EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0663

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan

COM/2020/663 final

Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 663 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan


I.Introduzzjoni

Il-metan huwa gass serra qawwi, it-tieni wieħed wara d-diossidu tal-karbonju fil-kontribut globali tiegħu għat-tibdil fil-klima. Fil-livell molekulari, il-metan huwa aktar b’saħħtu mid-diossidu tal-karbonju. Għalkemm jibqa’ fl-atmosfera għal perjodu ta’ żmien iqsar, dan għandu effett sinifikanti fuq il-klima 1 u jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-ożonu troposferiku, sustanza li tniġġes l-arja lokali qawwija li minnha nnifisha tikkawża problemi serji tas-saħħa 2 . Għalhekk, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jikkontribwixxi kemm għat-tnaqqis tar-rata tat-tibdil fil-klima kif ukoll għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Porzjonijiet sinifikanti tal-emissjonijiet tal-metan jistgħu jiġu mitigati b’mod kosteffettiv.

Ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 3 jistieden lill-Kummissjoni twettaq pjan strateġiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 , il-Kummissjoni indikat li l-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija kellhom jiġu indirizzati bħala parti mill-impenn biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. B’dan il-mod, azzjoni politika biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan se tikkontribwixxi kemm għall-isforzi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE lejn il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 kif ukoll għall-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi.

Il-politiki attwali għall-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 huma proġettati li sal-2030 se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-UE ta’ 29 % meta mqabbel mal-livelli tal-2005 5 . Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 6 sabet li l-metan se jibqa’ l-gass serra dominanti li mhuwiex CO2 fl-UE 7 . Hija kkonkludiet li żieda fil-livell ta’ ambizzjoni għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990 tkun teħtieġ ukoll sforz aċċellerat biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan, filwaqt li l-proġettazzjonijiet jindikaw li hija meħtieġa żieda għal tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan bejn 35 % u 37 % sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Fil-livell globali, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-attività umana (antropoġenika) b’50 % matul it-30 sena li ġejjin jista’ jnaqqas il-bidla fit-temperatura globali b’0.18 gradi Celsius sal-2050 8 .

L-UE għandha miri ta’ tnaqqis għall-2030 għall-gassijiet serra kollha, bl-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan koperti minn miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) 9 . Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda politika ddedikata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan. Madwar 41 % tal-emissjonijiet globali tal-metan jiġu minn sorsi naturali (bijoġeniċi), bħall-artijiet mistagħdra jew in-nirien fil-foresti 10 . Id-59 % li jifdal huma antropoġeniċi, li minnhom l-akbar sorsi huma l-agrikoltura (40-53 %) – b’mod partikolari b’rabta mal-produzzjoni intensiva, il-produzzjoni u l-użu tal-fjuwils fossili (19-30 %), u l-iskart (20-26 %). Fl-UE, 53 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan jiġu mill-agrikoltura, 26 % mill-iskart u 19 % mill-enerġija 11 . Id-distribuzzjoni rrappurtata tal-emissjonijiet għal kull settur tkompli tevolvi hekk kif ir-rapportar u l-ġbir tad-data jitjiebu. Madankollu, dawn it-tliet setturi jammontaw għal massimu ta’ 95 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan, u għalhekk jenħtieġ li jkunu l-punt fokali tal-azzjoni ta’ mitigazzjoni 12 .

L-UE jenħtieġ li jkollha rwol ukoll fl-iżgurar tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell globali. Filwaqt li l-UE tikkontribwixxi biss għal 5 % tal-emissjonijiet globali tal-metan 13 , tista’ tuża l-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar importatur globali tal-fjuwils fossili u bħala attur b’saħħtu fis-settur agrikolu biex tappoġġa azzjoni simili mis-sħab globali. L-UE hija wkoll mexxejja teknika fl-immaġni satellitari u fid-detezzjoni tat-tnixxija ta’ emissjonijiet tal-metan permezz tal-programm Copernicus u tista’ tmexxi l-kollaborazzjoni internazzjonali biex ittejjeb il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet globali tal-metan.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan. Hija tiddeskrivi qafas ta’ politika komprensiv li jgħaqqad flimkien azzjonijiet konkreti transsettorjali u speċifiċi għas-settur fl-UE, kif ukoll jippromwovi azzjoni simili fil-livell internazzjonali. Fuq medda qasira ta’ żmien, l-istrateġija tinkoraġġixxi inizjattivi volontarji u mmexxija min-negozju fuq livell globali biex jitnaqqas minnufih id-distakk f’termini ta’ monitoraġġ, verifikazzjoni u rapportar tal-emissjonijiet, kif ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kollha, din tipprevedi proposti leġiżlattivi fil-livell tal-UE fl-2021 li jiżguraw kontribuzzjonijiet mifruxa u f’waqthom lejn l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE.

II.Strateġija ġdida biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan: l-ikkombinar ta’ azzjonijiet transsettorjali u speċifiċi għas-settur

L-UE indirizzat l-ewwel emissjonijiet tal-metan bi strateġija adottata fl-1996 14 . Fis-snin ta’ wara, l-UE adottat inizjattivi regolatorji li kkontribwew għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi ewlenin 15 . Meta mqabbla mal-livelli tal-1990, l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija naqsu bin-nofs, filwaqt li l-emissjonijiet mill-iskart u mill-agrikoltura naqsu b’terz u ftit aktar minn wieħed minn kull ħamsa rispettivament 16 . Madankollu, l-emissjonijiet tal-metan jibqgħu sfida sinifikanti f’kull wieħed minn dawn is-setturi.

Fis-settur tal-enerġija, il-metan inixxi minn siti ta’ produzzjoni tal-fjuwils fossili, sistemi ta’ trażmissjoni, vapuri u sistemi ta’ distribuzzjoni. Il-metan jiġi vventjat ukoll (rilaxxat intenzjonalment) fl-atmosfera. Anke waqt l-ivvampjar (ħruq), id-diossidu tal-karbonju jiġi rilaxxat u l-metan xorta jista’ jaħrab waqt l-ivvampjar bħala riżultat ta’ kombustjoni mhux kompluta 17 . Skont l-istimi attwali, 54 % tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija huma emissjonijiet li jaħarbu mis-settur taż-żejt u l-gass, 34 % huma emissjonijiet li jaħarbu mis-settur tal-faħam u 11 % mis-setturi residenzjali u setturi finali oħrajn 18 . Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE tindika li l-aktar iffrankar kosteffettiv tal-emissjonijiet tal-metan jista’ jinkiseb fis-settur tal-enerġija. L-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass upstream ġeneralment għandhom varjetà ta’ għażliet ta’ mitigazzjoni li m’għandhom l-ebda spiża netta 19 , jew kważi l-ebda spiża 20 .

L-agrikoltura hija t-tieni settur bl-ogħla potenzjal ta’ benefiċċji ġenerali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan 21 . Hemm ukoll sinerġiji u kompromessi potenzjali għall-mitigazzjoni tal-ispejjeż tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-agrikoltura permezz tat-tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti fl-għalf tal-annimali permezz ta’ fermentazzjoni enterika 22 u bil-produzzjoni tal-bijogass 23 . L-emissjonijiet tal-metan mill-bhejjem joriġinaw l-aktar minn speċijiet ruminanti (fermentazzjoni enterika) (80,7 %), il-ġestjoni tad-demel (17,4 %), u l-kultivazzjoni tar-ross (1,2 %). Is-sorsi tal-emissjonijiet tal-metan ta’ spiss ikunu mxerrda fis-settur agrikolu, u dan jista’ jagħmel il-kejl, ir-rapportar u l-verifikazzjoni diffiċli. Dawn ivarjaw ukoll b’mod notevoli madwar l-UE. Madankollu, jeżistu prattiki ta’ mitigazzjoni teknoloġikament fattibbli, u l-użu tagħhom jenħtieġ li jiġi ffaċilitat, flimkien mar-rapportar dwar l-effetti tagħhom.

Fis-settur tal-iskart, is-sorsi ewlenin identifikati tal-metan huma emissjonijiet mhux ikkontrollati ta’ gass mil-landfills, it-trattament tal-ħama tad-drenaġġ u t-tnixxijiet minn impjanti tal-bijogass minħabba disinn ħażin jew nuqqas ta’ manutenzjoni. L-emissjonijiet mir-rimi tal-iskart fil-landfills naqsu b’47 % bejn l-1990 u l-2017 24 , wara konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart mil-landfills. Dan inkiseb primarjament billi l-iskart bijodegradabbli ġie ddevjat lejn għażliet oħra ta’ trattament tal-iskart ogħla fil-ġerarkija tal-iskart 25 , bħall-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika, kif ukoll billi ġiet żgurata l-istabbilizzazzjoni tal-iskart bijodegradabbli qabel ir-rimi. Madankollu, huma meħtieġa prattiki ta’ konformità aktar stretti biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mill-iskart.

Strateġija effettiva tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan għandha għalhekk tipprovdi miżuri aktar b’saħħithom biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan f’kull settur, iżda għandha wkoll tieħu vantaġġ akbar mis-sinerġiji fis-setturi u fl-oqsma ta’ politika kollha. L-adozzjoni ta’ approċċ olistiku ġġib magħha vantaġġi ċari, peress li tippermetti mitigazzjoni aktar kosteffettiva u bbażata fuq l-evidenza tal-emissjonijiet tal-metan. Dan jagħmilha wkoll possibbli li jinbena qafas ta’ abilitazzjoni u li jissaħħaħ il-każ tan-negozju għall-qbid tal-emissjonijiet tal-metan. Minħabba s-sehem għoli ta’ emissjonijiet tal-metan fl-agrikoltura li jirriżultaw mill-bhejjem, bidliet fl-istil ta’ ħajja u fid-dieta jistgħu wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-UE. Lil hinn mit-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-istrateġija se tipprovdi wkoll opportunitajiet biex jiġu ġġenerati flussi addizzjonali ta’ dħul u ta’ żvilupp u investiment f’żoni rurali.

1.Azzjonijiet transsettorjali fi ħdan l-UE

a.Rapportar

Objettiv prijoritarju ta’ din l-istrateġija huwa li jiġi żgurat li l-kumpaniji japplikaw metodoloġiji ta’ kejl u rapportar konsiderevolment aktar preċiżi għall-emissjonijiet tal-metan, fis-setturi kollha, milli huwa l-każ bħalissa. Dan se jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-problema u jinforma aħjar il-miżuri ta’ mitigazzjoni sussegwenti 26 .

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) għandha qafas ta’ rapportar fuq tliet gradi għall-emissjonijiet tal-metan, li huwa applikabbli fis-setturi kollha ta’ emissjoni rilevanti. Il-Grad 1 jikkostitwixxi l-aktar approċċ bażiku, li jinvolvi stimi sempliċi bbażati fuq id-data tal-attività u l-fatturi tal-emissjoni. Il-Grad 3 huwa l-aktar wieħed impenjattiv f’termini ta’ kumplessità metodoloġika u rekwiżiti tad-data, li jinvolvu mudellar kumpless ibbażat fuq sorsi multipli ta’ data jew kejl individwali speċifiku. Il-Grad 2 huwa intermedju fil-kumplessità tiegħu u jista’ jikkombina elementi kemm tal-Gradi 1 u 3.

Bħalissa, il-livell ta’ monitoraġġ u rapportar ivarja b’mod konsiderevoli bejn is-setturi u l-Istati Membri, bi ftit ħafna mill-Istati Membri japplikaw b’mod konsistenti l-istandards tal-Grad 3. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din l-istrateġija huwa li r-rapportar tal-metan tal-Grad 3 mill-kumpaniji tal-enerġija, tal-kimika u tal-agrikoltura jsir aktar mifrux madwar l-UE, fejn possibbli. Dan jippermetti lill-Istati Membri jimxu lejn rapportar ta’ grad ogħla meta jissottomettu d-data dwar l-emissjonijiet nazzjonali lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), pereżempju. Madankollu, ċertu livell ta’ flessibbiltà fir-rapportar huwa meħtieġ biex jitqiesu l-isfidi differenti għat-titjib tal-monitoraġġ u r-rapportar fis-setturi differenti, kif ukoll biex jiġu kkonċentrati l-isforzi tar-rapportar fuq kategoriji ewlenin tas-sorsi, f’konformità mal-linji gwida tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) 27 .

Fis-settur tal-enerġija, ir-rapportar tal-grad 3 jista’ jinkiseb għall-industrija u għalhekk se jkun l-istandard fil-mira tal-UE. L-adozzjoni mifruxa tal-qafas ta’ kejl u rapportar żviluppat taħt is-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (Oil and Gas Methane Partnership, OGMP) tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (Climate and Clean Air Coalition, CCAC) 28 se tħaffef din it-tranżizzjoni (ara aktar dettalji taħt l-azzjonijiet fit-taqsima tal-enerġija). L-istandard il-ġdid tal-OGMP (OGMP 2.0) jorbot lill-kumpaniji parteċipanti biex iżidu l-preċiżjoni u l-granularità tar-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan tagħhom għal assi operati u mhux operati fi 3 u 5 snin rispettivament.

Fis-settur agrikolu, l-isfidi assoċjati ma’ għadd ogħla ta’ atturi differenti involuti fl-aġġustament tal-miri ġodda jiġġustifikaw objettiv temporanju tal-applikazzjoni ta’ approċċi tal-Grad 2, bit-titjib tad-diżaggregazzjoni tal-fatturi tal-emissjonijiet u l-objettiv finali tal-kisba tal-Grad 3. Fis-settur tal-iskart, il-kwalità tar-rapportar diġà hija robusta għar-rimi tal-iskart fil-landfills (skont il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/KE 29 ) permezz tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti 30 . Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-settur tal-ilma mormi, hemm bżonn li jsir titjib.

b.L-istabbiliment ta’ osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan

Attwalment, ma jeżisti l-ebda korp internazzjonali indipendenti li jiġbor u jivverifika d-data dwar l-emissjonijiet tal-metan. Bi sħubija mal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP), il-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) 31 u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ osservatorju internazzjonali indipendenti tal-emissjonijiet tal-metan, li se jingħata l-kompitu li jiġbor, jirrikonċilja, jivverifika u jippubblika data antropoġenika dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell globali. L-osservatorju jkun ankrat fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti. L-osservatorju jkun jibni fuq għadd ta’ flussi ta’ ħidma bħall-Isħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP) u l-istudji globali dwar ix-xjenza tal-metan 32 bħala parti mill-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa.

Fil-bidu, l-osservatorju jkun ikopri l-metan mis-setturi taż-żejt u tal-gass fossili peress li metodoloġiji robusti li jistgħu jagħtu data kredibbli diġà huma definiti sew, pereżempju permezz tal-OGMP 2.0. Il-Kummissjoni tipprevedi li se testendi l-ambitu tal-osservatorju biex ikopri l-attivitajiet tal-faħam, l-iskart u l-agrikoltura ladarba jiġu stabbiliti metodoloġiji komparabbli ta’ monitoraġġ u rapportar affidabbli għal dawk is-setturi. L-azzjonijiet għad-definizzjoni ta’ dawn il-metodoloġiji jenħtieġ li jibdew immedjatament.

Għall-finijiet tal-verifikazzjoni tad-data u r-rikonċiljazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija, ir-rapportar tal-kumpanija jeħtieġ li jiġi kkumplimentat b’data minn inventarji nazzjonali tal-emissjonijiet, riċerka xjentifika, kif ukoll b’osservazzjonijiet bis-satellita u b’teknoloġiji ta’ telerilevament oħrajn ivverifikati b’osservazzjonijiet fil-livell tal-art. L-osservatorju jingħata wkoll il-kompitu li jittestja teknoloġiji ġodda ta’ monitoraġġ u rapportar u li jivvaluta kif dawn it-teknoloġiji jistgħu jintużaw fil-metodoloġiji eżistenti, kif ukoll li jivvaluta l-livell ta’ titjib li dawn it-teknoloġiji jipprovdu għall-kwalità tad-data ppreżentata mill-kumpaniji. Il-Kummissjoni tistenna li l-osservatorju jgħin biex itejjeb il-fehim tas-sorsi tal-emissjonijiet ukoll fi ħdan is-setturi, pereżempju fir-rigward tad-differenzi fl-emissjonijiet tal-metan minn bhejjem imrobbija b’mod intensiv meta mqabbla mal-bhejjem imrobbija fil-mergħat 33 .

Il-Kummissjoni hija lesta timmobilizza l-finanzjament mill-programm Orizzont 2020 biex tagħti bidu għall-istabbiliment ta’ osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan bħal dan. F’kooperazzjoni mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), il-Kummissjoni tippjana li torganizza konferenza tad-donaturi biex tħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-osservatorju.

c.Id-detezzjoni bis-satellita, Copernicus u l-monitoraġġ mill-ajru

Il-programm Copernicus tal-UE għall-osservazzjoni tad-dinja qed jikkontribwixxi għal titjib fis-sorveljanza indiretta tal-ajru u fil-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan. B’mod partikolari, Copernicus jista’ jikkontribwixxi għal kapaċità kkoordinata tal-UE għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ emittenti globali kbar ħafna 34 , prinċipalment permezz tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS) 35 . Globalment, 5 % tat-tnixxijiet tal-metan fis-setturi tal-faħam, taż-żejt u tal-gass fossili jikkontribwixxu għal 50 % tal-emissjonijiet tas-settur tal-enerġija 36 u abbażi tal-ewwel analiżi tad-data dwar l-emissjonijiet tal-UE, toħroġ xejra simili għall-UE 37 . It-teknoloġija satellitari hija essenzjali biex jiġu identifikati dawn il-hotspots u jiġu ggwidati d-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet fuq l-art kif ukoll għar-rikonċiljazzjoni tad-data minn isfel għal fuq mir-rapportar tal-kumpaniji.

Meta titnieda fl-2025, il-missjoni ta’ monitoraġġ ta’ CO2 Copernicus (CO2M), li tinvolvi kostellazzjoni ta’ tliet satelliti, se tappoġġa l-identifikazzjoni ta’ sorsi iżgħar u aktar prevalenti ta’ emissjonijiet. Se tkun tista’ wkoll timmonitorja l-metan atmosferiku globali. Dan se jirrappreżenta kapaċità addizzjonali sinifikanti għall-kapaċitajiet tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus u l-Istrument ta’ Monitoraġġ Troposferiku (TROPOMI), żewġ kapaċitajiet eżistenti ta’ Copernicus abbord tas-satellita Sentinel 5P, li huma kapaċi jidentifikaw sorsi akbar ta’ emissjonijiet.

Id-data mtejba minn fuq għal isfel mis-satelliti se tgħin biex jiġu mmirati d-detezzjoni ta’ tnixxijiet fuq l-art minn isfel għal fuq u l-monitoraġġ mill-ajru. Fis-snin riċenti, kien hemm avvanzi teknoloġiċi sinifikanti f’dawn l-oqsma, b’titjib fl-akkuratezza u fil-kosteffettività. Pereżempju, l-użu tad-droni se jagħmilha possibbli li jkun hemm stħarriġ ta’ ammonti kbar ta’ infrastruttura u jiffaċilita l-użu aktar mifrux tal-monitoraġġ mill-ajru kif ukoll żieda fil-frekwenza tiegħu, li huma kruċjali biex jiġu indirizzati t-tnixxijiet intermittenti. Il-programmi analitiċi sofistikati jippermettu r-rikonċiljazzjoni tad-data f’livelli differenti u jistgħu jiggwidaw l-isforzi tat-tnaqqis. Il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tat-teknoloġija fost il-partijiet ikkonċernati biex jitjieb l-aċċess u jiġu katalizzati l-isforzi tat-tnaqqis.

d.Ir-rieżami u r-reviżjonijiet possibbli tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika rilevanti

Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħabbret li fl-2021 se tirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE, bl-għan ġenerali li twassal għal żieda fl-ambizzjoni klimatika skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika għall-2030. Hemm numru ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rieżami li għandhom effett fuq l-emissjonijiet tal-metan. Dan jinkludi s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR), b’dan tal-aħħar ikopri l-emissjonijiet kollha tal-metan fl-UE ħdejn il-gassijiet serra l-oħra kollha li mhumiex koperti mis-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet. Il-valutazzjoni li tappoġġa l-pjan tal-mira għall-klima għall-2030 enfasizzat li għal dawn il-gassijiet se jkunu meħtieġa wkoll inċentivi miżjuda biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-kisba ta’ dan it-tisħiħ ta’ ambizzjoni se tibbenefika mill-azzjonijiet settorjali f’din l-istrateġija.

Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali se tinkludi miżuri li jindirizzaw it-tniġġis. Pereżempju, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk jistax jissaħħaħ ir-rwol tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) 38 fil-prevenzjoni u fil-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan. Dan jista’ jkun kemm permezz tal-espansjoni tal-kamp tal-applikazzjoni l-IED biex tkopri s-setturi li jemettu l-metan u li għadhom mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ukoll permezz ta’ enfasi akbar fuq il-metan matul ir-rieżamijiet tad-Dokumenti ta’ Referenza (Reference Documents, BREF) tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (Best Available Techniques, BAT). Dan ikun ifisser li jiġi żgurat li t-tekniki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan jiġu identifikati fir-rieżamijiet tal-BREF u li l-livelli tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-BAT (BAT-AELs) jiġu inklużi fil-konklużjonijiet tal-BAT. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-potenzjali li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni settorjali tar-Regolament dwar ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew) 39 biex tirrapporta l-emissjonijiet tal-metan.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tinkludi l-metan fil-qafas ta’ monitoraġġ tat-tniġġis żero li għandu jiġi żviluppat taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero mħabbar għall-2021 u t-tielet edizzjoni tal-Prospettiva dwar l-Arja Nadifa tal-UE fl-2022. Il-Kummissjoni se tirrieżamina wkoll id-Direttiva dwar l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (NEC) sal-2025 u, bħala parti minn din ir-reviżjoni, se tesplora l-inklużjoni possibbli tal-metan fost is-sustanzi li jniġġsu rregolati.

e.Opportunitajiet fil-produzzjoni tal-bijogass

L-iskart uman u agrikolu mhux riċiklabbli (jiġifieri d-demel) u l-flussi ta’ residwi jistgħu jintużaw f’diġesturi anaerobiċi għall-produzzjoni tal-bijogass jew f’bijoraffineriji sabiex jiġu prodotti bijomaterjali u bijokimiċi intermedji. Meta tintuża għall-produzzjoni tal-bijogass, materja prima bħal din tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan minn proċessi ta’ dekompożizzjoni anaerobika fin-natura. Fl-istess ħin, il-produzzjoni tal-bijogass tista’ wkoll tiġġenera flussi addizzjonali ta’ dħul għall-bdiewa u tipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp u l-investiment f’żoni rurali. Għal dak il-għan, il-kooperazzjoni ma’ u fost il-bdiewa u l-komunitajiet lokali hija essenzjali, b’opportunitajiet biex jittejbu l-ekonomiji lokali u tiġi promossa ċ-ċirkolarità. Dan l-approċċ kooperattiv fil-promozzjoni tal-opportunitajiet fiż-żoni rurali se jkun ukoll parti mill-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali li l-Kummissjoni se tippreżenta fl-2021.

Il-bijogass li jirriżulta minn tali materja prima huwa sors ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli u utli ħafna b’applikazzjonijiet multipli, filwaqt li l-materjal li jibqa’ wara d-diġestjoni anaerobika (diġestat) jista’, wara pproċessar ulterjuri, jintuża bħala sustanza li ttejjeb il-ħamrija. Dan imbagħad inaqqas ir-rekwiżit għal prodotti alternattivi li jtejbu l-ħamrija, bħall-fertilizzanti sintetiċi ta’ oriġini fossili. Barra minn hekk, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, l-input bijodegradabbli bbażat fuq l-iskart f’bijoraffineriji u f’impjanti tal-bijogass jista’ jgħodd mal-miri tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali kif stabbilit fid-Direttiva 2018/98/KE. Ir-rwol tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass fil-kontribut għall-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE ġie rikonoxxut fl-istrateġiji tal-UE dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-idroġenu li ġew ippubblikati riċentement 40 .

Skont l-istrateġija ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul tal-UE 41 , sal-2050, il-konsum annwali tal-UE tal-bijogassijiet (il-bijogass u l-bijometan) huwa mistenni li jikber għal bejn 54 u 72 Mtoe, minn 17 Mtoe fl-2017. Dan it-tkabbir fil-produzzjoni se jikkontribwixxi għall-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u l-klima, imfassla fl-istrateġija fit-tul. Il-bijogass mill-iskart agrikolu jew mir-residwi jista’ wkoll itaffi b’mod kosteffettiv l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi tal-agrikoltura u tal-iskart. Min-naħa l-oħra, il-bijogass li ġej mill-ikel jew mill-għelejjel tal-għalf iżid l-emissjonijiet tal-metan, u b’hekk jista’ jimmina l-benefiċċji tal-mitigazzjoni tal-bijogass. Għalhekk huwa essenzjali li l-iżviluppi tal-bijogass ikunu bbażati primarjament fuq l-iskart jew ir-residwi.

Il-ġbir u l-użu ta’ skart organiku b’emissjonijiet għoljin ta’ metan jew ta’ residwi mill-biedja bħala sottostrati tal-bijogass jenħtieġ li jiġu inċentivati aktar. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, billi jiġu identifikati l-aqwa prattiki għall-ġbir u/jew il-ħsad ta’ skart u residwi sostenibbli jew billi jiġi inċentivat l-użu tad-diġestat bħala tejjieb sostenibbli tal-ħamrija minflok fertilizzanti estratti mill-mini. Il-kultivazzjoni sekwenzjali tista’ tintuża wkoll flimkien mad-demel bħala materja prima għall-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass, filwaqt li tikkontribwixxi għal prattiki tal-biedja sostenibbli, u b’hekk tista’ wkoll tiġi inċentivata aktar 42 . Il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-Politika Agrikola Komuni (PAK), fost strumenti oħra u f’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, għandhom jinkoraġġixxu intervent integrat li jista’ jinkludi appoġġ għal prattiki agrikoli xierqa, użu sostenibbli tad-diġestat u tan-nutrijent tiegħu, investimenti f’installazzjonijiet effiċjenti, u servizzi bħal dawk ta’ konsulenti, taħriġ u innovazzjoni. Għal dak il-għan il-Kummissjoni se tindirizza din il-kwistjoni f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri sa tmiem l-2020.

Kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija27, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-qafas regolatorju tas-suq tal-gass biex tiffaċilita l-adozzjoni tal-gassijiet rinnovabbli, inkluż billi tikkunsidra kwistjonijiet bħall-konnessjoni mal-infrastruttura u l-aċċess għas-suq għall-produzzjoni distribwita u konnessa lokalment ta’ gassijiet rinnovabbli. Barra minn hekk, ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli f’Ġunju 2021, se tippreżenta opportunitajiet għal aktar appoġġ immirat biex jitħaffef l-iżvilupp tas-suq għall-bijogass.

Kwalunkwe miżura li tappoġġa l-produzzjoni tal-bijogass trid tiġi vvalutata bir-reqqa biex jiġu evitati inċentivi perversi li jistgħu jwasslu għal żieda ġenerali fl-emissjonijiet mis-setturi tal-iskart, tal-art u tal-agrikoltura, kif ukoll biex tiġi evitata żieda fir-rimi f’landfill ta’ diġestat użat bħala tejjieb tal-ħamrija li ma jintużax. L-azzjonijiet promossi fil-qafas tal-istrateġija dwar il-metan għandhom ikunu konformi mal-kriterji ġenerali ta’ sostenibbiltà għall-bijoenerġija żviluppati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli u mar-regolament dwar it-tassonomija 43 .

Azzjonijiet transsettorjali

1.Il-Kummissjoni se tappoġġa titjib fil-kejl u fir-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan mill-kumpaniji fis-setturi rilevanti kollha, inkluż permezz ta’ inizjattivi speċifiċi għas-settur.

2.Il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ osservatorju internazzjonali indipendenti tal-emissjonijiet tal-metan li jkun ankrat fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, b’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali. L-osservatorju se jingħata l-kompitu li jiġbor, jirrikonċilja, jivverifika u jippubblika data antropoġenika dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell globali.

3.Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-detezzjoni u l-monitoraġġ ibbażati fuq is-satelliti tal-emissjonijiet tal-metan permezz tal-programm Copernicus tal-UE, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għal kapaċità kkoordinata tal-UE għad-detezzjoni u l-monitoraġġ tas-superemittenti globali.

4.Sabiex tilħaq l-ambizzjoni klimatika akbar tal-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika għall-2030, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-klima u l-ambjent biex tindirizza b’mod aktar effettiv l-emissjonijiet marbuta mal-metan b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti.

5.Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ immirat biex tħaffef l-iżvilupp tas-suq tal-bijogass minn sorsi sostenibbli bħad-demel jew l-iskart organiku u r-residwi permezz tal-inizjattivi ta’ politika futuri. Dan se jinkludi l-qafas regolatorju futur tas-suq tal-gass u r-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-Kummissjoni se tipproponi proġett pilota biex tappoġġa ż-żoni rurali u l-komunitajiet tal-biedja fil-bini ta’ proġetti tal-bijogass u l-aċċess għall-fondi għall-produzzjoni tal-bijogass mill-iskart agrikolu.

2.Azzjonijiet fis-settur tal-enerġija

L-ambitu tal-azzjonijiet għall-metan relatat mal-enerġija jkopri l-ktajjen kollha tal-provvista taż-żejt, tal-gass u tal-faħam. Dan jinkludi l-gass naturali likwifikat (LNG), il-ħżin tal-gass u l-bijometan introdott fis-sistemi tal-gass. Huwa fattibbli li jinkiseb iffrankar tal-emissjonijiet f’dan is-settur, b’mill-inqas terz tat-tnaqqis possibbli mingħajr l-ebda spiża netta għall-industrija 44 . L-akbar benefiċċji netti f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali jinkisbu billi jitnaqqsu l-ivventjar u l-ivvampjar, jitnaqqsu t-tnixxijiet fil-produzzjoni tal-gass u taż-żejt fossili, fit-trażmissjoni u fil-kombustjoni, u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam 45 . L-ivventjar u l-ivvampjar ta’ rutina għandhom ikunu ristretti għaċ-ċirkostanzi inevitabbli, pereżempju għal raġunijiet ta’ sikurezza, u jiġu rrekordjati għal finijiet ta’ verifika.

L-appoġġ għal inizjattivi volontarji

Fis-settur tal-enerġija, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa li jiġu appoġġati l-inizjattivi volontarji filwaqt li fl-istess ħin titħejja leġiżlazzjoni li tibni fuq il-progress li sar permezz ta’ azzjonijiet volontarji u tikkonsolidah.

Bħala parti minn dan l-approċċ, il-Kummissjoni qed tippromwovi b’mod attiv l-implimentazzjoni mifruxa tal-qafas ta’ kejl u rapportar imfassal mill-qafas ta’ kejl u rapportar tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP). L-OGMP hija inizjattiva volontarja li attwalment tkopri kumpaniji upstream taż-żejt u tal-gass. B’kooperazzjoni mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa, il-Kummissjoni qed taħdem biex testendi l-qafas tal-OGMP għal aktar kumpaniji upstream, midstream u downstream fis-settur tal-gass, kif ukoll għas-settur tal-faħam u għal siti magħluqa jew abbandunati 46 . Il-qafas tal-OGMP huwa l-aqwa mezz eżistenti għat-titjib tal-kapaċità tal-kejl, ir-rapportar u l-verifikazzjoni fis-settur tal-enerġija.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-kumpaniji fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam jistabbilixxu programmi aktar robusti ta’ detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet (LDAR) biex iħejju għall-proposti futuri għal leġiżlazzjoni li tagħmel dawn il-programmi obbligatorji (aktar dettalji fit-taqsima li jmiss).

Azzjoni leġiżlattiva

 

Fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-kejl, ir-rapportar u l-verifikazzjoni obbligatorji għall-emissjonijiet kollha tal-metan relatati mal-enerġija, abbażi tal-metodoloġija tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP). It-titjib tal-kwalità tad-data dwar l-emissjonijiet permezz ta’ rapportar obbligatorju ta’ livell ogħla mill-kumpaniji se jgħin ukoll lill-Istati Membri jtejbu r-rapportar tagħhom lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Għalhekk, dan jista’ jwassal ukoll għal sehem akbar ta’ rappurtar ta’ livell ogħla għall-kategoriji ewlenin ikkonċernati fl-inventarju tal-UE. 

Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni għandha tinkludi obbligu li jittejbu d-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet (LDAR) fl-infrastruttura kollha tal-gass fossili, kif ukoll fi kwalunkwe infrastruttura oħra li tipproduċi, tittrasporta jew tuża l-gass fossili, inkluż bħala materja prima. Fi sforz biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-ivventjar u l-ivvampjar, l-obbligi tal-LDAR se jindirizzaw l-effiċjenza tal-ivvampjar bħala prijorità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet fir-rigward ta’ miri jew standards possibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jew inċentivi oħra dwar l-enerġija fossili kkunsmata u importata fl-UE.

Il-kumpaniji tal-gass upstream għandhom inċentiv finanzjarju ċert iżda limitat biex jimplimentaw il-programmi LDAR, peress li jistgħu jbigħu l-gass li jipprevjenu milli jnixxi 47 . L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, tal-ħżin u tad-distribuzzjoni (inklużi ħafna terminals tal-LNG) huma negozji regolati u ma għandhomx il-gass. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tippromwovi r-rikonoxximent mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) tal-LDAR u l-investimenti fit-tnaqqis tal-metan bħala kostijiet permessi għal entitajiet regolati fit-trażmissjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni, inkluż permezz ta’ gwida possibbli lir-regolaturi.

Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD) tista’ twassal għall-iżvilupp ta’ standards Ewropej ta’ rapportar mhux finanzjarju. Sabiex jiġi żgurat allinjament xieraq, l-iżvilupp ta’ tali standards jista’ jqis l-istandards eżistenti minn qabel tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP) għall-ktajjen tal-provvista taż-żejt, tal-gass fossili u tal-faħam.

Il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet disponibbli bil-ħsieb li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-eliminazzjoni tal-ivventjar u l-ivvampjar ta’ rutina fis-settur tal-enerġija li tkopri l-katina sħiħa tal-provvista, sal-punt tal-produzzjoni 48 . Dan jikkumplimenta l-objettivi tal-2030 tal-inizjattiva tal-Bank Dinji għal Żero Ivvampjar ta’ Rutina 49 , li l-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa flimkien mal-appoġġ tagħha għas-Sħubija Globali tal-Bank Dinji għat-Tnaqqis Globali tal-Ivvampjar tal-Gass 50 . Il-Kummissjoni se tagħmilha wkoll prijorità li tesplora standard aktar preċiż għall-effiċjenza tal-ivvampjar, bl-objettiv li jitnaqqsu aktar kemm l-emissjonijiet li jaħarbu kif ukoll l-emissjonijiet minn kombustjoni mhux kompluta tal-fjuwils. Dawn l-għażliet ta’ mitigazzjoni huma ġeneralment kosteffettivi, u huma komponent ewlieni tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, bil-kombustjoni tirrappreżenta porzjon sinifikanti tal-emissjonijiet tal-UE 51 .

Indirizzar tal-minjieri tal-faħam u s-siti ta’ produzzjoni abbandunati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ħidma ta’ rimedju biex jiġu eliminati l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam attivi jew mhux użati tal-UE u mis-siti abbandunati taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza f’pajjiżi li mhumiex fl-UE u f’ċerti Stati Membri turi li dawn is-siti jistgħu jkollhom livelli sinifikanti ta’ emissjonijiet 52 . Madankollu, fil-preżent, ma hemm l-ebda regola għall-UE kollha dwar l-iċċekkjar, il-kejl jew l-użu tat-tnixxija jew l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam jew mill-bjar taż-żejt u tal-gass wara l-għeluq tagħhom. Il-proposta li ġejja tal-Kummissjoni għar-riforma tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar tappoġġa wkoll ir-riċerka f’dan il-qasam. L-inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni, li issa hija parti mill-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta, tista’ sservi bħala forum biex jiġu diskussi l-prattiki tajbin u l-aqwa tekniki disponibbli.

Il-Kummissjoni se tappoġġa jew l-għeluq effettiv u l-issiġillar tal-minjieri tal-faħam jew l-użu tagħhom għall-produzzjoni tal-enerġija residwa (il-ġbir tal-metan għall-użu lokali). It-teknoloġiji biex dan jinkiseb huma disponibbli u huma diġà operattivi f’ċerti partijiet tal-Ewropa. Dan se jirrikjedi li l-forza tax-xogħol lokali titħarreġ f’dawn l-oqsma, li jiġu allokati fondi biex isostnu l-għeluq definittiv mhux kummerċjali u li jiġu żviluppati opportunitajiet għall-kumpaniji kummerċjali biex jiġbru l-metan minn siti abbandunati. Il-Kummissjoni se tressaq rakkomandazzjonijiet għall-aqwa prattiki u/jew leġiżlazzjoni ta’ abilitazzjoni jekk ikun meħtieġ.

Azzjonijiet fis-settur tal-enerġija

6.Il-Kummissjoni se twassal proposti leġiżlattivi fl-2021 dwar:

Il-kejl, ir-rapportar u l-verifikazzjoni (MRV) obbligatorji għall-emissjonijiet kollha tal-metan relatati mal-enerġija, abbażi tal-metodoloġija tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP 2.0).

L-obbligu li jittejbu d-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet (LDAR) fl-infrastruttura kollha tal-gass fossili, kif ukoll fi kwalunkwe infrastruttura oħra li tipproduċi, tittrasporta jew tuża l-gass fossili, inkluż bħala materja prima.

7.Il-Kummissjoni se tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ vventjar u vvampjar ta’ rutina fis-settur tal-enerġija li tkopri l-katina sħiħa tal-provvista, sal-punt tal-produzzjoni.

8.Il-Kummissjoni se taħdem biex testendi l-qafas tal-OGMP għal aktar kumpaniji upstream, midstream u downstream fis-setturi tal-gass u taż-żejt kif ukoll għas-settur tal-faħam u għal siti magħluqa kif ukoll abbandunati.

9.Il-Kummissjoni se tippromwovi ħidma ta’ rimedju taħt l-inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni. Jekk ikun meħtieġ, se jitressqu rakkomandazzjonijiet u/jew leġiżlazzjoni li tippermetti l-aqwa prattika.

3.Azzjonijiet fis-settur agrikolu

B’mod ġenerali, l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura tal-UE naqsu b’madwar 22 % mill-1990, l-aktar minħabba tnaqqis fl-għadd ta’ bhejjem ruminanti. Madankollu, f’dawn l-aħħar 5 snin, id-daqs tal-merħliet reġa’ żdied, u dan wassal għal żieda żgħira fl-emissjonijiet tal-metan f’dak il-perjodu. L-intensità tal-emissjonijiet tal-metan tal-laħam u tal-ħalib (f’termini ta’ emissjonijiet tal-metan għal kull piż ta’ laħam jew ħalib) naqset ukoll maż-żmien bħala riżultat tal-bidliet fil-metodi tal-produzzjoni. Jista’ jinkiseb aktar tnaqqis permezz ta’ produzzjoni aktar sostenibbli permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġija min-naħa waħda u permezz ta’ dieti aktar sostenibbli min-naħa l-oħra. Għalhekk, viżjoni strateġika jenħtieġ li tkun ibbażata fuq bilanċ ta’ teknoloġiji, swieq u bidliet fid-dieta, inputs tal-idrokarburi fossili mnaqqsin u l-iżgurar tal-għajxien u ta’ opportunitajiet ta’ negozju sostenibbli għall-bdiewa filwaqt li tirrispetta l-prinċipji fundamentali tal-politika tal-ikel, kif deskritt fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 53 .

Hemm kumplessitajiet inerenti involuti fil-kisba ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan fl-agrikoltura kif ukoll fil-monitoraġġ, il-verifikazzjoni u r-rapportar preċiż ta’ dawn l-emissjonijiet f’dak is-settur. Il-kompromessi fl-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Pereżempju, iż-żieda fl-użu ta’ akkomodazzjonijiet magħluqin għall-bhejjem tipikament twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan. Madankollu, dan jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju permezz ta’ żieda fl-użu tal-enerġija ġewwa l-akkomodazzjonijiet. Kwistjonijiet oħra li għandhom jitqiesu jinkludu li se jintilfu l-benefiċċji li jinkisbu mir-ruminanti li jirgħu speċjalment f’termini ta’ sekwestru tal-karbonju u ta’ bijodiversità fil-bur u fil-mergħat.

Hemm firxa ta’ teknoloġiji u prattiki ta’ mitigazzjoni disponibbli li għandhom il-potenzjal li jwasslu għal tnaqqis tal-emissjonijiet diżakkoppjat mill-produzzjoni. Dawn huma prinċipalment relatati mat-titjib tad-dieti tal-annimali, il-ġestjoni tal-merħliet, il-ġestjoni tad-demel (b’mod partikolari l-użu tiegħu fil-fertilizzanti u l-ġenerazzjoni tal-bijogass), it-trobbija, is-saħħa tal-merħla u l-benesseri tal-annimali.

 

L-aktar modi effettivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-fermentazzjoni enterika 54 jinkludu t-titjib tas-saħħa u tal-fertilità tal-merħliet, it-titjib tad-dieti tal-annimali (taħlita ta’ materjali tal-għalf), l-addittiv tal-għalf, u t-tekniki tal-alimentazzjoni. Madwar 7-10 % tal-enerġija fl-għalf tar-ruminanti tiġi metabolizzata f’metan. L-akbar potenzjal tat-tnaqqis fl-intensità tal-emissjonijiet hija f’approċċi ġodda għall-alimentazzjoni kif imsemmi fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, li jistgħu jiksbu tnaqqis sostanzjali ħafna fil-metan 55 . Minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet, dawn l-azzjonijiet jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-bdiewa u għall-annimali billi jikkontribwixxu għal spejjeż imnaqqsa u għal benesseri mtejjeb tal-annimali.

L-azzjonijiet li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet mid-demel jipprovdu dħul addizzjonali għall-bdiewa. Permezz tal-kooperazzjoni fost il-bdiewa kif ukoll fi ħdan il-komunitajiet, il-flussi tal-iskart u tar-residwi mis-setturi tal-agrikoltura u tal-iskart permezz tad-diġestjoni anaerobika għandhom jiġu valorizzati. L-ostakli bħan-nuqqas ta’ għarfien u għarfien espert li jipprevjenu l-adozzjoni usa’ tagħhom għandhom jiġu indirizzati 56 . Dan jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni sistemika tal-għarfien espert relatat u tal-oqfsa ta’ abilitazzjoni relatati, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ Stati Membri u sistemi ta’ produzzjoni differenti.

L-emissjonijiet tal-metan mill-għelieqi tar-ross jistgħu jitnaqqsu bit-tixrib mill-ġdid, bit-tnixxif, u bi prattiki agrikoli xierqa oħra. L-ispejjeż għoljin ta’ dawn il-prattiki u r-riorganizzazzjoni tal-ġestjoni tal-azjendi agrikoli li dawn jirrikjedu, jeħtieġ li jiġu indirizzati.

Biex tippromwovi adozzjoni usa’ ta’ approċċi li jnaqqsu l-metan fl-agrikoltura, sa tmiem l-2021 il-Kummissjoni se tiżviluppa inventarju tal-aqwa prattiki, teknoloġiji disponibbli u teknoloġiji innovattivi. Il-Kummissjoni se taġġorna dan l-inventarju bit-teknoloġiji li gradwalment jidħlu fis-suq. L-iżvilupp u l-aġġornament tal-inventarju se jitwettqu f’kooperazzjoni mal-esperti settorjali, il-partijiet ikkonċernati ewlenin u l-Istati Membri.

Fl-ewwel nofs tal-2021, il-Kummissjoni se tappoġġa t-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti biex janalizza l-metriċi tal-emissjonijiet tal-metan tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Dan il-grupp se jħares lejn il-ġestjoni tal-bhejjem, id-demel u l-għalf, il-karatteristiċi tal-għalf, it-teknoloġiji u l-prattiki l-ġodda u kwistjonijiet oħra, abbażi tal-ħidma internazzjonali rilevanti 57 . Din l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja se tfittex li tiddistingwi sa liema punt (1) il-ġestjoni speċifika tal-bhejjem u l-għażliet tal-benessri tal-annimali; (2) l-għalf importat jew domestiku u (3) l-għażliet ta’ biedja intensivi jew pastorali jaffettwaw l-emissjonijiet tal-metan. Il-Kummissjoni se tintroduċi wkoll dan is-suġġett fil-programm tal-Agrikoltura CCAC bħala fluss ta’ ħidma u se tikkonsulta lill-Bord Xjentifiku Konsultattiv tas-CCAC għall-apprezzament tiegħu. Barra minn hekk, biex tgħin fil-ġbir u l-kejl tad-data, sal-2022 il-Kummissjoni se tipproponi mudell diġitali tan-navigazzjoni tal-karbonju u se tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-użu ta’ mudelli bħal dawn fil-livell tal-azjendi agrikoli. Dan se jtejjeb ukoll l-għarfien tal-bdiewa dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u dwar l-effetti tat-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni fuq l-azjendi agrikoli tagħhom.

Inizjattivi oħra li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku u minn Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata se jikkontribwixxu aktar għal tnaqqis effettiv u kostanti fl-emissjonijiet globali tal-metan mis-settur tal-bhejjem tal-UE. F’konformità mal-Pjan ta’ Mira Klimatika tal-2030, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) (li jkopri l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura), issa se jiġi rivedut biex jirrifletti ż-żieda fil-mira tat-tnaqqis tal-karbonju filwaqt li jipprevedi aktar inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu skemi ta’ tnaqqis tal-metan fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom għall-PAK bħalma huma l-inizjattivi tas-sekwestru tal-karbonju. Dan jista’ jgħin biex jiġi żviluppat mudell ġdid ta’ negozju ekoloġiku billi l-bdiewa jiġu ppremjati talli japplikaw prattiki tal-biedja li jneħħu s-CO2 mill-atmosfera u jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità klimatika (inkluż fis-settur tal-annimali), kif imsemmi fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 58 . Il-pjanijiet strateġiċi għall-PAK u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jappoġġaw ukoll investimenti fl-impjanti tal-bijogass, kif ukoll il-kooperazzjoni fost il-bdiewa u l-komunitajiet lokali biex jiġi massimizzat il-valur miżjud. Investimenti bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tal-UE u jżidu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali.

Il-miżuri tekniċi ta’ mitigazzjoni se jikkumplimentaw żviluppi importanti oħrajn għas-settur u għaż-żoni rurali, b’mod partikolari bidla mistennija fis-soċjetà għal dieti aktar bilanċjati, b’inqas laħam aħmar u pproċessat, aktar frott, ħxejjex u sorsi ta’ proteini bbażati fuq il-pjanti, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE Mill-Għalqa sal-Platt. Dawn il-bidliet fl-istil tal-ħajja jistgħu “mhux biss inaqqsu r-riskji ta’ mard li jipperikola l-ħajja iżda jistgħu jnaqqsu wkoll l-impatt ambjentali tas-sistema tal-ikel” 59 . Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tavvanza l-aġenda tar-riċerka tagħha f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka mmirata fil-Pjan Strateġiku 2021-2024 tagħha għal Orizzont Ewropa.

Azzjonijiet fis-settur agrikolu

10.Fl-ewwel nofs tal-2021, il-Kummissjoni se tappoġġa t-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti biex janalizza l-metriċi tal-emissjonijiet tal-metan tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Dan il-grupp se jħares lejn il-ġestjoni tal-bhejjem, id-demel u l-għalf, il-karatteristiċi tal-għalf, it-teknoloġiji u l-prattiki l-ġodda u kwistjonijiet oħra. Se jaħdem ukoll fl-istabbiliment ta’ metodoloġija taċ-ċiklu tal-ħajja dwar l-emissjonijiet globali għall-bhejjem.

11.Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni – f’kooperazzjoni mal-esperti settorjali u l-Istati Membri – se tiżviluppa inventarju tal-aqwa prattiki u teknoloġiji disponibbli biex tesplora u tippromwovi l-adozzjoni usa’ ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni innovattivi. Dawn l-azzjonijiet se jiffukaw b’mod speċjali fuq il-metan mill-fermentazzjoni enterika.

12.Biex tħeġġeġ il-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju fil-livell tal-azjendi agrikoli, sal-2022, il-Kummissjoni se tipprovdi mudell diġitali tan-navigatur tal-karbonju u linji gwida dwar it-toroq komuni għall-kalkolu kwantitattiv tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra

13.Il-Kummissjoni se tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ mitigazzjoni permezz tal-użu usa’ tas-“sekwestru tal-karbonju” fl-Istati Membri u fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni tagħhom, mill-2021.

14.Fil-pjan strateġiku 2021-2024 ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi riċerka mmirata dwar id-diversi fatturi differenti li effettivament iwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan, b’enfasi fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija u n-natura kif ukoll fuq il-fatturi li jwasslu għal bidla fid-dieta.

4.Azzjonijiet fis-settur tal-iskart u tal-ilma mormi

Fil-ġestjoni tal-iskart, id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill 60 adottata fl-1999, tirrekjedi li l-operaturi tal-landfill jimmaniġġaw il-gass tal-landfill jew billi jużawh biex jiġġeneraw l-enerġija jew inkella billi jivvampjawh. L-ivvampjar għadu jiġġenera inkwinanti u CO2. Skont il-ġerarkija tal-iskart, ir-rimi f’landfill huwa l-inqas għażla preferibbli u għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ. Fl-2018, 24 % tal-iskart muniċipali kollu ġġenerat fl-UE ntrema f’landfill 61 , b’sehmijiet ferm ogħla f’għadd ta’ Stati Membri minħabba nuqqasijiet legali u ta’ investiment. L-iskart bijodegradabbli huwa responsabbli għall-ġenerazzjoni tal-gass tal-landfill.

Bidliet riċenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (2018) introduċew obbligu li l-iskart bijodegradabbli jinġabar separatament sal-2024, u stabbilew mira ġdida ta’ massimu ta’ 10 % rimi fil-landfills tal-iskart sal-2035. B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, huwa mistenni li l-emissjonijiet tal-metan mil-landfills se jkomplu jonqsu. Il-minimizzazzjoni tar-rimi tal-iskart bijodegradabbli fil-landfills u l-użu tiegħu għal materjali u sustanzi kimiċi ċirkolari b’bażi bijoloġika newtrali għall-klima hija kruċjali biex tiġi evitata l-formazzjoni tal-metan, filwaqt li tipprovdi sostitut għal prodotti intensivi fil-fossili u fil-karbonju. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri għandhom jinfurzaw b’mod aktar strett ir-rekwiżiti legali eżistenti bħall-miri tal-evitar tal-landfills għall-iskart bijodegradabbli u t-trattament tal-iskart bijodegradabbli qabel ir-rimi biex tiġi newtralizzata d-degradabbiltà tiegħu 62 . L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jrażżnu l-operazzjoni ta’ siti illegali ta’ landfills. Monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni mtejba f’dan il-qasam huma wkoll meħtieġa biex jitbassru l-impatti li dawn il-miżuri se jkollhom fuq l-ambizzjonijiet klimatiċi għall-2030 u lil hinn.

Aktar data u informazzjoni huma meħtieġa biex jiġi aċċertat il-bżonn u l-ambitu ta’ azzjoni ulterjuri. Idealment, is-siti kollha tal-landfills jenħtieġ li jużaw il-gass li jipproduċu sakemm il-kontenut tal-enerġija jaqa’ taħt valur utli. Ladarba ma jibqax aktar vijabbli li jintuża l-gass tal-landfill, jista’ jiġi rakkomandat li tintuża t-teknoloġija tal-bijoossidazzjoni 63 fil-“hot spots” identifikati fis-sit biex jiġi newtralizzat il-metan li jifdal.

Fir-rigward tat-trattament u l-użu tal-ilma mormi u l-ħama tad-drenaġġ skont il-qafas regolatorju attwali, jiġifieri d-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi u d-Direttiva dwar il-ħama tad-drenaġġ, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mhumiex indirizzati speċifikament. Matul l-aħħar 29 sena, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi għenet biex jiġu evitati emissjonijiet sinifikanti tal-metan minħabba l-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi f’faċilitajiet ċentralizzati effiċjenti. Dawn il-faċilitajiet jarmu inqas metan u gassijiet serra oħra b’mod sinifikanti mill-approċċi alternattivi ta’ trattament.

Id-Direttiva dwar il-ħama tad-drenaġġ, adottata aktar minn 30 sena ilu, tirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ biex jitħares l-ambjent, u b’mod partikolari l-ħamrija, kontra l-effetti dannużi tal-ħama kkontaminat meta jintuża fl-agrikoltura. Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi bħalissa qed tiġi riveduta 64 . B’mod parallel mal-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, li tibda fit-tielet kwart tal-2020, il-Kummissjoni se twettaq studju biex tappoġġa l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħama tad-drenaġġ. Se twettaq ukoll studju addizzjonali li se jivvaluta l-ambitu għal aktar azzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż il-metan mill-ħama tad-drenaġġ. Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħama tad-drenaġġ u aktar riċerka u l-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tieħu miżuri biex tillimita l-emissjoni ta’ gassijiet serra mill-ħama tad-drenaġġ.

Fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill meħtieġa għall-2024, il-Kummissjoni se tikkunsidra diversi azzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-gass mil-landfills. L-ewwel nett, se tikkunsidra tekniki ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Dan jista’ jinkludi l-arjazzjoni tal-massa tal-landfill biex tinibixxi l-ġenerazzjoni tal-metan, jiżdied l-użu tal-gass tal-landfill biex tiġi ġġenerata l-enerġija, jew meta l-ebda waħda mill-għażliet ma tkun possibbli, l-użu ta’ tekniki li jossidaw b’mod effettiv il-metan bħall-bijoossidazzjoni jew l-ivvampjar. It-tieni nett, il-Kummissjoni se tikkunsidra monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni mtejba, li huma essenzjali biex jitkejlu l-impatti u biex titjieb il-prestazzjoni f’dan il-qasam matul iż-żmien. Bħala segwitu għall-azzjonijiet ta’ hawn fuq u fejn meħtieġ, id-dokument ta’ gwida eżistenti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill dwar ir-rekwiżiti tal-kontroll tal-gass 65 se jiġi aġġornat kif xieraq.

Teknoloġiji ġodda għal konverżjoni aħjar tal-iskart għall-bijometan jistgħu jkunu effettivi biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tappoġġa riċerka mmirata dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija fil-Pjan Strateġiku 2021-2024 tagħha ta’ Orizzont Ewropa.

Azzjonijiet fis-settur tal-iskart u tal-ilma mormi

15.Il-Kummissjoni se tkompli tindirizza l-prattiki illegali u tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lir-reġjuni. Din l-assistenza se tindirizza kwistjonijiet bħal landfills li ma jilħqux l-istandard. Il-Kummissjoni se tgħin ukoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jistabbilizzaw l-iskart bijodegradabbli qabel ir-rimi u l-użu dejjem jiżdied tiegħu għall-produzzjoni ta’ materjali u sustanzi kimiċi b’bażi bijoloġika li huma newtrali f’termini ta’ klima, u biex dan l-iskart jiġi ddevjat għall-produzzjoni tal-bijogass.

16.Fir-rieżami tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill fl-2024, il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjoni ulterjuri biex ittejjeb il-ġestjoni tal-gass tal-landfill, timminimizza l-effetti klimatiċi dannużi tagħha, u tisfrutta kwalunkwe wieħed mill-kisbiet potenzjali tagħha.

17.Fil-Pjan Strateġiku 2021-2024 ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi riċerka mmirata dwar l-iskart għat-teknoloġiji tal-bijometan.

III.Azzjoni internazzjonali

L-UE se tfittex li tindirizza l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi tal-enerġija, l-agrikoltura u l-iskart b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali. Din il-ħidma se tibni fuq sħubiji eżistenti f’fora internazzjonali, bħal permezz tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), il-Kunsill tal-Artiku u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). L-UE se tinvolvi ruħha wkoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Bħala l-akbar importatur taż-żejt u l-gass, l-UE għandha l-piż meħtieġ biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan globalment. L-istimi juru li l-emissjonijiet esterni tal-karbonju jew tal-metan assoċjati mal-konsum tal-gass fossili tal-UE (jiġifieri l-emissjonijiet rilaxxati barra mill-UE biex jiġi prodott u jitwassal il-gass fossili fl-UE) huma bejn tlieta u tmien darbiet akbar mill-kwantità tal-emissjonijiet li jseħħu fl-UE 66 . Għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha timmobilizza koalizzjoni ta’ pajjiżi ewlenin tal-importazzjoni biex tikkoordina l-isforzi dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.

Barra minn hekk, l-UE se tuża t-tmexxija tagħha fl-ekonomija ċirkolari u l-prattiki agrikoli avvanzati tagħha li jibbilanċjaw il-benessri tal-annimali mal-produttività biex titħaffef l-azzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-kondiviżjoni internazzjonali tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan permezz tal-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan, kif ukoll billi tagħmel id-data satellitari tal-UE disponibbli għas-sħab globali. B’dan il-mod, l-UE se tmexxi bl-eżempju fil-kollaborazzjoni internazzjonali dwar il-kondiviżjoni tad-data. Dawn l-azzjonijiet transsettorjali se jiġu kkumplimentati b’azzjonijiet speċifiċi f’kull settur, kif deskritt hawn taħt.

1.Enerġija

a.Nistabbilixxu kuntatt mal-pajjiżi fornituri u xerrejja internazzjonali tal-enerġija u nappoġġaw il-kooperazzjoni multilaterali

L-UE se tmexxi kampanja ta’ kuntatti diplomatiċi mal-pajjiżi u l-kumpaniji li jipproduċu l-fjuwils fossili, u se tħeġġiġhom isiru attivi fis-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP) 67 . L-UE se taħdem ukoll għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku (pajjiżi b’miri eżistenti ta’ regolamentazzjoni tal-metan u ta’ tnaqqis tal-metan fil-livell tal-pajjiż) biex taqsam l-esperjenzi u tidentifika azzjonijiet konġunti. Permezz tad-djalogi bilaterali tagħha, l-UE se tippromwovi l-ħtieġa li l-emissjonijiet tal-metan jitkejlu u jitnaqqsu b’mod xieraq f’livell globali.

Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tipprovdi lill-pajjiżi sħab b’assistenza teknika fil-produzzjoni tal-gass u taż-żejt sabiex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jtejbu l-oqfsa regolatorji tal-metan tagħhom u l-kapaċità tagħhom fil-monitoraġġ, ir-rapportat u l-verifikazzjoni.

L-ambitu tal-azzjoni internazzjonali koordinata fost il-pajjiżi xerrejja tal-fjuwils fossili fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-gass fossili huwa partikolarment sinifikanti. L-UE, flimkien maċ-Ċina, mal-Korea t’Isfel u mal-Ġappun jirrappreżentaw aktar minn 75 % tal-kummerċ globali tal-gass fossili 68 . L-UE se tistabbilixxi kuntatt ma’ dawn is-sħab biex toħloq koalizzjoni fost il-pajjiżi xerrejja biex tappoġġa standard internazzjonali ambizzjuż ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni, u b’hekk tippromwovi l-adozzjoni globali tat-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Barra minn hekk, l-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan se jkollu l-kompitu li jikkompila u jippubblika indiċi tal-provvista tal-metan (MSI) fil-livell tal-UE u dak internazzjonali. Inizjalment, l-indiċi jista’ jitfassal bl-użu ta’ data eżistenti u rrapportata mill-inventarji tal-emissjonijiet tal-pajjiżi kif ippreżentati lill-UNFCCC, li tagħti s-setgħa lix-xerrejja jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru l-fjuwils. Maż-żmien, l-indiċi jista’ jibbenefika minn data globali pprovduta mill-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan.

Sabiex jiġu inċentivati kejl, rapportar u verifikazzjoni (MRV) preċiżi dwar il-gass fossili (inklużi l-importazzjonijiet), il-Kummissjoni se tipproponi li tuża valur awtomatiku għall-volumi li ma għandhomx fis-seħħ sistemi ta’ MRV adegwati. Il-valur standard għandu jiġi applikat fejn meħtieġ sakemm jiġi implimentat qafas MRV obbligatorju għall-emissjonijiet kollha tal-metan li jibni fuq il-metodoloġija OGMP 2.0. Dawn il-passi se jżidu t-trasparenza fil-flussi internazzjonali tal-kummerċ tal-gass.

L-istandards minimi tal-emissjonijiet tal-metan, il-miri jew inċentivi oħra bħal dawn ibbażati fuq analiżi xjentifika robusta jista’ jkollhom rwol effettiv biex jiżguraw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan fl-UE u globalment. Il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet kollha disponibbli, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ħidma tal-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan previst – li jibni fuq l-indiċi tal-provvista tal-metan. Fin-nuqqas ta’ impenji sinifikanti mis-sħab internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni dwar miri, standards jew inċentivi oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mill-enerġija fossili kkunsmata u importata fl-UE. Dan se jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt li se tivvaluta b’mod komprensiv l-implikazzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ tali strument, inkluż f’termini tal-verifika indipendenti u l-kontrolli tal-konformità li se jkunu meħtieġa biex dan jiġi infurzat b’mod effettiv, u f’termini ta’ kontribuzzjonijiet potenzjali lejn it-tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet globali tal-metan. Din il-valutazzjoni tal-impatt se titwettaq f’konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati ewlenin.

L-UE se tissieħeb ukoll u tappoġġa b’mod attiv l-inizjattivi, inkluż l-Inizjattiva Internazzjonali Pubblika-Privata Globali dwar il-Metan, l-inizjattiva tal-Bank Dinji għat-Tnaqqis Globali tal-Ivvampjar tal-Gass, u l-inizjattiva tal-Bank Dinji għal Żero Ivvampjar ta’ Rutina sal-2030. Il-kollaborazzjoni tal-UE mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), l-AIE u l-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) dwar l-osservatorju tal-emissjonijiet internazzjonali hija komponent ewlieni tal-isforzi multilaterali f’dawn l-organizzazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet globali tal-metan fit-terminu qasir.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal sensiela ta’ avvenimenti internazzjonali ewlenin fit-tħejjija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York f’Settembru 2021, bl-objettiv li tiżgura, f’dik il-laqgħa, mogħdija bbażata fuq in-NU biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-snin 2021-2031. L-għan se jkun li jiġi pprovdut appoġġ għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet internazzjonali biex jitnaqqas b’mod rapidu l-metan atmosferiku globali u tiġi promossa azzjoni aktar fit-tul, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien ta’ qafas legalment vinkolanti fil-livell internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan.

b.Il-kondiviżjoni tad-data satellitari dwar is-superemittenti

L-indirizzar tas-superemittenti kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment huwa azzjoni kosteffettiva li hija fattibbli bid-data disponibbli bħalissa u bil-miżuri ta’ detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet (LDAR) stabbiliti. It-tnixxijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam spiss ikunu sinifikanti ħafna wkoll u hija meħtieġa aktar data biex dan il-qasam jinftiehem fid-dettall 69 .

L-UE se tippromwovi l-estensjoni dinjija tal-kapaċità ta’ detezzjoni u monitoraġġ ta’ superemittenti fl-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan previst. L-UE se toffri din il-kapaċità lis-sħab internazzjonali u se tieħu azzjoni dwar id-diplomazija tal-enerġija biex timmonitorja u taħdem biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet minn superemittenti globalment. Din l-informazzjoni se tkun ibbażata fuq data satellitari li tiġi rikonċiljata ma’ proċessi ta’ detezzjoni minn isfel għal fuq. Mill-2021, din il-kapaċità ta’ detezzjoni u monitoraġġ se tifforma l-bażi għall-istabbiliment ta’ proċedura li tagħti twissijiet lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali kemm fl-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali dwar sorsi ewlenin ta’ emissjonijiet. Aktar titjib fil-kapaċità ta’ detezzjoni se jkun disponibbli mill-2023 70 .

L-UE hija mexxejja teknika fl-immaġni satellitari u fid-detezzjoni ta’ tnixxijiet mill-emissjonijiet tal-metan permezz tal-programm Copernicus, b’mod partikolari l-prodotti globali CAMS u Sentinel 5P li huma disponibbli b’mod liberu. Satelliti oħra se jiġu varati mill-UE u mill-Istati Uniti u mill-Ġappun fis-snin li ġejjin u li jkopru l-istess spettru bħas-Sentinel 5P. Il-kondiviżjoni tad-data fost l-atturi internazzjonali se tagħti eżempju ta’ kollaborazzjoni internazzjonali biex jitjieb il-monitoraġġ tal-emissjonijiet globali tal-metan.

2.Agrikoltura

Sehem sinifikanti mill-emissjonijiet globali tal-metan fis-settur agrikolu joriġina barra mill-UE, u dan is-sehem huwa mistenni jiżdied. Għalhekk, huwa ferm importanti li jkun hemm viżjoni internazzjonali u li jiġu promossi azzjonijiet ta’ mitigazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu, u se jkomplu jkunu, attivi ħafna f’diversi fora internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn sistemi agrikoli u agroalimentari.

L-UE se tintensifika l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE bħala parti mill-Ħidma Konġunta ta’ Koronivia dwar l-Agrikoltura 71 (Koronivia Joint Work on Agriculture, KJWA) fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Dan il-qafas ikopri firxa ta’ suġġetti interrelatati bħall-ħamrija, il-bhejjem, il-ġestjoni tan-nutrijenti u tal-ilma, is-sigurtà tal-ikel, l-impatti soċjoekonomiċi tat-tibdil fil-klima fl-agrikoltura u l-metodi għall-valutazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fil-COP 26, l-UE se taħdem biex toħroġ l-aqwa prattiki u għarfien mill-programm ta’ ħidma tal-KJWA biex tgħin is-sistema alimentari globali ssir aktar sostenibbli.

L-UE hija membru attiv tal-Grupp ta’ Ħidma Tematiku dwar l-Agrikoltura 72 , li huwa mmexxi mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU. F’dan ir-rwol, l-UE se tgħin biex trawwem kemm il-kollaborazzjoni kif ukoll l-iskambju tal-għarfien u l-aqwa prattiki biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika fl-agrikoltura. Dan ix-xogħol se jkopri l-bhejjem u se jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) imwiegħda minn pajjiżi bħala parti mill-Ftehim ta’ Pariġi.

L-inizjattiva agrikola tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) 73 għandha wkoll l-għan li żżid l-ambizzjoni tal-NDCs. Din tiffoka fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-bhejjem (mill-fermentazzjoni enterika u l-ġestjoni tad-demel) u l-produzzjoni tar-ross bil-fosdqa. Bħala sieħeb ewlieni f’din l-inizjattiva, il-Kummissjoni se tiżgura li tkompli tgħin lil pajjiżi li mhumiex fl-UE bi skambju tal-għarfien, l-aqwa prattiki, u l-istabbiliment ta’ proġetti pilota biex l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura jiġu ġestiti u mitigati aħjar. Il-ħidma futura se tiffoka fuq l-aqwa prattiki u teknoloġiji biex titnaqqas il-fermentazzjoni enterika globalment.

Is-sħubiji internazzjonali tal-UE dwar ir-riċerka u l-kooperazzjoni se jkomplu jappoġġaw l-azzjoni klimatika fi proġetti relatati mal-agrikoltura. Dawn il-proġetti se jkopru l-ġestjoni tal-bhejjem, il-ġestjoni tal-imriegħi u l-forestrija 74 . L-azzjonijiet ibbażati fuq il-foresti li huma rilevanti għat-tnaqqis tal-metan jinkludu inizjattivi għat-tnaqqis tal-konverżjoni, l-iskular u l-ħruq tal-foresti tat-torbiera 75 , il-ġestjoni u r-restawr tal-foresti b’mod li jnaqqas l-inċidenza u s-severità ta’ nirien fil-foresti mhux ikkontrollati 76 , u t-tnaqqis tal-użu tal-injam għan-nar u l-faħam (il-qlib għal karburanti mhux tal-bijomassa għat-tisjir) 77 . Żoni oħra fil-mira huma l-ġestjoni tad-demel tar-raba’ kif ukoll użi u ekosistemi oħra tal-art (il-ġestjoni tan-nirien preskritti/ikkontrollati, l-iżvilupp agrikolu f’żoni urbani u periurbani, u t-tnixxif tal-artijiet mistagħdra).

Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-potenzjal ta’ mitigazzjoni fis-settur tal-kultivazzjoni tar-ross fl-Asja permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni. Dawn il-proġetti se jiġu stabbiliti u mmonitorjati skont il-proċeduri ta’ trekkjar klimatiku tal-UE u f’konformità mal-NDCs u l-pjanijiet ta’ adattament nazzjonali.

3.L-iskart

Il-Kummissjoni qed tipparteċipa b’mod attiv fir-reviżjoni tal-gwida dwar ir-rimi tal-iskart f’landfills (inkluż il-ġestjoni tal-gass tal-landfill) skont il-Konvenzjoni ta’ Basilea 78 . Il-gwida ġiet allinjata mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-iskart

 

Azzjonijiet internazzjonali

18.L-UE se żżid il-kontibuzzjoni tagħha għall-ħidma tal-fora internazzjonali, bħal permezz tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), il-Kunsill tal-Artiku u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).

19.Bħala parti mill-azzjoni tar-relazzjonijiet diplomatiċi u eterni tal-UE, il-Kummissjoni se tindirizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi rilevanti kollha mal-pajjiżi sħab u se tippromwovi l-koordinazzjoni globali tal-isforzi biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.

20.Il-Kummissjoni se tfittex aktar trasparenza fis-settur tal-enerġija billi taħdem mas-sħab internazzjonali biex tiżviluppa Indiċi tal-Provvista tal-Metan fl-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan previst.

21.Il-Kummissjoni se tikkunsidra miri, standards jew inċentivi oħra għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għall-enerġija fossili kkunsmata u importata fl-UE fin-nuqqas ta’ impenji sinifikanti mis-sħab internazzjonali.

22.Il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ proċess ta’ detezzjoni u twissija għas-superemittenti tal-metan li jużaw il-kapaċità satellitari tal-UE, u tikkondividi din l-informazzjoni fuq livell internazzjonali permezz tal-osservatorju internazzjonali tal-emissjonijiet tal-metan previst.

23.Il-Kummissjoni se tappoġġa l-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali, inkluż l-Inizjattiva Globali dwar il-Metan, l-inizjattiva tal-Bank Dinji għat-Tnaqqis Globali tal-Ivvampjar tal-Gass, u l-inizjattiva tal-Bank Dinji għal Żero Ivvampjar ta’ Rutina sal-2030, kif ukoll l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.

24.Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal sensiela ta’ avvenimenti internazzjonali ewlenin fit-tħejjija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York f’Settembru 2021, bl-objettiv li tiżgura mogħdija bbażata fuq in-NU għal azzjoni kkoordinata fuq livell internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

IV.Konklużjonijiet

Din l-istrateġija tidentifika sett ta’ azzjonijiet li se jiksbu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kollha tal-enerġija, l-agrikoltura u l-ġestjoni tal-iskart fil-livell tal-UE u dak internazzjonali. Dawn il-miżuri se jgħinu biex jitwettqu l-impenji tal-UE taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta’ Pariġi lejn in-newtralità klimatika, kif ukoll biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. It-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet se jirrikjedi azzjoni determinata mill-Istati Membri tal-UE, mill-pajjiżi mhux tal-UE u mill-partijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-progress fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-inventarji tal-gassijiet serra tal-UE, filwaqt li r-rapportar skont l-oqfsa tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) se jimmonitorja l-progress fil-livell internazzjonali.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Istati Membri, lill-pajjiżi mhux tal-UE, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali biex jappoġġaw u jikkooperaw fuq l-iżvilupp ulterjuri ta’ din l-istrateġija biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi tal-enerġija, tal-agrikoltura u tal-ġestjoni tal-iskart.

(1)

IPCC AR5, (2014). IPCC, 2013: Climate Change 2013: The Physical Science Basis. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għall-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima.

(2)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), (2016). Premature deaths attributable to air pollution (EU 28). https://www.eea.europa.eu/media/newsreleases/many-europeans-still-exposed-to-air-pollution-2015/premature-deaths-attributable-to-air-pollution. Fl-UE, l-imwiet prematuri minħabba l-esponiment għall-ożonu ġew stmati li jlaħħqu bejn 14 000 u 16 000 fis-sena għas-snin 2015 sa 2017. Ir-riżultati tal-immudellar tal-JRC jistmaw li sal-2030, skont il-livelli tal-konċentrazzjonijiet tal-metan, id-differenza fl-imwiet prematuri assoċjati tkun bejn 1 800 u 4 000, kull sena. Dawn ir-riżultati x’aktarx huma sottostimi minħabba li ma jqisux l-evalwazzjonijiet mill-ġdid reċenti tar-riskji tal-mortalità assoċjati mal-esponiment għall-ożonu fit-tul, li jissuġġerixxu fattur li huwa 2.3 darbiet ogħla.

(3)

(UE) 2018/1999.

(4)

COM(2019) 640 final.

(5)

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_2&format=PDF .

(6)

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_2&format=PDF .

(7)

Kwantitajiet sinifikanti ta’ gassijiet serra li mhumiex CO2 għadhom qed jiġu emessi fl-UE llum, li jirrappreżentaw madwar 20 % tal-emissjonijiet totali. Fl-2015, il-metan kien jirrappreżenta madwar 60 % tat-total tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li mhumiex CO2, segwit mill-ossidi nitrużi u l-emissjonijiet tal-gass fluworurat b’effett ta’ serra (Valutazzjoni tal-Impatt tal-pjan tal-mira klimatika tal-UE għall-2030).

(8)

Il-Panel Konsultattiv Xjentifiku tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa, (2020).

(9)

Ir-Regolament (UE) 2018/842.

(10)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), World Energy Outlook, (2018), https://edgar.jrc.ec.europa.eu/overview.php?v=50_GHG .

(11)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), (2018). EEA greenhouse gas - data viewer. https://www.eea.europa.eu/ds_resolveuid/f4269fac-662f-4ba0-a416-c25373823292 .

(12)

Il-Panel Konsultattiv Xjentifiku tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), (2020).

(13)

Climate Watch Data, (2016).

(14)

Dokument ta’ strateġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. COM(96) 557 final, 15 ta’ Novembru 1996.

(15)

Bħal fis-settur tal-iskart – biex tiġi indirizzata l-ġestjoni tas-siti, inkluż il-gass mil-landfills – iżda li kkontribwixxa wkoll għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-metan huma koperti mill-miri nazzjonali vinkolanti tal-gassijiet serra stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE).

(16)

Analiżi fil-fond b’appoġġ tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018) 773

(17)

L-ivvampjar u l-ivventjar iseħħu fis-siti tal-produzzjoni tal-faħam, taż-żejt u tal-gass fossili. Dan iseħħ ukoll (ferm inqas) fil-faċilitajiet tal-gass mil-landfills u tal-bijogass. L-ivvampjar huwa l-ħruq ikkontrollat ta’ gassijiet prodotti jew rilaxxati flimkien ma’: l-estrazzjoni u t-trasport tal-fjuwils fossili; u ċerti prattiki agrikoli u tal-iskart. L-ivventjar huwa r-rilaxx ikkontrollat ta’ gassijiet mhux maħruqa direttament fl-atmosfera. L-ivventjar huwa aktar ta’ ħsara għall-ambjent peress li l-gass rilaxxat ikun tipikament fih livelli għoljin ta’ CH4, filwaqt li l-ivvampjar jikkonverti s-CH4 f’CO2. li jagħmel inqas ħsara. Madankollu, il-proċess tal-ivvampjar jista’ jirrilaxxa emissjonijiet oħra bħall-SO2 u NO2 li, meta jiġu kkombinati mal-umdità fl-atmosfera, jistgħu jiffurmaw xita aċiduża.

(18)

Il-Panel Konsultattiv Xjentifiku tal-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa (CCAC), (2020).

(19)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), (2020). Methane Tracker 2020,

https://www.iea.org/reports/methane-tracker-2020/methane-abatement-options.

(20)

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_2&format=PDF .

(21)

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_2&format=PDF .

(22)

Il-formazzjoni tal- metan minn mikrobi fl-imsaren tal-annimali. L-annimali ruminanti huma subsett ta’ mammiferi li jiffermentaw l-ikel fil-“kirxa” tagħhom (l-ewwel stonku) bl-użu ta’ batterji, qabel ma sseħħ aktar diġestjoni fl-istonkijiet sussegwenti. Din il-“fermentazzjoni enterika” tiġġenera l-metan, li l-annimal jirrilaxxa. L-akbar sorsi ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur agrikolu tal-UE huma mill-baqar u n-nagħaġ.

(23)

[Il-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_2&format=PDF .

(24)

  https://www.eea.europa.eu/publications/european-union-greenhouse-gas-inventory-2020  

(25)

“Il-ġerarkija tal-iskart ġeneralment tistabbilixxi ordni ta’ prijorità ta’ x’inhi li tikkostitwixxi l-aqwa għażla ambjentali ġenerali fil-leġiżlazzjoni u l-politika tal-iskart.” Aktar dettalji fid-Direttiva 2008/98/KE u https://ec.europa.eu/environment/waste/framework/

(26)

Il-kejl, ir-rapportar, il-verifikazzjoni (MRV), l-integrità u l-validazzjoni (IV).

(27)

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), l-Irfinar tal-2019 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar l-Inventarji Nazzjonali ta’ Gass Serra, https://www.ipcc.ch/site/assets/uploads/2019/12/19R_V0_01_Overview.pdf

(28)

Is-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (Oil and Gas Methane Partnership, OGMP) tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC). https://ccacoalition.org/en/activity/ccac-oil-gas-methane-partnership#:~:text=The%20Climate%20and%20Clean%20Air,New%20York%20in%20September%202014.

(29)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32010L0075

(30)

https://prtr.eea.europa.eu/#/home

(31)

Il-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) hija sħubija volontarja bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, in-negozji, l-istituzzjonijiet xjentifiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili impenjati biex itejbu l-kwalità tal-arja u jipproteġu l-klima permezz ta’ azzjonijiet biex jitnaqqsu s-sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira https://ccacoalition.org/en/content/who-we-are . Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) huwa l-awtorità ambjentali globali ewlenija li tistabbilixxi l-aġenda ambjentali globali, tippromwovi l-implimentazzjoni koerenti tad-dimensjoni ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u jservi bħala promotur awtorevoli għall-ambjent globali. https://www.unenvironment.org/about-un-environment .

(32)

Studji dwar ix-xjenza tal-metan tal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) https://ccacoalition.org/en/activity/oil-and-gas-methane-science-studies .

(33)

Knapp, et al., (2014). Metan enteriku fil-produzzjoni tal-baqar tal-ħalib: Il-kwantifikazzjoni tal-opportunitajiet u l-impatt tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0022030214002896  

(34)

It-terminu “superemittent” f’dan il-kuntest ġenerali jirreferi għal sit jew faċilità speċifika b’emissjonijiet għoljin b’mod sproporzjonat għal sit jew faċilità ta’ dak it-tip. F’setturi speċifiċi, hemm definizzjonijiet individwali ta’ superemittenti. Pereżempju, fil-katina tal-provvista tal-gass fossili, it-terminu jista’ jirreferi għal siti bl-ogħla rati ta’ telf proporzjonali, jiġifieri l-akbar telf ta’ metan rilaxxat għal metan prodott/ipproċessat (Zavala-Araiza, et al., 2015).

(35)

Il-CAMS janalizza l-varjazzjonijiet globali fl-emissjonijiet tal-metan fuq bażi ta’ kuljum u ta’ kull xahar. Dan jista’ jipprovdi wkoll settijiet sħaħ ta’ data dwar l-emissjonijiet bi tqabbil bejn l-inventarji globali u reġjonali ewlenin. Sabiex tinkiseb data aktar preċiża, il-prodotti tal-metan tal-CAMS jiġu rrikonċiljati ma’ sorsi indipendenti oħra ta’ kejl, bħal stazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-wiċċ, bastimenti u programmi tal-inġenji tal-ajru.

(36)

Brandt, Cooley, Heath, (2016) (DOI: 10.1021/acs.est.6b04303).

(37)

10-20 % tas-siti huma responsabbli għal 60-90 % tal-emissjonijiet. Sors: “Tackling energy-related methane emissions”, 2020. Konsorzju mmexxi mill-Wood Environment and Infrastructure Solutions GmbH.

(38)

Id-Direttiva 2010/75/UE.

(39)

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti.

(40)

COM(2020) 299 u 301; https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1259 . 

(41)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52018DC0773&from=mt  

(42)

Dawn u rakkomandazzjonijiet oħra twasslu mill-partijiet ikkonċernati f’sessjoni ta’ ħidma organizzata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Lulju 2020 intitolata “L-opportunitajiet u l-ostakli biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan fl-iskart u l-agrikoltura permezz tal-produzzjoni tal-bijogass”.

(43)

Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088.

(44)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), Methane Tracker, (2020).

(45)

Tnixxijiet mhux intenzjonati mit-tagħmir kollu.

(46)

Il-koordinazzjoni kontinwa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti qed tappoġġa l-iżvilupp ta’ metodoloġiji MRV riveduti, adattati għal dawn is-setturi u t-taqsimiet tal-ktajjen tal-provvista.

(47)

Madankollu, dan inaqqas it-tnixxija biss jekk (u sal-punt li) l-kost tat-tnaqqis ikun aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ addizzjonali li jista’ jinkiseb. Madankollu, peress li dawn il-kumpaniji mhumiex proprjetarji tar-riżorsa li qed jużaw (dawn ġeneralment ikunu proprjetà tal-pajjiż tal-produzzjoni) u mhumiex responsabbli għat-telf, spiss ikollhom ftit interess li jnaqqsuhom. Barra minn hekk, il-produtturi taż-żejt spiss ikollhom ftit jew l-ebda inċentiv (minbarra regolatorju) biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-metan jew ta’ gassijiet oħra li mhumiex fin-negozju ewlieni tagħhom.

(48)

Dan jeskludi l-ivvampjar li huwa meħtieġ, pereżempju għal raġunijiet ta’ sikurezza.

(49)

  https://www.worldbank.org/en/programs/zero-routine-flaring-by-2030#1  

(50)

  https://www.worldbank.org/en/programs/gasflaringreduction  

(51)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-pjan dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2030 https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:749e04bb-f8c5-11ea-991b-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_1&format=PDF .

(52)

Kholod, et al., (2020). ( https://doi.org/10.1016/j.jclepro.2020.120489 ). 

(53)

COM(2020) 381.

(54)

  https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/economic-assessment-ghg-mitigation-policy-options-eu-agriculture-ecampa-2  

(55)

Wieħed mill-approċċi ġodda għall-alimentazzjoni li għandu potenzjal kbir huwa l-inkorporazzjoni tal-alka fl-għalf tal-baqar. Studju in vitro sab li l-alka tista’ timpedixxi b’mod qawwi l-produzzjoni tal-metan anke f’livelli baxxi ħafna. Ara https://www.publish.csiro.au/an/AN15576.

(56)

https://ec.europa.eu/eip/agriculture/sites/agri-eip/files/eip-agri_fg_livestock_emissions_final_report_2017_en.pdf

(57)

Is-sħubija tal-LEAP (Valutazzjoni u Prestazzjoni Ambjentali tal-Bhejjem) taħt il-patroċinju tal-FAO

(58)

L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (COM (2020) 381).

(59)

L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (COM (2020) 381).

(60)

Id-Direttiva 1999/31/KE.

(61)

Eurostat, env_wasmun.

(62)

Kif interpretat mis-sentenza tal-QĠUE C-323/13, Kummissjoni Ewropea vs. Repubblika Taljana. http://curia.europa.eu/juris/liste.jsf?language=mt&num=C-323/13 . 

(63)

Proġett LIFE RE MIDA – Metodi Innovattivi għall-Mitigazzjoni tal-Emissjonijiet Residwi tal-Gass tal-Landfill fir-Reġjuni Mediterranji LIFE14 CCM/IT/000464. Il-proġett wera l-vijabbiltà teknika u ekonomika ta’ żewġ teknoloġiji (il-bijofiltrazzjoni u l-biowindows) implimentati sabiex il-bijogass mil-landfills jiġi ossidat bijoloġikament b’valur kalorifiku baxx. It-teknoloġiji rriżultaw f’kisbiet relatati ma’: l-effiċjenza tal-ossidazzjoni, it-tnaqqis tal-komposti bir-riħa, il-minimizzazzjoni tar-riskju assoċjat mal-emissjonijiet ta’ komposti karċinoġeniċi u t-tnaqqis fl-ispiża tat-trattament ta’ wara fil-landfills meta mqabbla ma’ sistema ta’ kombustjoni konvenzjonali.

(64)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12405-Revision-of-the-Urban-Wastewater-Treatment-Directive .

(65)

  https://ec.europa.eu/environment/waste/landfill/pdf/guidance%20on%20landfill%20gas.pdf . 

(66)

Il-Fond għad-Difiża Ambjentali (EDF), (2019).

(67)

Il-membri attwali huma: BP, Ecopetrol, Eni, Equinor, Neptune Energy International SA, Pemex, PTT, Repsol, Shell, u Total.

(68)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), (2019).

(69)

Saunois et al. (2019)

(70)

Il-varar tas-satelliti Sentinel 4 u 5 se jipprovdi osservazzjonijiet ta’ frekwenza ogħla, li jżidu l-probabbiltà li jinqabdu sorsi intermittenti.

(71)

  https://unfccc.int/topics/land-use/workstreams/agriculture  

(72)

  http://www.fao.org/climate-change/our-work/what-we-do/ndcs/twg/en/  

(73)

  https://ccacoalition.org/en/resources/ccac-agriculture-initiative-infosheet  

(74)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja ; 23 ta’ Lulju 2019

(75)

IPCC, (2019).

(76)

Il-konservazzjoni tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli jnaqqsu wkoll ir-riskji tal-għargħar, u b’hekk inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-għargħar.

(77)

Mill-perspettiva tal-emissjonijiet tal-metan, il-bidla għal karburanti oħra tal-bijomassa, anke jekk dawn jiġu prodotti b’mod sostenibbli, mhijiex ideali peress li l-ħruq tal-bijomassa kollu jiġġenera l-metan.

(78)

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom https://www.basel.int/Portals/4/Basel%20Convention/docs/text/BaselConventionText-e.pdf . 

Top