Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0070

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL fir-rigward ta’ linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM/2020/70 final

Brussell, 26.2.2020

COM(2020) 70 final

2020/0030(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

fir-rigward ta’ linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill. Dan jistipula li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida għall-impjiegi (l-Artikolu 148), filwaqt li jispeċifika li dawn għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika (l-Artikolu 121).

Filwaqt li linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika jibqgħu jgħoddu għal kull żmien, il-linji gwida għall-impjiegi jeħtiġilhom jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba fl-2010 (“il-pakkett integrat”) u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida integrati baqgħu stabbli sal-2014. Fl-2015 ġew adottati l-linji gwida integrati riveduti. Fl-2018, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bl-għan li imexxu ’l quddiem ir-riformi fil-livell nazzjonali u biex iservu ta’ boxxla għal proċess imġedded ta’ konverġenza madwar l-Ewropa u fl-2019 baqgħu l-istess. Minbarra li jixhdu l-ambitu u d-direzzjoni għal koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri, il-linji gwida jipprovdu wkoll il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fl-oqsma rispettivi. Flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, il-linji gwida dwar l-impjiegi qegħdin jiġu ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati).

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri ġew emendati biex jallinjaw it-test li jintegra l-erba’ dimensjonijiet tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (Annual Sustainable Growth Strategy - ASGS) u b’mod partikolari, id-dimensjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li jirriflettu n-narrattiva ta’ Ewropa Soċjali Aktar b’Saħħitha għal Tranżizzjoni Ġusta u biex jintegraw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU.

Il-“Linji Gwida dwar l-Impjiegi” riveduti huma dawn li ġejjin:

Il-Linja gwida nru 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Il-Linja gwida nru 6: Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi

Il-Linja gwida nru 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Il-Linja gwida nru 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

2020/0030 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

fir-rigward ta’ linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi 4 ,

Billi:

(1)L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jieħdu kont tal-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema.

(2)L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta’ rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)F’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika dwar il-politiki ekonomiċi u tal-impiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 ( 5 ), isawru l-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta’ politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali adatta ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(4)Il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ( 6 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol ( 7 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet ( 8 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ( 9 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja ( 10 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal ( 11 ) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-Aċċess għall-Protezzjoni Soċjali ( 12 ).

(5)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f’qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra. Huwa jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ( 13 ) . Jenħtieġ li l-politiki tal-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, irawmu l-innovazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

(6)It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku se jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv dawn il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f’konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Jenħtieġ li azzjoni ta’ politika bħal din tinkludi spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi strutturali b’sekwenza loġika li jtejbu l-produttività, tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u territorjali, konverġenza ’l fuq, reżiljenza u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impiegi.

(7)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( 14 ). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tagħna filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq “soċjali” u s- “suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali.

(8)Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jsegwu prattiki nazzjonali ta’ djalogu soċjali u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fil-ħolqien tal-impjiegi, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni kif ukoll fid-dħul reali.

(9)Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jiżguraw li t-trasformazzjonijiet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li jippermettu li n-nies jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku. Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali (inkluż dawk tat-tfal), b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. L-aċċess f’waqtu u ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa affordabbli, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa huma partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b’diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali jkompli jwettqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta’ mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(10)Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u minn fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali, u l-aċċessibbiltà, jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(11)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ li jissorveljaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawn il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jiġi sostnut id-djalogu dwar politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

(12)Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw parti mil-linji gwida integrati.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iqisu l-linji gwida stabbiliti fl-Anness fil-politika dwar l-impjiegi u l-programmi ta’ riforma tagħhom, li għandhom jiġu rappurtati f’konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
(6)    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(7)    ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(8)    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(9)    ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.
(10)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
(11)    ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4–14
(12)    ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8
(13)

   Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/11    

(14)    ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
Top

Brussell, 26.2.2020

COM(2020) 70 final

ANNESS

tal-

Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impiegi tal-Istati Membri






ANNESS

Il-Linja gwida nru 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jnaqqsu l-ostakoli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b’mod partikolari, jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali, u jinkoraġġixxu dawk il-forom innovattivi ta’ xogħol, joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali.

Jenħtieġ li jonqos il-piż fiskali minn fuq ix-xogħol u jiżdied fuq sorsi oħra ta’ tassazzjoni li jappoġġjaw l-impieg u t-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin jiġi allinjat mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jittieħed kont tal-effett ridistributtiv tas-sistema fiskali, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta’ pagi minimi statutorji jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b’mod trasparenti u prevedibbli li jippermetti rispons adegwat tal-pagi għal żviluppi fil-produttività u jipprovdu pagi ġusti għal standard ta’ għajxien deċenti, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi bi dħul baxx u medju bl-għan ta’ konverġenza ’l fuq. Jenħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jqisu l-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni u s-setturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu stabbiliti l-pagi. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri u s-sħab soċjali jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkunu intitolati għal pagi adegwati u ġusti permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Il-Linja gwida nru 6: Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi

Fil-kuntest ta’ tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali, kif ukoll ta’ tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu s-sostenibbiltà , il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, irawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni, filwaqt li jirrispondu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u ta' taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi u partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-professjoni tat-tagħlim. Jenħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jgħammru lill-istudenti kollha b’kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll il-kompetenzi trasversali biex jinbnew il-pedamenti għall-adattabbiltà aktar tard fil-ħajja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jfittxu li jiżguraw it-trasferiment ta’ intitolamenti ta’ taħriġ matul bidliet professjonali fil-karriera, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ kontijiet individwali ta’ tagħlim. Jenħtieġ li dawn jippermettu lil kulħadd biex jantiċipa u jadatta aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet kontinwi, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u titjieb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba fit-tfulija bikrija. Jenħtieġ li jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u li jitlestew l-istudji relatati, iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu rekwiżiti ġodda f’soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom (ETV) (inkluż permezz ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi) u jżidu l-għadd ta’ gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) kemm fl-ETV f’livell medju kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u tar-riċerka, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Jenħtieġ li jtejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali kontinwi flessibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll lill-adulti b’ħiliet baxxi biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jzidu l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta’ Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ li taqbel mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda u inattivi b’assistenza effettiva, f’waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta’ impjieg, it-taħriġ, ir-rikwalifikazzjoni u l-aċċess għal servizzi oħra ta’ sostenn. Jenħtieġ li jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond dwar il-qgħad kemm jista’ jkun malajr bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b’mod sinifikanti l-qgħad strutturali u fit-tul. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ, jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ( 1 ).

Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b’mod partikolari għal ħaddiema bi dħul baxx, ħaddiema li huma t-tieni sors ta’ dħul u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b’diżabilità, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jenħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li jkun żgurat li jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta’ valur ugwali, u t-trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b’responsabbiltajiet ta’ kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta’ dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-Linja gwida nru 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Jenħtieġ li jnaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg miftuħa. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet jipprovdu lkoll kemm ambjent adatt għar-reklutaġġ, kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għall-impjegaturi biex jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jiġu preservati ambjenti tax-xogħol adegwati, siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż fil-każ ta’ ħaddiema tal-pjattaformi u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta’ kuntratti atipiċi. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, jenħtieġ li jiġu żgurati f’każijiet ta’ tkeċċija inġusta.

Jenħtieġ li l-politiki jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu u jsostnu b’mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-effettività ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa u jilħqu aktar ’il bogħod u jorbtuhom aħjar mal-appoġġ għall-introjtu għal dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u abbażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f’waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil dawk qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati ta’ tul taż-żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali benefiċċji ma jkunux ta’ diżinċentiv għal ritorn ta’ malajr għax-xogħol u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol

Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tkun appoġġata b’mod adegwat bil-għan li jittejbu l-impjegabbiltà, il-ħiliet u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera u żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. Jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki u li jiġi ssimplifikat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg, inkluż għall-ħaddiema transkonfinali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-“eżodu ta’ mħuħ” minn ċerti reġjuni permezz ta’ miżuri ta’ żvilupp reġjonali xierqa.

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta’ appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Jenħtieġ li s-sħab soċjali jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Meta rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

Il-Linja gwida nru 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa għad-dimensjoni reġjonali u territorjali. Jenħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mis-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobilità soċjali ’l fuq, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tas-sistemi fiskali u ta’ benefiċċji tagħhom. Li nikkumplimentaw approċċi universali ma’ approċċi selettivi jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali twassal għal aċċess, kwalità, adegwatezza u sostenibbiltà aħjar.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta’ inklużjoni attiva: appoġġ ta’ dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ sostenn ta’ kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Jenħtieġ li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiżguraw benefiċċji adegwati tad-dħul minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż permezz ta’ servizzi soċjali mmirati.

Id-disponibbiltà ta’ servizzi affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta’ akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f’qagħda vulnerabbli. B’relazzjoni ma’ dawn is-servizzi jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabilità, inkluż l-aċċessibilità. Jenħtieġ li tiġi indirizzata b’mod speċifiku l-problema ta’ persuni mingħajr dar.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa kurattiva, preventiva u affordabbli u kura fit-tul ta’ kwalità tajba, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul.

F’kuntest ta’ lonġevità u tibdil demografiku li qed jiżdiedu, jenħtieġ li l-Istati Membri jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta’ skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat. Ir-riformi fil-pensjoni jenħtieġ li jiġu appoġġati minn miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, u jitqiegħdu f’kuntest ta’ strateġiji għat-tixjiħ attiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta tar-riformi.

(1) ()    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1,
Top