Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0008

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi (CMS) fir-rigward ta’ proposti minn diversi partijiet biex jiġu emendati l-Appendiċi ta’ dik il-Konvenzjoni, u dwar l-irtirar ta’ riżerva notifikata lil dik il-Konvenzjoni

    COM/2020/8 final

    Brussell, 13.1.2020

    COM(2020) 8 final

    2020/0005(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi (CMS) fir-rigward ta’ proposti minn diversi partijiet biex jiġu emendati l-Appendiċi ta’ dik il-Konvenzjoni, u dwar l-irtirar ta’ riżerva notifikata lil dik il-Konvenzjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni waqt it-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi (“il-Konvenzjoni”) b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-emendar tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, u l-irtirar ta’ riżerva eżistenti għal dik il-Konvenzjoni.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi

    Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi għandha l-għan li tikkonserva l-ispeċijiet migratorji tal-art, tal-baħar u tal-ajru fil-medda kollha tagħhom. Din tikkostitwixxi trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li jittratta l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ħabitats fuq skala globali. L-ispeċijiet migratorji li jridu jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċijiet I (speċijiet fil-periklu li jinqerdu) u II (speċijiet li jkunu s-suġġetti ta’ ftehimiet) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

    L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1 . L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Ftehim.

    2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

    Il-Konferenza tal-Partijiet hija l-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni. Il-funzjonijiet tagħha li huma enumerati fl-Artikolu VII tal-Konvenzjoni, jinkludu s-setgħat li tivvaluta l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, u li temenda l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Id-deċiżjonijiet meħuda f’laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet jesiġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw, apparti kif ipprovdut mod ieħor b’din il-Konvenzjoni.

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-Appendiċijiet hija stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet oħra jiġu miftiehma f’laqgħat preliminari tal-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill inkella f’laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-UE fuq il-post.

    It-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet se ssir f’Gandhinagar (l-Indja) mill-15 sat-22 ta’ Frar 2020.

    It-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li saret f’Nairobi, il-Kenja mill-20 sal-25 ta’ Novembru 2005 adottat deċiżjoni li tiġi inkluża l-ispeċi Cetorhinus maximus fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni.

    2.3.L-atti previsti tal-Konferenza tal-Partijiet

    Bejn il-15 u t-22 ta’ Frar 2020, waqt it-tlettax-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet se tadotta deċiżjoni dwar emendi tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni (“l-atti previsti”).

    L-iskop tal-atti previsti huwa li jiġu emendati l-Appendiċi I u l-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, kif previst fl-Artikolu XI tal-Konvenzjoni.

    F’konformità mal-Artikolu III tal-Konvenzjoni, l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni għandu jelenka l-ispeċijiet migratorji fil-periklu u li għalihom il-Partijiet li huma Stati ta’ Medda tal-ispeċijiet ikkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu diversi miżuri ta’ konservazzjoni u għandhom jipprojbixxu t-teħid ta’ annimali li jappartjenu għal tali speċijiet.

    L-Artikolu IV tal-Konvenzjoni jistipula li l-Appendiċi II għandu jelenka l-ispeċijiet migratorji li għandhom status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli u li jeħtieġu ftehimiet internazzjonali għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tagħhom, kif ukoll dawk li għandhom status ta’ konservazzjoni li jkun jibbenefika b’mod sinifikanti mill-kooperazzjoni internazzjonali li tista’ tinkiseb permezz ta’ ftehim internazzjonali.  Skont kif jirrikjedu ċ-ċirkostanzi, speċi migratorja tista’ tiġi elenkata kemm fl-Appendiċi I kif ukoll fl-Appendiċi II.

    F’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista’ tressaq proposti għal emenda. Emenda tal-Appendiċijiet tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, għajr għal dawk il-Partijiet li jesprimu xi riżerva.

    F’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, riżerva għal emenda tista’ tiġi rtirata b’notifika bil-miktub lid-Depożitarju u wara dan, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal dik il-Parti disgħin jum wara li tkun ġiet irtirata r-riżerva.

    3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

    Fir-rigward tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni, u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/1581 tas-16 ta’ Settembru 2019, l-Unjoni pproponiet li temenda l-Konvenzjoni kif ġej:

    (a)    emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni biex tiġi inkluża l-ispeċi Tetrax tetrax;

    (b)    emendi tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni biex jiġu inklużi l-ispeċijiet Tetrax tetrax, Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena.

    Partijiet oħra għall-Konvenzjoni ppreżentaw proposti biex jemendaw l-Appendiċi I biex jinkludi l-ispeċijiet li ġejjin: Elephas maximus indicus, Panthera onca, Ardeotis nigriceps, Houbaropsis bengalensis bengalensis, Diomedea antipodensis, u Carcharhinus longimanus.

    Partijiet oħra għall-Konvenzjoni ppreżentaw proposti biex jemendaw l-Appendiċi II biex dan jinkludi l-ispeċijiet li ġejjin: Panthera onca , Ovis vignei u Sphyrna zygaena (popolazzjoni reġjonali li tinsab tul iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Brażil, l-Urugwaj, l-Arġentina u fl-ilmijiet internazzjonali li jmissu magħhom).

    Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jieħu Deċiżjoni bil-għan li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-kuntest tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet rigward il-proposti kollha mressqa għall-emendi.

    Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposti kollha għaliex huma bbażati fuq ix-xjenza, konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, inkluż il-konsiderazzjoni ta’ kif isir l-aħjar użu mill-informazzjoni xjentifika li tikkonċerna kemm il-karatteristiċi bijoloġiċi kif ukoll il-punti ta’ referenza bijoloġiċi tas-sajd.

    Iż-żieda ta’ dawn l-ispeċijiet fl-Appendiċi I jew II tal-Konvenzjoni, kif propost, ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni.

    Rigward il-Panthera onca, li fl-Unjoni Ewropea hija preżenti biss fil-Guyana Franċiża, fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura ma tapplikax, il-kaċċa tagħha hija pprojbita permezz ta’ ordni li tiddefinixxi kwota żero b’reġimi derogatorji għal utenti tradizzjonali ta’ sussistenza u ċirkostanzi straordinarji koperti bl-Artikolu III(5)(c) u (d) tal-Konvenzjoni.

    Fil-każ tal-proposta li tiġi inkluża l-popolazzjoni reġjonali ta’ Sphyrna zygaena li tinsab tul iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Brażil, l-Urugwaj, l-Arġentina u fl-ilmijiet internazzjonali li jmissu magħhom fl-Appendiċi II, peress li din il-proposta essenzjalment tikkoinċidi mal-proposta tal-Unjoni li tiġi inkluża l-popolazzjoni globali kollha ta’ din l-ispeċi fl-Appendiċi II, jenħtieġ li tiġi appoġġata l-proposta tal-Unjoni aktar milli l-proposta ppreżentata mill-parti l-oħra. Il-proposti l-oħra kollha jenħtieġ li jiġu appoġġati mingħajr kundizzjonijiet.

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda fit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet biex is-Cetorhinus maximus tiġi inkluża fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ir-riżerva eżistenti tal-Unjoni 2 fir-rigward tal-inklużjoni tas-Cetorhinus maximus fl-Appendiċi I jenħtieġ li tiġi rtirata minħabba li l-liġi tal-Unjoni issa tissodisfa l-obbligi tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta’ din l-ispeċi mill-Istati ta’ Medda bħala riżultat tal-inklużjoni tagħha fl-Appendiċi I.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi.

    L-atti li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi.

    L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Billi l-atti tal-Konferenza tal-Partijiet se jemendaw l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi, jixraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġu adottati.

    2020/0005 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi (CMS) fir-rigward ta’ proposti minn diversi partijiet biex jiġu emendati l-Appendiċi ta’ dik il-Konvenzjoni, u dwar l-irtirar ta’ riżerva notifikata lil dik il-Konvenzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 4 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

    (2)Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta deċiżjoni biex jiġu emendati l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

    (3)Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt it-tlettax-il laqgħa tagħha mill-15 sat-22 ta’ Frar 2020, se tadotta deċiżjonijiet biex l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni jiġu emendati.

    (4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi d-deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (5)L-Unjoni ppreżentat proposti għall-inklużjoni tal-ispeċijiet, Galeorhinus galeus, Tetrax tetrax u Sphyrna zygaena fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni u tal-ispeċi Tetrax tetrax fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li l-ebda waħda minnhom ma tkun teħtieġ bidla fil-liġi tal-UE.

    (6)Partijiet oħrajn ippreżentaw proposti rigward l-inklużjoni ta’ Elephas maximus indicus, Panthera onca, Ardeotis nigriceps, Houbaropsis bengalensis bengalensis, Diomedea antipodensis, u Carcharhinus longimanus fl-Appendiċi I u rigward l-inklużjoni ta’ Panthera onca, Ovis vignei, u Sphyrna zygaena (popolazzjoni reġjonali li tinsab tul iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Brażil, l-Urugwaj, l-Arġentina u fl-ilmijiet internazzjonali li jmissu magħhom) mal-Appendiċi II.

    (7)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposta tagħha stess biex tinkludi l-popolazzjoni globali tas-Sphyrna zygaena fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, bi preferenza għall-proposta ppreżentata minn parti oħra biex tinkludi biss il-popolazzjoni reġjonali li tinsab tul iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Brażil, l-Urugwaj, l-Arġentina u fl-ilmijiet internazzjonali li jmissu magħhom.

    (8)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawn il-proposti minħabba li huma bbażati fuq ix-xjenza, f’konformità mal-impenn tal-Unjoni favur il-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u d-deċiżjonijiet meħuda fil-Konferenza tal-Partijiet skont dik il-Konvenzjoni.

    (9)L-UE mhijiex stat ta’ medda għall-ispeċijiet Elephas maximus indicus, Ardeotis nigriceps, u Houbaropsis bengalensis bengalensis u għalhekk iż-żieda ta’ dawn l-ispeċijiet fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni.

    (10)L-UE mhijiex stat ta’ medda għall-ispeċi Ovis vignei u għalhekk iż-żieda ta’ din l-ispeċi fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni.

    (11)L-ispeċi Panthera onca sseħħ fl-UE fil-Guyana Franċiża biss, li taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 5 , li tapplika biss għat-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Il-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-Guyana Franċiża, inkluż tal-Panthera onca hija għalhekk żgurata bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk iż-żieda ta’ din l-ispeċi fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni;

    (12)L-ispeċi tal-għasfur Diomedea antipodensis ma tinsabx fl-Unjoni. Il-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni u r-regolamentazzjoni tas-sajd mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti joffru l-istrumenti xierqa biex l-Unjoni tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-protezzjoni tagħha, u għalhekk iż-żieda ta’ din l-ispeċi fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-UE.

    (13)Il-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni u r-regolamentazzjoni tas-sajd mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti joffru l-istrumenti xierqa biex l-UE tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-protezzjoni tal-ispeċi tal-ħut Carcharhinus longimanus. Barra minn hekk, is-sajd u ż-żamma ta’ din l-ispeċi huma pprojbiti skont ir-Regolament tal-Kunsill 2019/124. Għalhekk iż-żieda ta’ din l-ispeċi fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni;

    (14)Is-sajd u ż-żamma tal-ispeċi Cetorhinus maximus, li hija inkluża fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni iżda li fir-rigward tagħha attwalment l-inklużjoni tal-Unjoni għandha riżerva fis-seħħ, huma pprojbiti skont ir-Regolament tal-Kunsill 2019/124. Għalhekk l-irtirar ta’ din ir-riżerva ma jkun jeħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-UE.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tkun li ġejja:

    (1)li tiġi appoġġata ż-żieda fl-Appendiċi I ta’ dawn l-ispeċijiet li ġejjin:

    (1)Tetrax tetrax

    (2)Elephas maximus indicus

    (3)Panthera onca

    (4)Ardeotis nigriceps

    (5)Houbaropsis bengalensis bengalensis

    (6)Diomedea antipodensis

    (7)Carcharhinus longimanus

    (2)li tiġi appoġġata ż-żieda fl-Appendiċi II tal-ispeċijiet li ġejjin:

    (1)Tetrax tetrax

    (2)Galeorhinus galeus

    (3)Sphyrna zygaena (popolazzjoni globali)

    (4)Panthera onca

    (5)Ovis vignei

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkomunika lid-Depożitarju l-irtirar tar-riżerva tagħha rigward l-inklużjoni tas-Cetorhinus maximus fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċji migratorji tal-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10.
    (2)    Stabbilita fl-2006 abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2006 rigward l-emenda tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ speċi migratorji ta’ annimali selvaġġi, adottata fit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-partijiet, għaż-żieda ta’ Cetorhinus maximus.
    (3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (4)    ĠU L 210, 19.7.1982, p. 10.
    (5)    ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
    Top