Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0233

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

    COM/2020/233 final

    Brussell, 2.6.2020

    COM(2020) 233 final

    2020/0113(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-pandemija tal-COVID-19 qed tikkawża tfixkil kbir fil-katina tal-provvista, u dan qed ikollu impatt fuq il-kapaċità tal-manifatturi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq (NRMM) li jilħqu xi wħud mid-dati ta’ skadenza imposti mir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

    Ir-Regolament jistabbilixxi limiti ġodda tal-emissjonijiet, indikati bħala “Stadju V”, li huma ddisinjati biex inaqqsu l-emissjonijiet attwali ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja minn magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq. Fid-dawl tal-isfida strutturali biex ċerti manifatturi jaqilbu għal-limiti tal-emissjonijiet tal-Istadju V, ir-Regolament jipprevedi ċertu ammont ta’ żmien biex din it-tranżizzjoni sseħħ.

    Skont il-perjodi ta’ tranżizzjoni previsti fl-Artikolu 58(5) u d-dati stabbiliti fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, il-manifatturi għandhom sat-30 ta’ Ġunju 2020 biex jipproduċu NRMM mgħammra bil-magni ta’ tranżizzjoni tal-kategoriji li ġejjin: NRE fil-medda ta’ potenza < 56 kW u ≥ 130kW, NRG, NRSh, NRS, IWP u IWA fil-medda ta’ potenza 19 ≤ P < 300, SMB u ATS. Imbagħad għandhom sal-31 ta’ Diċembru 2020 biex iqiegħdu dawk il-magni fis-suq tal-Unjoni.

    Madankollu, it-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat interruzzjonijiet totali fil-forniment ta’ parts u komponenti, u l-manifatturi tħallew bi stokkijiet ta’ magni u ta’ prodotti mhux lesti. Il-konsegwenza ta’ dan it-tfixkil hija li ħafna manifatturi tal-magni u tal-makkinarju mhux se jkunu jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti hawn fuq mingħajr ma jsofru ħsarat ekonomiċi serji.

    Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil li ma setax jiġi previst, id-dati għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ NRMM u tratturi mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni huwa pospost bi tnax-il xahar. Dan il-posponiment ma japplikax għal magni ta’ tranżizzjoni koperti mid-dati speċifikati fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 58(5).

    L-estensjoni ta’ 12-il xahar hija meħtieġa minħabba l-istaġjonalità tal-prodotti li fihom se jiġu installati l-magni ta’ tranżizzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ għat-tratturi u t-tagħmir tal-ġonna. Barra minn hekk, huwa diffiċli li wieħed ibassar id-durata eżatta tad-dewmien fit-tlestija tal-oġġetti milquta (eż. bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni). Fl-aħħar nett, ta’ min wieħed jinnota li, irrispettivament mit-tul tal-estensjoni, l-operaturi ekonomiċi mhu se jkollhom l-ebda interess li jdewmu aktar it-tlestija u t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju, tal-vetturi u tal-bastimenti li għalihom diġà ġarrbu l-ispejjeż.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

    Billi l-proposta tinvolvi emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, hija biss l-UE li tista’ tindirizza l-kwistjonijiet b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-għanijiet politiċi ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed bl-azzjonijiet tal-Istati Membri.

    L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li jinħolqu l-ostakli għas-suq uniku, b’mod partikolari fil-qasam tal-magni għall-NRMM u minħabba n-natura transnazzjonali tat-tniġġis tal-arja.

    Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaq l-għanijiet li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-Suq Intern filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza pubblika u protezzjoni ambjentali. It-tul tal-estensjoni proposta huwa proporzjonat mad-durata mistennija tat-tfixkil minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    Għażla tal-istrument

    Regolament li jemenda Regolament

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, minħabba li diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) 2016/1628. Din il-proposta ma tibdilx is-sustanza ta’ dak ir-Regolament u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Hija mmirata primarjament biex tipprovdi, għal raġunijiet eċċezzjonali fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, estensjoni ta’ tnax-il xahar għall-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ magni ta’ tranżizzjoni u tal-makkinarju mgħammar bihom. Il-proposta ma għandha l-ebda effett ambjentali peress li l-miżuri jiffaċilitaw it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti mgħammra b’magni prodotti qabel il-pandemija. Tevita wkoll il-ħtieġa li oġġetti mgħammra b’dawn il-magni, li fin-nuqqas tagħha ma jkunux konformi, jiġu skrappjati.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-istituzzjonijiet tal-UE.

    2020/0113 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

    (2)Id-dati applikabbli għal-limiti l-ġodda tal-emissjonijiet, identifikati bħala “Stadju V” huma stabbiliti biex il-manifatturi jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva, kif ukoll perjodu ta’ żmien xieraq għat-tranżizzjoni lejn l-istadju l-ġdid tal-emissjonijiet, filwaqt li l-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni jitnaqqas b’mod sostanzjali.

    (3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil fil-katina tal-provvista ta’ parts u komponenti kritiċi, u dan wassal għal dewmien għall-magni u għall-makkinarju mgħammar b'dawk il-magni li jikkonformaw ma’ limiti ta’ emissjonijiet inqas stretti minn dawk tal-Istadju V u li jeħtieġ jitqiegħdu fis-suq qabel id-dati stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628.

    (4)Fid-dawl tat-tfixkil ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, huwa probabbli ħafna li l-manifatturi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ma jkunux jistgħu jiżguraw li l-magni u l-makkinarju mgħammar b'dawk il-magni li jibbenefikaw mill-perjodu ta’ tranżizzjoni jirrispettaw l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 mingħajr ma jsofru ħsarat ekonomiċi serji.

    (5)Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali u biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, jeħtieġ li d-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) 2016/1628 jiġu emendati.

    (6)Minħabba li l-estensjoni mhi se jkollha l-ebda impatt ambjentali peress li l-magni ta’ tranżizzjoni kkonċernati diġà ġew prodotti, flimkien mal-fatt li huwa diffiċli li tiġi mbassra d-durata eżatta tad-dewmien ikkawżat mit-tfixkil tal-COVID-19, l-estensjoni tal-iskadenzi rilevanti jenħtieġ li tkun ta’ 12-il xahar.

    (7)Fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament (UE) 2016/1628 għal ċerti magni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020 u li l-manifatturi għandhom sat-30 ta’ Ġunju 2020 biex jipproduċu magni ta’ tranżizzjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza.

    (8)Minħabba l-urġenza, tqies li jixraq li tiġi prevista eċċezzjoni mill-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (9)Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 huwa emendat kif ġej:

    L-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

    (1)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Għal magni tas-subkategoriji NRE li għalihom id-data stabbilita fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni tal-Istadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u tal-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel subparagrafu għal 12-il xahar addizzjonali għall-OEMs bi produzzjoni annwali totali ta’ inqas minn 100 unità ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammar b’magni tal-kombustjoni interna.”;

    (b)it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għal magni tas-subkategoriji NRE li għalihom id-data stabbilita fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni tal-Istadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, li jintużaw fil-krejnijiet mobbli, il-perjodu ta’ tranżizzjoni u l-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu estiżi bi 12-il xahar.”;

    (c)jiżdied il-ħames subparagrafu li ġej:

    “Għal magni tas-subkategoriji kollha li għalihom id-data stabbilita fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni tal-Istadju V hija l-1 ta’ Jannar 2019, minbarra l-magni msemmija fir-raba’ subparagrafu, il-perjodu tranżitorju u l-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu estiżi bi 12-il xahar.”;

    (2)fil-paragrafu 7, jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d) 36 xahar mid-data applikabbli għat-tqegħid fis-suq tal-magni stabbilita fl-Anness III, fil-każ previst fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 5”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    ĠU C , , p. .
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).
    Top