perjodu ta’ estensjoni massimu li jenħtieġ li japplika għall-proċess ta’ ristrutturazzjoni għal dawk l-iskoperturi u jenħtieġ li tali perjodu ta’ estensjoni ma jkunx itwal minn sentejn. Jenħtieġ, għalhekk, li dak il-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jiżgura l-effettività tal-arranġament tal-protezzjoni tal-kreditu mill-perspettiva tal-oriġinatur, u jagħti lill-investituri ċertezza tad-dritt fid-data tat-terminazzjoni dwar l-obbligu tagħhom li jagħmlu pagamenti, li jikkontribwixxi għal suq li jiffunzjona tajjeb.
(16)Il-fatt li jkun hemm aġent ta’ verifika ta’ parti terza huwa prattika tas-suq mifruxa li ssaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt fit-tranżazzjoni għall-partijiet kollha involuti, u b’hekk tnaqqas il-probabbiltà ta’ tilwim u litigazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu b’rabta mal-proċess ta’ allokazzjoni tat-telf. Sabiex tissaħħaħ is-solidità tal-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf tat-tranżazzjoni, jenħtieġ li jinħatar aġent ta’ verifika ta’ parti terza biex iwettaq rieżami fattwali tal-korrettezza u l-preċiżjoni ta’ ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-kreditu f’każ ta’ attivazzjoni ta’ avveniment ta’ kreditu.
(17)Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jiddependu biss fuq id-daqs u r-riskju ta’ kreditu pendenti tas-segment protett. Jenħtieġ li l-primjums mhux kontinġenti ma jkunux permessi f’titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ peress li dawn jistgħu jintużaw biex jimminaw it-trasferiment tar-riskju effettiv mill-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni lill-bejjiegħa tal-protezzjoni. Jenħtieġ li arranġamenti oħra, bħal pagamenti ta’ primjum bil-quddiem, mekkaniżmi ta’ ribass jew strutturi ta’ primjum kumplessi żżejjed, jiġu pprojbiti wkoll għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ.
(18)Sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità tal-protezzjoni tal-kreditu, jenħtieġ li t-terminazzjoni bikrija ta’ titolizzazzjoni sintetika STS fil-karta tal-bilanċ mill-oriġinatur tkun possibbli biss f’ċerti ċirkostanzi limitati u definiti sew. Filwaqt li jenħtieġ li l-oriġinatur ikun intitolat li jagħlaq il-protezzjoni tal-kreditu minn kmieni meta jseħħu ċerti avvenimenti regolatorji speċifiċi, jenħtieġ li dawn l-avvenimenti jikkostitwixxu bidliet attwali fil-leġiżlazzjoni jew fit-tassazzjoni b’effett negattiv materjali fuq ir-rekwiżiti ta’ kapital tal-oriġinatur jew fuq l-aspetti ekonomiċi tat-tranżazzjoni fir-rigward tal-aspettattivi tal-partijiet fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni u sakemm dawn il-bidliet ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati f’dak iż-żmien. Jenħtieġ li t-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ ma jkunux jinkludu klawżoli ta’ opzjoni call kumplessi għall-oriġinatur, b’mod partikolari time calls qosra ħafna bil-għan li tinbidel temporanjament ir-rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni kapitali tagħhom fuq bażi ta’ każ b’każ.
(19)Il-marġni pożittiv sintetiku huwa preżenti b’mod wiesa’ f’ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet, u huwa mekkaniżmu utli kemm għall-investituri kif ukoll għall-oriġinaturi, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-protezzjoni tal-kreditu u l-iskopertura għar-riskju rispettivament. F’dan ir-rigward, il-marġni pożittiv sintetiku huwa essenzjali għal xi klassijiet speċifiċi ta’ assi mhux professjonali, bħal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) u self lill-konsumaturi, li jwasslu għal rendiment kif ukoll telf ta’ kreditu superjuri meta mqabbel ma’ klassijiet ta’ assi oħra, u li għalihom l-iskoperturi titolizzati jiġġeneraw marġni pożittiv li jkopri dak it-telf. Madankollu, jekk l-ammont ta’ marġni pożittiv sintetiku subordinat għall-pożizzjoni ta’ investitur ikun għoli wisq, huwa possibbli li l-investitur fil-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ma jesperjenza telf fl-ebda xenarju realistiku, u dan iwassal għal ebda trasferiment ta’ riskju effettiv. Sabiex jittaffa t-tħassib superviżorju u din il-karatteristika strutturali tiġi standardizzata aktar, huwa importanti li jiġu speċifikati kriterji stretti rigward titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ u li tiġi żgurata divulgazzjoni totali dwar l-użu ta’ marġni pożittiv sintetiku.
(20)Jenħtieġ li l-arranġamenti tal-protezzjoni tal-kreditu ta’ kwalità għolja biss ikunu eliġibbli għal titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ. Fil-każ ta’ protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata, din jenħtieġ li tiġi żgurata billi jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tal-fornituri tal-protezzjoni eliġibbli għal dawk l-entitajiet li huma fornituri eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rikonoxxuti bħala kontropartijiet b’piż tar-riskju ta’ 0 % skont it-Titolu II, Parti Tlieta, Kapitolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Fil-każ ta’ protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu, jenħtieġ li l-oriġinatur bħala xerrej ta’ protezzjoni u l-investituri bħala bejjiegħa ta’ protezzjoni jkollhom rikors għal kollateral ta’ kwalità għolja, li jenħtieġ li jirreferi għal kollateral ta’ kwalunkwe forma li jista’ jiġi assenjat piż tar-riskju ta’ 0 % skont it-Titolu II, Parti Tlieta, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, soġġett għal arranġamenti xierqa ta’ depożitu jew ta’ kustodja. Meta l-kollateral ipprovdut ikun fil-forma ta’ flus kontanti, jenħtieġ li dan jinżamm jew ma’ istituzzjoni ta’ kreditu terza jew b’depożitu max-xerrej ta’ protezzjoni, soġġett fiż-żewġ każijiet għal livell minimu ta’ kwalità tal-kreditu.
(21)Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli biex jissorveljaw ir-rekwiżiti li jkollha tissodisfa titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ sabiex tikkwalifika għad-deżinjazzjoni STS. L-awtorità kompetenti tista’ tkun l-istess bħal dik magħżula biex tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs mar-rekwiżiti li t-titolizzazzjonijiet tradizzjonali jridu jissodisfaw sabiex jiksbu d-deżinjazzjoni STS. Bħal fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali, tali awtorità kompetenti tista’ tkun differenti mill-awtorità kompetenti responsabbli li tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, il-mutwanti oriġinali, l-SSPEs, l-isponsors u l-investituri mal-obbligi prudenzjali imposti skont l-Artikoli minn 5 sa 9 tar-Regolament (UE) 2017/2402, u li l-konformità tagħhom, minħabba d-dimensjoni prudenzjali ta’ dawk l-obbligi, ġiet speċifikament fdata lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti.
(22)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2402 jiġi emendat skont dan.
(23)Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li l-qafas speċifiku għal titolizzazzjoni STS jiġi estiż għat-titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ u jitneħħew l-ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni tal-NPEs biex ikomplu jżidu l-kapaċitajiet ta’ self mingħajr ma jitbaxxew l-istandards prudenzjali għas-self tal-bank, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2402
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (24), (25), (26), (27) u (28) li ġejjin:
“(24) “titolizzazzjoni ta’ skopertura improduttiva (NPE)” tfisser titolizzazzjoni appoġġata minn aggregazzjoni ta’ skoperturi improduttivi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament 575/2013 u li l-valur tagħhom jammonta għal mill-inqas 90 % tal-valur tal-aggregazzjoni fil-ħin tal-oriġinazzjoni;
(25) “ftehim ta’ protezzjoni ta’ kreditu” tfisser ftehim konkluż bejn l-oriġinatur u l-investitur biex jiġi ttrasferit ir-riskju ta’ kreditu ta’ skoperturi titolizzati mill-oriġinatur għall-investitur bl-użu ta’ derivattivi ta’ kreditu jew garanziji finanzjarji, fejn l-oriġinatur jimpenja ruħu li jħallas primjum għall-protezzjoni ta’ kreditu lill-investitur u l-investitur jimpenja ruħu li jħallas pagament ta’ protezzjoni ta’ kreditu lill-oriġinatur f’każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti definiti b’mod kuntrattwali;
(26) “primjum tal-protezzjoni ta’ kreditu” tfisser l-ammont li l-oriġinatur ikun ikkommetta li jħallas lill-investitur skont il-ftehim ta’ protezzjoni ta’ kreditu għall-protezzjoni ta’ kreditu mwiegħda mill-investitur;
(27) “pagament ta’ protezzjoni ta’ kreditu” huwa l-ammont li l-investitur impenja ruħu, skont il-ftehim ta’ protezzjoni ta’ kreditu, li jħallas lill-oriġinatur f’każ li jkun seħħ avveniment ta’ kreditu definit fi ftehim ta’ protezzjoni ta’ kreditu;
(28) “marġni pożittiv sintetiku” tfisser l-ammont impenjat fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni mill-oriġinatur biex ikopri t-telf tal-portafoll ta’ referenza li jista’ jseħħ matul il-ħajja tat-tranżazzjoni.;”
(2)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet NPE, ir-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu jista’ jiġi ssodisfat ukoll mill-ġestur.”;
(b)Jiddaħħal il-paragrafu [3a] li ġej:
“3a.
B’deroga mill-punti minn (b) sa (e) tal-paragrafu 3, fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet NPE, iż-żamma ta’ interess materjali ekonomiku ekonomiku nett għall-finijiet ta’ dawk il-punti ma għandhiex tkun inqas minn 5 % tal-valur nett tal-iskoperturi titolizzati li jikkwalifikaw bħala skoperturi improduttivi kif imsemmi fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament 575/2013.
Il-valur nett ta’ skopertura improduttiva għandu jirriżulta mit-tnaqqis tal-iskont tal-prezz ta’ xiri li ma jitħallasx lura maqbul fiż-żmien tal-oriġinazzjoni mill-valur nominali tal-iskopertura jew, fejn applikabbli, il-valur pendenti tagħha fl-istess ħin.”;
(3)fl-Artikolu 9(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:
“Ir-rekwiżit stabbilit f’dan il-paragrafu ma għandux japplika għal skoperturi sottostanti li jkunu skoperturi improduttivi kif imsemmi fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament 575/2013 fiż-żmien li fih l-oriġinatur akkwistahom mingħand il-parti terza rilevanti.;”
(4)fl-Artikolu 18(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)
it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha tat-Taqsima 1, it-Taqsima 2 jew it-Taqsima 2a ta’ dan il-Kapitolu, u l-ESMA ġiet innotifikata skont l-Artikolu 27(1).;”
(5)L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titlu tal-artikolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Titolizzazzjoni tradizzjonali sempliċi, trasparenti u standardizzata”;
(b)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(1). It-titolizzazzjonijiet, ħlief il-programmi ABCP u t-tranżazzjonijiet ABCP, u titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 22 għandhom jitqiesu STS.”;
(6)tiddaħħal it-Taqsima 2a li ġejja:
“Taqsima 2a Rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fil-karta tal-bilanċ
Artikolu 26 a
Titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata fil-karta tal-bilanċ
1.Titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ huma titolizzazzjonijiet sintetiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 26b sa 26e.
2.L-ABE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, tista’ tadotta, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 26b sa 26e.
Artikolu 26 b
Rekwiżiti relatati mas-sempliċità
1.L-oriġinatur għandu jkun entità li hija awtorizzata jew li għandha liċenzja fl-Unjoni. Għandu jkun l-oriġinatur fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti.
Oriġinatur li jixtri l-iskoperturi ta’ parti terza f’ismu stess u mbagħad jittitolizzahom għandu japplika politiki għall-iskoperturi ta’ parti terza mixtrija, fir-rigward tal-kreditu, il-ġbir, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u s-servizzjar, li ma jkunux inqas strinġenti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi komparabbli li ma jkunux inxtraw.
2.L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu oriġinati bħala parti mill-attività ewlenija tal-oriġinatur.
3.Fid-data tal-għeluq, l-iskoperturi sottostanti għandhom jinżammu fil-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur jew ta’ entità tal-istess grupp li l-oriġinatur jappartjeni fih.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-grupp għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)grupp ta’ entitajiet ġuridiċi soġġetti għal konsolidazzjoni prudenzjali skont l-Ewwel Parti, it-Titlu II, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2013/575;
(b)grupp kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.
4.L-oriġinatur ma għandux jiħħeġġja darbtejn ir-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti tat-tranżazzjoni.
5.Il-ftehim dwar il-protezzjoni ta’ kreditu għandu jikkonforma mar-regoli ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 2013/575, jew jekk l-Artikolu mhuwiex applikabbli, mar-rekwiżiti li mhumiex inqas stretti mir-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu.
6.L-oriġinatur għandu jipprovdi rappreżentazzjonijiet u garanziji li ntlaħqu r-rekwiżiti li ġejjin:
(a)l-oriġinatur jew entità tal-grupp li l-oriġinatur jappartjeni fih għandu titolu legali u validu sħiħ għall-iskoperturi sottostanti u d-drittijiet anċillari assoċjati tagħhom;
(b)meta l-oriġinatur ikun istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 575/2013, jew impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-oriġinatur jew entità li tkun inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata jżommu r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti fil-karta tal-bilanċ tagħhom;
(c)kull skopertura sottostanti tikkonforma, fid-data li tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u mal-kundizzjonijiet kollha, minbarra l-okkorrenza ta’ avveniment ta’ kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e, għal pagament ta’ protezzjoni ta’ kreditu;
(d)sa fejn jaf l-oriġinatur, il-kuntratt għal kull skopertura sottostanti fih obbligu legali, validu, vinkolanti u infurzabbli għad-debitur biex iħallas is-somom ta’ flus speċifikati f’dak il-kuntratt;
(e)l-iskoperturi sottostanti jikkonformaw mal-kriterji ta’ sottoskrizzjoni li mhumiex anqas stretti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati;
(f)sa fejn jaf l-oriġinatur, l-ebda obbligant ma huwa fi ksur materjali jew f’nuqqas ta’ kwalunkwe mill-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ skopertura sottostanti fid-data li fiha l-iskopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat;
(g)sa fejn jaf l-oriġinatur, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet ma tinkludix informazzjoni falza dwar id-dettalji tal-iskoperturi sottostanti;
(h)fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni jew meta l-iskopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, il-kuntratt bejn l-obbligant u l-mutwant oriġinali fir-rigward ta’ dik l-iskopertura sottostanti ma jkunx ġie emendat b’tali mod li jkunu ġew affettwati l-infurzabbiltà jew il-possibbiltà li dik l-iskopertura sottostanti tinġabar.
7.L-iskoperturi sottostanti għandhom jissodisfaw kriterji ta’ eliġibbiltà predeterminati, ċari u dokumentati li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta’ dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi sottostanti li jiksru r-rappreżentazzjonijiet jew il-garanziji jew, jekk it-titolizzazzjoni tkun tinkludi perjodu ta’ rikostituzzjoni, iż-żieda ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ rikostituzzjoni definiti ma għandhiex titqies bħala mmaniġġar tal-portafoll attiv.
Kwalunkwe skopertura miżjuda wara d-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni għandha tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà li ma jkunux inqas stretti minn dawk applikati fl-għażla inizjali tal-iskoperturi sottostanti.
Skopertura sottostanti tista’ titneħħa mit-tranżazzjoni jekk l-iskopertura sottostanti:
(a)tkun ġiet imħallsa lura jew immaturat mod ieħor;
(b)tkun tneħħiet matul il-kors ordinarju tan-negozju tal-oriġinatur, sakemm tali disponiment ma jkunx jikkostitwixxi appoġġ impliċitu kif imsemmi fl-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(c)tkun soġġetta għal emenda li mhijiex immexxija mill-kreditu, bħar-rifinanzjament jew ir-ristrutturar tad-dejn, u li tokkorri matul il-kors ordinarju tal-ġestjoni ta’ dik l-iskopertura sottostanti;
(d)ma ssodisfatx il-kriterji ta’ eliġibbiltà meta ġiet inkluża fit-tranżazzjoni.
8.It-titolizzazzjoni għandha tkun appoġġata minn aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti li jkunu omoġenji f’termini tat-tip ta’ assi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi relatati mal-flussi tal-flus tat-tip ta’ assi inkluż il-karatteristiċi kuntrattwali, tar-riskju ta’ kreditu u ta’ prepagament tagħhom. Aggregazzjoni ta’ assi għandha tikkonsisti biss minn tip wieħed ta’ assi.
L-iskoperturi sottostanti għandu jkun fihom obbligi li jkunu kuntrattwalment vinkolanti u eżegwibbli, b’rikors sħiħ għad-debituri u, jekk japplika, il-garanti.
L-iskoperturi sottostanti għandu jkollhom flussi ta’ pagament perjodiċi definiti, li l-ħlasijiet parzjali tagħhom jistgħu jvarjaw fl-ammonti, relatati mal-kiri, il-kapital jew il-pagamenti tal-imgħax, jew ma’ kwalunkwe dritt ieħor li jirċievu introjtu mill-assi li jappoġġaw dawn il-pagamenti. L-iskoperturi sottostanti jistgħu jiġġeneraw ukoll rikavati mill-bejgħ ta’ kwalunkwe assi finanzjati jew mikrija.
L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli kif definiti fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ħlief bonds maħruġa minn kumpanija li ma jkunux elenkati f’ċentru tan-negozjar.
9.L-iskoperturi sottostanti ma għandhom jinkludu l-ebda pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni.
10.L-istandards ta’ sottoskrizzjoni li skonthom huma oriġinati l-iskoperturi sottostanti u kwalunkwe bidla materjali minn standards ta’ sottoskrizzjoni preċedenti għandhom jiġu divulgati b’mod sħiħ mingħajr dewmien bla bżonn lill-investituri potenzjali. L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu sottoskritti b’rikors sħiħ għal obbligant li mhuwiex SSPE. L-ebda parti terza ma għandha tkun involuta fid-deċiżjonijiet ta’ kreditu jew sottoskrizzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti.
Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet li l-iskoperturi sottostanti tagħhom ikunu self residenzjali, l-aggregazzjoni tas-self ma tinkludi l-ebda self li tqiegħed fis-suq u li jkun ġie sottoskritt fuq il-bażi li l-applikant għas-self jew, fejn applikabbli, l-intermedjarji kienu jafu li l-informazzjoni pprovduta jaf ma tkunx ġiet verifikata mill-mutwant.
Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju għandha tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48/KE jew fil-paragrafi minn 1 sa 4, fil-punt (a) tal-paragrafu 5, u fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/17/UE jew, fejn applikabbli, rekwiżiti ekwivalenti f’pajjiżi terzi.
L-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali għandu jkollu għarfien espert fl-oriġinazzjoni ta’ skoperturi ta’ xorta simili għal dawk titolizzati.
11.L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu, fil-mument tal-għażla ta’ dawk l-iskoperturi, skoperturi f’inadempjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew skoperturi għal debitur jew garanti bi kreditu indebolit li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali:
(a)ikun ġie ddikjarat insolventi, jew qorti tkun tat lill-kredituri tiegħu dritt finali mhux appellabbli ta’ infurzar jew ta’ danni materjali bħala riżultat ta’ pagament maqbuż fi żmien tliet snin qabel id-data tal-oriġinazzjoni, jew ikun għadda minn proċess ta’ ristrutturar tad-dejn fir-rigward tal-iskoperturi improduttivi tiegħu fi żmien tliet snin qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti, ħlief jekk:
(i) skopertura sottostanti ristrutturata ma tkunx ippreżentat arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti;
(ii) l-informazzjoni pprovduta mill-oriġinatur skont il-punt (a) u l-punt (e)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), b’mod espliċitu tistabbilixxi il-proporzjon tal-iskoperturi sottostanti ristrutturati, il-ħin u d-dettalji tar-ristrutturar u l-prestazzjoni tagħhom mid-data tar-ristrutturar;
(b)kien, fiż-żmien tal-oriġinazzjoni tal-iskopertura sottostanti, fejn applikabbli, fuq reġistru ta’ kreditu pubbliku ta’ persuni b’każijiet ta’ kreditu negattivi jew, fejn ma jkunx hemm tali reġistru ta’ kreditu pubbliku, reġistru ta’ kreditu ieħor li jkun disponibbli għall-oriġinatur jew għall-mutwant oriġinali;
(c)għandu klassifikazzjoni tal-kreditu jew evalwazzjoni tal-kreditu li tindika li r-riskju li ma jsirux il-pagamenti kuntrattwalment maqbulin huwa ferm ogħla minn dak ta’ skoperturi komparabbli miżmuma mill-oriġinatur li mhumiex titolizzati.
12.Id-debituri għandhom, fil-mument tal-inklużjoni tal-iskoperturi fit-tranżazzjoni, ikunu għamlu tal-inqas pagament wieħed, minbarra jekk:
(a)it-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, garantita bi skoperturi pagabbli f’pagament wieħed jew li għandha maturità ta’ inqas minn sena, inkluż, mingħajr limitazzjoni, il-pagamenti fix-xahar għal krediti rotanti;
(b)l-iskopertura li tirrappreżenta r-rifinanzjament ta’ skopertura li diġà tkun inkluża fit-tranżazzjoni.
13.L-ABE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar liema skoperturi sottostanti msemmija fil-paragrafu 8 jitqiesu bħala omoġenji.
L-ABE għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [6 xhur wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
Artikolu 26 c
Rekwiżiti relatati mat-titolizzazzjoni
1.L-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-retenzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6.
2.Ir-riskji tar-rata tal-imgħax u tal-munita li jirriżultaw mit-titolizzazzjoni u l-effetti possibbli tagħhom fuq il-pagamenti lill-oriġinatur u lill-investituri għandhom jiġu deskritti fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni. Dawk ir-riskji għandhom jiġu mitigati kif xieraq u kwalunkwe miżura meħuda f’dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Kwalunkwe kollateral li jiggarantixxi l-obbligi tal-investitur skont il-ftehim ta’ protezzjoni ta’ kreditu għandu jkun denominat fl-istess munita li fih huwa denominat il-pagament tal-protezzjoni ta’ kreditu.
F’każ ta’ titolizzazzjoni bl-użu ta’ SSPE, l-ammont ta’ obbligazzjonijiet tal-SSPE dwar il-pagamenti tal-imgħax lill-investituri għandu fi kwalunkwe ħin ikun daqs jew ikun inqas mill-ammont ta’ introjtu tal-SSPE mill-oriġinatur u kwalunkwe arranġament kollaterali.
Ħlief għall-iskop tal-iħħeġġjar tar-riskju tal-imgħax jew tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-munita, il-portafoll tal-iskoperturi sottostanti ma għandux jinkludi derivattivi. Dawn id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fil-finanzi internazzjonali.
3.Kwalunkwe pagament tal-imgħax imsemmi fir-rigward tat-tranżazzjoni għandu jkun ibbażat fuq xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a)rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispejjeż ta’ fondi, u ma għandhomx jirreferu għal formuli jew derivattivi kumplessi;
(b)introjtu ġġenerat mill-kollateral li jiggarantixxi l-obbligazzjonijiet tal-investitur skont il-ftehim ta’ protezzjoni.
Kwalunkwe pagament tal-imgħax b’rata ta’ referenza dovut fil-kuntest tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun ibbażat fuq rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispiża tal-fondi, u ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi.
4.Wara l-okkorrenza ta’ avveniment ta’ infurzar fir-rigward tal-oriġinatur, l-investitur għandu jkun permess li jieħu azzjoni ta’ infurzar, itemm il-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu jew jagħmel it-tnejn.
F’każ ta’ titolizzazzjoni bl-użu ta’ SSPE, meta jinħareġ avviż ta’ eżekuzzjoni jew ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu, l-ebda ammont ta’ flus kontanti ma għandu jinqabad fl-SSPE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament operattiv tal-SSPE, il-ħlas tal-pagamenti ta’ protezzjoni għal skoperturi sottostanti inadempjenti li għadhom qed jiġu ristrutturati fil-mument tat-terminazzjoni, jew ir-ripagament ordnat lil investituri f’konformità mat-termini kuntrattwali tat-titolizzazzjoni.
5.It-telf għandu jiġi allokat lid-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni fl-ordni tas-superjorità tas-segmenti, li jibdew bis-segment l-aktar subordinat.
L-amortizzament sekwenzjali għandu jiġi applikat għas-segmenti kollha biex jiġi ddeterminat l-ammont pendenti tas-segmenti f’kull data ta’ pagament, bl-aktar segment superjuri jiġi l-ewwel.
Tranżazzjonijiet li jinkludu amortizzament mhux sekwenzjali għandu jkollhom skattaturi bbażati fuq il-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti li jibdlu l-amortizzament għal sekwenzjali fl-ordni tas-superjorità. Tali skattaturi relatati mal-prestazzjoni għandhom jinkludu d-deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti taħt livell limitu predefinit.
Hekk kif is-segmenti jammortizzaw, l-ammont tal-kollateral daqs l-ammont tal-amortizzament ta’ dawk is-segmenti għandu jingħata lura lill-investituri, dment li l-investituri jkunu kollateralizzaw dawk is-segmenti.
Meta avveniment ta’ kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e jkun seħħ fir-rigward ta’ skoperturi sottostanti u l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn għal dawk l-iskoperturi ma jkunx tlesta, l-ammont ta’ protezzjoni tal-kreditu li jifdal fi kwalunkwe data ta’ pagament għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont nozzjonali pendenti ta’ dawk l-iskoperturi sottostanti, li minnu jitnaqqas l-ammont ta’ kwalunkwe pagament interim magħmul fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi sottostanti.
6.Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi l-iskattaturi xierqa ta’ ammortizzament antiċipat għat-terminazzjoni tal-perjodu rotanti meta t-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, inkluż tal-inqas dawn li ġejjin:
(a)deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti għal jew f’livell inqas mil-limitu predefinit;
(b)żieda fit-telf li tkun ogħla mil-limitu stabbilit minn qabel;
(c)nuqqas li jiġu ġġenerati biżżejjed skoperturi sottostanti ġodda li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà predeterminati matul perjodu speċifikat.
7.Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar:
(a)l-obbligi, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-ġestur, il-fiduċjarju, il-fornituri oħra ta’ servizz anċillari jew l-aġent ta’ verifika ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4), kif applikabbli;
(b)id-dispożizzjonijiet li jiżguraw is-sostituzzjoni tal-ġestur, il-fiduċjarju, fornituri oħra ta’ servizzi anċillari jew l-aġent ta’ verifika ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4) fil-każ ta’ inadempjenza jew insolvenza ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-fornituri ta’ servizzi, b’mod li ma jirriżultax fit-tmiem tal-forniment ta’ dawk is-servizzi;
(c)il-proċeduri ta’ ġestjoni li japplikaw għall-iskoperturi sottostanti fid-data tal-għeluq u wara u ċ-ċirkostanzi li fihom dawk il-proċeduri jistgħu jiġu mmodifikati;
(d)l-istandards tal-ġestjoni li l-ġestur ikun obbligat li jaderixxi magħhom fil-ġestjoni tal-iskoperturi sottostanti fil-maturità kollha tat-titolizzazzjoni.
8.Il-ġestur għandu jkollu għarfien espert fil-ġestjoni ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati u għandu jkollu politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġar tar-riskju dokumentati sew u adegwati relatati mal-ġestjoni tal-iskoperturi.
Il-ġestur għandu japplika proċeduri ta’ ġestjoni għall-iskoperturi sottostanti li jkunu tal-anqas stretti daqs dawk applikati mill-oriġinatur għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati.
9.L-oriġinatur għandu jżomm reġistru ta’ referenza aġġornat biex jidentifika l-iskoperturi sottostanti f’kull ħin. Dak ir-reġistru għandu jidentifika l-obbliganti ta’ referenza, l-obbligi ta’ referenza li minnhom joriġinaw l-iskoperturi sottostanti u, għal kull skopertura sottostanti, l-ammont nozzjonali li huwa protett u li huwa pendenti.
10.Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet ċari li jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni f’waqtha ta’ kunflitti bejn klassijiet differenti ta’ investituri. Fil-każ ta’ titolizzazzjoni bl-użu ta’ SSPE, id-drittijiet tal-vot għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar u jiġu allokati lid-detenturi tal-bonds u r-responsabbiltajiet tal-fiduċjarju u tal-entitajiet oħrajn bi dmirijiet fiduċjarji lejn l-investituri għandhom jiġu identifikati b’mod ċar.
Artikolu 26 d
Rekwiżiti relatati mat-trasparenza
1.L-oriġinatur għandu jagħmel disponibbli data storika dwar il-prestazzjoni statika u dinamika fir-rigward ta’ inadempjenzi u telf, bħad-data dwar id-delinkwenza u l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk titolizzati, u s-sorsi ta’ dik id-data u l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ similarità, lil investituri potenzjali qabel l-ipprezzar. Dik id-data għandha tkopri perjodu ta’ mill-anqas ħames snin.
2.Kampjun tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun soġġett għal verifika esterna qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni minn parti xierqa u indipendenti, inkluż verifika li l-iskoperturi sottostanti huma eliġibbli għall-protezzjoni tal-kreditu skont il-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu.
3.L-oriġinatur għandu, qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri potenzjali mudell tal-fluss tal-flus tal-obbligi li jirrappreżenta b’mod preċiż ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-iskoperturi sottostanti u l-pagamenti fi flussi bejn l-oriġinatur, l-investituri, partijiet terzi oħra u, jekk applikabbli, l-SSPE, u wara l-ipprezzar għandu jagħmel il-mudell disponibbli għall-investituri fuq bażi kontinwa u għall-investituri potenzjali fuq talba.
4.F’każ ta’ titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi sottostanti huma self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, l-oriġinatur għandu jippubblika l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati b’tali self residenzjali, self jew kirjiet għal karozzi, bħala parti mill-informazzjoni ddivulgata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1).
5.L-oriġinatur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 7. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli għal investituri potenzjali qabel l-ipprezzar fuq talba tagħhom. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar mill-anqas f’forma abbozzata jew inizjali. Id-dokumentazzjoni finali tat-tranżazzjoni għandha tkun disponibbli għall-investituri mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-għeluq tat-tranżazzjoni.
Artikolu 26 e
Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu, l-aġent ta’ verifika ta’ parti terza u l-marġni pożittiv sintetiku
1.Il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jipprovdi għall-avvenimenti tal-kreditu li ġejjin:
(a)nuqqas ta’ ħlas mill-obbligant sottostanti, li jinkludi l-inadempjenza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(b)il-falliment tal-obbligant sottostanti, li jinkludi l-elementi msemmija fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 178(3) tar-Regolament (UE) 575/2013;
(c)għal ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu li ma jsirx b’garanzija finanzjarja, ir-ristrutturar tal-iskopertura sottostanti, inkluż l-elementi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 178(3) tar-Regolament (UE) 575/2013.
L-avvenimenti ta’ kreditu kollha għandhom jiġu dokumentati.
Il-miżuri ta’ trażżin, kif imsemmija fl-Anness V, it-Taqsima 30, il-paragrafi minn 163 sa 183, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/227* li jiġu applikati għall-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jipprekludu l-iskattar tal-avvenimenti ta’ kreditu eliġibbli.
2.Il-pagament ta’ protezzjoni tal-kreditu wara li jseħħ avveniment ta’ kreditu għandu jiġi kkalkulat abbażi tat-telf effettiv imġarrab mill-oriġinatur jew mill-mutwanti, kif maħdum skont il-politiki u l-proċeduri standard ta’ rkupru għat-tipi ta’ skoperturi rilevanti u rreġistrat fir-rapporti finanzjarji fiż-żmien meta jsir il-pagament. Il-pagament finali tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun pagabbli f’perjodu speċifikat wara t-tmiem tal-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għall-iskopertura sottostanti rilevanti jekk it-tmiem tal-proċess tar-ristrutturar tad-dejn jokkorri qabel il-maturità legali skedata jew it-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu.
Pagament interim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jsir mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jseħħ avveniment ta’ kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1 f’każ li r-ristrutturar tad-dejn għat-telf għall-iskopertura sottostanti rilevanti ma jkunx tlesta sa tmiem dak il-perjodu ta’ sitt xhur. Il-pagament interim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jkun mill-inqas l-ogħla wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)l-indeboliment irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f’konformità mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli fiż-żmien meta jsir il-pagament interim;
(b)jekk applikabbli, it-Telf fil-Każ ta’ Inadempjenza kif iddeterminat skont il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Meta jsir pagament interim ta’ protezzjoni tal-kreditu, il-pagament finali ta’ protezzjoni tal-kreditu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir sabiex jiġi aġġustat is-saldu interim tat-telf mat-telf effettiv imġarrab.
Il-metodu għall-kalkolu tal-pagamenti interim u finali ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi speċifikat fil-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu.
Il-pagament ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jkun proporzjonali għas-sehem tal-ammont nozzjonali pendenti tal-iskopertura sottostanti korrispondenti li tkun koperta mill-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu.
Id-dritt tal-oriġinatur li jirċievi l-pagament tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun infurzabbli. L-ammonti pagabbli mill-investituri taħt it-titolizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar fil-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu u għandhom jiġu limitati. Għandu jkun possibbli li dawk l-ammonti jiġu kkalkulati f’kull ċirkostanza. Il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jistabbilixxi b’mod ċar iċ-ċirkostanzi li fihom l-investituri għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu l-pagamenti. L-aġent ta’ verifika ta’ parti terza msemmi fil-paragrafu 4 għandu jivvaluta jekk seħħewx ċirkostanzi bħal dawn.
L-ammont ta’ pagament ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi kkalkulat fil-livell tal-iskopertura sottostanti individwali li għaliha jkun seħħ avveniment ta’ kreditu.
3.Il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jispeċifika l-perjodu ta’ estensjoni massimu li għandu japplika għall-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għal skoperturi sottostanti li fir-rigward tagħhom seħħ avveniment ta’ kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1, iżda fejn il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn ma jkunx ġie kkompletat sal-maturità legali skedata jew sat-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu. Tali perjodu ta’ estensjoni ma għandux ikun itwal minn sentejn. Il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandu jipprevedi li sa tmiem dak il-perjodu ta’ estensjoni, għandu jsir pagament finali ta’ protezzjoni tal-kreditu fuq il-bażi tal-istima finali tat-telf tal-oriġinatur kif irreġistrata mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f’dak iż-żmien.
F’każ ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu, il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn għandu jkompli fir-rigward ta’ kwalunkwe avveniment ta’ kreditu pendenti li seħħ qabel dik it-terminazzjoni bl-istess mod bħal dak deskritt fl-ewwel subparagrafu.
Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu li għandhom jitħallsu skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu strutturati bħala kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti u għandhom jirriflettu r-riskju tas-segment protett. Għal dawk il-finijiet, il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu ma għandux jistipula primjums garantiti, pagamenti bil-quddiem tal-primjum, mekkaniżmi ta’ ribass jew mekkaniżmi oħra li jistgħu jevitaw jew inaqqsu l-allokazzjoni attwali tat-telf għall-investituri jew għar-ritorn ta’ parti mill-primjums imħallsin lill-oriġinatur wara l-maturità tat-tranżazzjoni.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tiddeskrivi kif il-primjum tal-protezzjoni tal-kreditu u kwalunkwe kupun, jekk ikun hemm, jiġu kkalkolati fir-rigward ta’ kull data ta’ pagament tul il-ħajja tat-titolizzazzjoni.
Id-drittijiet tal-investituri li jirċievu primjums tal-protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu infurzabbli.
4.L-oriġinatur għandu jaħtar aġent ta’ verifika ta’ parti terza qabel id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. L-aġent ta’ verifika ta’ parti terza għandu jivverifika dan kollu li ġej għal kull waħda mill-iskoperturi sottostanti li jingħata avviż ta’ avveniment ta’ kreditu għaliha:
(a)li l-avveniment ta’ kreditu msemmi fl-avviż ta’ avveniment ta’ kreditu huwa avveniment ta’ kreditu kif speċifikat fit-termini tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu;
(b)li l-iskopertura sottostanti kienet inkluża fil-portafoll ta’ referenza fiż-żmien tal-okkorrenza tal-avveniment ta’ kreditu kkonċernat;
(c)li l-iskopertura sottostanti ssodisfat il-kriterji ta’ eliġibbiltà fil-mument tal-inklużjoni tagħha fil-portafoll ta’ referenza;
(d)jekk skopertura sottostanti tkun ġiet miżjuda mat-titolizzazzjoni bħala riżultat ta’ rikostituzzjoni, li tali rikostituzzjoni kienet konformi mal-kundizzjonijiet tar-rikostituzzjoni;
(e)li l-ammont ta’ telf finali jkun konsistenti mat-telf irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapport tal-introjtu tiegħu;
(f)li, fil-mument li jsir il-pagament finali għall-protezzjoni tal-kreditu, it-telf fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti jkun ġie korrettament allokat lill-investituri.
L-aġent ta’ verifika ta’ parti terza għandu jkun indipendenti mill-oriġinatur u mill-investituri, u, fejn applikabbli, mill-SSPE u għandu jkun aċċetta l-ħatra bħala aġent ta’ verifika ta’ parti terza sad-data tal-għeluq.
L-aġent ta’ verifika ta’ parti terza jista’ jwettaq il-verifika fuq bażi ta’ kampjun minflok fuq il-bażi ta’ kull skopertura sottostanti individwali li għaliha jintalab pagament ta’ protezzjoni tal-kreditu. Madankollu, l-investituri jistgħu jitolbu l-verifika tal-eliġibbiltà ta’ kwalunkwe skopertura sottostanti partikolari meta ma jkunux issodisfati mal-verifika abbażi ta’ kampjun.
L-oriġinatur għandu jinkludi impenn fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni li jipprovdi lill-aġent ta’ verifika ta’ parti terza bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifika r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.
5.L-oriġinatur ma jistax itemm tranżazzjoni qabel il-maturità skedata għal kwalunkwe raġuni oħra għajr xi waħda mill-avvenimenti li ġejjin:
(a)l-insolvenza tal-investitur;
(b)in-nuqqasijiet tal-investituri li jħallsu kwalunkwe ammont dovut skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu jew ksur mill-investitur ta’ kwalunkwe obbligu materjali stabbilit fid-dokumenti ta’ tranżazzjoni;
(c)avvenimenti regolatorji rilevanti, inklużi:
(i) Bidliet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, bidliet rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għal interpretazzjonijiet ippubblikati uffiċjalment ta’ dawn il-liġijiet, jew bidliet rilevanti fit-tassazzjoni jew trattament kontabilistiku tat-tranżazzjoni li jkollhom effett negattiv materjali fuq l-ammont ta’ kapital li l-oriġinatur huwa meħtieġ li jkollu b’rabta mat-titolizzazzjoni jew mal-iskoperturi sottostanti tagħha, f’kull każ imqabbla ma’ dawk antiċipati fiż-żmien tad-dħul fit-tranżazzjoni u li ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija dak iż-żmien;
(ii) determinazzjoni minn awtorità kompetenti li l-oriġinatur jew kwalunkwe affiljat tal-oriġinatur ma jkollux il-permess jew ma jibqax ikollu l-permess li jirrikonoxxi trasferiment tar-riskju sinifikanti skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tat-titolizzazzjoni;
(d)l-eżerċitar ta’ opzjoni ta’ xiri tat-tranżazzjoni f’mument speċifiku (time call), meta l-perjodu ta’ żmien imkejjel mid-data tal-għeluq ikun daqs jew akbar mill-ħajja medja ponderata tal-portafoll ta’ referenza inizjali fl-għeluq;
(e)l-eżerċitar ta’ għażla eżerċitabbli eżawrjenti kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 242 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk xi wieħed mid-drittijiet ta’ call imsemmija fil-punti (d) u (e) humiex inklużi fit-tranżazzjoni kkonċernata.
Għall-finijiet tal-punt (d), it-time call ma għandhiex tkun strutturata biex jiġi evitat li t-telf jiġi allokat għal pożizzjonijiet ta’ titjib fil-kreditu jew pożizzjonijiet oħra li jkollhom l-investituri u ma għandhomx ikunu strutturati b’mod ieħor biex jipprovdu titjib fil-kreditu.
6.L-oriġinatur jista’ jimpenja marġni pożittiv sintetiku, li għandu jkun disponibbli bħala titjib fil-kreditu għall-investituri, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-ammont tal-marġni pożittiv sintetiku li l-oriġinatur jieħu l-impenn li juża bħala titjib fil-kreditu f’kull perjodu ta’ pagament huwa speċifikat fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni u espress bħala perċentwal fiss tal-bilanċ totali pendenti tal-portafoll fil-bidu tal-perjodu ta’ pagament rilevanti (marġni pożittiv sintetiku fiss);
(b)il-marġni pożittiv sintetiku li ma jintużax biex ikopri t-telf ta’ kreditu li jimmaterjalizza waqt il-perjodu ta’ pagament għandu jiġi rritornat lill-oriġinatur;
(c)għal oriġinaturi li jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ammont totali impenjat kull sena ma għandux ikun ogħla mill-ammonti regolatorji ta’ telf mistennija ta’ sena fuq il-portafoll sottostanti tal-iskoperturi sottostanti, ikkalkulati skont l-Artikolu 158 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(d)għal oriġinaturi li ma jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kalkolu tat-telf mistenni ta’ sena tal-portafoll sottostanti għandu jiġi determinat b’mod ċar fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni;
(e)id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tispeċifika l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.
7.Il-ftehimiet ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Parti Tlieta, it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li biha r-riskju ta’ kreditu jiġi trasferit lil kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 214(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, sakemm l-iskoperturi għall-investitur jikkwalifikaw għal piż tar-riskju ta’ 0 % skont il-Kapitolu 2 tal-Parti Tlieta, it-Titolu II, ta’ dak ir-Regolament;
(b)garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Parti Tlieta, it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li tibbenefika minn kontrogaranzija ta’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;
(c)protezzjoni ta’ kreditu oħra mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu fil-forma ta’ garanziji, derivattivi ta’ kreditu jew noti marbuta ma’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li l-obbligi tal-investitur ikunu żgurati minn kollateral li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 ta’ dan l-Artikolu.
8.Il-protezzjoni l-oħra tal-kreditu msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 7 għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a)id-dritt tal-oriġinatur li juża l-kollateral sabiex jissodisfa l-obbligi tal-ħlas ta’ protezzjoni tal-investituri huwa infurzabbli u l-infurzabbiltà ta’ dak id-dritt hija żgurata permezz ta’ arranġamenti kollaterali xierqa;
(b)meta t-titolizzazzjoni tiġi xolta jew meta s-segmenti jiġu ammortizzati, id-dritt tal-investituri li jirritornaw kwalunkwe kollateral li ma ntużax biex jissodisfaw il-pagamenti ta’ protezzjoni jkun infurzabbli;
(c)meta l-kollateral jiġi investit f’titoli, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-arranġament ta’ kustodja għal tali titoli.
Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk l-investituri jibqgħux esposti għar-riskju tal-kreditu tal-oriġinatur.
L-oriġinatur għandu jikseb opinjoni minn konsulent legali kkwalifikat li tikkonferma l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tal-kreditu fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha.
9.Fejn tiġi pprovduta protezzjoni ta’ kreditu oħra skont il-punt (c) tal-paragrafu (7) ta’ dan l-Artikolu, l-oriġinatur għandu jirrikorri għal kollateral ta’ kwalità għolja, li għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)kollateral f’forma ta’ titoli ta’ dejn b’piż tar-riskju ta’ 0 % fis-sens tal-Kapitolu 2, tal-Parti Tlieta, Titolu II, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)dawk it-titoli tad-dejn għandhom maturità massima li jifdal ta’ tliet xhur li taqbel mad-dati ta’ pagament;
(ii)dawk it-titoli tad-dejn jistgħu jinfdew fi flus f’ammont ugwali għall-bilanċ pendenti tas-segment protett;
(iii)dawk it-titoli tad-dejn jinżammu minn kustodju indipendenti mill-oriġinatur u l-investituri;
(b)kollateral f’forma ta’ flus miżmuma ma’ istituzzjoni ta’ kreditu terza jew fil-forma ta’ flus kontanti fuq depożitu mal-oriġinatur, soġġett għal livell minimu tal-kwalità tal-kreditu 2 kif imsemmi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Għall-finijiet tal-punt (b), jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu terza jew l-oriġinatur ma jibqgħux jissodisfaw l-livell minimu tal-kwalità tal-kreditu 2, il-kollateral għandu jiġi ttrasferit minnufih lil istituzzjoni ta’ kreditu terza b’livell tal-kwalità tal-kreditu 2 jew ogħla, jew il-kollateral għandu jiġi investit f’titoli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-punt (b) għandhom jitqiesu ssodisfati fil-każ ta’ investimenti f’noti marbuta ma’ kreditu maħruġa mill-oriġinatur, f’konformità mal-Artikolu 218 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
________________________________________
*
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/227 tad-9 ta’ Jannar 2015 jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 48, 20.2.2015, p. 1).”;
(7)L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i) fl-ewwel subparagrafu:
-
l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“L-oriġinaturi u l-isponsors għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt lill-ESMA permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu fejn titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli minn 19 sa 22 jew l-Artikoli minn 23 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e (‘notifika STS’).”;
-
tiżdied is-sentenza li ġejja:
“F’każ ta’ titolizzazzjoni sintetika fil-karta tal-bilanċ, l-oriġinatur biss għandu jkun responsabbli għan-notifika.”;
(ii) it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“In-notifika STS għandha tinkludi spjegazzjoni mill-oriġinatur u l-isponsor ta’ kif kull wieħed mill-kriterji STS stabbiliti fl-Artikoli minn 20 sa 22 jew l-Artikoli minn 24 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e ġew rispettati.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)
fl-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:
“L-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jistgħu jużaw is-servizz ta’ parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jikkontrollaw jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli minn 19 sa 22 jew l-Artikoli minn 23 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e.”;
(ii)
fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Meta l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jużaw is-servizz ta’ parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jivverifika jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli minn 19 sa 22 jew l-Artikoli minn 23 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e, in-notifika STS għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-konformità mal-kriterji STS kienet ikkonfermata minn dik il-parti terza awtorizzata.”;
(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.
L-oriġinatur u, fejn applikabbli, l-isponsor għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom minnufih meta titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli minn 19 sa 22, l-Artikoli minn 23 sa 26 jew tal-Artikoli minn 26b sa 26e.”;
(d) fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“L-ESMA għandha taġġorna fuq is-sit web uffiċjali tagħha lista tat-titolizzazzjonijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-oriġinaturi u l-isponsors ikunu nnotifikawha li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli minn 19 sa 22, l-Artikoli minn 23 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e.”.
(e)fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni [fi żmien sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].”;
(f)fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni [fi żmien sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].”;
(8)fl-Artikolu 28(1) l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“1.
Parti terza kif imsemmija fl-Artikolu 27(2) għandha tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti biex tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonijiet mal-kriterji STS previsti fl-Artikoli minn 19 sa 22, l-Artikoli minn 23 sa 26, jew l-Artikoli minn 26b sa 26e.”;
(9)fl-Artikolu 29(5), it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sa […].”;
(10)fl-Artikolu 30(2), jiżdied il-punt (d) li ġej:
“(d) għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, il-proċess u l-mekkaniżmu biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli minn 26(b) sa 26(e).”;
(11)fl-Artikolu 32(1), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e) titolizzazzjoni tiġi deżinjata bħala STS u oriġinatur, sponsor, jew SSPE ta’ dik it-titolizzazzjoni jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli minn 19 sa 22 jew l-Artikoli minn 23 sa 26 jew l-Artikoli minn 26b sa 26e;”;
(12)jiddaħħal l-Artikolu 43a li ġej:
“Artikolu 43a
Dispożizzjoni tranżizzjonali għal titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ
1. Fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ li l-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu tagħhom sar effettiv qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ], l-oriġinaturi u l-SSPEs jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni ‘STS’ jew ‘sempliċi, trasparenti u standardizzata’, jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawn it-termini fil-każ biss li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu ssodisfati fiż-żmien tan-notifika msemmija fl-Artikolu 27(1).
2. Sad-data tal-applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 27(6) u l-oriġinaturi għandhom, għall-finijiet tal-obbligu stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għall-ESMA bil-miktub.”;
(13)L-Artikolu 45 huwa mħassar.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President