EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0178

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19

COM/2020/178 final

Brussell, 29.4.2020

COM(2020) 178 final

2020/0069(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Minħabba tnaqqis kbir fid-domanda u minħabba l-miżuri pubbliċi li ttieħdu sabiex jiġi limitat it-tixrid tagħha, il-pandemija tal-COVID-19 qed tikkawża tnaqqis maġġuri fir-ritmu ekonomiku. L-impatti negattivi serji tiegħu qed jinħassu fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja kollha. Il-gravità tal-konsegwenzi se tiddependi kemm fuq id-durata tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll fuq il-miżuri ta’ għajnuna u ta’ rkupru li qed jittieħdu fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali. B’mod aktar speċifiku, qed ikollha impatt bla preċedent fuq is-settur tal-avjazzjoni. Jekk ma tiġix indirizzata, il-kriżi fil-likwidità fis-settur tal-avjazzjoni tista’ twassal għal insolvenzi fi żmien ftit xhur.

Is-settur tal-avjazzjoni huwa ta’ importanza strateġika għall-Unjoni Ewropea, u jagħmel kontribuzzjoni vitali lill-ekonomija u lill-impjiegi globali tal-UE. Pereżempju, fl-2016, l-avjazzjoni appoġġat 9,4 miljun impjieg fl-UE, u kkontribwixxiet aktar minn EUR 624 biljun lill-PDG tal-UE. Madankollu, l-avjazzjoni hija importanti wkoll għas-suċċess tal-SMEs u tat-turiżmu 1 . Kull EUR 1 li jintefaq fis-settur tal-avjazzjoni jiġġenera EUR 3 għall-ekonomija globali; u għal kull impjieg ġdid fl-avjazzjoni hemm tlieta oħra li jinħolqu f’oqsma oħra 2 .

Minħabba l-kontribuzzjoni importanti tas-settur tal-avjazzjoni lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq dan is-settur jista’ jkollu konsegwenzi aktar mifruxa fuq l-ekonomija tal-UE, kif ukoll fuq il-konnettività, il-kummerċ, l-affordabbiltà u l-għażla tal-ivvjaġġar, u l-effett ta’ dan se jinħass għal perjodu estiż.

Id-domanda mnaqqsa, l-għeluq tal-fruntieri u r-restrizzjonijiet temporanji fuq il-konnessjonijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru fl-UE u bejn l-UE u swieq internazzjonali kbar ifissru li l-ivvjaġġar bl-ajru tal-passiġġieri x’aktarx se jkompli jonqos b’mod sinifikanti. Fil-bidu ta’ April, it-titjiriet naqsu b’aktar minn 90 % fin-netwerk Ewropew kollu meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 3 . F’Marzu kien hemm madwar 4,5 miljun aktar kanċellazzjonijiet tal-biljetti tal-ajru milli prenotazzjonijiet ġodda għat-titjiriet ġewwa l-UE biss 4 . Huwa mistenni li d-domanda tal-passiġġieri għas-sena 2020 kollha se tkun minn 35 % sa 46 % taħt il-livell tal-2019 5 .

Sabiex jittaffa l-impatt ta’ din il-pandemija, huwa meħtieġ rispons politiku ambizzjuż u kkoordinat. Peress li l-kontribuzzjoni tal-avjazzjoni lill-prestazzjoni globali tal-ekonomija tal-UE u l-preżenza globali tagħha hija daqshekk sinifikanti, huwa kruċjali li l-UE tieħu azzjoni sabiex tappoġġa lis-settur tal-avjazzjoni tal-UE. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimmodifika temporanjament għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġijiet eżistenti relatati mal-avjazzjoni sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jindirizzaw aktar faċilment għadd ta’ konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19, u sabiex jiġu mitigati l-impatti fuq is-settur tal-avjazzjoni għad-durata tal-kriżi. Dawn il-miżuri temporanji jinkludu dawn li ġejjin: (1) emenda tar-regoli dwar il-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ problemi finanzjarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, (2) is-simplifikazzjoni tal-proċeduri li japplikaw għall-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tat-traffiku, (3) jiġi permess għoti aktar effiċjenti tal-kuntratti tal-groundhandling u (4) tiġi permessa estensjoni tal-kuntratti tal-groundhandling sal-31 ta’ Diċembru 2021.

1.1.Modifika tar-regoli dwar il-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 6

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-Istati Membri jridu jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzja operattiva ta’ kwalunkwe trasportatur tal-ajru li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji attwali jew potenzjali tiegħu għat-12-il xahar li jmiss. Inkella, l-awtoritajiet jistgħu jagħtu liċenzja temporanja għat-tali linji tal-ajru. Liċenzja temporanja hija maħsuba biex il-linja tal-ajru tkun tista’ tirristruttura u tkompli l-attività tagħha, bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx kompromessa. Madankollu, l-esperjenza wriet li din tagħti sinjal negattiv ħafna lis-suq dwar il-kapaċità ta’ sopravivenza ta’ linja tal-ajru, u dan imbagħad jaggrava l-problemi finanzjarji tagħha, b’mod partikolari f’termini ta’ fluss ta’ flus. X’aktarx li bosta linji tal-ajru, li kienu finanzjarjament b’saħħithom qabel il-kriżi, se jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-problemi ta’ likwidità tagħhom iwasslu għall-ħtieġa legali li l-liċenzja operattiva tagħhom tiġi sospiża, revokata jew sostitwita b’liċenzja temporanja. Fil-kuntest tal-kriżi attwali, dan jista’ joħloq piż amministrattiv mhux meħtieġ mingħajr benefiċċju ekonomiku jew ta’ sikurezza ċar.

Għalhekk huwa propost li dan l-obbligu formali jiġi sospiż temporanjament għall-Istati Membri, bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, filwaqt li jinżamm l-obbligu tagħhom li jimmonitorjaw l-idoneità finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru tagħhom biex jipproteġu lill-passiġġieri minn riskji tas-sikurezza żejda u biex ikunu jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tas-sikurezza.

1.2.Modifika tar-regoli dwar il-miżuri ta’ emerġenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, Stat Membru jista’ jirrifjuta, jillimita jew jimponi kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku biex jindirizza problemi li jinqalgħu f’daqqa ta’ durata qasira li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati. Sabiex jiġi żgurat li t-tali azzjoni tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità, tat-trasparenza u l-kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jenħtieġ li jiġu informati mingħajr dewmien bit-tali azzjoni flimkien ma’ ġustifikazzjoni xierqa. Barra minn hekk, jekk il-problemi li jkunu ħtieġu dik l-azzjoni jkomplu jeżistu għal aktar minn 14-il jum, l-Istat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan u jista’, bil-ftehim tal-Kummissjoni, jtawwal l-azzjoni għal aktar perjodi sa 14-il jum.

Il-ftehim tal-Kummissjoni għat-tieni perjodu ta’ 14-il jum, u fil-prinċipju għal kull perjodu sussegwenti ta’ 14-il jum, jingħata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din id-dispożizzjoni tfasslet biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet b’durata qasira, u l-esperjenza diġà qed turi li mhijiex adatta għall-pandemija tal-COVID-19 li hija mistennija li ddum bosta xhur, u b’hekk tkun qed toħloq piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri. Jidher ċar li l-Artikolu 21, li japplika għall-problemi fuq “perjodu ta’ żmien qasir”, mhuwiex adatt għall-kriżi attwali.

Għalhekk hija meħtieġa deroga temporanja mir-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 21. Id-deroga tikkjarifika li Stat Membru jista’ jżomm miżura ta’ emerġenza ġustifikata u proporzjonata temporanjament fis-seħħ għal perjodu lil hinn minn 14-il jum – iżda limitat għad-durata tar-riskji għas-saħħa pubblika li jkunu marbuta b’mod ċar mal-pandemija tal-COVID-19. Fuq talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri involuti jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tissospendi din l-azzjoni jekk din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 21 jew tkun mod ieħor kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma obbligati li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-bidliet fid-durata u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza tagħhom.

1.3.Estensjoni tal-perjodu li matulu l-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling jistgħu joperaw fl-ajruporti tal-Unjoni skont id-Direttiva 96/67/KE 7

Sabiex ilaħħqu ma’ dan it-tnaqqis f’daqqa fl-attività fuq skala bla preċedent, u sabiex jgħinu lill-kumpaniji tal-groundhandling jaċċessaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikopru l-kostijiet fissi tagħhom fuq perjodu qasir, li, minn Marzu 2020, qed ikunu ħafna ogħla mid-dħul tagħhom, xi Stati Membri jiggarantixxu s-self li l-kumpaniji jistgħu jitolbu mill-organizzazzjonijiet bankarji sabiex terġa’ tinkiseb bażi minima ta’ likwidità.

Madankollu, il-garanziji għas-self mogħtija lill-kumpaniji jinvolvu l-eżaminazzjoni ta’ għadd ta’ kriterji bl-għan li tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tal-kumpanija li qed tapplika għas-self. Madankollu, il-kumpaniji li huma attivi fis-suq tal-groundhandling huma, għal xi wħud minnhom, jew għal parti tal-attività tagħhom, min-natura tagħhom soġġetti għal reġim operattiv li ma jipprovdix garanzija tas- sostenibbiltà peress li jintgħażlu għal perjodu massimu ta’ seba’ snin b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 96/67/KE.

Il-fallimenti huma detrimentali għas-settur sħiħ (l-ajruporti u l-linji tal-ajru) minħabba li jillimitaw il-kompetizzjoni f’terminu ta’ żmien qasir u medju u jwasslu għal tfixkil tas-servizzi tal-groundhandling, li jista’ wkoll jaffettwa l-irkupru. Għalhekk, sabiex tingħata s-sigurtà meħtieġa lill-kredituri tal-groundhandlers biex jagħtu s-self li jippermettilhom jevitaw il-falliment, ir-Regolament propost jipprevedi li b’deroga mill-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 96/67/KE, il-kuntratti tal-fornituri magħżula abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE li jiskadu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-31 ta’ Diċembru 2020 jistgħu jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2021. Din l-estensjoni għandha tagħti biżżejjed sigurtà lill-kredituri tal-groundhandlers. Barra minn hekk, bħala riżultat tal-kriżi, is-servizzi tal-groundhandling jistgħu jieqfu milli jkunu ta’ profitt u xi korpi ta’ amministrazzjoni jistgħu jkollhom bżonn jakkwistaw tali servizzi. Jeħtieġ li nfakkru li fit-tali ċirkostanzi tapplika d-Direttiva 2014/25/UE 8 .

1.4.Introduzzjoni ta’ proċedura ta’ urġenza għall-għażla ta’ fornituri ta’ servizz tal-groundhandling matul il-kriżi tal-COVID-19.

L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 96/67/KE jipprevedi li, fil-każ li fornitur tas-servizzi tal-groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu li għalih ikun intgħażel permezz ta’ offerta mwettqa f’konformità ma’ dak l-Artikolu, dan għandu jiġi sostitwit abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1).

F’ċirkostanzi bħall-pandemija tal-COVID-19, huwa possibbli li wieħed mill-provdituri jfalli fl-ajruporti fejn l-għadd ta’ provdituri tas-servizzi tal-groundhandling ikun limitat b’applikazzjoni tal-Artikoli 6(2) u 9 tad-Direttiva 96/67/KE, bil-ħtieġa li dan il-provditur li qed ifalli jiġi sostitwit malajr. L-Artikolu 11(2) jipprevedi li l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jista’ jipprovdi s-servizzi tal-groundhandling huwa stess mingħajr ma jipparteċipa f’sejħa għall-offerti. Madankollu, dan jista’ jkopri biss il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex tiġi organizzata sejħa oħra għall-offerti, u huwa improbabbli li l-ajruporti li ma jipprovdux is-servizzi tal-groundhandling diġà jkunu jistgħu jipprovdu dawk is-servizzi daqshekk malajr. L-istess limitazzjoni tapplika għall-awtoforniment tal-handling mil-linji tal-ajru li ma għandhomx preżenza sinifikanti fl-ajruport ikkonċernat.

Għalhekk, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u b’deroga mid-Direttiva 96/67/KE, jekk provditur wieħed jew aktar tal-groundhandling ifallu fl-ajruport matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19 u għal raġunijiet direttament marbuta mal-impatti tagħha, id-dispożizzjonijiet temporanji proposti jippermettu li korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jagħżel direttament provditur tas-servizzi tal-groundhandling mingħajr ma jkollu jorganizza proċedura tal-għażla f’konformità mal-Artikolu 11(1), għal perjodu massimu ta’ sitt xhur.

Il-modifiki jipprevedu wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni testendi l-perjodi rilevanti affettwati permezz ta’ att delegat, li jista’ jiġi adottat skont proċedura ta’ emerġenza.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

Din l-inizjattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dik id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet xierqa kollha għat-trasport bl-ajru u diġà serviet bħala bażi għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u tad-Direttiva 96/67/KE.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. Meta l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ikunu ssodisfati, dak ir-Regolament ma jippermettix lill-Istati Membri jżommu l-liċenzja operattiva, mingħajr sospensjoni, tħassir jew ħruġ ta’ liċenzji temporanji. Dan japplika irrispettivament mill-kuntesti bħal pereżempju l-pandemija tal-COVID-19 u anki meta l-problemi ta’ likwidità jkunu biss temporanji. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet tat-traffiku, ir-Regolament jippermetti miżuri ta’ durata lil hinn minn 14-il jum biss b’awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, għal kull perjodu rilevanti. Id-Direttiva 96/67/KE ma tipprevedix is-sostituzzjoni tal-provdituri tal-groundhandling falluti skont proċedura ta’ urġenza jew l-estensjoni tal-perjodu li matulu l-fornituri tal-provdituri tas-servizzi tal-groundhandling jistgħu joperaw. Dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss permezz tal-introduzzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ta’ dispożizzjoni temporanji ġodda li jipprevedu deroga mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67/KE.

2.3.Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 attwali għall-finijiet tal-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u tad-Direttiva 96/67/KE. Għalhekk il-miżura proposta hija proporzjonata anki fir-rigward tad-durata limitata tal-miżuri temporanji proposti.

2.4.Għażla tal-istrument

Sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu, l-istrument legali jrid ikun ta’ applikazzjoni diretta u ġenerali. Għalhekk, l-istrument legali xieraq huwa Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din hija miżura urġenti li hija r-riżultat tat-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19.

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni ma twettqitx konsultazzjoni formali mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex tadotta proposta għal miżuri xierqa fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-forniment tas-servizzi tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni skont it-tifsira tad-Direttiva 93/67/KE.

3.3.Ġbir u użu tal-għarfien espert

Kif spjegat, il-ġbir xieraq tal-għarfien espert ma kienx possibbli minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-kuntatti tagħha mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni li kienu jinkludu wkoll konsultazzjonijiet mal-esperti.

3.4.Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt.

3.5.Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-miżura ma tinkludix arranġamenti speċifiċi ta’ monitoraġġ jew ta’ rapportar, madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun obbligata li ssegwi l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq it-trasport tal-ajru u jekk ikun meħtieġ li tingħata s-setgħa tadotta att delegat li jestendi l-perjodi ta’ żmien ikkonċernati mill-miżura.

5.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Proposta tikkonsisti f’erba’ elementi:

(1)Permezz tal-inserzjoni tal-paragrafi l-ġodda 1a, 1b u 1c fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, se jkun possibbli li, għal valutazzjoni mwettqa fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, Stat Membru ma jissospendix jew ma jirrevokax liċenzja operattiva għal trasportatur tal-ajru anki jekk ma jibqax sodisfatt li trasportatur tal-ajru tal-Komunità jista’ jissodisfa l-obbligi attwali u potenzjali tiegħu għal perjodu ta’ 12-il xahar, bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien 12-il xahar. Meta jkun debitament ġustifikat, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu permezz ta’ att delegat, li jista’ jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza.

(2)Permezz tal-inserzjoni tal-Artikolu 21a ġdid fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 l-Istati Membri jistgħu, f’kundizzjonijiet speċifiċi, jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku jekk din l-azzjoni tkun meħtieġa sabiex titrażżan l-pandemija tal-COVID-19 għal perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Meta jkun debitament ġustifikat, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu permezz ta’ att delegat, li jista’ jiġi adottat skont proċedura ta’ urġenza.

(3)L-Artikolu 24a l-ġdid, li jikkostitwixxi Kapitolu IVa ġdid fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jippermetti lill-korpi ta’ amministrazzjoni jestendu l-kuntratti tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling sal-31 ta’ Diċembru 2021, b’deroga mid-Direttiva 96/67/KE. Jippermetti wkoll lill-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jagħżel direttament servizz tal-groundhandling għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Meta jkun debitament ġustifikat, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu permezz ta’ att delegat, li jista’ jiġi adottat skont proċedura ta’ urġenza. Din il-bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 hija riflessa fl-emenda tal-Artikolu 1(1).

(4)L-Artikolu 25a l-ġdid u Artikolu 25b ġdid fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistabbilixxu l-proċedura għall-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(1b), fl-Artikolu 21a(4) u fl-Artikolu 24a(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

.

2020/0069 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat tat-tnaqqis sinifikanti fid-domanda u tal-adozzjoni ta’ miżuri diretti bħal pereżempju l-għeluq tal-fruntieri u l-projbizzjonijiet tat-traffiku tal-ajru meħuda mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi sabiex titrażżan il-pandemija.

(2)Iċ-ċifri ppubblikati mill-Maniġer tan-Netwerk tal-UE fl-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”), jindikaw tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ madwar 90 % għar-reġjun Ewropew fi tmiem Marzu 2020 meta mqabbel ma’ Marzu 2019. It-trasportaturi tal-ajru qegħdin jirrapportaw tnaqqis kbir fil-prenotazzjonijiet u qegħdin jikkanċellaw it-titjiriet fil-perjodi ta’ skedar tax-xitwa 2019-2020 u tas-sajf 2020 bħala riżultat tal-pandemija. Dan it-tnaqqis f’daqqa fid-domanda u r-rata ta’ kanċellazzjonijiet bla preċedent irriżultaw fi problema sejra ta’ likwidità għat-trasportaturi tal-ajru li huma direttament marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

(3)It-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, li kienu finanzjarjament b’saħħithom qabel il-pandemija tal-COVID-19, qed jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità li jistgħu jikkawżaw is-sospensjoni, ir-revoka jew is-sostituzzjoni tal-liċenzja operattiva tagħhom b’liċenzja temporanja mingħajr ħtieġa ekonomika strutturali. L-għoti ta’ liċenzja temporanja skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jista’ jagħti sinjal negattiv lis-suq dwar il-kapaċità ta’ sopravivenza ta’ linja tal-ajru, u dan imbagħad jaggrava l-problemi finanzjarji ipotetiċi tagħha. Għalhekk, huwa xieraq li l-liċenzja operattiva tat-tali operaturi ma tiġix sospiża jew revokata abbażi tal-valutazzjoni mwettqa fil-perjodu minn Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien 12-il xahar. Fi tmiem dan il-perjodu ta’ 12-il xahar, it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni jenħtieġ li jkun soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. L-obbligu previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li tiġi informata l-Kummissjoni jenħtieġ li jinftiehem li japplika wkoll għad-deċiżjonijiet li ma tiġix sospiża jew revokata l-liċenzja operattiva.

(4)Barra mill-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jiġu applikati fil-każ ta’ problemi f’daqqa ta’ durata qasira li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku sabiex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 li jistgħu jkollhom durata estiża. It-tali miżuri ta’ emerġenza meħuda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji applikabbli f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(5)Fl-ajruporti fejn l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-groundhandling huwa limitat skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE 12 , il-fornituri jistgħu jintgħażlu għal perjodu massimu ta’ seba’ snin. Il-fornituri li għalihom dan il-perjodu ġej fi tmiemu jistgħu, għal din ir-raġuni, jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament. Għalhekk jenħtieġ li dan il-perjodu jiġi estiż.

(6)Bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, fl-ajruporti fejn l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-groundhandling huwa limitat, fornitur wieħed jew bosta fornituri jistgħu jieqfu milli jipprovdu s-servizzi tagħhom f’ajruport speċifiku qabel ma jkun jista’ jintgħażel fornituri ieħor abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE. Fit-tali ċirkostanzi, huwa xieraq li l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jkun jista’ jiddeċiedi li jagħżel provditur tas-servizzi tal-groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Meta l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jeħtieġ li jakkwista servizzi tal-groundhandling bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u jkun entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , irid jikkonforma ma’ dik id-Direttiva 2014/25/UE.

(7)Huwa diffiċli li jitbassru l-iżvilupp ulterjuri tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-settur tat-trasport bl-ajru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru u jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perjodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament jekk jippersistu l-kundizzjonijiet avversi.

(8)Sabiex jiġi estiż, fejn ikun meħtieġ u ġustifikat, il-perjodu li matulu l-awtoritajiet ta’ liċenzjar kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jissospendux jew ma jirrevokawx il-liċenzji operattivi, il-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, u l-perjodu li matulu l-kuntratti tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling jistgħu jiġu estiżi u li matulu l-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jista’ jagħżel fornituri tas-servizzi tal-groundhandling direttament, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġi delegat lill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(9)Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li tiġġustifika l-miżuri proposti, u b’mod aktar partikolari sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa malajr sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji u immedjati li qed jaffaċċja s-settur, jixraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(10)It-tifqigħa f’daqqa u li ma setgħetx titbassar tal-pandemija tal-COVID-19 u l-proċeduri leġiżlattivi rilevanti meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri rilevanti għamluha impossibbli li jiġu adottati t-tali miżuri fil-ħin. Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopru wkoll il-perjodu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Minħabba n-natura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li tali approċċ ma jirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

(11)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jiġi emendat skont dan.

(12)Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jiġġustifikaw il-miżuri stabbiliti, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) 1008/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji li joperaw servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji. Jistabbilixxi wkoll regoli temporanji dwar il-forniment tas-servizzi tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni.”

(2)fl-Artikolu 9, jiddaħħlu l-paragrafi 1a, 1b u 1c li ġejjin:

“1a. Abbażi tal-evalwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, imwettqa mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità tal-liċenzjar kompetenti tista’ tiddeċiedi qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu li ma tissospendix jew ma tirrevokax il-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien it-12-il xahar li jmiss. Għandha tirrieżamina l-prestazzjoni ta’ dan it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ 12-il xahar u tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi sospiża jew revokata u jekk għandhiex tingħata liċenzja temporanja abbażi tal-paragrafu 1.

1b. Meta l-Kummissjoni tara, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru qed jippersisti meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-sena preċedenti u x’aktarx se jkompli, u tara wkoll, li abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a biex temenda l-perjodu tal-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 imsemmi fil-paragrafu 1a kif xieraq.

1c.    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1b. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Meta l-kriterji msemmijin fil-paragrafu 1b jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 1b malajr kemm jista’ jkun.

1d. Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”

(3)Jiddaħħal l-Artikolu 21a li ġej:

“Artikolu 21a

Miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-pandemija tal-COVID-19

1.Minkejja l-Artikolu 21, għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr il-ftehim tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 21(1), jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku jekk din l-azzjoni tkun meħtieġa sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19. It-tali azzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u għandha tiġi bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

2.L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien bit-tali azzjoni u d-durata tagħha u jipprovdilhom ġustifikazzjoni xierqa. Jekk l-Istat Membru jimmodifika, jissospendi jew jirtira t-tali azzjoni wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

3.Fuq talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri involuti jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jekk din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 1 jew tkun mod ieħor kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

4.Meta, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku, il-Kummissjoni ssib evidenza u data li jikkonfermaw il-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19, li r-restrizzjonijiet, il-limitazzjonijiet jew l-impożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku mill-Istati Membri x’aktarx ikunu meħtieġa lil hinn mill-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a sabiex temenda dak il-perjodu kif xieraq.

5.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 4. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 malajr kemm jista’ jkun.

6.Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”;

(4)jiddaħħlu l-Kapitolu IVa u l-Artikolu 24a li ġejjin:

KAPITOLU IVa

REGOLI TEMPORANJI DWAR IS-SERVIZZI TAL-GROUNDHANDLING

Artikolu 24a

1.Permezz ta’ deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67/KE, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jista’ jestendi sal-31 ta’ Diċembru 2021 l-kuntratti tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling magħżula abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ dik id-Direttiva li jiskadu minn [daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2.Permezz ta’ deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67/KE, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/25/UE, għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta fornitur tas-servizzi tal-groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel tmiem il-perjodu li għalih jkun intgħażel, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jista’ jagħżel provditur tas-servizzi tal-groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jew sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont liema jkun l-itwal.

3.Meta l-Kummissjoni tara, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru qed jippersisti meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-sena preċedenti u x’aktarx ikun se jkompli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, u li tirriżulta fl-interruzzjoni tal-forniment tas-servizzi tal-groundhandling jew f’diffikultajiet fl-aċċess għal finanzjament għall-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a biex temenda l-perjodi msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 kif xieraq.

4.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun.

5.Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

6.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun.

7.Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 4 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”

(5)jiddaħħlu l-Artikoli 25a u 25b li ġejjin:

“Artikolu 25a
Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija f’dan l-Artikolu għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 9(1b), fl-Artikolu 21a(4) u fl-Artikolu 24a(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25b
Proċedura ta’ urġenza

1.L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25a. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Sors: ATAG – Aviation: benefits beyond borders 2018 (L-Avjazzjoni: Benefiċċji Lil Hinn mill-Fruntieri)
(2)    Sors: ACI
(3)    Sors: Eurocontrol
(4)    Sors: Sistemi Globali ta’ Distribuzzjoni
(5)    Sors: ACI/IATA
(6)    Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni), ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, ĠU L 272, 15.10.1996, p. 36.
(8)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 15.10.1996, p. 36).
(13)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
Top