Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0061

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti kwistjonijiet baġitarji b’rabta mal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

COM/2020/61 final

Brussell, 18.2.2020

COM(2020) 61 final

2020/0028(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti kwistjonijiet baġitarji b’rabta mal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2020 mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019. Permezz tad-Deċiżjoni 2019/1 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, il-Kummissjoni ngħatat mandat biex timplimenta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport sakemm issir effettiva l-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

2.2Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-TCT u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TCT u biex jiżgura l-implimentazzjoni tajba tiegħu. Għal dan il-għan, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali:

(a) iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,

(b) jiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ kumitati tekniċi,

(c) jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mat-TCT,

(d) fir-rigward tal-atti tal-UE li jkunu għadhom kemm ġew adottati, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,

(e) jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,

(f) jista’ jaħtar wieħed jew aktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,

(g) jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,

(h) jista’ jirrevedi, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji,

(i) jadotta l-baġit annwali tat-TCT,

(j) jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,

(k) jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,

(l) jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT, jew skont dan,

(m) jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Netwerk Komprensiv;

(n) fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi termini perentorji u mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.

2.3L-atti previsti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2020. Id-deċiżjoni prevista se ssir legalment vinkolanti għall-partijiet skont l-Artikolu 25(1) tat-TCT.

Baġit

Il-kontribuzzjoni għall-baġit tal-Komunità tat-Trasport hija stabbilita fl-Anness V tat-TCT. Is-sehem tal-Unjoni jammonta għal 80 % tal-baġit, filwaqt li l-20 % li jifdal għandu jiġi pprovdut mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.

Għall-2019, il-baġit totali ammonta għal EUR 1,630 miljun. Il-kontribuzzjoni tal-UE kienet ta’ ammont totali ta’ EUR 1,304 miljun, li jikkorrispondi għal 80 % tal-baġit totali tas-Segretarjat Permanenti biex ikopri l-kostijiet operazzjonali tiegħu għall-2019.

F’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 28 tat-TCT, is-Segretarjat Permanenti stabbilixxa l-abbozz ta’ baġit għas-sena 2020, filwaqt li tqieset il-ħatra progressiva tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti li jippermettilha ssir operattiva u awtonoma bis-sħiħ. Il-baġit jammonta għal total ta’ EUR 3,000 miljun, li EUR 2,400 miljun (80 %) minnu ġej mill-UE 1 u EUR 0,6 miljun għall-Partijiet tal-Ewropa tax-Xlokk.

L-ammont għandu jkopri l-kostijiet li jifdal għat-twaqqif tas-Segretarjat Permanenti, kif ukoll il-kostijiet operazzjonali tiegħu. Skont l-Anness I tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Komunità tat-Trasport u s-Serbja, il-pajjiż ospitanti, jiġifieri s-Serbja, jipprovdi mingħajr ħlas l-uffiċċji tas-Segretarjat Permanenti u parti mit-tagħmir u s-servizzi relatati ma’ dawn l-uffiċċji (għamara, sigurtà, elettriku, ilma u tindif).    

3.IL-POŻIZZJONI LI TRID TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

L-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TCT u għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti. Peress li l-Unjoni hi parti għat-TCT, hemm bżonn li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni rigward il-baġit tal-organizzazzjoni.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1 Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2 Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.

L-att li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. Skont l-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport. Min-natura tagħhom, u bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, dan l-att fih elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, iridu jiġi kkunsidrat li għandu effetti legali.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tat-TCT.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-Komunità tat-Trasport. Min-naħa l-oħra, it-TCT isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilmijiet navigabbli interni, li huma mezzi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE, kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, li hu mezz kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

4.3Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5. PUBBLIKAZZJONI TAL-ATT PREVIST

F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-TCT, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



2020/0028 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti kwistjonijiet baġitarji b’rabta mal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 3 . Dan ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Marzu 2019 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)Bis-saħħa tal-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali (“il-Kumitat ta’ Tmexxija”) għandu s-setgħa jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena.

(3)Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2020 sabiex jiġi żgurat li t-TCT jiġi implimentat.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija, peress li deċiżjoni bħal din hija neċessarja għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u se jkollha effetti legali rigward l-Unjoni.

(5)L-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta b’mod proviżorju l-baġit tal-Komunità tat-Trasport ma jbiddilx il-karattru essenzjali tas-setgħat mogħtija lil dik l-istituzzjoni mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2020 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2019, C(2019) 5515.
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport.
Top

Brussell, 18.2.2020

COM(2020) 61 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti kwistjonijiet baġitarji b’rabta mal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport


ANNESS 1

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 2020/
TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2020

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikoli 24(1) u 35 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B’dan hu adottat il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2020, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2019/1 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun inkarigata mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport skont l-Artikolu 3.

Artikolu 3

L-Artikolu 2 għandu jieqaf japplika fil-jum ta’ qabel dak li fih tidħol fis-seħħ il-ħatra tad-Direttur permanenti tas-Segretarjat Permanenti.

Magħmul fi ..., fi ... 2020.

Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-President

ANNESS I: Baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2020

KOSTIJIET OPERAZZJONALI TAS-SEGRETARJAT PERMANENTI

(inkluż infiq fiss / kontabilità / attivitajiet ta’ komunikazzjoni / organizzazzjoni ta’ laqgħat)

396,900

TAGĦMIR TAL-UFFIĊĊJU U GĦAMARA TAS-SEGRETARJAT PERMANENTI

60,000

PERSUNAL 

(inkluż salarji, gratifiki, reklutaġġ, ivvjaġġar, kontribuzzjonijiet għal skemi tas-saħħa/pensjonijiet)

1,461,500

STUDJI, ASSISTENZA TEKNIKA li għandhom jitmexxew mis-Segretarjat Permanenti

800,000

TOTAL

2,718,400

RIŻERVA (madwar 9,4 %)

281,600

TOTAL FINALI

3,000,000

Li minnu: Kontribuzzjoni tal-UE (80 %)

2,400,000

Kontribuzzjoni tal-Partijiet tal-Ewropa tax-Xlokk (20 %: l-Anness V tat-TCT jipprovdi d-distribuzzjoni skont kull pajjiż)

600,000

Top