EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0296

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2019

COM/2020/296 final

Brussell, 7.7.2020

COM(2020) 296 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2019

{SWD(2020) 125 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2019

WERREJ

1    Introduzzjoni    

2    Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2019    

2.1    Ħarsa ġenerali    

2.2    Programmi individwali tal-AMF fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2019    

2.2.1    It-Tuneżija    

2.2.2    Il-Ġordan    

2.2.3    Il-Moldova    

2.2.4    Il-Georgia    

2.2.5    L-Ukrajna    

3    Niżguraw li l-fondi tal-AMF jintużaw b’mod xieraq: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post u awditi    

3.1    Valutazzjonijiet operazzjonali    

3.2    Evalwazzjonijiet ex post    

3.2.1    It-Tuneżija AMF I    

3.2.2    AMF-II għall-Georgia    

4    Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF    

4.1    Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF    

4.2    Żviluppi futuri: L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss    

5    Talbiet ġodda għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja    

5.1    L-użu tal-AMF għal pajjiżi sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-kriżi ta’ COVID-19    

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2019( 1 )

1Introduzzjoni

L-assistenza makrofinanzjarja, jew AMF, hija strument finanzjarju tal-UE( 2 ) estiża għall-pajjiżi sħab li qed jesperjenzaw kriżi ta’ bilanċ ta’ pagamenti. L-AMF tgħin biex tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja f’pajjiżi ġirien jew ġeografikament qrib tal-UE, filwaqt li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali. Huwa jikkumplementa programm ta’ aġġustament ta’ żborżament u ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u huwa suġġett għall-eżistenza ta’ dan. Billi jtaffi l-pressjoni biex jindirizza l-problemi tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, il-pajjiż imsieħeb jista’ fost l-oħrajn iżid l-ispazju fiskali tiegħu, itejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn tiegħu u jikseb għajnuna biex jiffoka l-attenzjoni fuq ir-riformi meħtieġa. Permezz tal-indirizzar tal-pjan ta’ aġġustament makroekonomiku, il-programmi tal-AMF jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjali, u b’hekk il-pajjiż ikollu aktar ħin u ambitu biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi tiegħu.

L-AMF tieħu l-forma jew ta’ self, li għalih il-Kummissjoni tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq tal-kapital u mbagħad issellifhom lill-pajjiż benefiċjarju, jew, f’ċerti ċirkostanzi, ta’ għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE, jew taħlita ta’ self u ta’ għotjiet.

L-AMF tiġi rilaxxata fi ħlasijiet parzjali u biss jekk jiġu ssodisfati kriterji speċifiċi ta’ riforma strutturali. Dan jirfed l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma b’saħħithom immirati biex l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju tiġi restawrata għal sostenibbiltà fit-tul. Issir ukoll bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u mekkaniżmi demokratiċi effettivi fil-pajjiż benefiċjarju. B’dan il-mod, l-AMF tikkomplementa l-assistenza ta’ kooperazzjoni regolari tal-UE, u tikkontribwixxi lejn l-għan usa’ tal-preservazzjoni tal-istabbiltà u t-tkattir tal-prosperità lil hinn mill-UE. F’kuntest ta’ instabbiltà makroekonomika u politika persistenti fil-viċinat tal-UE, l-AMF kienet rikonoxxuta b’mod mifrux bħala strument effettiv ta’ reazzjoni għall-kriżijiet, li jippermetti li l-UE tintervjeni b’mod viżibbli u flessibbli u b’influwenza politika konsiderevoli( 3 ). Dan huwa appoġġat mis-sejbiet ta’ diversi evalwazzjonijiet ex post indipendenti ta’ programmi ta’ AMF kompletati( 4 ).

Għall-kuntrarju ta’ strumenti finanzjarji esterni oħra tal-UE, l-AMF ma tipprovdix appoġġ finanzjarju fuq bażi regolari u programmabbli. Għal din ir-raġuni, taħt il-QFP 2021-2027, il-programmi speċifiċi tal-AMF se jkomplu jiġu attivati fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ad hoc separati. Dawn huma rregolati bi proċedura leġiżlattiva ordinarja, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull operazzjoni speċifika.

Dan ir-rapport annwali tħejja skont l-obbligi ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni kif stipulati fid-diversi Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-operazzjonijiet tal-AMF. Flimkien mar-rapport hemm dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi iktar dettaljata tal-kuntest makroekonomiku kif ukoll tal-implimentazzjoni ta’ programmi AMF individwali.

2Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2019 5  

2.1Ħarsa ġenerali 

L-2019 kienet ikkaratterizzata mit-tlestija b’suċċess tal-programmi tal-AMF fil-Ġordan u fit-Tuneżija, bil-Kummissjoni tiżborża l-aħħar pagamenti taż-żewġ programmi matul is-sena. Kien hemm ukoll progress imġedded fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ AMF li jinsab għaddej fil-Moldova, li ltaqa’ ma’ dewmien sinifikanti, u progress fil-programm tal-AMF fl-Ukrajna, li mbagħad tlesta b’suċċess f’Mejju 2020. Il-Kummissjoni pproponiet programm ġdid tal-AMF fil-Ġordan f’Settembru 2019, li sussegwentement ġie adottat mill-koleġiżlaturi f’Jannar 2020.

L-istatus tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-AMF huwa kif ġej:

-AMF II għat-Tuneżija: Fis-6 ta’ Lulju 2016, l-UE approvat aktar assistenza makrofinanzjarja għat-Tuneżija (AMF-II) sa EUR 500 miljun fil-forma ta’ self( 6 ) li kellu jiġi żborżat fi tliet pagamenti. Il-memorandum ta’ qbil (MtQ) u l-ftehim dwar faċilità ta’ self daħlu fis-seħħ f’Awwissu 2017. L-ewwel pagament ta’ EUR 200 miljun tal-programm AMF-II ġie żborżat fil-25 ta’ Ottubru 2017. It-tieni pagament parzjali ta’ EUR 150 miljun ġie ppubblikat fl-24 ta’ Ġunju 2019 u t-tielet u l-aħħar pagament parzjali ta’ EUR 150 miljun fit-30 ta’ Ottubru 2019.

-AMF II għall-Ġordan: Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni( 7 ) biex jipprovdu AMF addizzjonali lill-Ġordan (AMF-II) sa massimu ta’ EUR 200 miljun, magħmula kollha minn self, bħala segwitu tal-programm ta’ EUR 180 miljun li tlesta fl-2015. Il-MtQ bejn l-UE u l-Ġordan ġie ffirmat fid-19 ta’ Settembru 2017. L-ewwel pagament ta’ EUR 100 miljun ġie żborżat fis-17 ta’ Ottubru 2017, filwaqt li t-tieni u l-aħħar żborż sar fit-3 ta’ Lulju 2019.

-AMF għall-Moldova: Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni biex jipprovdu AMF lill-Moldova sa EUR 100 miljun, li minnhom sa EUR 40 miljun jingħataw f’forma ta’ għotjiet u sa EUR 60 miljun f’self. Il-MtQ, il-ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Ftehim ta’ Għotja bejn l-UE u l-Moldova daħlu fis-seħħ f’Jannar 2018. Il-programm tal-AMF kien, madankollu, imwaqqaf b’mod temporanju minn Ġunju 2018 sa Ġunju 2019 minħabba li l-prerekwiżiti politiċi ma kinux qed jiġu ssodisfati. Sussegwentement, wara l-bidla fil-gvern f’Ġunju 2019 l-isforzi mġedda għal riforma, l-UE żborżat l-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 30 miljun (EUR 20 miljun f’self u EUR 10 miljun f’għotjiet) f’Ottubru 2019. It-tieni pagament parzjali jista’ possibbilment isegwi fl-2020, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha. Il-programm jiskadi f’Lulju 2020.

-AMF III għall-Georgia: Fit-18 ta’ April 2018, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni li jipprovdu aktar AMF lill-Georgia (AMF-III) li tammonta għal EUR 45 miljun. Minn dawn, EUR 35 miljun jingħataw f’self u EUR 10 miljun jingħataw f’għotjiet. L-AMF daħal fis-seħħ f’Novembru 2018 wara r-ratifika tad-dokumenti legali mill-parlament Georgan. L-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 20 miljun ġie żbożat f’Diċembru 2018, filwaqt li t-tieni pagament parzjali ta’ EUR 25 miljun (EUR 20 miljun f’self u EUR 5 miljun f’għotjiet) huwa ppjanat li jiġi żborżat għal nofs l-2020, dment li l-kundizzjonijiet ta’ politika li fadal jiġu ssodisfati u l-progamm tal-FMI jibqa’ miexi skont il-pjan.

-AMF-IV għall-Ukrajna: Fid-9 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tipprovdi EUR 1 biljun addizzjonali f’AMF lill-Ukrajna fil-forma ta’ self li għandu jiġi żborżat f’żewġ pagamenti bejn l-2018 u l-2019. Il-koleġiżlaturi adottaw id-deċiżjoni fl-4 ta’ Lulju 2018, u l-AMF daħal fis-seħħ wara li l-parlament Ukren irratifika l-MtQ u l-ftehim dwar Faċilità ta’ Self f’Novembru 2018. L-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 500 miljun tħallas f’Diċembru 2018, filwaqt li t-tieni u l-aħħar pagament parzjali ta’ EUR 500 miljun tħallas f’Mejju 2020.

Fl-2019, ġie żborżat total ta’ EUR 430 miljun (EUR 420 miljun f’self u EUR 10 miljun f’għotjiet). L-Anness 1A u 1B jagħtu aktar dettalji dwar l-istatus tal-iżborżi skont il-pajjiż u r-reġjun fi tmiem l-2019.

2.2Programmi individwali tal-AMF fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2019 

2.2.1It-Tuneżija

It-Tuneżija għaddiet minn tnaqqis imdewwem fir-ritmu ekonomiku tul l-aħħar tmien snin minħabba t-tranżizzjoni politika u ekonomika kumplessa li seħħet wara r-revoluzzjoni fl-2011 u l-bidla sussegwenti fir-reġim. Il-pajjiż ġie affettwat ukoll mill-instabbiltà u l-kunflitt fir-reġjun (b’mod partikolari fil-Libja). Għadd ta’ attakki terroristiċi fl-2015 ipparalizzaw is-settur tat-turiżmu tal-pajjiż temporanjament.

It-tkabbir ekonomiku baqa’ limitat fl-2019 (skont stima ta’ 1%), wara titjib żgħir fl-2018 (2,7%) u tkabbir medju annwali medju ta’ 1,4% fl-2015-2017. Il-qgħad baqa’ għoli b’mod persistenti għal madwar 15% matul l-aħħar kwart tal-2019 (b’rati ħafna ogħla għan-nisa u ż-żgħażagħ), u l-inflazzjoni laħqet medja ta’ 6,75% fl-2019, wara li laħqet 7,8% ta’ għaxar snin f’Ġunju 2018. Minkejja l-prestazzjoni tajba tat-turiżmu, id-defiċit fil-kont kurrenti għadu għoli ħafna (stmat għal 10,3% fl-2019, għalkemm inqas minn 11,3% fl-2018) u huwa sors ewlieni ta’ vulnerabbiltà. Id-dejn estern kompla jikber fl-2019 (stmat għal 88,7% tal-PDG fi tmiem it-tielet kwart tal-2019, kontra 82,3% fl-istess punt fl-2018). L-imposti tas-servizzi tad-dejn ikomplu jikbru u kważi ttriplaw, f’dinari attwali, mill-2010. Ir-riżervi internazzjonali rkupraw ftit fl-2019 għal madwar 110 jum ta’ importazzjonijiet fi tmiem l-2019, wara rekord baxx ta’ 69 jum ta’ importazzjonijiet f’Settembru 2018. Id-defiċit fiskali kien ta’ madwar 4,9% tal-PDG fl-2018 u huwa mistenni li jonqos ftit għal 4,5% fi tmiem l-2019. Wara ż-żidiet qawwija rreġistrati f’dawn l-aħħar snin, id-dejn pubbliku huwa mistenni li jkun baqa’ stabbli għal madwar 77% tal-PDG fl-2019.

It-Tuneżija l-ewwel daħlet f’Arranġament ta’ Riżerva ta’ USD 1,75 biljun mal-FHMI f’Ġunju 2013. L-arranġament intemm f’Diċembru 2015. Fl-20 ta’ Mejju 2016, il-Bord tal-FMI approva programm ta’ Faċilità ta’ Fond Estiża għat-Tuneżija ta’ USD 2,9 biljun (375% tal-kwota) biex jappoġġa l-programm ta’ riforma ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. Sa issa, madwar USD 1,6 biljun ġew żborżati wara l-approvazzjoni tal-programm (Ġunju 2016) u l-ewwel ħames rieżamijiet tal-programm (Ġunju 2017, Marzu 2018, Lulju 2018, Settembru 2018, Ġunju 2019). Filwaqt li l-iskambji tekniċi komplew, il-programm kellu progress limitat matul l-aħħar xhur tas-sena, parzjalment minħabba l-kalendarju elettorali impenjattiv (l-elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali) u l-formazzjoni fit-tul tal-gvern. L-FES finalment ġie kkanċellat f’April 2020, meta t-Tuneżija talbet għajnuna ta’ emerġenza ġdida mill-FMI skont l-Istrument ta’ Finanzjament Rapidu biex tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-pandemija COVID-19.

L-UE pprovdiet lit-Tuneżija bl-ewwel programme AMF (AMF-I) ta’ EUR 300 miljun f’self bejn l-2014 u l-2017. It-tieni programm tal-AMF (AMF-II) ġie mitlub mill-awtoritajiet Tuneżini f’Awwissu 2015 u ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Lulju 2016. Il-kundizzjonijiet ta’ politika tal-programm kienu prinċipalment immirati lejn it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-politika fiskali tat-Tuneżija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali, ir-regolamentazzjoni finanzjarja u s-suq tax-xogħol, kif ukoll lejn it-titjib tal-klima tan-negozju. L-ewwel EUR 200 miljun f’self (minn total ta’ EUR 500 miljun b’kollox) ġie żborżat f’Ottubru 2017. Wara li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ politika rilevanti, ġew żborżati t-tieni u t-tielet pagament (ta’ EUR 150 miljun kull wieħed) f’Lulju u Novembru 2019, u b’hekk il-programm ġie konkluż b’suċċess.

2.2.2Il-Ġordan

L-instabbiltà fir-reġjun kompliet ixxekkel il-pożizzjonijiet esterni u fiskali tal-Ġordan. Matul l-ewwel tliet kwarti tal-2019, il-PDG reali baqa’ fil-biċċa l-kbira stabbli madwar 2% sena wara sena. Dan ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni żieda fil-qgħad, li żdied matul it-tielet kwart tal-2019 għal 19,1 %, meta mqabbel ma’ 18,6 % matul l-istess kwart fl-2018. Fi tmiem l-2019, l-inflazzjoni naqset ukoll b’mod sinifikanti, u żiedet l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur b’ 0,3 % meta mqabbel ma’ 4,5 % fl-2018. Il-progress fil-konsolidazzjoni fiskali ma ġiex sostnut. Fl-ewwel 11-il xahar tal-2019, id-defiċit baġitarju, inklużi l-għotjiet barranin, żdied għal 4,5% tal-PDG meta mqabbel ma’ 3,5% tal-PDG fl-istess perjodu tal-2018.

Id-dejn pubbliku gross tal-Ġordan żdied għal 96,9% tal-PDG fi tmiem Ottubru 2019 meta mqabbel ma’ 94,4% tal-PDG fi tmiem l-2018. Id-dejn pubbliku estern ammonta għal 40,1% tal-PDG fl-aħħar ta’ Ottubru 2019. Madwar 73% tad-dejn pubbliku estern tal-Ġordan kien denominat f’USD, li miegħu hija marbuta l-munita tal-Ġordan, filwaqt li madwar nofs id-dejn pubbliku estern tal-Ġordan huwa dovut għal kredituri tas-settur uffiċjali.

L-esportazzjonijiet żdiedu b’8,6% f’termini ta’ valur, filwaqt li l-valur tal-importazzjonijiet naqas b’5,5% fl-ewwel għaxar xhur tal-2019. Flimkien ma’ żieda fl-irċevuti tal-ivvjaġġar (9,9%), dan ikkontribwixxa għal tnaqqis sostanzjali tad-defiċit fil-kont kurrenti għal 3,4% tal-PDG (jew 4,8% tal-PDG esklużi l-għotjiet) fl-ewwel disa’ xhur tal-2019 minn 9,3% tal-PDG fl-istess perjodu fl-2018.

Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament estern saru inqas favorevoli. Il-flussi ‘l ġewwa ta’ investiment dirett barrani komplew jonqsu milli jidhru fis-snin preċedenti, u laħqu fluss nett ta’ JOD 473,1 miljun matul l-ewwel tliet trimestri tal-2019 meta mqabbla mal-influss nett ta’ JOD 542,5 miljun matul l-istess perjodu tal-2018. Dan id-dħul nett ta’ madwar 2% tal-PDG għall-2019 jġib ftit inqas mill-pari tal-Ġordan (l-Eġittu u t-Tuneżija). Huwa attribwit għal taħlita ta’ fatturi bħal-konflitt Sirjan, l-inċertezza reġjonali, id-dejn pubbliku li qed jiżdied, l-ambjent tan-negozju dgħajjef u l-kompetittività baxxa tal-ekonomija.

Fl-aħħar ta’ Novembru 2019, ir-riżervi gross tal-munita barranija (inklużi d-deheb u l-SDRs) kienu ta’ USD 13,7 biljun (ekwivalenti għal madwar seba’ xhur u nofs ta’ importazzjonijiet ta’ sena), ‘l fuq minn USD 12,5 biljun fi tmiem l-2018.

It-tieni programm tal-AMF għall-Ġordan (EUR 200 miljun f’self) ġie żborżat f’Ottubru 2017 (EUR 100 miljun) u f’Lulju 2019 (EUR 100 miljun). Il-kundizzjonijiet ta’ politika tal-programm kellhom l-għan li jsaħħu l-ekonomija tal-Ġordan fl-oqsma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-politika tat-taxxa, ix-xbieki ta’ sikurezza soċjali, is-sistema edukattiva u t-taħriġ professjonali, kif ukoll il-politiki tal-pajjiż dwar is-suq tax-xogħol biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg kemm għaċ-ċittadini Ġordaniżi kif ukoll għar-refuġjati Sirjani li jgħixu fil-Ġordan.

Wara talba għal programm ġdid tal-AMF mill-awtoritajiet tal-Ġordan, fis-6 ta’ Settembru 2019 il-Kummissjoni adottat proposta għat-tielet programm tal-AMF għal EUR 500 miljun f’self. Il-proposta ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-15 ta’ Jannar 2020. Din tipprevedi l-iżborż ta’ EUR 300 miljun fl-2020 u ta’ EUR 200 miljun fl-2021, skont l-implimentazzjoni tal-programm.

Fit-30 ta’ Jannar 2020, il-FMI u l-Ġordan laħqu qbil fil-livell tal-persunal dwar arranġament ġdid ta’ erba’ snin taħt il-Faċilità ta’ Fond Estiża għal madwar USD 1,3 biljun. Dan il-ftehim ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv fil-25 ta’ Marzu 2020. 

2.2.3Il-Moldova

Il-Moldova għaddiet minn perjodu relattivament stabbli fl-aħħar snin hija u kompliet tirkupra mill-kriżi bankarja tal-2014-2015. Fl-2019, il-PDG żdied b’3,6% f’termini reali wara tnaqqis sinifikanti fir-raba’ trimestru.

L-inflazzjoni aċċellerat malajr fl-2019 għal 7,5% f’Diċembru (sena wara sena). Madankollu, huwa mistenni li jonqos fl-2020 lejn il-mira tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova ta’ 5% ± 1,5% minħabba li l-impatt tal-fatturi li jixprunaw l-inflazzjoni fl-2019 bħall-prodotti tal-ikel u l-effetti ta’ prezzijiet regolati se jonqos. Wara l-istabbilizzazzjoni fiskali fl-2017-2018, is-sitwazzjoni fiskali marret għall-agħar fl-ewwel nofs tal-2019 minħabba sett ta’ riformi relatati mal-elezzjoni u interruzzjoni fil-finanzjament estern. Madankollu, wara xi miżuri korrettivi li ġew adottati f’Awwissu 2019, id-defiċit tal-baġit għall-2019 kien ta’ 1,5 % tal-PDG.

Id-defiċit fil-kont kurrenti kiber b’mod sinifikanti fl-2018 u fl-2019, u laħaq 11,5% tal-PDG fit-tielet kwart tal-2019 meta mqabbel ma’ 5,8% tal-PDG fl-2017. Id-deterjorament jirrifletti tkabbir b’saħħtu f’importazzjonijiet mhux marbuta mal-enerġija li jaħdmu b’domanda akbar ta’ konsum. Id-defiċit kummerċjali huwa parzjalment ikkumpensat minn rimessi li kienu ta’ madwar 15% tal-PDG fl-2019. L-investiment dirett barrani kien baxx għal madwar 2% tal-PDG f’dawn l-aħħar snin, iżda żdied b’mod sinifikanti fl-2019 minħabba Eurobond maħruġ minn kumpanija kbira tal-Moldova fis-settur agrikolu rreġistrata f’Ċipru. Il-livell tar-riżervi huwa ferm ogħla mill-mira stipulata fil-programm tal-FMI, u jilħaq il-USD 3,1 biljun sal-aħħar ta’ Diċembru 2019 (li jikkorrispondu għal ħames xhur ta’ importazzjonijiet).

Wara l-kriżi tal-2014, il-Moldova talbet appoġġ mill-FMI, u arranġament ta’ tliet snin ta’ USD 183 miljun ġie approvat taħt il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż u l-Faċilità ta’ Fond Estiża mill-FMI f’Novembru 2016. Il-FMI lesta r-raba’ u l-ħames analiżijiet skont il-Faċilità ta’ Kreditu Estiża u l-Faċilità ta’ Fond Estiża f’Settembru 2019 u għamel disponibbli SDR 24 miljun (madwar USD 33,8 miljun). Is-sitt analiżi finali tal-programm ġiet konkluża f’Marzu 2020.

F’Settembru 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni biex jagħtu AMF lill-Moldova. MtQ mal-awtoritajiet Moldovani li jindika sett ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika ġie ffirmat fi Brussell f’Novembru 2017, u daħal fis-seħħ f’Jannar 2018. Il-MtQ jinkludi 28 kundizzjoni ta’ politika li jiffukaw fuq ħames oqsma ta’ riforma: il-governanza tas-settur pubbliku; governanza u superviżjoni tas-settur finanzjarju; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus ir-riformi fis-settur tal-enerġija u t-titjib tal-klima tan-negozju; u l-implimentazzjoni ta’ Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi.

L-iżborż tal-ewwel pagament parzjali ġie sospiż f’Ġunju 2018 wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet għall-kariga ta’ sindku ta’ Chisinau minħabba nuqqas ta’ trasparenza. Wara l-bidla fil-gvern f’Ġunju 2019 u l-isforzi mġedda għar-riforma, inkluż l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-MtQ li fadal, id-deċiżjoni li jiġi rilaxxat l-ewwel pagament parzjali ttieħdet f’Ottubru 2019. Sakemm jiġu ssodisfati ċerti azzjonijiet b’rabta mal-prekundizzjonijiet politiċi, ir-rilaxx tat-tieni pagament parzjali jista’ possibbilment isegwi fl-2020, iżda x’aktarx mhux it-tielet ħlas parzjali peress li l-programm jiskadi f’Lulju 2020.

2.2.4Il-Georgia

Fl-2019, il-PDG reali tal-Georgia huwa stmat li żdied b’ 5,2 %, xprunat mid-domanda kemm domestika kif ukoll esterna. Id-defiċit tal-gvern huwa stmat li żdied minn 0,9% tal-PDG fl-2018 għal kważi 3% tal-PDG fl-2019, skont data preliminari. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku tagħha mal-PDG kien ta’ madwar 41% fl-2019, li żdied bi ftit minn 40,4% tal-PDG fl-2018. Il-bilanċ tal-pagamenti tal-Georgia tjieb sostanzjalment matul l-2019, prinċipalment bis-saħħa taż-żieda fl-esportazzjonijiet, li wassal għal tnaqqis fid-defiċit tal-kont kurrenti għal madwar 3% tal-PDG fl-ewwel tliet trimestri tal-2019. Ir-riżervi internazzjonali tal-Georgia qed jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin, u b’kollox kienu jammontaw għal USD 3,5 biljun fi tmiem l-2019 (erba’ xhur ta’ kopertura tal-importazzjonijiet).

F’April 2017, il-Georgia u l-FMI qablu dwar arranġament estiż ta’ USD 290 miljun taħt il-Faċilità ta’ Fond Estiża, li l-validità tiegħu ġiet estiża tard fl-2019 b’sena sa April 2021. Il-programm EFF jinsab fit-triq it-tajba. Ħames reviżjonijiet tal-programm tlestew b’mod wiesa’ kif skedat oriġinarjament. F’Diċembru 2019, il-FMI u l-awtoritajiet tal-Georgia laħqu qbil fil-livell tal-persunal dwar ir-rieżami tal-ħames programm, li għamel madwar USD 41,4 miljun disponibbli għall-Georgia. 

Il-Georgia talbet AMF addizzjonali mill-UE 8 f’Ġunju 2017. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-deċiżjoni dwar l-AMF il-ġdida sa EUR 45 miljun (EUR 10 miljun f’għotjiet u EUR 35 miljun f’self) f’April 2018. Wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ u l-ftehimiet li akkumpanjawh f’Novembru 2018, l-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 20 miljun (EUR 5 miljun f’għotjiet u EUR 15-il miljun f’self) ġew żborżati lill-Georgja f’Diċembru 2018. Il-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ AMF se jkun l-iżborż tat-tieni u l-aħħar pagament parzjali ta’ EUR 25 miljun (EUR 5 miljun f’għotjiet u EUR 20 miljun f’self) meta l-Georgia tissodisfa l-kundizzjonijiet politiki kollha relevanti. Minbarra l-prekundizzjonijiet politiċi u l-progress tajjeb fuq il-programm tal-FMI, kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika huma immirati biex isaħħu l-ekonomija tal-Georgia fil-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-settur finanzjarju, il-politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol, u l-ambjent tan-negozju. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija avvanzata sew, iżda għadha ma tlestietx għalkollox.

2.2.5L-Ukrajna

Wara r-riċessjoni profonda tal-2014 u l-2015 meta l-PGD naqas b’aktar minn 16%, l-ekonomija tal-Ukrajna marret lura għal tkabbir pożittiv fl-2016 u minn dak iż-żmien ‘l hawn żdied ir-ritmu. Il-PDG reali kiber b’4,1% sena wara sena fit-tielet kwart tal-2019. Filwaqt li l-irpiljar ekonomiku kien immexxi mid-domanda, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss baqgħet f’livell storikament baxx ta’ madwar 17% tal-PDG, ħafna inqas mil-livell ta’ pari ta’ 25% li jista’ jkun mistenni għall-pajjiżi f’dan l-istadju ta’ żvilupp. Ir-rata tal-qgħad naqset għal 8,5% fit-tieni kwart tal-2019 mill-ogħla livell tagħha ta’ 10,1% fil-bidu tal-2017. Permezz ta’ rata ta’ tkabbir sena wara sena ta’ 16,4% f’Ottubru 2019, li jfisser żieda f’termini reali ta’ madwar 11%, il-paga nominali medja laħqet l-ekwivalenti ta’ madwar USD 430. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumatur bdiet tiddeċellera b’mod sinifikanti minn 14,1% f’Jannar 2018 għal 4,1% f’Diċembru 2019, u b’hekk il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna jitħalla jilħaq b’suċċess il-mira tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ 4% sa 6% sa tmiem l-2019. Il-Gvern Ukren għamel ukoll progress sinifikanti fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi tiegħu f’dawn l-aħħar ħames snin. Id-defiċit fiskali globali tnaqqas minn 4,5% tal-PDG fl-2014 għal 2,0% fl-2019. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tnaqqas minn 80,9% tal-PDG fl-2016 għal 50,3% tal-PDG fl-2019.

L-Ukrajna baqgħet ekonomija miftuħa ħafna, għalkemm il-volum kombinat ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi naqas mill-2015. It-tnaqqis fl-esportazzjonijiet kien aktar qawwi minn dak tal-importazzjonijiet, li jispjega għaliex il-bilanċ negattiv tal-prodotti u s-servizzi żdied minn 2,6% tal-PDG għal 8,5% fl-istess perjodu. Id-defiċit fil-kont kurrenti kien ħafna iżgħar (1,9% tal-PDG fl-2017, 3,3% fl-2018 u madwar 2,5% fl-2019) grazzi għal flussi sinifikanti u li qed jikbru fid-dħul barrani, xprunati primarjament minn rimessi minn barra l-pajjiż. Flussi ta’ investiment dirett barrani baqgħu relattivament baxxi b’USD 2,8 biljun jew 2,0% tal-PDG fl-2019. Madankollu, investimenti ta’ portafoll u investimenti oħra, kemm privati kif ukoll uffiċjali, kienu b’saħħithom biżżejjed biex jiżguraw li l-bilanċ globali mar-residenti barranin kien pożittiv, b’żieda għal USD 2,7 biljun jew 1,9% tal-PDG fl-2019. L-Ukraina naqqset id-dejn gross estern tagħha minn 129% tal-PDG fl-2015 għal 79,5% fl-2019. Ir-riżervi uffiċjali żdiedu minn USD 17,8 biljun f’Lulju 2018 għal USD 25,3 biljun f’Diċembru 2019, ekwivalenti għal erba’ xhur ta’ importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi. L-influssi qawwijin ta’ likwidità esterni rriżultaw f’domanda akbar għall-hryvnia, li kienet apprezzata minn 14,7% kontra d-dollaru Amerikan fl-2019. Biex jimmoderaw l-apprezzament u r-riżervi ta’ appoġġ, il-Bank Nazzjonali intervjena fis-suq ta’ qabel u xtara USD 7,9 biljun minn banek domestiċi fl-2019, minn USD 1,4 biljun fl-2018.

L-UE żborżat total ta’ EUR 3,3 biljun lill-Ukrajna fl-2014-2018 fil-forma ta’ self b’imgħax baxx taħt erba’ programmi konsekuttivi ta’ AMF. Il-programm attwali tal-AMF ta’ EUR 1 biljun f’self ġie approvat f’Lulju 2018. Il-kundizzjonalità tal-politika tal-programm tiffoka primarjament fuq it-titjib tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u fuq ir-riformi fl-intrapriżi tal-istat u l-politiki soċjali. L-ewwel ħlas parzjali ta’ EUR 500 miljun ġie żborżat f’Novembru 2018. It-tieni u l-aħħar pagament ta’ EUR 500 miljun ġie żborżat f’Mejju 2020, u b’hekk il-programm tlesta b’suċċess.

Il-FMI laħaq ftehim fil-livell tal-persunal f’Diċembru 2019 dwar programm ġdid għall-Ukrajna (Faċilità ta’ Fond Estiża ta’ tliet snin ta’ USD 5,5 biljun) Barra minn hekk, fl-2019 il-gvern ħareġ UAH 227,6 biljun ta’ dejn fis-suq domestiku primarju, jiġifieri 114% aktar milli fl-2018, b’rendiment medju, il-maturitajiet kollha inklużi (li naqsu minn 19% f’Jannar għal 11,6% f’Diċembru). Matul l-istess perjodu, il-kost tal-finanzjament f’USD u f’EUR ukoll naqas minn 6,5% għal 3,7% u minn 4,5% għal 2,2% rispettivament.

3Niżguraw li l-fondi tal-AMF jintużaw b’mod xieraq: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post u awditi

3.1Valutazzjonijiet operazzjonali

F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni, twettaq valutazzjonijiet operazzjonali bil-għan li tikseb aċċertamenti raġonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji.

Il-valutazzjonijiet operazzjonali jiffukaw fuq is-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fuq kif inhuma organizzati l-ministeri għall-finanzi u l-banek ċentrali u liema proċeduri jimplimentaw u, b’mod aktar speċifiku, kif jiġu ġestiti l-kontijiet li jirċievu fondi tal-UE. Tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-funzjonament, l-indipendenza u l-programmi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-awditjar esterni, u kemm huma effettivi l-kontrolli tagħhom. Jiġu eżaminati wkoll il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fil-livell ċentrali.

Fl-2019, ma nbdiet l-ebda valutazzjoni operattiva fil-kuntest ta’ programmi ġodda tal-AMF. Għall-programm il-ġdid ta’ AMF-III għall-Ġordan, se titwettaq valutazzjoni operattiva fl-ewwel semestru tal-2020.

3.2Evalwazzjonijiet ex post 

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u d-deċiżjonijiet korrispondenti ta’ AMF, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet 9  ex post wara t-tlestija tal-programmi tal-AMF sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom. L-għanijiet ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huma:

I.li jiġi analizzat l-impatt tal-AMF fuq l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju u b’mod partikolari fuq is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni esterna tiegħu;

II.li jiġi vvalutat il-valur miżjud tal-intervent tal-UE.

Fl-2019, id-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal fuq l-evalwazzjonijiet ex post tal-programm AMF-II għall-Georgia u l-programm tal-AMF għar-Repubblika Kirgiża tlestew u ġew ippubblikati f’Diċembru ta’ dik is-sena. Sommarju tar-riżultati ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ġie ppreżentat ukoll fir-Rapport Annwali tal-AMF tal-2018. Matul l-2019, il-Kummissjoni rċeviet ukoll ir-rapport tal-kuntratturi esterni dwar l-evalwazzjoni ex post għall-programm AMF-I għat-Tuneżija. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah prodott mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji se jitlesta u jiġi ppubblikat fl-ewwel nofs tal-2020.

Fl-aħħar nett, fl-2019 il-Kummissjoni bdiet l-evalwazzjonijiet ex post għat-tielet programm tal-AMF fl-Ukrajna. Ir-rapporti tal-kuntratturi esterni dwar dawn l-evalwazzjonijiet ex post u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawhom huma mistennija li jiġu ffinalizzati u ppubblikati matul l-2020.

3.2.1It-Tuneżija AMF I 

L-evalwazzjoni ex post tal-programm AMF-I għat-Tuneżija (implimentat fl-2014-2017) ikkonkludiet li l-AMF tal-UE kienet rilevanti, koerenti, effettiva u implimentata b’mod effiċjenti.

F’termini assoluti, fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu, il-programm tal-AMF għat-Tuneżija kien it-tielet l-akbar programm ta’ AMF mill-2000, li jikkorrispondi għal madwar 0,5% u 0,3% tal-PDG fl-2015 u fl-2017 rispettivament. Kien hemm kunsens fost il-partijiet interessati ewlenin ikkonsultati li ż-żieda tal-AMF mill-EUR 250 miljun inizjalment proposta għal EUR 300 miljun kienet deċiżjoni xierqa. L-AMF ingħatat fil-forma ta’ self ta’ EUR 300 miljun fuq termini konċessjonali ħafna li ma setgħux jinkisbu fis-suq. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-AMF kellha dewmien, dan ma dgħajjifx ir-rilevanza tagħha minħabba l-kundizzjonijiet makroekonomiċi prevalenti u ż-żieda fil-ħtiġijiet baġitarji tal-istat Tuneżin wara l-attakki terroristiċi tal-2015 u l-obbligi tagħha ta’ servizzjar tad-dejn.

Għalhekk, id-daqs, il-forma u l-ħin tal-programm AMF-I instabu rilevanti u xierqa għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament għat-Tuneżija. L-AMF kellha impatt pożittiv, għalkemm żgħir, fuq is-sostenibbiltà tad-dejn u pprovdiet lill-awtoritajiet Tuneżini b’żieda fl-ispazju fiskali. Il-kundizzjonalità tagħha kienet rilevanti u konformi mal-prijoritajiet tal-pajjiż, u b’hekk kellha rwol ewlieni fl-iffukar tal-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar ir-riformi.

L-evalwazzjoni tikkonkludi li l-programm ipprovda valur miżjud tal-UE ċar billi taffa l-pressjonijiet fuq il-bilanċ tal-pagament u jżid l-ispazju għall-immanuvrar lil-awtoritajiet pubbliċi. Hija ġġenerat ukoll iffrankar finanzjarju bis-saħħa tar-rati tal-imgħax konċessjonali u l-maturitajiet itwal tas-self tal-AMF meta mqabbel mas-swieq finanzjarji. Il-programm tfassal u ġie implimentat b’mod effiċjenti, u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Tuneżini u msieħba internazzjonali ewlenin.

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ssib li l-AMF-I kellha impatt soċjali pożittiv iżda limitat, kemm permezz tas-sostenn ta’ kundizzjonijiet makroekonomiċi (li tgħin l-aġġustament u l-appoġġ għan-nefqa soċjali) kif ukoll l-effetti diretti tal-kundizzjonalità. Madankollu, dan l-impatt soċjali kien kemxejn limitat mill-immirar mhux komplut fin-nefqa soċjali, għalkemm dan ġie indirizzat bħala parti mill-kundizzjonalità tal-politika tal-programm AMF-II.

3.2.2AMF-II għall-Georgia 

L-evalwazzjoni ex post wara l-programm AMF-II għall-Georgia (implimentat fl-2015-2017) ikkonkludiet li l-AMF tal-UE kienet rilevanti, koerenti, effettiva u implimentata b’mod effiċjenti.

L-AMF-II kienet parti koerenti minn pakkett komprensiv ta’ assistenza tal-UE lill-Georgia, li jirrifletti koordinazzjoni mill-qrib ta’ dawn l-interventi. Il-valur miżjud tal-UE kien l-aktar evidenti fl-istimolu tal-proċess ta’ riforma strutturali fil-Georgia peress li kien ikopri l-isfidi ta’ riforma rilevanti fil-pajjiż. L-evalwazzjoni sabet li xi miżuri ta’ politika addizzjonali fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi bankarji setgħu kienu wkoll rilevanti, iżda dan kellu jkun ibbilanċjat mal-ħtieġa li l-lista tal-kundizzjonijiet tal-AMF tkun iffukata. Il-miżuri f’dawn iż-żoni ġew sussegwentement inklużi bħala kundizzjonijiet ta’ politika fil-programm attwali tal-AMF għall-Georgia li ġie approvat fl-2018.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-programm tal-AMF għen biex titjieb is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Georgia, minħabba l-maturità itwal u r-rati tal-imgħax aktar baxxi tal-AMF. Il-programm tfassal u ġie implimentat b’mod effiċjenti, u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Georgia, l-FMI u l-Bank Dinji. Id-dewmien fl-adozzjoni ġie kkawżat minn nuqqas ta’ qbil proċedurali bejn il-koleġiżlaturi. Madankollu, l-evalwazzjoni sabet li din l-iskeda ta’ żmien eċċezzjonalment twila ta’ approvazzjoni tal-programm ma rriżultatx f’telf ta’ effiċjenza, minħabba li minn tmiem l-2010 sa Lulju 2014 u minn nofs l-2015 sa April 2017, il-Georgia ma kellhiex programm ta’ żborz tal-FMI (prekundizzjoni għall-għoti ta’ AMF). Dan kien jipprevjeni kwalunkwe żborżi tal-AMF anke li kieku l-programm kien approvat qabel.

fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni indikat li l-programm AMF-II kellu impatt soċjali pożittiv b’mod ġenerali. Dan għen biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika, għalkemm il-progress f’dan il-qasam huwa irregolari u qed jiġi indirizzat bħala parti mill-kundizzjonalità tal-politika tal-programm attwali tal-AMF approvat fl-2018. Il-programm tal-AMF għen ukoll biex jitħaffef il-pjan ta’ aġġustament makroekonomiku u, b’dan il-mod, jinżamm l-infiq soċjali.

4Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF

4.1Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF

Id-Dikjarazzjoni Konġunta 2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-AMF 10 tippreżenta l-assistenza bħala waħda ta’ natura makroekonomika u finanzjarja u tiddikjara b’mod ċar li għandha l-għan li “timmira lejn ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta’ finanzjament esterni. Għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom intiżi li jtejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment fil-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm, u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni”.

F’konformità mal-prinċipju 6(a) tal-istess Dikjarazzjoni Konġunta, “il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għar-rispett min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju eliġibbli ta’ mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, kif ukoll għall-garanziji tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem”. Matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm tal-AMF, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jimmonitorjaw it-twettiq ta’ dawn il-prekundizzjonijiet politiċi, u kull żborż jiddependi mill-issodisfar tagħhom.

Fl-2018, bħala parti mill-proċess leġiżlattiv għall-proposti l-ġodda għall-Georgia AMF-III u l-Ukrajna AMF-IV, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) tal-Parlament Ewropew ippropona għadd ta’ emendi relatati mal-prekundizzjonijiet politiċi għall-proposta tal-Kummissjoni, li segwew il-mudell maqbul tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013. Ir-rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-għajnuna tal-UE lit-Tuneżija fl-2016 iddikjara li proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fit-tul jista’ jipperikola l-objettiv ewlieni tal-AMF, li huwa li tipprovdi appoġġ malajr f’sitwazzjoni ta’ kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti.

Fl-2019 u kmieni fl-2020, bħala parti mill-proċess leġiżlattiv għall-proposta l-ġdida għall-Ġordan AMF-III, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill aċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni (ippubblikata fis-6 ta’ Settembru 2019), li kienet mibnija fuq il-mudell maqbul tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013. Il-proċess leġiżlattiv kien effiċjenti u ppermetta lill-Kummissjoni biex tibda negozjati dwar il-MtQ mal-awtoritajiet Ġordaniżi diġà f’Jannar 2020.

Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li l-istrument tal-AMF jibqa’ bbażat fuq prinċipji stabbiliti sew u komuni u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li l-istituzzjonijiet kollha jaderixxu ma’, u jħossuhom marbutin, fin-nuqqas ta’ bażi legali formali għall-istrument fil-programmi kollha.

Barra minn hekk, l-iżviluppi ġeopolitiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà lil hinn mill-fruntieri tal-UE jenfasizzaw il-ħtieġa għal Ewropa multilaterali aktar b’saħħitha. Bi tweġiba għal dawn l-isfidi, waħda mis-sitt ambizzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni l-ġdida hija li jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa fid-dinja. Il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr u b’mod effiċjenti, inkluż permezz tal-istrument tal-AMF, se tkun ta’ importanza kbira biex jintlaħaq dan l-għan.

Huwa f’dan il-kuntest u b’ħarsa ‘l quddiem, li fl-2020 il-Kummissjoni se twettaq meta-evalwazzjoni tal-programmi tal-AMF implimentati fl-2010-2020. L-evalwazzjoni se tivvaluta l-prinċipji u l-karatteristiċi li jirregolaw l-istrument tal-AMF, u timmira li tipprovdi input dwar kif ittejjeb ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-valur miżjud tagħha u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għall-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE kif ukoll il-ġestjoni ta’ kuljum tal-interventi tal-AMF. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll diskussjoni dwar l-ambitu tal-istrument tal-AMF, inkluża l-kopertura ġeografika tiegħu, u kif jinteraġixxi ma’ politiki esterni oħra tal-UE.

4.2Żviluppi futuri: L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Hekk kif il-viċinat tal-UE qed ikompli jesperjenza instabbiltà ġeopolitika u ekonomika, aktar imsaħħa mill-konsegwenzi umanitarji u ekonomiċi minn firxa dejjem akbar tal-coronavivirus fl-2020, il-ħtieġa li l-UE tipprovdi AMF x’aktarx li tibqa’ għolja u saħansitra teskala fis-snin li ġejjin. Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-AMF jissaħħaħ bħala strument ta’ appoġġ makrofinanzjarju u li għalhekk tiżdied il-kapaċità ta’ self annwali tal-AMF minn EUR 500 miljun għal EUR 2 000 miljun. Dan kien approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-QFP 2020-2027. Għall-azzjoni esterna tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu ssimplifikati l-istrumenti eżistenti sabiex jiġi kkomunikat aħjar dak li tagħmel l-UE, jiġi evitat it-trikkib, il-proċessi isiru anqas ikkumplikati, jiżdiedu l-effiċjenza u l-komplementarjetà u jintwera aħjar il-valur miżjud tal-UE. Qed jiġi propost li diversi strumenti taħt il-QFP 2014-2020 jiġu integrati fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI). Madankollu, il-programmi speċifiċi tal-AMF se jibqgħu jiġu attivati abbażi ta’ deċiżjonijiet separati ad hoc kif meħtieġ, peress li huwa rikonoxxut li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-programmi tal-AMF għandu jibqa’ distint. L-AMF għalhekk se tibqa’ regolata bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull programm speċifiku.

Is-self tal-AMF se jiġi garantit mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG) li għandha tinħoloq mill-NDICI. L-EAG se jkopri garanziji fis-settur privat, dak sovran u subsovran (“EFSD +”), is-self tal-AMF-kif ukoll self estern tal-Euratom. Il-GEA se jkun sostnut mill-Fond ta’ Proviżjonament Komuni l-ġdid, li se jinkorpora l-Fond ta’ Garanzija eżistenti għal azzjonijiet esterni kif ukoll il-Fondi l-oħra ta’ Garanzija fid-dominju estern tal-UE kif ukoll dak intern tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet li l-volum totali tal-operazzjonijiet taħt il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna għandu jammonta għal massimu ta’ EUR 60 biljun, li minnhom EUR 14-il biljun huma allokati għal self tal-AMF li għandhom jiġu provduti bir-rata ta’ 9%, kif inhu l-każ bħalissa. Dan huwa konsistenti mal-volum ta’ self annwali ta’ EUR 2 biljun għal AMF miftiehm fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2014–2020, li jikkonferma l-valur miżjud qawwi Ewropew u l-ingranaġġ għoli tal-istrument. Barra minn hekk, l-għotjiet tal-AMF se jkomplu jingħataw lil pajjiżi eliġibbli b’vulnerabbiltajiet eċċezzjonalment għoljin.

Fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat proposta riveduta għall-QFP 2021-2027 kif ukoll Strument ta’ Emerġenza Ewropew ta’ Emerġenza (“Next Generation EU”) b’reazzjoni għall-konsegwenzi tal-pandemija COVID-19, li tammonta għal EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018). Fil-qasam estern, dan ikun ifisser EUR 16,9 biljun addizzjonali (fi prezzijiet attwali), li minnhom EUR 11,4 biljun għall-EAG u EUR 5,5 biljun għall-Għajnuna Umanitarja. It-tisħiħ propost se jgħolli l-limitu tal-EAG minn EUR 60 biljun għal EUR 130 biljun preċedentement propost għal EUR biljun, aktar mid-doppju tal-kapaċità potenzjali għal garanziji EFSD + u self AMF.

5Talbiet ġodda għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja

L-2019 se tkun ikkaratterizzata mill-implimentazzjoni tal-programmi ta’ AMF li għaddejjin, kif inhu deskritt aktar ’il fuq. Dawn jinkludu l-iżborż tal-aħħar pagament parzjali finali għall-Georgia AMF-III, kif ukoll il-bqija tal-iżborżi tal-programm tal-Moldova, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. Barra minn hekk, skont kemm jimxu ‘l quddiem malajr in-negozjati dwar il-progress fil-MtQ, l-ewwel żewġ pagamenti parzjali għall-Ġordan AMF-III jistgħu jiġu żborżati wkoll matul l-2020.

5.1L-użu tal-AMF għal pajjiżi sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-kriżi ta’ COVID-19

It-tifqigħa tal-coronavirus evolviet f’pandemija globali, li teħtieġ rispons globali veloċi u kkoordinat għall-protezzjoni tan-nies, li jiġu salvati l-ħajjiet u li jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi.

F’dan l-isfond, fit-22 ta’ April 2020 il-Kummissjoni adottat proposta għal pakkett ta’ AMF ta’ EUR 3 biljun lil għaxar pajjiżi sħab tat-tkabbir u tal-viċinat biex tgħinhom jillimitaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-coronavirus. Il-proposta ġiet fuq nett tal-pakkett “Team Europe”, l-istrateġija robusta u mmirata tal-UE biex tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jindirizzaw il-pandemija tal-coronavirus. Id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-25 ta’ Mejju 2020.

Bħala parti minn dan il-pakkett, l-UE qablet dwar is-self tal-AMF li għandu jitqassam kif ġej: ir-Repubblika tal-Albanija (EUR 180 miljun), il-Bożnija-Ħerzegovina (EUR 250 miljun), il-Georgia (EUR 150 miljun), ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (EUR 200 miljun), il-Kosovo (EUR 100 miljun), ir-Repubblika tal-Moldova (EUR 100 miljun), il-Montenegro (EUR 60 miljun), ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (EUR 160 miljun), ir-Repubblika tat-Tuneżija (EUR 600 miljun) u l-Ukrajna (EUR 1,2 biljun).

Dan il-pakkett ta’ AMF, u l-adozzjoni malajr tiegħu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, huwa dimostrazzjoni importanti tas-solidarjetà tal-UE mal-pajjiżi sħab fi żmien ta’ kriżi bla preċedent.

It-tabella 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-impenji u l-pagamenti tal-għotjiet tal-AMF għall-2018, l-2019 u, (b’mod proviżorju), l-2020. L-iżborżi totali ta’ self tal-AMF huma mistennija jammontaw għal EUR 860 miljun fl-2020 (jew għal EUR 3 860 miljun jekk id-Deċiżjoni tal-AMF COVID-19 tal-25 ta’ Mejju 2020 tiġi żborżata kompletament fl-2020).



Tabella 2:

Impenji u pagamenti għal għotjiet tal-AMF u żborżi ta’ self tal-AMF 2018-2020 (EUR)

 

 

2018

2019

2020 (provviżorju)

 

 

 

 

 

Approprjazzjonijiet ta’ impenn għal għotjiet fil-baġit

42 086 000

27 000 000

20 000 000

 

 

 

 

 

 

Valutazzjonijiet operazzjonali, studji PEFA, evalwazzjonijiet ex post

408 677

125 900

500 000

 

AMF-II għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

10 000 000

-

-

 

Programmi oħra possibbli ta’ AMF

 

 

Għad irid jiġi deċiż

Impenji, totali

10 408 677

125 900

500 000

 

 

 

 

 

Allokazzjonijiet tal-baġit mhux impenjati

31 677 323

26 874 100

19 500 000

 

 

 

 

 

Approprjazzjonijiet ta’ pagament għal għotjiet fil-baġit

42 086 000

27 000 000

27 000 000

 

 

 

 

 

 

Valutazzjonijiet operazzjonali, studji PEFA, evalwazzjonijiet ex post

102 133

304 949

-

 

AMF-II għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

5 000 000

-

5 000 000

 

AMF għall-Moldova (deċiżjoni adottata)

-

10 000 000

30 000 000

 

Programmi oħra possibbli ta’ AMF

-

-

Għad irid jiġi deċiż

Pagamenti, totali

5 102 133

10 304 949

35 000 000

 

 

 

 

 

Allokazzjonijiet mhux użati għal pagamenti ta’ għotjiet

36 983 867

16 695 051

-8 000 000 11

 

 

 

 

 

Żborżi ta’ self tal-AMF

 

 

 

 

 

 

 

AMF-II għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

15 000 000

-

20 000 000

 

AMF-II għat-Tuneżija (deċiżjoni adottata)

-

300 000 000

-

 

AMF-IV għall-Ukrajna (deċiżjoni adottata)

500 000 000

500 000 000

 

AMF-II għall-Ġordan (deċiżjoni adottata)

-

100 000 000

-

 

AMF għall-Moldova (deċiżjoni adottata)

-

20 000 000

40 000 000

 

AMF-III għall-Ġordan(deċiżjoni adottata)

-

-

300 000 000

 

Programmi AMF COVID-19 (deċiżjoni adottata)

 

 

3 000 000 000

Żborżi ta’ self tal-AMF, total

515 000 000

420 000 000

3 860 000 000

(1)

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni li waslet sa’ Mejju 2020.

(2)

Il-bażi ġuridika għall-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi mhux tal-UE li mhumiex pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp hija l-Artikolu 212 u 2013 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

 L-AMF tikkomplementa wkoll azzjonijiet u strumenti esterni tal-UE oħrajn indirizzati lill-viċinat, inkluż appoġġ baġitarju dirett. Ir-rapport dwar l-appoġġ dirett tal-baġit tal-2019 jinsab fuq: https://www.euneighbours.eu/sites/default/files/publications/2019-10/budget_support._trends_and_results_2019.pdf

(4)

 L-evalwazzjonijiet ex post kollha jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_mt

(5)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1112 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar l-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (ĠU L 186, 9.7.2016, p. 1).

(6)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).

(7)

L-ewwel u t-tieni operazzjonijiet ta’ AMF għall-Georgia ġew imwiegħda fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi fi Brussell f’Ottubru 2008. Dawn il-programmi ta’ EUR 46 miljun il-wieħed ġew implimentati bejn l-2009 u l-2010 u l-2015 u l-2017.

(8)

L-evalwazzjonijiet ex post kollha jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_mt

(9)

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia (Deċiżjoni (UE) 2013/778 tat-12 ta’ Awwissu 2013). Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D0778&from=EN

(10)

Defiċit ta’ pagament possibbli li jkun irid jiġi kopert (normalment permezz ta’ riallokazzjoni) jekk iż-żewġ segmenti li jifdal (u l-komponent ta’ għotja fih) tal-programm tal-AMF għal Moldova jitħallsu.

Top