EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0605

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà

COM/2020/605 final

Brussell, 24.7.2020

COM(2020) 605 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà


I.Introduzzjoni

Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni jagħmluha ċara li rridu nagħmlu dak kollu li hu possibbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna. Is-sigurtà mhijiex biss il-bażi għas-sikurezza personali, tipproteġi wkoll id-drittijiet fundamentali u tipprovdi s-sisien biex ikun hemm fiduċja u dinamiżmu fl-ekonomija tagħna, fis-soċjetà tagħna u fid-demokrazija tagħna. Illum l-Ewropej qed jiffaċċjaw xenarju ta’ sigurtà li dejjem qed jinbidel, li huwa affettwat mit-theddid li qed jevolvi kif ukoll minn fatturi oħra bħat-tibdil fil-klima, ix-xejriet demografiċi u l-instabbiltà lill hinn mill-fruntieri tagħna. Il-globalizzazzjoni, il-moviment liberu u t-trasformazzjoni diġitali jkomplu jġibu l-prosperità, jagħmlu ħajjitna aktar faċli, u jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir. Iżda parallelement ma’ dawn il-benefiċċji hemm riskji u spejjeż intrinsiċi. Dawn jistgħu jiġu mmanipulati mit-terroriżmu, mill-kriminalità organizzata, mill-kummerċ tad-drogi u mit-traffikar tal-bnedmin, li kollha huma theddida diretta għaċ-ċittadini u għall-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna. L-attakki ċibernetiċi u ċ-ċiberkriminalità qed ikomplu jiżdiedu. It-theddid għas-sigurtà qed isir ukoll aktar kumpless: huwa sostnut mill-interkonnettività u mill-operabilità fuq livell transfruntier; huwa jisfrutta n-nuqqas ta’ distinzjoni bejn id-dinja fiżika u dik diġitali. huwa jisfrutta l-gruppi vulnerabbli, id-diverġenzi soċjali u dawk ekonomiċi. L-attakki jistgħu jsiru għal għarrieda, u jistgħu ma jħallu l-ebda traċċa, jew jekk iħallu, ftit li xejn; kemm l-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali jistgħu jużaw varjetà ta’ theddid ibridu 1 ; u x’jiġri barra mill-UE jista’ jkollu impatt kritiku fuq is-sigurtà ġewwa l-UE.

Il-kriżi tal-COVID-19 fasslet mill-ġdid l-idea tagħna ta’ theddid għas-sikurezza u għas-sigurtà, u l-politiki korrispondenti. Enfasizzat il-ħtieġa li tiġi ggarantita s-sigurtà kemm fl-ambjent fiżiku kif ukoll f’dak diġitali. Enfasizzat l-importanza tal-awtonomija strateġika miftuħa għall-ktajjen tal-provvista tagħna f’termini ta’ prodotti, servizzi, infrastrutturi u teknoloġiji kritiċi. Saħħet il-ħtieġa li jiġu involuti s-setturi u l-individwi kollha fi sforz komuni biex jiġi żgurat li fl-ewwel lok, l-UE tkun aktar ippreparata u reżiljenti u jkollha għodod aħjar biex tirreaġixxi meta jkun meħtieġ.

Iċ-ċittadini ma jistgħux jiġu protetti biss mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment. Qatt ma kien aktar essenzjali li nibnu fuq il-ħiliet biex naħdmu flimkien, u l-UE qatt ma kellha aktar potenzjal biex tagħmel differenza. Tista’ tmexxi bl-eżempju, billi ttejjeb is-sistema ġenerali tagħha ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u billi taħdem ’l ġewwa mill-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom, biex tikkontribwixxi għall-istabbiltà globali. Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tinsab f’idejn l-Istati Membri, dawn l-aħħar snin qed nifhmu dejjem aktar li s-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed hija s-sigurtà ta’ kulħadd. L-UE tista’ ġġib rispons multidixxiplinarju u integrat, li jgħin lill-atturi tas-sigurtà fl-Istati Membri bl-għodod u bl-informazzjoni li jeħtieġu 2 .

L-UE tista’ tiżgura wkoll li l-politika tas-sigurtà tibqa’ msejsa fuq il-valuri Ewropej komuni tagħna – filwaqt li tirrispetta u tiddefendi l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza 3 u d-drittijiet fundamentali, u tiggarantixxi t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-kontroll demokratiku – biex tagħti lill-politiki l-bażi ġusta tal-fiduċja. Tista’ tibni Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina li fiha d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi jkunu protetti tajjeb. Is-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali ma humiex għanijiet konfliġġenti, iżda konsistenti u kumplimentari. Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħna jridu jkunu l-bażi tal-politiki tas-sigurtà, filwaqt li jiġu żgurati l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u tal-legalità, u b’salvagwardji adegwati għall-obbligu ta’ rendikont u r-rimedju ġudizzjarju, filwaqt li jkun possibbli rispons effettiv għall-protezzjoni tal-individwi b’mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli.

Diġà jeżistu għodod legali, prattiċi u ta’ appoġġ sinifikanti, madankollu jeħtieġ li dawn jissaħħu u jiġu implimentati aħjar. Sar ħafna progress biex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fl-intelligence mal-Istati Membri, u biex jingħalaq l-ispazju li fih joperaw it-terroristi u l-kriminali. Madankollu għad hemm frammentazzjonijiet.

Ix-xogħol irid imur ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha ma għadhiex biss dwar li tiġi żgurata s-sigurtà ġewwa l-fruntieri tal-UE, iżda wkoll dwar li tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tas-sigurtà. L-approċċ tal-UE għas-sigurtà esterna fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) se jibqa’ komponent essenzjali tal-isforzi tal-UE biex titjieb is-sigurtà fl-UE. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u fuq livell globali biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni hija ċentrali għal rispons effettiv u komprensiv, bl-istabbiltà u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE jkunu kruċjali għas-sigurtà tal-UE stess.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma preċedenti tal-Parlament Ewropew 4 , tal-Kunsill 5 u tal-Kummissjoni 6 , din l-istrateġija l-ġdida turi li Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva jeħtiġilha tgħaqqad nukleu b’saħħtu ta’ strumenti u ta’ politiki li fil-prattika jagħtu sigurtà, filwaqt li jiġi rikonoxxut li s-sigurtà għandha implikazzjonijiet għall-partijiet kollha tas-soċjetà u għall-politiki pubbliċi kollha. Jeħtieġ li l-UE tiżgura ambjent sigur għal kulħadd, tkun xi tkun l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, il-ġeneru, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun.

Din l-Istrateġija tkopri l-perjodu 2020-2025 u tiffoka fuq il-bini ta’ ħiliet u kapaċitajiet li jiżguraw ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur. Din tistabbilixxi approċċ lejn is-sigurtà li jinvolvi lis-soċjetà kollha, li jista’ jirrispondi b’mod effettiv u b’mod ikkoordinat għal xenarju ta’ theddid li qed jinbidel b’mod rapidu. Hija tiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi u l-azzjonijiet korrispondenti biex jiġu indirizzati r-riskji diġitali u fiżiċi b’mod integrat fuq l-ekosistema kollha tal-Unjoni tas-Sigurtà, filwaqt li tikkonċentra fuq fejn l-UE tista’ ġġib aktar valur. L-għan tagħha huwa li toffri benefiċċju fejn tidħol is-sigurtà, biex kulħadd fl-UE jkun protett.

II.Ix-xenarju Ewropew ta’ theddid għas-sigurtà li qed jinbidel malajr

Is-sikurezza, il-prosperità u l-benesseri taċ-ċittadini jiddependu mill-fatt li persuna tkun sigura. It-theddid għal din is-sigurtà jiddependi fuq kemm il-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini jkunu vulnerabbli. Iktar ma tkun kbira l-vulnerabbiltà, akbar ikun ir-riskju li din tkun tista’ tiġi sfruttata. Kemm il-vulnerabbiltajiet kif ukoll it-theddid huma fi stat ta’ evoluzzjoni kostanti, u jeħtieġ li l-UE tadatta ruħha.

Ħajjitna ta’ kuljum tiddependi fuq varjetà wiesgħa ta’ servizzi – bħall-enerġija, it-trasport u l-finanzi, kif ukoll fuq is-saħħa. Dawn jiddependu fuq l-infrastruttura fiżika kif ukoll dik diġitali, u jkomplu jżidu l-vulnerabbiltà u l-potenzjal ta’ tfixkil. Matul il-pandemija tal-COVID-19, teknoloġiji ġodda żammew ħafna negozji u servizzi pubbliċi għaddejjin, kemm jekk żammewna konnessi permezz tax-xogħol mill-bogħod jew billi żammew l-loġistika tal-ktajjen tal-provvista għaddejjin. Iżda dan fetaħ il-bieb għal żieda straordinarja fl-attakki malizzjużi, li ppruvaw jikkapitalizzaw, għal skopijiet kriminali, fuq it-tfixkil li ġabet il-pandemija u ċ-ċaqlieqa lejn il-ħidma diġitali mid-dar 7 . In-nuqqas ta’ oġġetti ħoloq opportunitajiet ġodda għall-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi setgħu kienu fatali, bi tfixkil fis-servizzi essenzjali tas-saħħa fi żmien meta l-pressjoni kienet l-aktar qawwija.

Il-modi li dejjem qed jiżdiedu ta’ kif it-teknoloġiji diġitali jkunu ta’ benefiċċju għal ħajjitna wasslu wkoll biex iċ-ċibersigurtà tat-teknoloġiji tkun kwistjoni ta’ importanza strateġika 8 . Id-djar, il-banek, is-servizzi finanzjarji u l-intrapriżi (b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) huma affettwati b’mod qawwi mill-attakki ċibernetiċi. Il-ħsara potenzjali tkompli timmultiplika ruħha minħabba l-interdipendenza tas-sistemi fiżiċi u diġitali: kwalunkwe impatt fiżiku x’aktarx li jaffettwa s-sistemi diġitali, filwaqt li l-attakki ċibernetiċi fuq is-sistemi tal-informazzjoni u l-infrastrutturi diġitali jistgħu jwaqqfu s-servizzi essenzjali 9 . Iż-żieda tal-internet tal-oġġetti u l-użu akbar tal-intelliġenza artifiċjali se jġibu benefiċċji ġodda kif ukoll sett ġdid ta’ riskji.

Id-dinja tagħna sserraħ fuq infrastrutturi, teknoloġiji u sistemi online diġitali, li jippermettulna noħolqu n-negozju, nikkunsmaw il-prodotti u ngawdu s-servizzi. Kollha jiddependu fuq il-komunikazzjoni u l-interazzjoni. Id-dipendenza online fetħet il-bieb għal mewġa ta’ ċiberkriminalità 10 . “Iċ-ċiberkriminalità bħala servizz” u l-ekonomija ċiberkriminali sewda jagħtu aċċess online faċli għall-prodotti u għas-servizzi taċ-ċiberkriminalità. Il-kriminali malajr jadattaw ruħhom għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-iskopijiet tagħhom. Pereżempju l-mediċini foloz u ffalsifikati infiltraw il-katina tal-provvista leġittima tal-farmaċewtiċi 11 . It-tkabbir esponenzjali tal-materjal online 12 ta’ abbuż sesswali tat-tfal wera l-konsegwenzi soċjali ta’ xejriet li qed jinbidlu tal-kriminalità. Stħarriġ reċenti wera li l-biċċa l-kbira tan-nies fl-UE (55 %) huma mħassba dwar id-data tagħhom li tiġi aċċessata minn kriminali u minn frodaturi 13 .

L-ambjent dinji jagħmel ukoll enfasi fuq dan it-theddid. Il-politiki industrijali assertivi minn pajjiżi terzi, flimkien mas-serq kontinwu ta’ proprjetà intellettwali bl-użu tal-internet, qed ibiddlu l-paradigma strateġika għall-protezzjoni u għall-avvanz tal-interessi Ewropej. Dan huwa aċċentwat biż-żieda ta’ applikazzjonijiet b’użu doppju, biex is-settur qawwi teknoloġiku ċivili jkun riżorsa b’saħħitha għall-kapaċità tad-difiża u s-sigurtà. L-ispjunaġġ industrijali għandu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija, l-impjiegi u t-tkabbir tal-UE: is-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali huwa stmat li jiswa lill-UE mas-EUR 60 biljun 14 . Dan jitlob għal riflessjoni bir-reqqa ta’ kif id-dipendenzi u ż-żieda fl-esponiment għat-theddid ċibernetiku jaffettwaw il-kapaċità tal-UE biex tipproteġi kemm lill-individwi kif ukoll lin-negozji.

Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet l-attenzjoni wkoll fuq kif id-diviżjonijiet soċjali u l-inċertezzi joħolqu vulnerabbiltà fis-sigurtà. Dawn iżidu l-potenzjal għal attakki aktar sofistikati u ibridi minn atturi statali u mhux statali, filwaqt li l-vulnerabbiltajiet jiġu sfruttati permezz ta’ taħlita ta’ attakki ċibernetiċi, ħsara fl-infrastruttura kritika 15 , kampanji ta’ diżinformazzjoni, u bir-radikalizzazzjoni tan-narrattiva politika. 16  

Fl-istess waqt, theddid li ilu aktar stabbilit kompla jevolvi. Kien hemm xejra ’l isfel fl-attakki terroristiċi fl-UE fl-2019. Madankollu, it-theddida għaċ-ċittadini tal-UE ta’ attakki ġiħadisti minn Da’esh u al-Qaeda u l-affiljati tagħhom, jew ispirati minnhom, għadha għolja 17 . B’mod parallel, it-theddida ta’ estremiżmu tal-lemin vjolenti qed tikber ukoll 18 . L-attakki ispirati mir-razziżmu jridu jkunu kawża ta’ tħassib serju: l-attakki terroristiċi anti-Semitiċi fatali f’Halle kienu tfakkira dwar il-ħtieġa li jiżdied ir-rispons, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-2018 19 . Persuna minn kull ħamsa fl-UE hija ferm mħassba dwar attakk terroristiku fit-12-il xahar li ġejjin 20 . Il-biċċa l-kbira tal-attakki terroristiċi reċenti kienu attakki “b’teknoloġija baxxa”, atturi solitarji li jimmiraw lejn individwi fi spazji pubbliċi, filwaqt li l-propaganda terroristika online ħadet sinifikat ġdid permezz tal-istreaming dirett tal-attakki ta’ Christchurch 21 . It-theddida minn individwi radikalizzati għadha għolja, potenzjalment imsaħħa minn ġellieda terroristi barranin li jiġu lura u minn estremisti meħlusin mill-ħabs 22 .

Il-kriżi wriet ukoll kif it-theddid eżistenti jista’ jevolvi f’ċirkostanzi ġodda. Gruppi tal-kriminalità organizzata sfruttaw in-nuqqas ta’ oġġetti u fetħu l-bibien għal swieq illeċiti ġodda. Il-kummerċ fid-drogi illeċiti jibqa’ l-akbar suq kriminali fl-UE, li bħala valur ta’ bejgħ minimu huwa stmat li fl-UE jiswa EUR 30 biljun fis-sena 23 . It-traffikar tal-bnedmin għadu għaddej: l-istimi juru profitt globali annwali għall-forom kollha ta’ sfruttament ta’ kważi EUR 30 biljun 24 . Il-kummerċ internazzjonali tal-farmaċewtiċi foloz laħaq it-EUR 38,9 billion 25 . Fl-istess waqt, ir-rati baxxi ta’ konfiski jippermettu lill-kriminali biex ikomplu jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom u jinfiltraw l-ekonomija legali 26 . Il-kriminali u t-terroristi jsibuha eħfef biex jaċċessaw l-armi tan-nar mis-suq online u permezz ta’ teknoloġiji ġodda bħall-istampar 3-D. 27 L-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, tat-teknoloġiji l-ġodda u tar-robotika se jkomplu jżidu r-riskju li l-kriminali jisfruttaw il-benefiċċji tal-innovazzjoni għal finijiet malizzjużi tagħhom 28 .

Dan it-theddid jolqot diversi kategoriji kif ukoll partijiet differenti tas-soċjetà b’modi differenti. Kollu jirrappreżenta periklu kbir għall-individwi u n-negozji, u huwa meħtieġ rispons komprensiv u koerenti fil-livell tal-UE. Meta l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà jistgħu jiġu saħansitra minn oġġetti domestiċi żgħar li huma interkonnessi, bħall-friġġ jew il-magna tal-kafè mqabbda mal-internet, ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq l-atturi tradizzjonali tal-istat biss biex niżguraw is-sigurtà tagħna. L-operaturi ekonomiċi jridu jerfgħu aktar responsabbiltà fejn tidħol iċ-ċibersigurtà tal-prodotti u tas-servizzi li jqiegħdu fis-suq; filwaqt li anki l-individwi jenħtieġ li jkollhom mill-inqas fehim bażiku dwar iċ-ċibersigurtà biex ikunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom.

III.Rispons ikkoordinat tal-UE għas-soċjetà kollha

L-UE diġà wriet kif tista’ ġġib valur miżjud reali. Sa mill-2015, l-Unjoni tas-Sigurtà ġabet rabtiet ġodda fil-mod ta’ kif il-politiki tas-sigurtà jiġu indirizzati fil-livell tal-UE. Madankollu jeħtieġ li jsir aktar biex tiġi involuta s-soċjetà kollha, inklużi l-gvernijiet fil-livelli kollha, in-negozji fis-setturi kollha u l-individwi fl-Istati Membri kollha. Iż-żieda fl-għarfien tar-riskji tad-dipendenza 29 u l-ħtieġa għal strateġija industrijali Ewropea 30 b’saħħitha qed jippuntaw lejn UE b’massa kritika fl-industrija, fil-produzzjoni teknoloġika u fir-reżiljenza tal-katina tal-provvista. Is-saħħa tfisser ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri tal-UE: dawn huma prerekwiżit għall-politiki ta’ sigurtà leġittimi, effettivi u sostenibbli. Din l-istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tistabbilixxi flussi ta’ ħidma konkreti li għandhom jitmexxew’ il quddiem. Hija mibnija fuq l-objettivi komuni li ġejjin:

·Nibnu ħiliet u kapaċitajiet għad-detezzjoni bikrija, għall-prevenzjoni u għal rispons rapidu quddiem il-kriżijiet: L-Ewropa teħtieġ li tkun aktar reżiljenti biex tipprevjeni, tipproteġi u tirreżisti x-xokkijiet futuri. Hemm bżonn nibnu ħiliet u kapaċitajiet għad-detezzjoni bikrija u għal rispons rapidu quddiem kriżijiet ta’ sigurtà permezz ta’ approċċ integrat u koordinat, b’inizjattivi globali kif ukoll speċifiċi għas-settur (bħas-setturi finanzjarji, enerġetiċi, ġudizzjarji, tal-infurzar tal-liġi, tal-kura tas-saħħa, marittimi, tat-trasport) u billi nkomplu nibnu fuq l-għodod u l-inizjattivi eżistenti. 31 . Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għal sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet estensiva fl-UE, li tista’ tkun relevanti wkoll għas-sigurtà.

·Niffukaw fuq ir-riżultati: Strateġija bbażata fuq il-prestazzjoni tkun msejsa fuq il-valutazzjoni bir-reqqa tat-theddid u tar-riskju, biex l-isforzi tagħna jkunu mmirati bl-aħjar effett. Għandha bżonn tiddefinixxi u tapplika r-regoli u l-għodod xierqa. Teħtieġ intelligence strateġika u affidabbli bħala l-bażi għall-politiki tas-sigurtà tal-UE. Fejn hija meħtieġa l-leġiżlazzjoni tal-UE, din jeħtieġ li tiġi segwita sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ, biex jiġu evitati l-frammentazzjonijiet u l-lakuni li jkunu jistgħu jiġu sfruttati. L-implimentazzjoni effettiva ta’ din l-Istrateġija se tiddependi wkoll fuq l-iżgurar ta’ finanzjament xieraq fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 li jmiss, anki għall-aġenziji relatati tal-UE.

·Ngħaqqdu flimkien l-atturi kollha fis-settur pubbliku u dak privat fi sforz komuni: L-atturi ewlenin kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat sabuha bi tqila biex jaqsmu informazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà, kemm minħabba l-biża’ li tkun kompromessa s-sigurtà nazzjonali u kemm minħabba l-kompetittività. 32 Madankollu aħna nkunu l-aktar effikaċi meta nkunu lesti li nappoġġaw lil xulxin. L-ewwel nett, dan ifisser kooperazzjoni aktar intensa bejn l-Istati Membri, li tinvolvi l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u pubbliċi oħra, u flimkien ma’ istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE jinbnew il-fehim u l-iskambju meħtieġa għal soluzzjonijiet komuni. Il-kooperazzjoni mas-settur privat hija wkoll importanti, aktar u aktar peress li l-industrija għandha parti importanti mill-infrastruttura diġitali u mhux diġitali li hija importanti biex il-kriminalità u t-terroriżmu jiġu miġġielda b’mod effettiv. L-individwi nfushom jistgħu jikkontribwixxu wkoll, pereżempju permezz tal-bini ta’ ħiliet u għarfien biex tiġi miġġielda ċ-ċiberkriminalità jew id-diżinformazzjoni. Fl-aħħar nett, dan l-isforz komuni jrid jestendi lil hinn mill-fruntieri tagħna, billi jibni rabtiet iktar b’saħħithom ma’ sħab tal-istess fehma.

IV.Il-protezzjoni ta’ kulħadd fl-UE: Prijoritajiet strateġiċi għall-Unjoni tas-Sigurtà

L-UE tinsab f’pożizzjoni ideali biex tirrispondi għal dan it-theddid u l-isfidi globali l-ġodda. L-analiżi tat-theddid msemmi hawn fuq tindika erba’ prijoritajiet strateġiċi interdipendenti li għandhom jitmexxew ’il quddiem fil-livell tal-UE, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali: (i) ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur, (ii) l-indirizzar ta’ theddid li qed jevolvi, (iii) il-protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, (iv) ekosistema tas-sigurtà Ewropea b’saħħitha.

1.Ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur

Protezzjoni u reżiljenza tal-infrastruttura kritika

L-individwi jiddependu fuq infrastrutturi ewlenin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, biex jivvjaġġaw, biex jaħdmu, biex jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi essenzjali bħal sptarijiet, trasport, provvisti tal-enerġija, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom. Jekk dawn l-infrastrutturi ma jkunux protetti u reżiljenti biżżejjed, l-attakki jistgħu jikkawżaw tfixkil kbir – kemm fiżiku kif ukoll diġitali – kemm fl-Istati Membri individwali kif ukoll potenzjalment fl-UE kollha.

Il-qafas eżistenti tal-UE għall-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ infrastrutturi 33 kritiċi ma żammx il-pass mar-riskji li qed jevolvu. Iż-żieda tal-interdipendenza tfisser li t-tħarbit f’settur wieħed jista’ jkollu impatt immedjat fuq operazzjonijiet f’oħrajn: attakk fuq il-produzzjoni tal-elettriku jista’ jwaqqaf it-telekomunikazzjoni, l-isptarijiet, il-banek jew l-ajruporti, filwaqt li attakk fuq l-infrastruttura diġitali jista’ jwassal għal tfixkil f’networks tal-enerġija jew tal-finanzi. Hekk kif l-ekonomija u s-soċjetà tagħna qegħdin dejjem aktar imorru online, riskji bħal dawn dejjem ikomplu jikbru. Il-qafas leġiżlattiv jeħtieġ li jindirizza din iż-żieda fl-interkonnettività u fl-interdipendenza, b’miżuri robusti ta’ protezzjoni u ta’ reżiljenza għall-infrastruttura, kemm ċibernetiċi kif ukoll fiżiċi. Is-servizzi essenzjali, inklużi dawk ibbażati fuq infrastrutturi tal-ispazju, jridu jkunu protetti b’mod adegwat kontra theddid attwali u antiċipat, iżda jridu jkunu wkoll reżiljenti. Dan jimplika li sistema tkun kapaċi tħejji u tippjana għal sitwazzjonijiet avversi kif ukoll tassorbihom u tirkupra minnhom, u tadatta ruħha b’suċċess għalihom.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri eżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom billi implimentaw il-leġislazzjoni eżistenti b’modi differenti. Il-frammentazzjoni li tirriżulta tista’ tfixkel s-suq intern u tagħmel il-koordinazzjoni transfruntiera aktar diffiċli – l-aktar fir-reġjuni tal-fruntieri. L-operaturi li jipprovdu s-servizzi essenzjali fi Stati Membri differenti għandhom jikkonformaw ma’ reġimi differenti ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni qed teżamina jekk oqfsa ġodda għal infrastrutturi fiżiċi kif ukoll dawk diġitali jistgħux iġibu aktar konsistenza u approċċ aktar koerenti biex tiġi żgurata l-provvista affidabbli tas-servizzi essenzjali. Dan il-qafas jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn inizjattivi speċifiċi għas-settur biex jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw l-infrastrutturi kritiċi bħat-trasport, l-ispażju, l-enerġija, il-finanzi u s-saħħa 34 . Minħabba d-dipendenza għolja tas-settur finanzjarju fuq is-servizzi tal-IT u l-vulnerabbiltà għolja tiegħu għal attakki ċibernetiċi, l-ewwel pass se jkun inizjattiva dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tas-setturi finanzjarji. Minħabba s-sensittività partikolari u l-impatt tas-sistema tal-enerġija, inizjattiva apposta se tagħti appoġġ biex l-infrastruttura tal-enerġija kritika tkun aktar reżiljenti kontra theddid fiżiku, ċibernetiku u ibridu, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-enerġija minn naħa għall-oħra tal-fruntieri.

L-effetti rilevanti għas-sigurtà tal-investimenti diretti barranin li x’aktarx jaffettwaw l-infrastrutturi kritiċi jew it-teknoloġiji kritiċi se jkunu wkoll soġġetti għall-valutazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni permezz tal-qafas Ewropew il-ġdid għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin 35 .

L-UE tista’ wkoll tibni għodod ġodda biex tappoġġa r-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi. Sa issa l-internet globali wera livell għoli ta’ reżiljenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li jiġu appoġġati volumi ta’ traffiku akbar. Madankollu, jeħtieġ li nkunu ppreparati għall-kriżijiet futuri possibbli, li jheddu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-internet. Għandu jiġi żgurat li l-internet jibqa’ kompletament jaħdem, u dan ifisser li jkun b’saħħtu kontra inċidenti ċibernetiċi u attivitajiet online malizzjużi, u li jillimita d-dipendenza fuq infrastrutturi u servizzi li jinsabu barra mill-Ewropa. Dan jirrikjedi taħlita ta’ leġiżlazzjonijiet, bir-rieżami tar-regoli eżistenti, biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ sigurtà għan-netwerks u għas-sistemi tal-informazzjoni fl-UE; żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni; filwaqt li jitqiesu l-użu jew l-issudar ta’ infrastrutturi tal-internet ewlenin u ta’ riżorsi, b’mod partikolari s-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji 36 .

Element importanti biex jiġu protetti l-assi diġitali nazzjonali u tal-UE huwa li l-infrastrutturi kritiċi jiġu offruti kanal għall-komunikazzjoni sigura. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi infrastruttura kwantistika sigura minn tarf għall-ieħor iċċertifikata, terrestri u spazjali, kkombinata mas-sistema governattiva ta’ komunikazzjoni sikura bis-satellita stabbilita fir-Regolament dwar il-Programm Spazjali 37 . 

Ċibersigurtà

L-għadd ta’ attakki ċibernetiċi qed ikompli jiżdied 38 . Dawn l-attakki huma aktar sofistikati minn qatt qabel, ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ sorsi fl-UE u barra mill-UE, u huma mmirati lejn oqsma tal-akbar vulnerabbiltà. Atturi statali jew appoġġati mill-Istat huma ta’ spiss involuti, filwaqt li jkollhom fil-mira infrastrutturi diġitali ewlenin bħall-fornituri ewlenin tal-Cloud 39 . Ir-riskji ċibernetiċi tfaċċaw bħala theddida sinifikanti għas-sistema finanzjarja wkoll. Il-Fond Monetarju Internazzjonali kkalkula li t-telf annwali tiegħu minħabba l-attakki ċibernetiċi huwa ta’ 9 % tad-dħul nett globali tal-banek, jew madwar USD 100 biljun 40 . Iċ-ċaqlieqa lejn l-apparati konnessi se ġġib benefiċċji kbar għall-utenti: madankollu b’inqas data maħżuna u pproċessata f’ċentri tad-data, u iktar ipproċessata qrib l-utent “fit-tarf” 41 , iċ-ċibersigurtà ma tkunx tista’ tkompli tiffoka fuq il-protezzjoni ta’ punti ċentrali 42 .

Fl-2017, l-UE ressqet approċċ għaċ-ċibersigurtà li fiċ-ċentru tiegħu kellu l-bini ta’ reżiljenza, ir-rispons rapidu u deterrenza effettiva 43 . Issa jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tagħha jżommu l-pass mar-realtà, biex tipprovdi kemm ir-reżiljenza kif ukoll ir-rispons. Dan jitlob approċċ reali min-naħa tas-soċjetà kollha, fejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, l-Istati Membri, l-industrija, l-akkademja u l-individwi jagħtu liċ-ċibersigurtà l-prijorità li din teħtieġ 44 . Dan l-approċċ orizzontali jeħtieġ li jiġi kkomplimentat ukoll b’approċċi taċ-ċibersigurtà speċifiċi għas-settur, għal oqsma bħall-enerġija, is-servizzi finanzjarji, it-trasport jew is-saħħa. Il-fażi ta’ ħidma tal-UE li jmiss jenħtieġ li tinġabar f’daqqa fi Strateġija taċ-Ċibersigurtà Ewropea riveduta. 

L-esplorazzjoni ta’ forom ġodda u mtejba ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence, l-INTCEN tal-UE, u organizzazzjonijiet oħra involuti fis-sigurtà, jenħtieġ li jkunu parti mill-isforzi biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà, kif ukoll fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu, ir-radikaliżmu u t-theddid ibridu.

Minħabba t-tnedija li għadha għaddejja tal-infrastruttura tal-5G fl-UE kollha u d-dipendenza potenzjali ta’ bosta servizzi kritiċi fuq in-networks tal-5G, il-konsegwenzi tat-tħarbit sistemiku u mifrux ikun partikolarment serju. Il-proċess stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2019 dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G 45 issa wassal għal azzjoni speċifika minn Stat Membru dwar il-miżuri ewlenin stabbiliti f’sett ta’ għodod tal-5G 46 . 

Waħda mill-ħtiġijiet l-aktar importanti fuq terminu twil hija li tiġi żviluppata kultura ta’ ċibersigurtà fit-tfassil, bis-sigurtà mibnija fil-prodotti u fis-servizzi mill-bidu nett. Kontribut importanti għal dan se jkun il-qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà l-ġdid, permezz tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà 47 . Il-qafas diġà qed jitħejja, b’żewġ skemi ta’ ċertifikazzjoni diġà mħejjija, u bi prijoritajiet għal aktar skemi li għandhom jiġu definiti aktar tard din is-sena. Il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 48 hija ta’ importanza ewlenija f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni diġà identifikat il-ħtieġa għal Unità Ċibernetikata Konġunta li tipprovdi kooperazzjoni operazzjonali strutturata u kkoordinata. Din tista’ tinkludi mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka fi żminijiet ta’ kriżi fil-livell tal-UE. Filwaqt li tkompli tibni fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Blueprint 49 , l-Unità Ċibernetika Konġunta tista’ trawwem fiduċja bejn l-atturi differenti tal-ekosistema taċ-ċibersigurtà Ewropea u toffri servizz importanti lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tniedi diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti (se tibda mill-Istati Membri) u se tistabbilixxi proċess ċar, stadji importanti u skeda ta’ żmien sa tmiem l-2020.

Huma importanti wkoll regoli komuni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE. L-għan jenħtieġ li jkun li jinħolqu standards komuni obbligatorji u għoljin għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni u għas-sigurtà ta’ infrastrutturi u sistemi diġitali fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE. Dan il-qafas ġdid jenħtieġ li jkun il-bażi ta’ kooperazzjoni operazzjonali b’saħħitha u effiċjenti dwar iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, iċċentrat fuq ir-rwol tal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Minħabba n-natura dinjija tagħha, il-bini u ż-żamma ta’ sħubijiet internazzjonali b’saħħithom huma fundamentali biex ikomplu jiġu evitati u skoraġġuti ċ-ċiberattakki, kif ukoll ikun hemm rispons għalihom. Il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (“is-sett ta’ għodod tad-diplomazija ċibernetika”) 50 jistabbilixxi miżuri skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, inklużi miżuri restrittivi (sanzjonijiet), li jistgħu jintużaw kontra attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi politiċi, ta’ sigurtà u ekonomiċi tiegħu. Jenħtieġ wkoll li l-UE tapprofondixxi l-ħidma tagħha permezz ta’ fondi għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni biex tipprovdi l-bini ta’ kapaċitajiet u tappoġġa lill-Istati sħab fit-tisħiħ tal-ekosistemi diġitali tagħhom, fl-adozzjoni ta’ riformi leġiżlattivi nazzjonali u fl-aderenza ma’ standards internazzjonali. Dan iżid ir-reżiljenza tal-komunità ġenerali u l-kapaċità tagħha li tiġġieled u tirrispondi b’mod effettiv għal theddid ċibernetiku. Dan jinkludi ħidma speċifika biex jiġu promossi l-istandards tal-UE u l-leġiżlazzjoni rilevanti biex tiżdied iċ-ċibersigurtà tal-pajjiżi sħab fil-viċinat 51 . 

Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi

L-attakki terroristiċi reċenti ffukaw fuq l-ispazji pubbliċi, inklużi postijiet ta’ qima u ċentri tat-trasport, billi ġew sfruttati n-natura miftuħa u aċċessibbli tagħhom. Iż-żieda fit-terroriżmu xprunata minn estremiżmu motivat minn politiki jew ideoloġiji għamlet din it-theddida aktar akuta. Dan jitlob kemm għal protezzjoni fiżika aktar b’saħħitha ta’ dawn il-postijiet kif ukoll għal sistemi ta’ detezzjoni adegwati, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet taċ-ċittadini 52 . Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, permezz ta’ finanzjament, l-iskambju ta’ esperjenza u prattiki tajbin, gwida speċifika 53 u rakkomandazzjonijiet 54 . Is-sensibilizzazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u l-ittestjar ta’ tagħmir ta’ detezzjoni, filwaqt li jsaħħu l-kontrolli tal-kondotta biex jiġi indirizzat t-theddid minn ġewwa, se jkunu wkoll parti mill-approċċ. Aspett importanti li għandu jiġi rifless huwa l-fatt li l-minoranzi u l-individwi vulnerabbli jistgħu jiġu affettwati b’mod sproporzjonat, inklużi l-persuni li jkunu fil-mira minħabba r-reliġjon jew il-ġeneru tagħhom, u għalhekk hemm bżonn ta’ attenzjoni partikolari. L-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali għandhom rwol importanti biex itejbu s-sigurtà tal-ispazji pubbliċi. Il-Kummissjoni qed tgħin ukoll biex trawwem l-innovazzjoni fis-sigurtà fl-ispazji pubbliċi tal-bliet 55 . It-tnedija ta’ sħubija fl-Aġenda Urbana 56 ġdida dwar “is-sigurtà fi spazji pubbliċi” f’Novembru 2018 tirrifletti l-impenn qawwi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-bliet biex jindirizzaw aħjar it-theddidiet għas-sigurtà fl-ispazju urban.

Is-suq tad-drones qed ikompli jespandi, b’ħafna użi leġittimi u li għandhom valur. Madankollu, għandhom ukoll il-potenzjal li jintużaw ħażin minn kriminali u terroristi, bl-ispazji pubbliċi jkunu partikolarment mhedda. Il-miri jistgħu jinkludu individwi, il-ġemgħat ta’ nies, l-infrastruttura kritika, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-fruntieri jew l-ispazji pubbliċi. L-għarfien dwar l-użu tad-droni waqt kunflitt jista’ jsib ruħu fl-Ewropa, jew direttament (permezz tal-Ġellieda Terroristi Barranin li jirritornaw) jew online. Ir-regoli li diġà ġew żviluppati mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea huma l-ewwel pass importanti f’oqsma li jinkludu r-reġistrazzjoni tal-operaturi tad-droni u l-identifikazzjoni obbligatorja mill-bogħod tad-droni. Peress li d-droni qed isiru dejjem aktar disponibbli, aktar affordabbli u aktar kapaċi, hemm bżonn ta’ azzjonijiet oħra. Dan jista’ jinkludi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, ta’ gwida u ta’ prattiki tajbin għall-użu minn kulħadd, inkluż l-infurzar tal-liġi, kif ukoll aktar ittestjar ta’ kontromiżuri għad-droni 57 . Barra minn hekk, l-implikazzjonijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data marbutin mal-użu tad-droni fi spazji pubbliċi jenħtieġ li jiġu analizzati u indirizzati aktar.  

Azzjonijiet ewlenin

·Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika

·Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni tan-Netwerk

·Inizjattiva dwar ir-reżiljenza operazzjonali tas-settur finanzjarju

·Il-protezzjoni u ċ-ċibersigurtà tal-infrastruttura tal-enerġija kritika u l-kodiċi tan-netwerk dwar iċ-ċibersigurtà għal flussi tal-elettriku transfruntieri

·Strateġija taċ-Ċibersigurtà Ewropea

·Il-passi li jmiss għall-ħolqien ta’ Ċiberunità Konġunta

·Regoli komuni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

·Żieda fil-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, inklużi l-postijiet ta’ qima

·Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġi indirizzat l-użu ħażin tad-droni

2.L-indirizzar tat-theddid li qed jevolvi

Ċiberkriminalità

It-teknoloġija ġġib magħha opportunitajiet ġodda għas-soċjetà. Toffri wkoll għodod ġodda għall-ġudikatura u għall-infurzar tal-liġi. Iżda fl-istess ħin, tiftaħ il-bibien għall-kriminali. Il-malware, is-serq ta’ data personali jew tan-negozju bil-hacking, u l-qtugħ tal-attività diġitali li tikkawża ħsara finanzjarja jew reputazzjonali, kollha qed jiżdiedu. L-ambjent reżiljenti maħluq permezz ta’ ċibersigurtà b’saħħitha huwa l-ewwel difiża. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jkunu jistgħu jaħdmu fil-qasam tal-investigazzjonijiet diġitali b’regoli ċari għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tar-reati filwaqt li l-vittmi jingħataw il-protezzjoni meħtieġa. Din il-ħidma jenħtieġ li tibni fuq it-Taskforce ta’ Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità fil-Europol u fuq il-Protokoll ta’ Rispons f’Emerġenza għall-Infurzar tal-Liġi maħluq biex jikkoordina r-rispons għall-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. Huma wkoll kruċjali l-mekkaniżmi effettivi li jippermettu s-sħubijiet pubbliċi-privati u l-kooperazzjoni.

B’mod parallel, il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jenħtieġ li ssir prijorità ta’ komunikazzjoni strateġika fl-UE, li twissi lill-Ewropej dwar ir-riskji u l-miżuri preventivi li huma jistgħu jieħdu. Jenħtieġ li din tkun parti minn approċċ proattiv. L-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas legali attwali 58 hija wkoll pass essenzjali: il-Kummissjoni se tkun lesta li tuża proċeduri ta’ ksur kif jixraq, kif ukoll se żżomm dan il-qafas taħt rieżami biex tiżgura li jibqa’ tajjeb għall-iskop maħsub għalih. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll, flimkien mal-Europol u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, ENISA, il-fattibbiltà ta’ sistema ta’ twissija rapida tal-UE relatata maċ-ċiberkriminalità li tista’ tiżgura l-fluss ta’ informazzjoni u reazzjonijiet rapidi meta ċ-ċiberkriminalità tkun qed tiżdied.

Iċ-ċiberkriminalità hija sfida globali fejn hija meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali effettiva. L-UE tappoġġa l-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità, li hija mudell effettiv u stabbilit sew li jippermetti lill-pajjiżi kollha biex jidentifikaw liema sistemi u kanali ta’ komunikazzjoni jridu jistabbilixxu biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv ma’ xulxin.

Kważi nofs iċ-ċittadini tal-UE jinkwetaw dwar l-użu ħażin tad-data 59 u s-serq tal-identità huwa ta’ tħassib kbir 60 . L-użu frodulenti tal-identità għal gwadann finanzjarju huwa aspett wieħed, iżda jista’ jkun hemm ukoll impatt personali u psikoloġiku kbir, bi tqegħid ta’ messaġġi illegali magħmula minn ħalliela tal-identità li jistgħu jibqgħu online għal snin sħaħ. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri prattiċi possibbli għall-protezzjoni tal-vittmi kontra kull forma ta’ serq tal-identità, filwaqt li tqis l-inizjattiva Ewropea li jmiss dwar l-Identità Diġitali 61 .

Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità tfisser li nħarsu ’il quddiem. Billi s-soċjetà tuża żviluppi teknoloġiċi ġodda biex jissaħħu l-ekonomija u s-soċjetà, il-kriminali jistgħu wkoll ifittxu li jisfruttaw dawn l-għodod għal finijiet negattivi. Pereżempju, il-kriminali jistgħu jużaw l-intelliġenza artifiċjali għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni ta’ passwords, jew biex jissimplifikaw il-ħolqien ta’ malware, biex jisfruttaw immaġini u awdjo li jistgħu mbagħad jintużaw għal serq jew frodi tal-identità.

Infurzar tal-liġi modern

L-infurzar tal-liġi u l-prattikanti tal-ġustizzja jeħtieġ li jadattaw għat-teknoloġiji l-ġodda. L-iżviluppi teknoloġiċi u t-theddid emerġenti jirrikjedu li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal għodod ġodda, jiksbu ħiliet ġodda u jiżviluppaw tekniki investigattivi alternattivi. Biex tikkumplimenta l-azzjonijiet leġislattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika f’investigazzjonijiet kriminali, l-UE tista’ tgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa biex jidentifikaw, jiżguraw u jaqraw id-data meħtieġa biex jiġu investigati r-reati kriminali u biex din id-data tintuża bħala evidenza fil-qorti. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri biex issaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet diġitali, tiddefinixxi kif isir l-aħjar użu mir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jinħolqu għodod ġodda għall-infurzar tal-liġi; u kif it-taħriġ jista’ joffri sett ta’ ħiliet tajba għall-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura. Dan se jinkludi wkoll l-għoti ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi stretti u metodi ta’ ttestjar permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

Approċċi komuni jistgħu jiżguraw ukoll li l-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali, il-Big Data u l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jiġu integrati fil-politika ta’ sigurtà b’tali mod li jkunu effettivi kemm fil-ġlieda kontra r-reati kriminali kif ukoll fl-iżgurar tad-drittijiet fundamentali. L-intelliġenza artifiċjali tista’ taġixxi bħala għodda b’saħħitha biex tiġi miġġielda l-kriminalità, billi toħloq kapaċitajiet investigattivi enormi, billi tanalizza ammont kbir ta’ informazzjoni u tidentifika xejriet u anomaliji 62 . Hija tista’ tipprovdi wkoll għodod konkreti, bħal pereżempju biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, tiskopri tranżazzjonijiet suspettużi fil-bejgħ ta’ prodotti perikolużi jew toffri assistenza liċ-ċittadini f’emerġenzi. It-twettiq ta’ dan il-potenzjali jfisser li bil-governanza u l-infrastruttura teknika tajbin, filwaqt li jiġu involuti b’mod attiv is-settur privat u l-akkademja, jistgħu jiltaqgħu flimkien ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-utenti tal-intelliġenza artifiċjali. B’jekk jiġu żgurati wkoll l-ogħla standards ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva taċ-ċittadini. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq l-individwi jridu jkunu soġġetti għal rieżami uman u jridu jikkonformaw mal-liġi tal-UE rilevanti applikabbli 63 .

L-informazzjoni u l-evidenza elettronika hija meħtieġa f’madwar 85 % tal-investigazzjonijiet ta’ reati serji, filwaqt li 65 % tat-talbiet totali jmorru għand fornituri bbażati f’ġurisdizzjoni oħra 64 . Il-fatt li traċċi fiżiċi tradizzjonali saru online jkompli jespandi d-distakk bejn l-infurzar tal-liġi u l-kapaċitajiet kriminali. L-istabbiliment ta’ regoli ċari għall-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika fl-investigazzjonijiet kriminali huwa essenzjali. Din hija r-raġuni l-għaliex l-adozzjoni rapida mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposti dwar l-evidenza elettronika hija essenzjali biex il-prattikanti jingħataw għodda effiċjenti. L-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika permezz ta’ negozjati multilaterali u bilaterali internazzjonali huwa wkoll importanti biex jiġu stabbiliti regoli kompatibbli fil-livell internazzjonali 65 .

L-aċċess għall-evidenza diġitali jiddependi wkoll mid-disponibbiltà tal-informazzjoni. Jekk id-data titħassar malajr wisq tista’ tgħosfor evidenza importanti, u ma tibqax teżisti l-possibbiltà li jiġu identifikati u lokalizzati l-persuni suspettati u n-netwerks kriminali (kif ukoll il-vittmi). Min-naħa l-oħra, l-iskemi taż-żamma tad-data jqajmu kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-privatezza. Skont l-eżitu tal-każijiet pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni se tivvaluta t-triq ’il quddiem dwar iż-żamma tad-data. 

L-aċċess għall-informazzjoni mir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju tal-internet (“id-data ta’ WHOIS”) 66 huwa importanti għall-investigazzjonijiet kriminali, għaċ-ċibersigurtà u għall-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, l-aċċess għal din l-informazzjoni qed isir aktar diffiċli, sakemm tiġi adottata l-politika l-ġdida ta’ WHOIS mill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN). Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-ICANN u l-komunità ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex tiżgura li dawk li jfittxu aċċess leġittimu, inkluż għall-infurzar tal-liġi, ikunu jistgħu jiksbu aċċess effiċjenti għad-data ta’ WHOIS f’konformità mar-regolamenti tal-UE u r-regolamenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. Dan se jinkludi l-valutazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli, inkluż jekk tkunx meħtieġa xi leġiżlazzjoni biex jiġu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni.

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jridu wkoll jkunu mgħammra biex jiksbu d-data u l-evidenza meħtieġa ladarba l-arkitettura tal-5G għat-telekomunikazzjonijiet mobbli tiġi kompletament varata fl-UE, b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa approċċ imsaħħaħ u kkoordinat meta tibni standards internazzjonali, tiddefinixxi l-aħjar prattiki, il-proċess, u l-interoperabbiltà teknika f’oqsma teknoloġiċi ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti jew it-teknoloġiji blockchain.

Illum, parti sostanzjali mill-investigazzjonijiet kontra kull forma ta’ kriminalità u terroriżmu tinvolvi l-informazzjoni kriptata. Il-kriptaġġ huwa essenzjali għad-dinja diġitali, biex jiġu żgurati s-sistemi u t-tranżazzjonijiet diġitali kif ukoll biex jiġu protetti għadd ta’ drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, jekk jintuża għall-finijiet kriminali, jista’ wkoll jaħbi l-identità tal-kriminali u jaħbi l-kontenut tal-komunikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni se tesplora u tappoġġa soluzzjonijiet ibbilanċjati tekniċi, operazzjonali u legali għall-isfidi, u tippromwovi approċċ li jżomm l-effettività tal-kriptaġġ biex jiġu protetti l-privatezza u s-sigurtà, filwaqt li jipprovdi rispons effettiv kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

Il-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku onlajn

L-armonizzazzjoni tas-sigurtà fl-ambjenti online u fiżiċi tfisser li jitkomplew jittieħdu passi biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali online. It-theddid prinċipali għaċ-ċittadini bħat-terroriżmu, l-estremiżmu u l-abbuż sesswali tat-tfal jiddependi aktar u aktar fuq l-ambjent diġitali: dan jitlob azzjoni konkreta u qafas biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali. L-ewwel pass essenzjali huwa li jiġu konklużi malajr in-negozjati dwar il-leġislazzjoni proposta rigward il-kontenut terroristiku online 67 u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni volontarja bejn l-infurzar tal-liġi u s-settur privat fil-Forum tal-UE dwar l-Internet huwa wkoll kruċjali għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-internet minn terroristi, estremisti vjolenti u kriminali. L-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-UE fil-Europol se tkompli taqdi rwol kruċjali fil-monitoraġġ tal-attività ta’ gruppi terroristiċi online u fl-azzjoni meħuda minn pjattaformi 68 , kif ukoll fl-iżvilupp ulterjuri tal-Protokoll tal-UE għall-kriżijiet 69 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha ma’ sħab internazzjonali, inkluż billi tipparteċipa fil-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex tindirizza dawn l-isfidi fil-livell globali. Il-ħidma se tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ narrattivi alternattivi u kontronarrattivi permezz tal-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili 70 .

Sabiex jiġi evitat u miġġieled it-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda illegali online, fl-2016 il-Kummissjoni nediet il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali, b’impenn volontarju minn pjattaformi online biex ineħħu l-kontenut tad-diskors ta’ mibegħda. L-aħħar evalwazzjoni turi  li l-kumpaniji jivvalutaw 90 % tal-kontenut immarkat fi żmien 24 siegħa u jneħħu 71 % tal-kontenut meqjus bħala diskors ta’ mibegħda illegali. Madankollu, il-pjattaformi jeħtieġ li jtejbu aktar it-trasparenza u l-feedback lill-utenti u jiżguraw evalwazzjoni konsistenti tal-kontenut immarkat 71 .

Il-Forum tal-UE dwar l-Internet se jiffaċilita wkoll skambji dwar teknoloġija eżistenti u li qed tiżviluppa biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal online. L-indirizzar tal-abbuż sesswali tat-tfal online huwa fil-qalba ta’ Strateġija ġdida biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 72 , li tfittex li timmassimizza l-użu tal-għodod disponibbli fil-livell tal-UE biex jiġu miġġielda dawn ir-reati. Il-kumpaniji jridu jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom biex isibu u jneħħu materjal online ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u l-ħsara kkawżata minn dan il-materjal titlob qafas li jistabbilixxi obbligi ċari u permanenti biex tiġi indirizzata l-problema. L-istrateġija tħabbar ukoll li l-Kummissjoni se tibda tħejji wkoll leġiżlazzjoni speċifika għas-settur biex tindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal online b’mod aktar effettiv, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

Kollox ma’ kollox, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jmiss se jiċċara u jaġġorna wkoll ir-regoli dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza għas-servizzi diġitali u jneħħi d-diżinċentivi li jżommu lura l-azzjonijiet li bihom jiġu indirizzati l-kontenut, l-oġġetti jew is-servizzi illegali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha ma’ sħab internazzjonali u mal-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, inkluż permezz tal-kumitat konsultattiv indipendenti, biex tiddiskuti kif se jiġu indirizzati dawn l-isfidi fil-livell dinji filwaqt li tippreserva l-valuri tal-UE u d-drittiejiet fundamentali. Jenħtieġ li jiġu indirizzati suġġetti ġodda wkoll, bħal algoritmi jew il-logħob tal-azzard online 73 . 

Theddid ibridu

L-iskala u d-diversità tat-theddid ibridu llum huma bla preċedent. Il-kriżi tal-COVID-19 tat aktar prova ta’ dan, b’diversi atturi statali u mhux statali li jfittxu li jistrumentalizzaw il-pandemija, b’mod partikolari permezz tal-manipulazzjoni tal-ambjent tal-informazzjoni u ta’ sfidi għall-infrastrutturi ċentrali. Dan għandu r-riskju li jdgħajjef il-koeżjoni soċjali u jimmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri. 

L-approċċ tal-UE għat-theddid ibridu huwa stabbilit fil-Qafas Konġunt tal-2016 74 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2018 dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza ibrida 75 . L-azzjoni fil-livell tal-UE hija mirfuda minn sett ta’ għodod imdaqqas li jkopri r-rabta bejn id-dimensjoni interna u dik esterna, ibbażata fuq approċċ li jinvolvi s-soċjetà kollha u fuq kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab strateġiċi, b’mod partikolari n-NATO u l-G7. Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-UE dwar it-theddid ibridu qed jiġi ppubblikat flimkien ma’ din l-Istrateġija 76 . Abbażi tal-immappjar 77 ippreżentat b’mod parallel ma’ din l-Istrateġija, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se joħolqu pjattaforma online ristretta għar-referenza tal-Istati Membri dwar għodod u miżuri kontroibridi fil-livell tal-UE. 

Filwaqt li r-responsabbiltà biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu taqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri – minħabba r-rabtiet intrinsiċi mal-politiki nazzjonali ta’ sigurtà u ta’ difiża – xi dgħufijiet huma komuni għall-Istati Membri kollha u xi theddidiet jestendu lil hinn mill-fruntieri, bin-netwerks jew l-infrastrutturi transfruntieri jkunu fil-mira. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jistabbilixxu approċċ tal-UE għal theddid ibridu li jintegra fi fluss bla xkiel id-dimensjoni esterna u interna u li jlaqqa’ flimkien il-kunsiderazzjonijiet nazzjonali u dawk tal-UE kollha. Dan irid ikopri l-firxa sħiħa ta’ azzjonijiet, mid-detezzjoni bikrija, l-analiżi, is-sensibilizzazzjoni, il-bini tar-reżiljenza u l-prevenzjoni sar-rispons għall-kriżijiet u l-ġestjoni tal-konsegwenzi.

Minbarra l-implimentazzjoni msaħħa, peress li t-theddid ibridu qiegħed f’evoluzzjoni kostanti, se tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ibridi fit-tfassil tal-politika, biex jinżamm il-pass mal-iżviluppi dinamiċi u biex jiġi żgurat li l-ebda inizjattiva potenzjalment rilevanti ma tiġi injorata. L-effetti tal-inizjattivi ġodda se jiġu vvalutati wkoll permezz ta’ lentijiet ibridi, inklużi inizjattivi f’oqsma li s’issa kienu barra mill-ambitu tal-qafas kontra t-theddid ibridu, bħall-edukazzjoni, it-teknoloġija u r-riċerka. Dan l-approċċ jibbenefika mix-xogħol li sar fuq il-kunċettwalizzazzjoni ta’ theddid ibridu, li jipprovdi perspettiva komprensiva tad-diversi għodod li jistgħu jintużaw mill-avversarji 78 . Jenħtieġ li l-għan jkun biex jiġi żgurat li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun sostnut mir-rapportar regolari u komprensiv ibbażat fuq l-intelligence dwar l-evoluzzjoni tat-theddid ibridu. Dan se jiddependi ħafna fuq l-intelligence tal-Istati Membri u fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-intelligence mas-servizzi kompetenti tal-Istati Membri permezz tal-INTCEN tal-UE.

Biex jiġi żviluppat l-għarfien tas-sitwazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jesploraw l-għażliet li jissimplifikaw il-flussi ta’ informazzjoni minn sorsi differenti, inklużi l-Istati Membri, kif ukoll l-aġenziji tal-UE bħall-ENISA, il-Europol u l-Frontex. Iċ-ċellola ta’ fużjoni tal-UE kontra t-theddid ibridu se tibqa’ l-punt fokali tal-UE għall-valutazzjonijiet tat-theddid ibridu. Il-bini tar-reżiljenza huwa ċentrali għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra t-theddid ibridu. Għalhekk huwa kruċjali li l-progress f’dan il-qasam jitkejjel b’mod sistematiku u oġġettivament. L-ewwel pass se jkun biex jiġu identifikati xenarji ta’ referenza settorjali għar-reżiljenza ibrida kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Fl-aħħar nett, biex tiżdied it-tħejjija għal rispons għall-kriżijiet ibridi, il-protokoll eżistenti jenħtieġ li jiġi rivedut, kif definit fil-Playbook tal-UE tal-2016 79 , filwaqt li jkun jirrifletti rieżami estiż u t-tisħiħ tas-sistema tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet li qed tiġi kkunsidrata bħalissa 80 . L-għan huwa li jiġi massimizzat l-effett tal-azzjoni tal-UE billi jitlaqqgħu flimkien malajr ir-reazzjonijiet settorjali u billi tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel mas-sħab tagħna, l-ewwel u qabel kollox in-NATO.

Azzjonijiet ewlenin

·Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità tiġi implimentata u adattata għall-iskop tagħha

·Strateġija għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal

·Proposti dwar id-detezzjoni u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal

·Approċċ tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu

·Rieżami tal-protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (Playbook tal-UE)

·Valutazzjoni ta’ kif tissaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet diġitali

3.Nipproteġu lill-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata

Terroriżmu u radikalizzazzjoni

It-theddid terroristiku fl-UE għadu għoli. Minkejja t-tnaqqis fl-għadd totali ta’ attakki b’mod ġenerali, dawn xorta jista’ jkollhom effett devastanti. Ir-radikalizzazzjoni tista’ wkoll tippolarizza b’mod aktar ġenerali u tiddestabbilizza l-koeżjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni. Madankollu, id-dimensjoni transfruntiera/transettorjali dejjem tikber tat-theddid titlob aktar passi fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-UE. L-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu, inklużi l-miżuri restrittivi 81 , hija prijorità. L-objettiv jibqa’ li l-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għar-reati terroristiċi transfruntiera jiġi estiż.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu tibda bl-indirizzar tal-kawżi ewlenin. Il-polarizzazzjoni tas-soċjetà, id-diskriminazzjoni reali jew perċepita u fatturi psikoloġiċi u soċjoloġiċi oħra jistgħu jsaħħu l-vulnerabbiltà tan-nies għad-diskors radikali. F’dan il-kuntest, l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni jmur id f’id mat-trawwim ta’ koeżjoni soċjali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. F’dawn l-aħħar għaxar snin ġew żviluppati diversi inizjattivi u politiki li jħallu impatt, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u l-Inizjattiva tal-Bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni 82 . Issa wasal iż-żmien li jiġu kkunsidrati azzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-politiki, l-inizjattivi u l-fondi tal-UE biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet, isaħħu l-kooperazzjoni, isaħħu l-bażi ta’ evidenza u jgħinu fl-evalwazzjoni tal-progress, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-prattikanti tal-ewwel linja, dawk li jfasslu l-politika u l-qasam akkademiku 83 . Politiki mhux vinkolanti bħall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, billi jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’riskju u koeżjoni fl-UE 84 . L-oqsma ta’ prijorità jinkludu ħidma dwar id-detezzjoni bikrija u l-ġestjoni tar-riskju, il-bini tar-reżiljenza u d-diżimpenn, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni fis-soċjetà. 

It-terroristi fittxew li jiksbu u jakkwistaw u jibdlu f’armi materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, CBRN) 85 , kif ukoll li jiżviluppaw l-għarfien u l-kapaċità li jużawhom 86 . Il-potenzjal ta’ attakki b’materjal CBRN jidher b’mod prominenti fil-propaganda terroristika. Bil-potenzjal ta’ ħsara tant għoli, hemm bżonn ta’ attenzjoni partikolari. Abbażi tal-approċċ użat biex jiġi rregolat l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi, il-Kummissjoni se teżamina r-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti sustanzi kimiċi perikolużi li jistgħu jintużaw biex jitwettqu attakki. L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet tar-rispons tal-UE għall-protezzjoni ċivili (rescEU) fil-qasam CBRN se jkun ukoll kruċjali. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija importanti wkoll biex tissaħħaħ kultura komuni ta’ sikurezza u sigurtà rigward il-materjal CBRN, filwaqt li jsir użu sħiħ miċ-ċentri ta’ eċċellenza globali, kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari tal-UE. Din il-kooperazzjoni se tinkludi valutazzjonijiet nazzjonali tal-lakuni u tar-riskju, appoġġ għall-pjanijiet ta’ azzjoni CBRN nazzjonali u reġjonali, l-iskambju ta’ prattiki tajba u attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet CBRN.

L-UE żviluppat l-aktar leġiżlazzjoni avvanzata fid-dinja biex tillimita l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi 87 u biex tidentifika tranżazzjonijiet suspettużi li jkollhom l-għan li jibnu apparat splussiv improvviżat. Iżda t-theddida minn splussivi magħmulin id-dar, li ntużaw f’diversi attakki madwar l-UE, tibqa’ għolja 88 . L-ewwel pass irid ikun l-implimentazzjoni tar-regoli, kif ukoll li jiġi żgurat li l-ambjent online ma jippermettix li jingħelbu l-kontrolli.

Il-prosekuzzjoni effettiva ta’ dawk li jwettqu reati terroristiċi, inklużi l-Ġellieda Terroristi Barranin li bħalissa jinsabu fis-Sirja u fl-Iraq, hija wkoll element importanti tal-politika ta’ kontra t-terroriżmu. Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet huma ttrattati primarjament mill-Istati Membri, il-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-UE jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi komuni. Il-passi li qed jittieħdu biex tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-fruntieri 89 u biex isir użu sħiħ tal-bażijiet tad-data kollha rilevanti tal-UE, biex tinqasam l-informazzjoni dwar persuni suspettati magħrufa, se jkunu pass importanti. Kif ukoll hija meħtieġa politika ta’ riintegrazzjoni u ta’ riabilitazzjoni biex jiġu identifikati individwi ta’ riskju għoli. Il-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż mal-persunal tal-ħabs u tal-probation se ssaħħaħ il-fehim ġudizzjarju tal-proċessi mir-radikalizzazzjoni għall-estremiżmu vjolenti, u l-approċċ tas-settur ġudizzjarju fl-għoti ta’ sentenzi u alternattivi għad-detenzjoni.

L-isfida tal-ġellieda terroristi barranin hija każ emblematiku tar-rabta bejn is-sigurtà interna u s-sigurtà esterna. Il-kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti hija ċentrali għas-sigurtà fl-UE 90 . Hemm bżonn ta’ aktar passi biex jiġu żviluppati sħubijiet kontra t-terroriżmu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi fil-viċinat u aktar ’l bogħod, abbażi tal-għarfien tan-Network ta’ Esperti tas-Sigurtà/ta’ kontra t-terroriżmu tal-UE. Il-pjan ta’ Azzjoni Konġunta dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent huwa referenza tajba għal tali kooperazzjoni mmirata. B’mod partikolari, jenħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi appoġġata l-kapaċità tal-pajjiżi sħab biex jidentifikaw u jsibu l-ġellieda terroristi barranin. L-UE se tkompli wkoll tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali, billi taħdem ma’ atturi globali ewlenin f’dan il-qasam, bħan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, il-Kunsill ta’ l-Ewropa, l-Interpol u l-OSCE. Hija se tinvolvi ruħha wkoll mal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu u l-Koalizzjoni Globali kontra Da’esh, kif ukoll ma’ atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili. L-istrumenti tal-politika esterna tal-Unjoni, inklużi l-iżvilupp u l-kooperazzjoni, għandhom ukoll rwol importanti fil-ħidma ma’ pajjiżi terzi għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-piraterija. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali biex jiġu eliminati s-sorsi kollha ta’ finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju permezz tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

Il-kriminalità organizzata

Il-kriminalità organizzata ġġib magħha spiża ekonomika u personali enormi. It-telf ekonomiku minħabba l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ġie stmat li jirrappreżenta bejn EUR 218 u EUR 282 biljun fis-sena 91 . Aktar minn 5,000 grupp ta’ kriminalità organizzata kienu qed jiġu investigati fl-Ewropa fl-2017, żieda ta’ 50 % apparagun tal-2013 92 . Il-kriminalità organizzata qiegħda dejjem aktar topera b’mod transfruntier inkluż mill-viċinat immedjat tal-UE, u dan jitlob intensifikar fil-kooperazzjoni operazzjonali u skambju ta’ informazzjoni mas-sħab tal-viċinat.

Qed jitfaċċaw sfidi ġodda li qed jittrasferixxu l-kriminalità online: bil-pandemija tal-COVID-19 kien hemm żieda enormi f’każijiet ta’ ingann online fuq gruppi vulnerabbli, kif ukoll qed ikunu fil-mira l-prodotti tas-saħħa u sanitarji waqt is-serq 93 . Jeħtieġ li l-UE tintensifika l-ħidma tagħha kontra l-kriminalità organizzata, inkluż fil-livell internazzjonali, b’aktar għodod, biex jiżżarma l-mudell tan-negozju tal-kriminalità organizzata. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ amministrazzjonijiet lokali u reġjonali kif ukoll mas-soċjetà ċivili, li huma s-sħab ewlenin fil-prevenzjoni tal-kriminalità kif ukoll fl-għoti ta’ assistenza u appoġġ lill-vittmi, bl-amministrazzjonijiet fir-reġjuni tal-fruntieri jkollhom ħtiġijiet partikolari. Din il-ħidma se tinġabar f’daqqa f’Aġenda għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Aktar minn terz tal-gruppi tal-kriminalità organizzata attivi fl-UE huma involuti fil-produzzjoni, fit-traffikar jew fid-distribuzzjoni tad-droga. Il-vizzju tad-droga fl-UE wassal għal aktar minn tmint elf mewta minn doża eċċessiva fl-2019. Il-biċċa l-kbira tat-traffikar tad-droga jsir bejn il-fruntieri, b’ħafna mill-profitti jinfiltraw l-ekonomija legali 94 . Aġenda ġdida tal-UE dwar id-Droga 95 se ssaħħaħ l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri fl-oqsma tat-tnaqqis tad-domanda u tal-provvista tad-droga, filwaqt li tiddefinixxi l-azzjonijiet konġunti li jindirizzaw problema komuni u li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab esterni dwar il-kwistjonijiet ta’ droga. Wara evalwazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-mandat tagħha għandux bżonn jiġi aġġornat biex jilqa’ għall-sfidi ġodda.

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata u t-terroristi huma wkoll l-atturi ewlenin fil-kummerċ tal-armi tan-nar illegali. Bejn l-2009 u l-2018 fl-Ewropa seħħew 23 inċident ta’ sparar fuq il-folla, li qatlu aktar minn 340 persuna 96 . L-armi tan-nar spiss jiġu traffikati lejn l-UE mill pajjiżi immedjati tal-viċinat tagħha 97 . Dan jindika l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni kemm fl-UE kif ukoll mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Interpol, biex jiġi armonizzat il-ġbir ta’ informazzjoni u r-rappurtar dwar is-sekwestri tal-armi tan-nar. Huwa essenzjali wkoll li tittejjeb it-traċċabbiltà tal-armi, inkluż fuq l-internet, u li jiġi żgurat skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u tal-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni qed tressaq Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ġdid kontra t-traffikar tal-armi tan-nar 98 u se tivvaluta wkoll jekk ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni u l-miżuri ta’ importazzjoni u ta’ tranżitu tal-armi tan-nar għadhomx adattati għall-iskop tagħhom 99 .

L-organizzazzjonijiet kriminali jittrattaw il-migranti u l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali bħala komodità. Mad-90% tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE huma megħjuna minn network kriminali. 100 It-traffikar tal-migranti spiss huwa wkoll marbut ma’ forom oħra ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin 101 . Minbarra l-prezz uman enormi tat-traffikar tal-bnedmin, l-Europol tistma li globalment il-profitt annwali ġġenerat għal kull forma ta’ sfruttament mit-traffikar tal-bnedmin jammonta għal EUR 29,4 biljun. Dan huwa reat tranżnazzjonali li jirriżulta mit-talbiet illegali minn ġewwa l-UE u minn barra minnha, u li jħalli impatt fuq l-Istati Membri kollha tal-UE. Ir-riżultati skarsi fl-identifikazzjoni, fil-prosekuzzjoni u fl-ikkundannar ta’ dawn ir-reati jeħtieġ approċċ ġdid biex tittieħed aktar azzjoni. Approċċ komprensiv ġdid għat-traffikar tal-bnedmin se jiġbor flimkien direzzjonijiet ta’ azzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ġdid kontra t-traffikar tal-migranti għall-2021-2025. Iż-żewġ oqsma se jiffukaw fuq il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi.

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata – kif ukoll it-terroristi – ifittxu wkoll opportunitajiet f’oqsma oħra, speċjalment dawk li jiġġeneraw qligħ għoli b’riskju ta’ detezzjoni baxx, bħall-kriminalità ambjentali. Il-kaċċa illegali u l-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi, l-estrazzjoni illegali, il-qtugħ tas-siġar u r-rimi u l-vjeġġi illegali ta’ skart, saru r-raba’ l-akbar negozju kriminali fid-dinja 102 . Kien hemm ukoll l-isfruttament kriminali tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u s-sistemi taċ-ċertifikati tal-enerġija, kif ukoll l-użu ħażin ta’ finanzjament allokat għar-reżiljenza ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli. Barra milli tiġi promossa azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri u mill-komunità internazzjonali biex jittieħdu iktar passi kontra reati ambjentali 103 , il-Kummissjoni qed tivvaluta jekk id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali 104 għadhiex adattata għall-iskop tagħha. It-traffikar ta’ beni kulturali sar ukoll waħda mill-aktar attivitajiet kriminali li jħallu qligħ, sors ta’ finanzjament għat-terroristi kif ukoll għall-kriminalità organizzata, u dejjem qed jiżdied. Jenħtieġ li jiġu esplorati modi biex titjieb it-traċċabbiltà online u offline tal-beni kulturali fis-suq intern u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn il-beni kulturali jinsterqu kif ukoll jingħata appoġġ attiv lil komunitajiet tal-infurzar tal-liġi u akkademiċi.

Ir-reati ekonomiċi u finanzjarji huma kumplessi ħafna, u jaffettwaw miljuni ta’ ċittadini u eluf ta’ kumpaniji fl-UE kull sena. Il-ġlieda kontra l-frodi hija kruċjali u teħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE. L-Europol, flimkien mal-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-UE biex jipproteġu s-swieq ekonomiċi u finanzjarji u jissalvagwardjaw il-flus tal-kontribwenti tal-UE. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jsir kompletament operazzjonali tard fl-2020 u se jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE, bħall-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Se jindirizza wkoll il-frodi tal-VAT transfruntiera li jiswew lill-kontribwenti mill-inqas EUR 50 biljun fis-sena.

Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ għarfien espert u ta’ qafas leġiżlattiv marbut mar-riskji emerġenti, bħal pereżempju l-kriptoassi u s-sistemi ta’ pagament ġodda. B’mod partikolari l-Kummissjoni se teżamina kif se jkun ir-rispons għall-feġġien tal-kriptovaluta bħall-bitcoin u l-effett li dawn it-teknoloġiji l-ġodda se jkollhom fuq kif jinħarġu, jiġu skambjati, kondiviżi u aċċessati l-assi finanzjarji.

Jenħtieġ li jkun hemm tolleranza żero għall-flus illeċiti fl-Unjoni Ewropea. Għal aktar minn tletin sena l-UE żviluppat qafas regolatorju solidu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’rispett sħiħ għall-ħtieġa li tiġi protetta d-data personali. Madankollu, hemm kunsens dejjem jikber li l-implimentazzjoni tal-qafas attwali jeħtieġ li tittejjeb b’mod sinifikanti. Diverġenzi kbar fil-mod kif tiġi applikata u dgħufijiet serji fl-infurzar tar-regoli jeħtieġ li jiġu indirizzati. Kif spjegat fid-dettall fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Mejju 2020 105 , għaddejja ħidma biex jiġu vvalutati l-opzjonijiet biex jissaħħaħ il-qafas tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Żoni li għandhom jiġu esplorati jinkludu l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, li jistgħu jħaffu b’mod sinifikanti l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u mill-awtoritajiet kompetenti.

Il-profitti tal-gruppi tal-kriminalità organizzata huma stmati li jlaħħqu EUR 110 biljun fis-sena fl-UE. Ir-rispons attwali jinkludi leġislazzjoni armonizzata dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi 106 , biex jittejbu l-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali fl-UE u biex tiġi ffaċilitata l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva bejn l-Istati Membri. Madankollu, madwar 1 % biss ta’ dawn il-profitti huma kkonfiskati 107 , u dan jippermettilhom lill-gruppi tal-kriminalità organizzata li jinvestu biex jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom u biex jinfiltraw l-ekonomija legali, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li għandhom diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu, u huma l-mira ewlenija għall-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni se tanalizza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni 108 u possibilment il-ħtieġa għal aktar regoli komuni, inkluż dwar il-konfiska mingħajr kundanna kriminali. L-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi 109 , l-atturi ewlenin fil-proċess ta’ rkupru tal-assi, jistgħu jkunu mgħammra wkoll b’għodda aħjar biex l-assi jiġu identifikati u ttraċċati b’aktar ħeffa fl-UE sabiex jiżdiedu r-rati ta’ konfiska.

Hemm rabta qawwija bejn il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Ġie stmat bejn wieħed u ieħor li l-korruzzjoni waħedha tiswa lill-ekonomija tal-UE mal-EUR 120 biljun fis-sena 110 . Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni se jkomplu jkunu soġġetti għal monitoraġġ regolari permezz tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt kif ukoll tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru Ewropew ivvaluta l-isfidi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, l-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju jew il-kura tas-saħħa. Ir-rapport annwali l-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt se jkopri l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jippermetti djalogu preventiv mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wkoll jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jixprunaw l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u dawn il-gruppi jistgħu jitlaqqgħu b’mod utli f’forum komuni. Minħabba n-natura transfruntiera tagħhom, dimensjoni prinċipali oħra hija l-kooperazzjoni u l-assistenza kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ma’ reġjuni ġirien tal-UE.

Azzjonijiet ewlenin

·Aġenda tal-UE kontra t-terroriżmu, inkluż azzjonijiet mġedda kontra r-radikalizzazzjoni fl-UE

·Kooperazzjoni ġdida ma’ pajjiżi terzi ewlenin u organizzazzjonijiet internazzjonali kontra t-terroriżmu

·Aġenda dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin

·Aġenda tal-UE dwar id-Droga u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2021-2025

·Valutazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

·Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar

·Rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iffriżar u l-konfiska, u dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi

·Valutazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali

·Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti għall-2021-2025

4.Ekosistema tas-sigurtà Ewropea b’saħħitha

Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva trid tkun sforz komuni mill-partijiet kollha tas-soċjetà. Il-gvernijiet, l-infurzar tal-liġi, is-settur privat, l-edukazzjoni u ċ-ċittadini nfushom jeħtieġ li jkunu involuti, mgħammra u konnessi adegwatament biex jinbena stat ta’ tħejjija u reziljenza għal kulħadd, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbi, il-vittmi u x-xhieda.

Il-politiki kollha jeħtieġu dimensjoni ta’ sigurtà u l-UE tista’ tagħti kontribut fil-livelli kollha. Fid-dar, il-vjolenza domestika hija waħda mir-riskji l-aktar serji għas-sigurtà. Fl-UE 22 % tan-nisa esperjenzaw vjolenza minn sieħeb intimu 111 . L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika għadha prijorità importanti. Jekk in-negozjati jibqgħu mblukkati, il-Kummissjoni se tieħu miżuri oħra biex tikseb l-istess objettivi tal-Konvenzjoni, inkluż li tipproponi li żżid il-vjolenza fuq in-nisa mal-lista ta’ reati tal-UE definiti fit-Trattat.

Kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni

Wieħed mill-aktar kontributi importanti li tista’ tagħmel l-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini huwa billi tgħin lil dawk responsabbli mis-sigurtà biex jaħdmu tajjeb flimkien. Il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma l-aktar għodod b’saħħithom biex jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu u biex issir ġustizzja. Biex ikunu effiċjenti, jeħtieġ li jkunu immirati u f’waqthom. Biex ikun hemm fiduċja fihom, jeħtieġ li jintużaw b’salvagwardji u kontrolli komuni.

Ġew stabbiliti għadd ta’ strumenti u strateġiji speċifiċi għas-settur 112 , biex tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni operazzjonali għall-infurzar tal-liġi ta’ bejn l-Istati Membri. Wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE li jappoġġaw il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri huwa s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, użata għall-iskambju tad-data f’ħin reali, dwar persuni u oġġetti mfittxija u nieqsa. Ir-riżultati nħassu fl-arrest ta’ kriminali, sekwestri ta’ drogi u s-salvataġġ ta’ vittmi potenzjali 113 . Madankollu, il-livell ta’ kooperazzjoni jista’ xorta waħda jittejjeb billi jiġu ssimplifikati u aġġornati l-istrumenti disponibbli. Il-biċċa l-kbira tal-qafas legali tal-UE li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi ġie mfassal 30 sena ilu. Ix-xibka kumplessa ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri, bosta li għadda żmienhom jew mhux mhux jintużaw, qegħdin f’riskju ta’ frammentazzjoni. F’pajjiżi iżgħar jew mingħajr kosta, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu bejn il-fruntieri għandhom iwettqu azzjonijiet operazzjonali fejn f’xi każijiet, iridu jsegwu sa seba’ settijiet ta’ regoli differenti: ir-riżultat huwa li xi operazzjonijiet, bħall-insegwimenti transfruntieri ta’ persuni suspettati fil-fruntieri interni, sempliċiment ma jseħħux. Il-kooperazzjoni operazzjonali dwar teknoloġiji ġodda bħad-droni, ukoll mhumiex koperti mill-qafas attwali tal-UE.

L-effikaċja operazzjonali tista’ tiġi appoġġata minn kooperazzjoni speċifika fl-infurzar tal-liġi, li tista’ tgħin ukoll biex jingħata appoġġ importanti għal għanijiet ta’ politika oħrajn – bħall-għoti ta’ kontribut marbut mas-sigurtà għall-valutazzjoni l-ġdida dwar l-investiment dirett barrani. Il-Kummissjoni se tħares lejn kif il-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija jista’ jappoġġa dan. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri aktar ma jmur għamlu użu mill-appoġġ u l-għarfien espert fil-livell tal-UE, filwaqt li l-INTCEN tal-UE kellu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-iskambju ta’ intelligence strateġika bejn is-Servizzi tal-Intelligence u tas-Sigurtà tal-Istati Membri li jipprovdu intelligence u għarfien tas-sitwazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-UE 114 . L-Europol jista’ jkollu wkoll rwol ewlieni fejn jiftaħ l-kooperazzjoni tiegħu ma’ pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu f’konformità ma’ politiki u għodod esterni oħra tal-UE. Madankollu, l-Europol illum qed tiffaċċja għadd ta’ restrizzjonijiet serji – b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju dirett tad-data personali ma’ partijiet privati – li jfixkilha milli tappoġġa b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità. Il-mandat tal-Europol issa qed jiġi vvalutat u se jiġi eżaminat kif jista’ jittejjeb biex jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun tista’ twettaq għalkollox il-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet rilevanti fil-livell tal-UE (bħall-OLAF, il-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jenħtieġ ukoll li jikkooperaw aktar mill-qrib u jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni.

Konnessjoni oħra importanti hija biex ikompli jiġi żviluppat il-Eurojust, biex tiġi massimizzata s-sinerġija bejn il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. L-UE tibbenefika wkoll minn koerenza aktar strateġika: EMPACT 115 , iċ-ċiklu ta’ politika tal-UE għall-kriminalità organizzata serja u internazzjonali, tipprovdi metodoloġija mmexxija mill-intelligence kriminali biex l-awtoritajiet jindirizzaw b’mod konġunt it-theddid kriminali l-aktar importanti li jaffettwa lill-UE. Dan wassal għal riżultati operazzjonali 116 importanti f’dawn l-aħħar għaxar snin. Abbażi tal-esperjenza tal-prattikanti, għaċ-Ċiklu ta’ Politika l-ġdid għall-2022-2025, il-mekkaniżmu eżistenti jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat biex jindirizza aħjar l-aktar theddidiet kriminali urġenti u li qed jevolvu.

Informazzjoni f’waqtha u rilevanti hija essenzjali għall-ħidma ta’ kuljum li tiġġieled il-kriminalità. Minkejja l-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data ġodda fil-livell tal-UE, għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, ħafna informazzjoni għadha tinsab f’bażijiet tad-data nazzjonali jew qed tiġi skambjata mhux permezz ta’ dawn l-għodod. Ir-riżultat huwa ammont ta’ xogħol addizzjonali sinifikanti, dewmien, u riskju akbar li informazzjoni importanti tinqabeż. Proċessi aħjar, aktar rapidi u ssimplifikati, li jinvolvu l-komunità tas-sigurtà kollha, iġibu riżultati aħjar. Huma essenzjali l-għodod adattati jekk l-iskambju tal-informazzjoni għandu jilħaq il-potenzjal tiegħu fit-tfittxija effettiva tal-kriminalità bis-salvagwardji neċessarji, sabiex il-kondiviżjoni tad-data tirrispetta l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali. Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, forensiċi u tal-protezzjoni tad-data, u l-ħtiġijiet operazzjonali li nbidlu, l-UE tista’ tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu modernizzati l-istrumenti bħad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm tal-2008, li jistabbilixxu l-iskambju awtomatizzat tad-data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni tal-vetturi, biex ikun jista’ jitwettaq l-iskambju awtomatizzat ta’ kategoriji tad-data addizzjonali li huma diġà disponibbli f’bażijiet ta’ data kriminali jew oħrajn tal-Istati Membri, għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tiskambja r-rekords tal-pulizija biex tgħin tidentifika jekk jeżistix xi rekord tal-pulizija dwar persuna fi Stati Membri oħra, u tiffaċilita l-aċċess għal dawn ir-rekords ladarba jkunu identifikati, bis-salvagwardji kollha meħtieġa.

L-informazzjoni dwar il-vjaġġaturi għenet biex jitjiebu l-kontrolli fil-fruntieri, biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari, u biex jiġu identifikati persuni li huma ta’ riskju għas-sigurtà. Id-data ta’ Informazzjoni Avvanzata tal-Passiġġieri hija d-data bijografika għal kull passiġġier li tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru waqt iċ-check-in u tintbagħat minn qabel lill-awtoritajiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fid-destinazzjoni. Ir-reviżjoni tal-qafas legali 117 tista’ tippermetti użu aktar effettiv tal-informazzjoni, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tiffaċilita l-fluss tal-passiġġieri. Ir-reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa d-data mogħtija mill-passiġġieri meta jibbukkjaw it-titjiriet. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR 118 hija kruċjali, u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġaha u tinfurzaha. Barra minn hekk, bħala azzjoni ta’ nofs it-terminu, il-Kummissjoni se tniedi rieżami tal-approċċ attwali dwar it-trasferiment ta’ data tal-PNR lejn pajjiżi terzi. 

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja hija komplement meħtieġ għall-isforzi tal-pulizija biex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja għaddiet minn bidla aktar profonda f’dawn l-aħħar 20 sena. Korpi bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust jeħtieġ li jkollhom il-mezzi biex jiffunzjonaw sal-limitu massimu possibbli, jew inkella jissaħħu. Il-kooperazzjoni bejn il-prattikanti ġudizzjarji tista’ tissaħħaħ ukoll billi jsir aktar avvanz fir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, fit-taħriġ ġudizzjarju, u fl-iskambju ta’ informazzjoni. L-għan jenħtieġ li jkun fiduċja reċiproka akbar fost l-imħallfin u l-prosekuturi, li hija ċentrali għal proċedimenti transfruntiera mingħajr xkiel. L-użu tat-teknoloġiji diġitali jista’ jtejjeb ukoll l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħna. Qed tiġi stabbilita sistema ta’ skambju diġitali ġdida biex jiġu trażmessi Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej, talbiet għal assistenza legali reċiproka u komunikazzjonijiet relatati bejn l-Istati Membri, appoġġati mill-Eurojust. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tħaffef it-tnedija tas-sistemi tal-IT meħtieġa fil-livell nazzjonali.

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali għall-infurzar effettiv tal-liġi  u għall-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-ftehimiet bilaterali mas-sħab ewlenin għandhom rwol importanti biex tiġi żgurata informazzjoni u l-evidenza minn barra l-UE. L-Interpol, waħda mill-akbar organizzazzjonijiet intergovernattivi tal-pulizija tal-qasam kriminali, għandha rwol importanti. Il-Kummissjoni se tħares lejn il-modi possibbli biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Interpol, inkluż l-aċċess possibbli għall-bażijiet tad-data tal-Interpol u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali u strateġika. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE jserrħu wkoll fuq pajjiżi sħab ewlenin biex jidentifikaw u jinvestigaw il-kriminali u t-terroristi. Sħubijiet ta’ Sigurtà bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jiġu intensifikati biex tiżdied il-kooperazzjoni biex jingħeleb it-theddid komuni bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, l-abbuż sesswali tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin. Approċċ bħal dan ikun ibbażat fuq interessi ta’ sigurtà komuni u jibni fuq djalogi stabbiliti dwar il-kooperazzjoni u s-sigurtà.

Apparti l-informazzjoni, l-iskambju tal-għarfien espert jista’ jkollu valur partikolari biex tiżdied it-tħejjija għall-infurzar tal-liġi quddiem theddid mhux tradizzjonali. Minbarra li tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni se tesplora l-possibilità ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE għall-forzi tal-pulizija f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jkunu force majeure, bħall-pandemiji. Il-pandemija uriet wkoll li s-Sorveljanza tal-Komunità Diġitali, flimkien ma’ oqfsa legali li jiffaċilitaw is-sorveljanza online, se jkunu fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Is-sħubiji bejn il-pulizija u l-komunità, kemm offline kif ukoll online, jistgħu jipprevjenu l-kriminalità u jtaffu l-impatt tal-kriminalità organizzata, ir-radikalizzazzjoni u l-attivitajiet terroristiċi. Il-konnessjoni minn aspett lokali għal reġjonali sa nazzjonali kif ukoll is-soluzzjonijiet tal-pulizija tal-UE huma fattur kruċjali għas-suċċess tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE kollha kemm hi.

Il-kontribut ta’ fruntieri esterni b’saħħithom

Il-ġestjoni moderna u effiċjenti tal-fruntieri esterni għandha benefiċċju doppju, li żżomm l-integrità ta’ Schengen u li tipprovdi sigurtà għaċ-ċittadini tagħna. L-involviment tal-atturi kollha rilevanti biex tiġi sfruttata bl-aħjar mod is-sigurtà fil-fruntiera jista’ jkollu impatt reali fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u tat-terroriżmu. L-attivitajiet operazzjonali konġunti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 119 li reċentement ġiet msaħħa jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni u lil hinn mill-UE. Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera, huma kruċjali l-attivitajiet doganali biex jiġu identifikati r-riskji ta’ sikurezza u ta’ sigurtà fil-merkanzija kollha qabel ma tasal fl-UE, u biex jiġu kkontrollati l-oġġetti meta dawn jaslu. Il-pjan ta’ Azzjoni li jmiss dwar l-Unjoni Doganali se jħabbar azzjonijiet biex tissaħħaħ ukoll il-ġestjoni tar-riskju u biex tissaħħaħ is-sigurtà interna, inkluż b’mod partikolari billi jiġi vvalutat kemm hija fattibbli rabta bejn is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti għall-analiżi tar-riskju tas-sigurtà.

Il-qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni ġie adottat f’Mejju 2019. Din il-konfigurazzzjoni l-ġdida tfittex li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ informazzjoni ġodda jew imtejba 120 . Se twassal għal informazzjoni aktar rapida u aktar sistematika għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-gwardji tal-fruntieri u għall-uffiċjali tal-migrazzjoni. Din se tgħin fl-identifikazzjoni korretta u se tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità. Sabiex issir realtà, l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tkun prijorità, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri kollha se tkun kruċjali sabiex sal-2023 jintlaħaq l-għan ta’ interoperabbiltà totali.

Il-frodi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar hija meqjusa bħala waħda mill-aktar reati mwettqa ta’ spiss. Din tiffaċilita l-moviment klandestin ta’ kriminali u terroristi, u għandha rwol ewlieni fit-traffikar tal-bnedmin u fil-kummerċ tad-droga 121 . Il-Kummissjoni se tesplora kif tista’ testendi l-ħidma eżistenti dwar l-istandards ta’ sigurtà għad-dokumenti ta’ residenza u tal-ivvjaġġar tal-UE, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni. Minn Awwissu 2021, l-Istati Membri se jibdew joħorġu karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza skont l-istandards ta’ sigurtà armonizzati, inkluża ċippa li jkun fiha identifikaturi bijometriċi li jistgħu jiġu vverifikati mill-awtoritajiet tal-fruntieri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda, inkluża s-sostituzzjoni gradwali tad-dokumenti li bħalissa qegħdin fiċ-ċirkolazzjoni.

It-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-sigurtà

Il-ħidma biex tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà u biex jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu, tiddependi ħafna fuq l-iżvilupp ta’ għodda għall-futur qrib: biex tgħin fil-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda aktar sikuri u aktar siguri, biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġabu magħhom it-teknoloġiji u biex tiġi appoġġata l-ħidma tal-infurzar tal-liġi. Din imbagħad iserraħ fuq is-sħab privati u tal-industriji.

L-innovazzjoni jenħtieġ li titqies bħala għodda strateġika biex jiġi miġġieled it-theddid attwali u biex jiġu antiċipati kemm ir-riskji kif ukoll l-opportunitajiet futuri. It-teknoloġiji innovattivi jistgħu jġibu magħhom għodod ġodda biex jgħinu fl-infurzar tal-liġi u lil atturi oħra tas-sigurtà. L-intelliġenza artifiċjali u l-analitika tal-big data jistgħu jisfruttaw il-computing ta’ prestazzjoni għolja biex joffru identifikazzjoni aħjar u analiżi rapida u komprensiva 122 . Il-ġabriet ta’ data ta’ kwalità għolja huma prekondizzjoni importanti biex jiġu żviluppati teknoloġiji affidabbli li jkunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti biex iħarrġu, jittestjaw u jivvalidaw l-algoritmi 123 . B’mod aktar ġenerali, ir-riskju tad-dipendenza teknoloġika llum huwa b’saħħtu, l-UE hija pereżempju importatur nett ta’ prodotti u servizzi taċ-ċibersigurtà, b’dak kollu li jinvolvu għall-ekonomija u għal infrastrutturi kritiċi. Sabiex ikollha ħakma fuq it-teknoloġija u tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista anki f’każ ta’ sitwazzjonijiet u kriżijiet avversi, l-Ewropa teħtieġ preżenza u kapaċità fil-partijiet kritiċi tal-ktajjen ta’ valur rilevanti.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-UE joffru l-opportunità li d-dimensjoni tas-sigurtà tittieħed inkonsiderazzjoni hekk kif ikunu qed jiġu żviluppati dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjoni tagħhom. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ proposti ta’ finanzjament mill-UE tista’ sservi ta’ stimolu ewlieni 124 . L-inizjattivi dwar l-ispazji tad-data Ewropej u l-infrastrutturi tal-cloud għandhom is-sigurtà magħġuna fihom mill-bidu nett. Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni 125 għandhom l-għan li jistabbilixxu struttura effettiva u effiċjenti biex jiġbru u jaqsmu l-kapaċitajiet u l-eżiti tar-riċerka fiċ-ċibersigurtà. Il-programm Spazjali tal-UE jagħti servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-individwi 126 .

B’aktar minn 600 proġett imnedija għall-valur kumplessiv ta’ qrib it-EUR 3 biljun sa mill-2007, ir-riċerka dwar is-sigurtà ffinanzjata mill-UE hija strument importanti biex jiġu xprunati t-teknoloġija u l-għarfien li jappoġġaw is-soluzzjonijiet ta’ sigurtà. Bħala parti mir-rieżami tal-mandat tal-Europol, il-Kummissjoni se teżamina l-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni għas-sigurtà interna 127 li għandu l-għan li jwassal soluzzjonijiet komuni għall-isfidi u l-opportunitajiet ta’ sigurtà komuni, li l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jisfruttaw waħedhom. Il-kooperazzjoni hija fundamentali biex l-investiment ikun iffukat bl-aħjar mod u biex jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi li jkollhom il-benefiċċju kemm tas-sigurtà kif ukoll dak ekonomiku.

Ħiliet u sensibilizzazzjoni

Is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-kisba tal-ħiliet biex jiġi indirizzat it-theddid potenzjali huma essenzjali biex tinbena soċjetà aktar reżiljenti, b’intrapriżi, amministrazzjonijiet u individwi mħejjijin aħjar. L-isfidi għall-infrastruttura tal-IT u għas-sistemi elettroniċi wrew il-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità umana tagħna fil-livell ta’ preparazzjoni u rispons fir-rigward taċ-ċibersigurtà. Il-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE.

Anki għarfien bażiku dwar it-theddid għas-sigurtà u kif dan jista’ jiġi miġġield jista’ jkollu impatt reali fuq ir-reżiljenza tas-soċjetà. L-għarfien tar-riskji taċ-ċiberkriminalità u tal-bżonn li wieħed jipproteġi lilu nnifsu minnha jistgħu jiġu integrati mal-protezzjoni minn fornituri tas-servizzi li jilqgħu għall-attakki ċibernetiċi. L-informazzjoni dwar il-perikli u r-riskji tat-traffikar tad-droga tista’ tagħmilha aktar diffiċli biex il-kriminali jirnexxu. L-UE tista’ tixpruna l-firxa tal-aħjar prattiki permezz tan-netwerk taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur 128 u tiżgura li dawn l-għanijiet jiġu kkunsidrati fil-programmi tagħha stess.

Il-Pjan futur ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jenħtieġ li jinkludi miżuri mmirati biex jinbnew ħiliet fl-IT għas-sigurtà għall-popolazzjoni kollha. L-Aġenda għall-Ħiliet 129 li ġiet adottata reċentement tappoġġja l-bini ta’ ħiliet tul il-ħajja. Dan jinkludi azzjonijiet iddedikati biex jiżdied l-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika li huma meħtieġa f’oqsma mill-aktar avvanzati bħaċ-ċibersigurtà. Azzjonijiet addizzjonali, iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali se jippermettu lill-professjonisti biex ilaħħqu mal-evoluzzjoni fix-xenarju tat-theddid għas-sigurtà u, fl-istess ħin, jimlew in-nuqqas f’dan il-qasam tas-suq tax-xogħol tal-UE. L-impatt globali se jkun li l-individwi jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet biex jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà u li n-negozji jsibu l-professjonisti li jeħtieġu f’dan il-qasam. Iż-żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jippromwovu wkoll il-karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika.

Huwa importanti wkoll li l-vittmi jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom; huma jridu jingħataw l-assistenza meħtieġa u l-appoġġ li għandhom bżonn minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Huma meħtieġa sforzi partikolari fir-rigward ta’ minoranzi u tal-vittmi l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal jew in-nisa ttraffikati għall-isfruttament sesswali jew dawk esposti għall-vjolenza domestika 130 .

Hemm rwol partikolari għall-ħiliet imtejba fl-infurzar tal-liġi. It-theddid teknoloġiku attwali u ġdid jitlob li jkun hemm aktar investiment fit-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-infurzar tal-liġi fl-istadju l-aktar bikri kif ukoll matul il-karriera tagħhom. Is-CEPOL hija sieħeb essenzjali li jassisti lill-Istati Membri f’dan il-kompitu. It-taħriġ għall-infurzar tal-liġi relatat mar-razziżmu u l-ksenofobija, u b’mod aktar ġenerali d-drittijiet taċ-ċittadini, iridu jkunu komponent essenzjali  tal-kultura tas-sigurtà tal-UE. Is-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja u l-prattikanti tal-ġustizzja jridu jkunu wkoll mgħammra biex jadattaw u jirrispondu għal sfidi mingħajr preċedent. It-taħriġ huwa essenzjali sabiex l-awtoritajiet fil-post ikunu jistgħu jisfruttaw dawn l-għodod f’sitwazzjoni operattiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru l-isforzi kollha biex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-infurzar tal-liġi.

Azzjonijiet ewlenin

·It-tisħiħ tal-mandat tal-Europol

·Analiżi dwar “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija” tal-UE u l-koordinazzjoni tal-pulizija fi żmen ta’ kriżi

·It-tisħiħ tal-Eurojust biex ikun hemm rabta bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi

·Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri

·Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

·It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol

·Qafas biex il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tiġi nnegozjata ma’ pajjiżi terzi ewlenin

·Standards ta’ sigurtà aħjar għad-dokumenti tal-ivvjaġġar

·Analiżi dwar Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni għas-sigurtà interna

V.Konklużjonijiet

F’dinja dejjem aktar turbulenti, l-Unjoni Ewropea, kollox ma’ kollox, għadha meqjusa bħala wieħed mill-postijiet l-aktar siguri. Madankollu dan ma jistax jitqies bħala fatt ovvju.

L-istrateġija l-ġdida dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tistabbilixxi s-sisien għal ekosistema ta’ sigurtà li tkopri l-firxa kollha tas-soċjetà Ewropea. Hija bbażata fuq l-għarfien li s-sigurtà hija responsabbiltà kondiviża. Is-sigurtà hija kwistjoni li taffettwa lil kulħadd. Il-korpi governattivi kollha, in-negozji, l-organizzazzjonijiet soċjali, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom sabiex is-soċjetajiet tagħna jsiru aktar siguri.

Il-kwistjonijiet ta’ sigurtà issa għandhom jitqiesu minn perspettiva ħafna usa’ milli fil-passat. Id-distinzjonijiet foloz bejn il-ħtieġa fiżika u dik diġitali jridu jingħelbu. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tlaqqa’ flimkien il-firxa sħiħa ta’ ħtiġijiet tas-sigurtà u tiffoka fuq l-oqsma l-aktar kritiċi għas-sigurtà tal-UE fis-snin li ġejjin. Hija tirrikonoxxi wkoll li t-theddid għas-sigurtà ma jiqafx fil-fruntieri ġeografiċi, kif ukoll li s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar interkonnessi 131 . F’dan il-kuntest, se jkun importanti għall-UE li tikkoopera mas-sħab internazzjonali għas-salvagwardja taċ-ċittadini kollha tal-UE u li żżomm koordinazzjoni mill-qrib mal-azzjoni esterna tal-UE għall-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija.

Is-sigurtà tagħna hija marbuta mal-valuri fundamentali tagħna. L-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha proposti f’din l-istrateġija se jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej tagħna. Dawn huma s-sisien tal-mod ta’ għajxien Ewropew tagħna u jridu jibqgħu fil-qalba tal-ħidma kollha tagħna.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tibqa’ konxja mill-fatt li kwalunkwe politika jew azzjoni tkun adegwata biss jekk din tiġi implimentata. Għalhekk hemm bżonn li tinsisti bla heda fuq l-infurzar u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura. Dawn se jinżammu taħt monitoraġġ permezz ta’ rapporti regolari dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, u l-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-partijiet ikkonċernati infurmati bis-sħiħ, u se timpenjahom fl-azzjonijiet rilevanti kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipparteċipa u torganizza dibattiti konġunti mal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, sabiex tieħu kont tal-progress li jkun sar filwaqt li tittratta l-isfidi tal-futur.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà biex fil-ħames snin li ġejjin tkun il-bażi għall-kooperazzjoni u għal azzjoni konġunta dwar is-sigurtà.

(1)

   Filwaqt li d-definizzjonijiet għat-theddid ibridu jvarjaw, dawn għandhom l-għan li jinkludu l-attività mħallta koerċittiva u sovversiva, il-metodi konvenzjonali u mhux konvenzjonali (jiġifieri diplomatiċi, militari, ekonomiċi, teknoloġiċi), li jistgħu jintużaw b’mod koordinat minn atturi statali jew mhux statali biex jintlaħqu objettivi speċifiċi (filwaqt li ma jinqabiżx il-limitu ta’ gwerra ddikjarata formalment.). Ara JOIN(2016) 18 (final).

(2)

   Pereżempju permezz tas-servizzi mogħtija mill-programm spazjali tal-UE bħal Copernicus, li jipprovdi data mill-osservazzjoni tad-Dinja u applikazzjonijiet għas-sorveljanza tal-fruntieri, għas-sigurtà marittima, għall-infurzar tal-liġi, għall-ġlieda kontra l-piraterija, għad-deterrenza tal-kutrabandu tad-droga u għall-ġestjoni tal-emerġenzi.

(3)

     Unjoni ta’ Ugwaljanza: Srateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, COM (2020) 152.

(4)

   Pereżempju x-xogħol tal-Kumitat TERR tal-Parlament Ewropew li ta rendikont f’Novembru 2018.

(5)

   Mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2015, dwar “strateġija ta’ sigurtà interna mġedda”, sar-riżultati aktar reċenti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2019.

(6)

   “Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina”, COM (2016) 230 final, 20.4.2016. Ara l-evalwazzjoni reċenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà interna: L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Affarijiet Interni fil-qasam tas-sigurtà interna - 2017-2020 (SWD(2020) 135).

(7)

   Europol: Beyond the pandemic. How COVID-19 will shape the serious and organised crime landscape in the EU (Lil hinn mill-pandemija. Is-sura li l-COVID-19 se tagħti lill-xenarju tal-kriminalità serja u organizzata fl-UE) (April 2020).

(8)

   Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G, C(2019) 2335; Komunikazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-5G Sigur fl-UE - L-implimentazzjoni ta’ sett ta’ għodod tal-UE, COM(2020) 50.

(9)

     F’Marzu 2020 l-Isptar Universitarju ta’ Brno fiċ-Ċekja sofra attakk ċibernetiku li ġegħluh jibgħat lill-pazjenti tiegħu fi sptar ieħor u biex jipposponi l-operazzjonijiet (Europol: Pandemic Profiteering. How criminals exploit the COVID-19 crisis) (Il-kilba għall-profitti waqt il-pandemija: Kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19). L-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża ħażin għal attakki diġitali, politiċi u fiżiċi kif ukoll għas-sorveljanza. Il-ġbir tad-data mill-Internet tal-Oġġetti jista’ jintuża għas-sorveljanza ta’ individwi (l-arloġġi intelliġenti, l-assistenti virtwali, eċċ).

(10)

   Skont xi projezzjonijiet, l-ispejjeż tal-ksur tad-data se jilħqu l-USD 5 triljun fis-sena sal-2024, ogħla mit-USD 3 triljun tal-2015 (Juniper Research, The Future of Cybercrime & Security).

(11)

   Fi studju tal-2016 (Legiscript) huwa stmat li globalment 4 % biss tal-ispiżeriji fuq l-internet joperaw skont il-liġi, bil-miri ewlenin għall-konsumaturi tal-UE jkunu mat-30,000-35,000 spiżerija online illeċita li huma attivi online.

(12)

   Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, COM(2020) 607.

(13)

   Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2020), Id-drittijiet tiegħek huma importanti: Tħassib dwar is-sigurtà u esperjenzi , Stħarriġ dwar id-Drittijiet Fundamentali, il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

(14)

    The scale and impact of industrial espionage and theft of trade secrets through cyber (L-iskala u l-impatt tal-ispjunaġġ industrijali u tas-serq tas-sigrieti kummerċjali bl-użu tal-internet) , 2018.

(15)

   L-infrastrutturi kritiċi huma essenzjali għall-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-benessri ekonomiku jew soċjali, li t-tħarbit/il-qerda tagħhom għandu impatt sinifikanti (id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE).

(16)

   Mas-97 % taċ-ċittadini tal-UE ġew esposti għal aħbarijiet foloz, 38 % kuljum. Ara JOIN (2020) 8 final.

(17)

   B’kollox ġew irrappurtati minn 13-il Stat Membru tal-UE 119-il attakk li twettqu, li ma rnexxewx u li ġew sfrattati, b’għaxar imwiet u 27 korriment (Europol, European Union Terrorism Situation and Trend Report, 2020).

(18)

   Fl-2019 kien hemm sitt attakki terroristiċi tal-lemin (wieħed minnhom twettaq, wieħed ma rnexxiex, u erba’ ġew sfrattati: fi tliet Stati Membri), apparagun ta’ wieħed biss fl-2018, b’aktar imwiet f’każijiet li ma humiex ikklassifikati bħala terroriżmu (Europol, 2020).

(19)

     Ara wkoll id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni fil-qasam tas-sigurtà biex jiġu protetti aħjar il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet Lhud fl-Ewropa.

(20)

   L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali: Id-drittijiet tiegħek huma importanti: Tħassib dwar is-sigurtà u esperjenzi, 2020.

(21)

   Minn Lulju 2015 sa tmiem l-2019 l-Europol sabet kontenut terroristiku fuq 361 pjattaforma (Europol, 2020).

(22)

   Europol: A Review of Transatlantic Best Practices for Countering Radicalisation in Prisons and Terrorist Recidivism, 2019 (Rieżami tal-Aħjar Prattiki Transatlantiċi għall-prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni fil-Ħabsijiet u r-Reċidività tat-Terroristi).

(23)

    EU Drugs Market Report 2019 (Ir-Rapport dwar is-Suq tad-Drogi fl-UE tal-2019) tal-EMCDDA u l-Europol.

(24)

   Ir-Rapport tal-Europol dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, il-Mudell Kummerċjali Finanzjarju (2015).

(25)

   Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE u tal-OECD dwar Trade in counterfeit pharmaceutical products  (Il-kummerċ ta’ prodotti farmaċewtiċi foloz)

(26)

   Rapport dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ, COM(2020) 217.

(27)

   Fl-2017 l-armi tan-nar intużaw f’41 % tal-attakki terroristiċi kollha (Europol, 2018).

(28)

   F’Lulju 2020, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Olandiżi, flimkien mal-Europol u l-Eurojust, ippreżentaw l-investigazzjoni konġunta biex iżarmaw l-EncroChat, netwerk ta’ telefown kriptat użat minn netwerks kriminali involuti f’attakki vjolenti, korruzzjoni, tentattivi ta’ qtil u trasport ta’ droga fuq skala kbira.

(29)

   Ir-riskji ta’ dipendenza barranija jinvolvu żieda fl-esponiment għal theddid potenzjali, mill-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet tal-infrastrutturi tal-IT li jikkompromettu l-infrastrutturi kritiċi (pereż. l-enerġija, it-trasport, is-servizzi bankarji, is-saħħa) jew il-kontroll tas-sistemi ta’ kontroll industrijali, sa żieda fil-kapaċità tas-serq tad-data jew tal-ispjunaġġ.

(30)

   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa , COM (2020) 102.

(31)

   Bħar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (C(2017) 6100), il-Protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (EU Playbook) SWD(2016) 227.

(32)

   Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE, JOIN(2017) 450.

(33)

   Id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, OJ L 194, 19.7.2016; Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa li l-protezzjoni tagħhom tittejjeb.

(34)

   Minħabba l-fatt li s-settur tas-saħħa kien taħt pressjoni b’mod partikolari matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll inizjattivi biex issaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE u l-aġenziji tal-UE responsabbli, biex tirreaġixxi għal theddid serju transfruntier għas-saħħa.

(35)

   Bid-dħul fis-seħħ kollu tiegħu fil-11 ta’ Ottubru 2020, ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni, se jattrezza lill-UE b’mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni dwar l-investimenti diretti minn barra l-UE li x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Skont ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jivvalutaw ir-riskji potenzjali marbutin ma’ dawn l-investimenti diretti barranin, u fejn xieraq u rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed, jipproponu mezzi adegwati biex inaqqsu dawn ir-riskji. 

(36)

   Is-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji (domain name system, DNS) hija sistema tal-ismijiet ġerarkika u deċentralizzata għall-kompjuters, għal servizzi, jew għal riżorsi oħra konnessi mal- Internet jew ma’ network privat. Tibdel l-ismijiet tad-dominji f’indirizzi IP li huma meħtieġa biex jiġu identifikati s-servizzi u l-apparati tal-kompjuter.

(37)

   Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali. COM(2018) 447.

(38)

    https://www.enisa.europa.eu/publications/enisa-threat-landscape-report-2018  

(39)

   L-attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizzi għadhom theddida permanenti: Il-fornituri ewlenin kellhom jimmitigaw l-attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizzi (DDoS), bħalma kien l-attakk kontra s-servizzi Web ta’ Amazon fi Frar 2020.

(40)

    https://blogs.imf.org/2018/06/22/estimating-cyber-risk-for-the-financial-sector/ .

(41)

   L-edge computing hija arkitettura tal-IT mifruxa u miftuħa li għandha potenza komputazzjonali deċentralizzata, li biha jiffunzjonaw it-teknoloġiji tal-informatika mobbli u tal-Internet tal-Oġġetti (Internet of Things, IoT). Fl-“edge computing”, id-data tiġi pproċessata mill-apparat innifsu jew minn kompjuter lokali jew server, minflok ma tiġi trażmessa f’ċentru tad-data.

(42)

   Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għad-data, COM(2020) 66 final.

(43)

   Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE, JOIN(2017) 450.

(44)

   Ir-rapport “Iċ-ċibersigurtà – l-ankra diġitali tagħna” taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka jipprovdi għarfien multidimensjonali dwar l-avvanzi fiċ-ċibersigurtà matul dawn l-aħħar 40 sena.

(45)

   Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G, C(2019) 2335 final; Ir-rakkomandazzjoni tipprevedi r-rieżami tagħha fl-aħħar trimestru tal-2020.

(46)

   Ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS dwar l-implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod tal-24 ta’ Lulju 2020.

(47)

   Ir-Regolament 2019/881 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà).

(48)

   Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala pilastru għat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, COM(2020) 264.

(49)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2017/1584 dwar rispons koordinat għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

(50)

    http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9916-2017-INIT/mt/pdf

(51)

   Ara l-Linji Gwida dwar il-Bini tal-Kapaċità Ċibernetika Esterna tal-UE adottati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-26 ta’ Ġunju 2018.

(52)

   Is-sistemi ta’ identifikazzjoni bijometriċi remoti jistħoqqilhom skrutinju speċifiku. L-opinjonijiet inizjali tal-Kummissjoni huma deskritti fil-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, COM(2020) 65.

(53)

   Bħal pereżempju l-Gwida biex jingħażlu soluzzjonijiet xierqa għall-ispazji pubbliċi permezz tal-ostakli tas-sigurtà ( https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC120307/hvm_v3.pdf ).

(54)

   Gwida dwar prattiki tajbin tingħata f’SWD (2019) 140, inkluża t-taqsima dwar il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Il-finanzjament fl-ambitu tal-ISF-Pulizija jiffoka b’mod speċjali fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.

(55)

   Tliet ibliet (Piraeus fil-Greċja, Tampere fil-Finlandja u Turin fl-Italja) se jittestjaw soluzzjonijiet ġodda bħala parti mill-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

(56)

   L-aġenda Urbana għall-UE tirrappreżenta metodu ta’ ħidma ġdid fuq diversi livelli li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-bliet, il-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati oħra biex jiġu stimulati t-tkabbir, l-għajxien u l-innovazzjoni fil-bliet tal-Ewropa, u biex jiġu identifikati u indirizzati b’suċċess l-isfidi soċjali.

(57)

   Dan l-aħħar ġie stabbilit programm ta’ ttestjar fuq diversi snin biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni u ta’ pjattaforma tal-ittestjar f’dan il-qasam.

(58)

   Id-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni.

(59)

   Mas-46 % (l-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn iċ-ċibersigurtà, Jannar 2020).

(60)

   Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-Ewrobarometru tal-2018 “ L-attitudni tal-Ewropej lejn is-sigurtà tal-Internet ” (95 %) iqisu s-serq tal-identità bħala reat serju, u sebgħa minn kull għaxra jgħidu li hija reat serju ħafna. L-Ewrobarometru ppubblikat f’Jannar 2020 ikkonferma t-tħassib dwar iċ-ċiberkriminalità, il-frodi online u s-serq tal-identità: b’żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu li huma mħassbin dwar il-frodi bankarji (67 %) jew dwar is-serq tal-identità (66 %)

(61)

   Il-komunikazzjoni tad-19 ta’ Frar 2020 Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67.

(62)

   Pereżempju, f’reati finanzjarji.

(63)

   Dan ifisser konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 kif ukoll id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/680 li tirregola l-ipproċessar tad-data personali għad-detezzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

(64)

     Commission SWD(2018) 118 final.

(65)

     B’mod partikolari, it-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni “Budapest” tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika.

(66)

   Maħżuna f’bażijiet tad-data miżmuma minn 2 500 operatur tar-reġistru u tar-reġistraturi bbażati fid-dinja kollha.

(67)

   Proposta għall-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, COM (2018) 640, it-12 ta’ Settembru 2018.

(68)

   Europol, Novembru 2019.

(69)

    Ewropa li tipproteġi - Protokoll tal-UE għall-kriżijiet: ir-rispons għall-kontenut terroristiku online . (Ottubru 2019).

(70)

   Marbut mal-ħidma tal-Programm ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, ara t-Taqsima IV.3 hawn taħt.

(71)

    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/codeofconduct_2020_factsheet_12.pdf  

(72)

   Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, COM(2020) 607.

(73)

   It-terroristi dejjem aktar qed jużaw is-sistema tal-messaġġi tal-pjattaformi tal-logħob tal-azzard għall-iskambji tal-messaġġi, u terroristi żgħażagħ jilagħbu wkoll kemm-il darba l-attakki vjolenti fil-logħob tal-vidjo.

(74)

   Qafas Konġunt għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu – ir-rispons tal-Unjoni Ewropea, JOIN (2016) 18.

(75)

   Iż-żieda tar-Reżiljenza u t-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet li Jindirizzaw it-Theddid Ibridu, JOIN (2018) 16.

(76)

   SWD(2020) 153 - Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt tal-2016 għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2018 dwar iż-żieda tar-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jindirizzaw it-theddid ibridu.

(77)

   SWD(2020) 152 - Immappjar tal-miżuri relatati mat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

(78)

     Ix-xenarju tat-Theddid Ibridu: Il-mudell kunċettwali JRC117280, żviluppat b’mod konġunt miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu.

(79)

   Protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (Playbook tal-UE), SWD(2016) 227.

(80)

   Wara l-konferenza bil-vidjo tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2020, il-Membri tal-Kunsill Ewropew adottaw Dikjarazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, u stiednu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti għal sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet aktar ambizzjuża u mifruxa fl-UE.

(81)

   Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fir-rigward tal-ISIL (Da’esh) u ta’ Al-Qaida, kif ukoll miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu. Ara l-Mappa tas-Sanzjonijiet ta’ l-UE ( https://www.sanctionsmap.eu/#/main ) għal ħarsa ġenerali lejn il-miżuri restrittivi kollha.

(82)

   L-inizjattiva pilota “Il-bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni” għandha l-objettiv doppju li trawwem l-iskambju ta’ għarfien espert fost il-bliet tal-UE u li tiġbor feedback dwar kif l-aħjar jiġu appoġġati l-komunitajiet lokali fil-livell tal-UE.

(83)

   Pereżempju finanzjament permezz tal-Fond Ewropew ta’ Sigurtà u l-programm ta’ Ċittadinanza.

(84)

   Azzjonijiet tal-UE bħal-Iskambju Virtwali Erasmus+ u l-ġemellaġġ elettroniku.

(85)

   Fl-aħħar sentejn kien hemm pereżempju diversi każijiet fl-Ewropa (fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja) kif ukoll fi bnadi oħra (it-Tuneżija, l-Indoneżja) li kienu jinvolvu aġenti bijoloġiċi (normalment tossini bbażati fuq il-pjanti).

(86)

   Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi.

(87)

   Sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw ħażin biex jiġu manifatturati splussivi magħmulin id-dar. Dawn huma rregolati bir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi.

(88)

   Xi eżempji ta’ attakki devastanti bħal dawn jinkludu l-attakki f’Oslo (2011), f’Pariġi (2015), fi Brussell (2016), u f’Manchester (2017). Attakk bi splussiv magħmul id-dar f’Lyon (2019) darab 13-il persuna.

(89)

   Inkluż il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).

(90)

   Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2020 enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, fil-forom kollha tagħhom u irrispettivament mill-oriġini tagħhom, filwaqt li jiġu msaħħa aktar l-impenn u l-azzjoni esterna tal-UE kontra t-terroriżmu f’ċerti oqsma ġeografiċi u tematiċi ta’ prijorità.

(91)

   F’termini ta’ Prodott Domestiku Gross (PDG); Rapport tal-Europol: “Il-kriminalità għadha trendi?” –    Irkupru tal-Assi Kriminali fl-UE, 2016.

(92)

   Europol, Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA), 2013 u 2017.

(93)

   Europol, 2020.

(94)

   EMCDDA u Europol, Rapport dwar is-Suq tad-Droga fl-UE tal-2019. (Novembru 2019).

(95)

   Aġenda tal-UE dwar id-Droga u Pjan ta’ Azzjoni għall-2021-2025, COM (2020) 606.

(96)

   L-Istitut Fjamming tal-Paċi, Armed to kill. (Ottubru 2019).

(97)

   L-UE ffinanzjat il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun sa mill-2002; hija ffinanzjat b’mod partikolari n-Netwerk ta’ Esperti tal-Armi tan-Nar tal-Ewropa tax-Xlokk (SEEFEN). Sa mill-2019, is-sħab tal-Balkani tal-Punent kienu involuti b’mod sħiħ fil-prijorità dwar l-Armi tan-Nar tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT).

(98)

   COM(2020) 608.

(99)

   Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ armi tan-nar u t-traffikar tagħhom.

(100)

   Sors: Europol.

(101)

   Europol, EMSC, ir-raba’ Rapport Annwali.

(102)

   Valutazzjoni ta’ rispons rapidu tal-UNEP-INTERPOL: The Rise of Environmental Crime (Iż-Żieda fir-Reati Ambjentali), Ġunju 2016.

(103)

   Ara l-Patt Ekoloġiku Ewropew COM(2019) 640 final.

(104)

   Id-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

(105)

   Pjan ta’ Azzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ ħasil il-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu COM (2020) 2800.

(106)

   Il-liġi tal-UE tirrikjedi li jiġu stabbiliti Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi fl-Istati Membri kollha.

(107)

   Rapport dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi: niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ, COM(2020) 217 final.

(108)

   Id-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali.

(109)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha.

(110)

   Huwa diffiċli li jiġu stmati l-ispejjeż ekonomiċi totali tal-korruzzjoni, għalkemm saru sforzi minn korpi li jinkludu l-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, Transparency International, il-Patt Globali tan-NU, u l-Forum Ekonomiku Dinji, li jissuġġerixxu li l-korruzzjoni tammonta għal 5 % tal-PDG dinji.

(111)

   Unjoni ta’ ugwaljanza: Srateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, COM (2020) 152

(112)

   Bħalma huwa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE li wassal għal kisbiet importanti rigward il-kooperazzjoni fil-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta bejn l-Aġenziji rilevanti tal-UE.

(113)

   Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata fl-2019 (il-Kunsill, 2020).

(114)

   L-INTCEN tal-UE huwa l-uniku portal għas-Servizzi ta’ Intelligence u ta’ Sigurtà tal-Istati Membri li jipprovdi lill-UE għarfien dwar is-sitwazzjoni li jkun immexxi mill-intelligence.

(115)

   EMPACT tfisser Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats) .

(116)

    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7623-2020-INIT/en/pdf .

(117)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri.

(118)

   Id-Direttiva 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

(119)

   Magħmula mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri.

(120)

   Is-sistema ta’ Dħul u Ħruġ (Entry Exit System, EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS-TCN), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u l-Eurodac li fil-futur trid tiġi aġġornata.

(121)

   Ir-rabta bejn il-frodi tad-dokumenti u t-traffikar tal-bnedmin hija stabbilita fit-tieni rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, COM (2018) 777 u d-dokument ta’ akkumpanjament SWD (2018) 473, u r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni, tal-2016 tal-Europol, “Trafficking in human beings in the EU”.

(122)

   Dan għandu jkun ibbażat fuq l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

(123)

   Strateġija Ewropea għad-data, COM(2020) 66 final.

(124)

   Il-proposti tal-Kummissjoni għal Orizzont Ewropa, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, il-Programm EUInvest, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm Ewropa Diġitali kollha se jappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi tas-sigurtà tul il-katina tal-valur tas-sigurtà.

(125)

   Il-Proposta tat-12 ta’ Settembru 2018 tistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, COM(2018) 630.

(126)

   Pereżempju, Copernicus jipprovdi servizzi li jippermettu s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-UE u s-sorveljanza marittima li jgħinu biex tittieħed azzjoni kontra l-piraterija u l-kuntrabandu, kif ukoll jappoġġa l-infrastrutturi kritiċi. Ladarba dan ikun kompletament operazzjonali, se jkun il-faċilitatur ewlieni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari.

(127)

   Dan ikun jaħdem ukoll mal-EBCGA/Frontex, mas-CEPOL, mal-eu-LISA u maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

(128)

   Ara www.betterinternetforkids.eu : il-portal ċentrali u ċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur nazzjonali huma attwalment iffinanzjati permezz tas-CEF/Telecom, għall-futur ġie propost li l-finanzjament isir permezz tal-Programm Ewropa Diġitali.

(129)

   L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa biex jiġu żgurati l-kompetittività sostennibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final

(130)

   Ara l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, COM(2020) 152; L-istrateġija dwar id-drittijiet tal-vittmi, COM(2020) 258; u l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, COM(2012) 196.

(131)

   Ara l- Istrateġija Globali tal-UE  

Top