Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AR5859

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

    COR 2020/05859

    ĠU C 175, 7.5.2021, p. 89–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/89


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

    (2021/C 175/08)

    Relatur:

    Peter KAISER (AT/PSE), Gvernatur ta’ Kärnten

    Dokument ta’ referenza:

    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

    COM(2020) 682 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Premessa 21

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Il-pagi minimi huma meqjusin bħala adegwati jekk ikunu ġusti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-pagi fil-pajjiż u jekk jipprovdu standard ta’ għajxien deċenti. L-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji hija ddeterminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali, inklużi t-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività kif ukoll l-iżviluppi reġjonali u settorjali. L-adegwatezza tagħhom jenħtieġ li tiġi vvalutata tal-inqas fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom, tal-iżviluppi fil-produttività u r-relazzjoni tagħhom mal-livelli tal-paga grossa, id distribuzzjoni u t-tkabbir. L- użu ta’ indikaturi użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali, bħal 60 % tal-paga medjana grossa u 50 % tal-paga medja grossa , jistgħu jgħinu biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-paga minima fir-rigward tal-livell tal-pagi grossi.

    Il-pagi minimi huma meqjusin bħala adegwati jekk ikunu ġusti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-pagi fil-pajjiż u jekk jipprovdu standard ta’ għajxien deċenti. L-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji hija ddeterminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali, inklużi t-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività kif ukoll l-iżviluppi reġjonali u settorjali. L-adegwatezza tagħhom jenħtieġ li tiġi vvalutata tal-inqas fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom, tal-iżviluppi fil-produttività u r-relazzjoni tagħhom mal-livelli tal-paga grossa, id distribuzzjoni u t-tkabbir. L-indikaturi rikonoxxuti internazzjonalment ta’ 60 % tal-paga medjana grossa u 50 % tal-paga medja grossa jgħinu biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-paga minima fir-rigward tal-livell tal-pagi grossi.

    Raġuni

    Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, l-indikaturi msemmija rriżultaw bħala punti ta’ riferiment li jistgħu jintlaħqu b’kunsens.

    Emenda 2

    Artikolu 3(3)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    “negozjar kollettiv” tfisser in-negozjati kollha li jsiru bejn impjegatur, grupp ta’ impjegaturi jew organizzazzjoni tal-impjegaturi waħda jew aktar, fuq naħa waħda, u  organizzazzjoni tal-ħaddiema waħda jew aktar, fuq in-naħa l-oħra, biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi jew l-organizzazzjonijiet tagħhom u  organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema ;

    “negozjar kollettiv” tfisser in-negozjati kollha li jsiru bejn impjegatur, grupp ta’ impjegaturi jew organizzazzjoni tal-impjegaturi waħda jew aktar, fuq naħa waħda, u  trade union waħda jew aktar, fuq in-naħa l-oħra, biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi jew l-organizzazzjonijiet tagħhom u  trade unions ;

    Raġuni

    Skont il-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE u l-obbligi tal-UE skont id-dritt internazzjonali, it-trade unions huma imsieħba tad-djalogu soċjali tan-negozjar kollettiv. Pereżempju, il-kunsilli tax-xogħol ma għandhomx leġittimità istituzzjonali suffiċjenti.

    Emenda 3

    Artikolu 4(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri fejn il-kopertura tan-negozjar kollettiv hi inqas minn 70 % tal-ħaddiema kif definit skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom barra minn hekk jipprevedu qafas li jippermetti l-kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv, jew bil-liġi wara konsultazzjoni tas-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom, u għandhom jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni biex jippromwovu n-negozjar kollettiv. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jsir pubbliku u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea.

    L-Istati Membri fejn il-kopertura tan-negozjar kollettiv hi inqas minn 70 % tal-ħaddiema kif definit skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom barra minn hekk jipprevedu qafas li jippermetti l-kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv, jew bil-liġi wara konsultazzjoni tas-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom, u għandhom jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni biex jippromwovu n-negozjar kollettiv u jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sħab soċjali . Il-pjan ta’ azzjoni għandu jsir pubbliku u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea.

    Raġuni

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 4(1).

    Emenda 4

    Artikolu 5(1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri b’pagi minimi statutorji għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji jkunu ggwidati minn kriterji stabbiliti biex jippromwovu l-adegwatezza bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ’l fuq. L- Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawn il-kriterji skont il-prattiki nazzjonali tagħhom , jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fid-deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti jew fi ftehimiet bejn tliet partijiet. Il-kriterji għandhom jiġu definiti b’mod stabbli u ċar.

    L-Istati Membri b’pagi minimi statutorji għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji jkunu ggwidati minn kriterji stabbiliti biex jippromwovu l-adegwatezza bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-konverġenza ’l fuq. Fil-livell tal- Istati Membri dawn il-kriterji għandhom jiġu ddefiniti skont il-prattiki fl-Istati Membri , jew fil-leġiżlazzjoni rilevanti, fid-deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti jew fi ftehimiet bejn tliet partijiet. Il-kriterji għandhom jiġu definiti b’mod ċar u għandhom jiġu pprovduti bi kronoloġija .

    Raġuni

    Sabiex tiġi enfasizzata d-dimensjoni territorjali.

    Emenda 5

    Artikolu 5(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Il-kriterji nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu fost l-oħrajn l-elementi li ġejjin:

    Il-kriterji nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu fost l-oħrajn l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi statutorji, filwaqt li jitqiesu l-għoli tal-ħajja u l-kontribuzzjoni tat-taxxi u l-benefiċċji soċjali ;

    (a)

    il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi statutorji, filwaqt li jitqies l-għoli tal-ħajja, b’referenza għall-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/792 ;

    (b)

    il-livell ġenerali tal-pagi grossi u d-distribuzzjoni tagħhom;

    (b)

    il-livell ġenerali tal-pagi grossi u d-distribuzzjoni tagħhom skont is-settur u skont ir-reġjuni NUTS 2 ;

    (c)

    ir-rata ta’ tkabbir tal-pagi grossi;

    (c)

    ir-rata ta’ tkabbir tal-pagi grossi.

    (d)

    l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol .

     

    Raġuni

    It-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll il-produttività tax-xogħol huma ġeneralment parametri speċifiċi għall-kumpaniji li mhumiex adattati għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi.

    Emenda 6

    Artikolu 5(3)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri għandhom jużaw valuri ta’ referenza indikattivi biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji fir-rigward tal-livell ġenerali tal-pagi grossi, bħal dawk użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali .

    L-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jistabbilixxu r-rata tal-pagi minimi statutorji . L-Istati Membri għandhom jiżguraw fi kwalunkwe każ li l-pagi minimi statutorji jkunu adegwati u li jinbeda proċess ta’ konverġenza li jkun rieżaminat kull sena bil-ħsieb li jintlaħaq, malajr kemm jista’ jkun, minimu ta’ mill-inqas 60 % tal-paga medjana grossa nazzjonali full-time u 50 % tal-paga medja grossa nazzjonali full-time.

    Raġuni

    Konsistenza mal-Emenda 1 dwar il-Premessa 21.

    Emenda 7

    Artikolu 6(1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu rati differenti tal-paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema. L-Istati Membri għandhom iżommu dawn il-varjazzjonijiet għal livell minimu, u jiżguraw li kwalunkwe varjazzjoni ma tkunx diskriminatorja, tkun proporzjonata, tkun limitata fiż-żmien jekk rilevanti, u tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda kategorija ta’ ħaddiema ma tiġi eskluża mill-protezzjoni tal-paga minima statutorja.

    Raġuni

    M’għandu jkun hemm l-ebda inċentiv għal rati inferjuri għall-paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema.

    Emenda 8

    Artikolu 6(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu tnaqqis bil-liġi li jnaqqas ir-remunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiema għal livell inqas mill-paga minima statutorja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan it-tnaqqis mill-pagi minimi statutorji jkun meħtieġ, ġustifikat b’mod oġġettiv u proporzjonat.

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu tnaqqis bil-liġi billi jagħtu benefiċċji soċjali jew kontribuzzjonijiet in natura, li jnaqqas ir-remunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiema għal livell inqas mill-paga minima statutorja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan it-tnaqqis mill-pagi minimi statutorji jkun meħtieġ, ġustifikat b’mod oġġettiv u proporzjonat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pariri, is-sahra u ħlasijiet addizzjonali oħra jiġu esklużi mill-kalkolu tal-pagi minimi statutorji u jitħallsu b’żieda magħhom.

    Raġuni

    Evidenti.

    Emenda 9

    Artikolu 9

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Akkwist pubbliku

    Skont id-Direttiva 2014/24/UE, id-Direttiva 2014/25/UE u d-Direttiva 2014/23/UE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kuntratti ta’ konċessjoni l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi għas-settur u ż-żona ġeografika rilevanti u mal-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu.

    Akkwist pubbliku

    Skont id-Direttiva 2014/24/UE, id-Direttiva 2014/25/UE u d-Direttiva 2014/23/UE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kuntratti ta’ konċessjoni l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mar-remunerazzjoni u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol oħra ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi għas-settur u ż-żona ġeografika rilevanti u mal-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu kif ukoll mad-dritt għal negozjar kollettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-operaturi ekonomiċi, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, huma meħtieġa li jikkonformaw mal-pagi u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol oħra stabbiliti minn liġijiet u/jew ftehimiet kollettivi, u li jirrispettaw id-dritt għal negozjar kollettiv u jirrikonoxxu u jinnegozjaw mat-trade unions .

    Raġuni

    Evidenti.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni introduċiet bidla fundamentali fir-rigward tal-paga minima, li skontha pagi minimi adegwati huma dritt fundamentali u prerekwiżit għal ekonomija tas-suq soċjali, ġusta u sostenibbli li fuqha huwa bbażat is-suq intern Ewropew. L-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u tas-soċjetà li jirriżultaw mid-dumping fil-pagi u d-differenza bejn il-pagi fl-Unjoni Ewropea jaqbżu bil-bosta kwalunkwe l-profitti ta’ negozju;

    2.

    jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tippermetti oqfsa Ewropej għat-tisħiħ tal-kopertura tan-negozjar kollettiv u għal pagi minimi ġusti u adegwati, b’mod partikolari biex jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu. Il-KtR jenfasizza l-ambizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq qafas għal pagi minimi aktar adegwati u għal aċċess aħjar għall-ħaddiema biex jiġu żgurati pagi minimi; qafas li jirrispetta l-karatteristiċi partikolari tas-sistemi nazzjonali, in-negozjar kollettiv u l-libertà kuntrattwali tal-imsieħba soċjali. F’konformità mat-talbiet preċedenti mill-KtR, il-proposta tal-Kummissjoni mhijiex soluzzjoni waħda għal kulħadd u hija bbażata fuq il-premessa kondiviża mill-KtR li “negozjar kollettiv u ftehimiet kollettivi komprensivi li jiffunzjonaw sew huma l-metodu ewlieni biex jinkisbu pagi ġusti u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet oħra tax-xogħol, billi l-ħaddiema u l-impjegaturi jafu s-settur u r-reġjun tagħhom l-aħjar” (1);

    3.

    jinnota li, sal-iskadenza tal-21.01.2021, tliet parlamenti nazzjonali minn għoxrin, li kienu eżaminaw il-proposta tal-Kummissjoni, ippreżentaw opinjonijiet motivati skont il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tas-sussidjarjetà;

    4.

    jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni sservi biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali u tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (Artikolu 3 tat-TUE) u kontinwità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-Prinċipju 6) (2) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 31), il-Karta Soċjali Ewropea (Artikolu 4) u l-Konvenzjoni tal-ILO 131. Dan huwa ta’ importanza partikolari għal dawk it-territorji fejn id-diskrepanzi fil-pagi minimi madwar l-UE jwasslu għal flussi ta’ migrazzjoni żbilanċjati fi ħdan l-UE, li jistgħu jkunu destabbilizzanti għall-komunità lokali, u jkollhom ukoll effett negattiv fuq il-qagħda demografika fir-reġjun ta’ oriġini;

    5.

    jenfasizza li l-ħtieġa ta’ “konverġenza ’l fuq” tal-pagi minimi hija wkoll akuta fil-kuntest tal-fatt li pagi baxxi jibqgħu karatteristika tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Huwa stmat li madwar ħaddiem minn kull sitta għandu paga baxxa. Fis-snin reċenti, pagi baxxi f’ħafna Stati Membri ma żammewx il-pass ma’ pagi oħra, li wassal għal żieda fl-inugwaljanza bejn il-pagi. Il-proporzjon tal-impjegati f’riskju tal-faqar żdied minn 8,3 % fl-2010 għal 9,3 % fl-2018. Barra minn hekk, it-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq il-pagi tal-ħaddiema, speċjalment dawk bl-aktar dħul baxx, bħall-ħaddiema fis-setturi tat-tindif, tal-bejgħ bl-imnut, tas-saħħa u tal-kura fit-tul u tal-kura residenzjali. Setturi li jaqgħu parzjalment jew kompletament taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Stħarriġ online tal-Eurofound għall-2020 sab li kważi 40 % ta’ dawk li wieġbu fl-UE sostnew li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet agħar minn dik ta’ qabel il-pandemija, u kważi nofshom sostnew li l-familji tagħhom ma kinux qed ilaħħqu mal-ħajja (47 % f’April 2020); Barra minn hekk, filwaqt li jikkostitwixxu 48 % tal-impjegati b’mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea, in-nisa jikkostitwixxu 59 % ta’ dawk li jaqilgħu paga minima. Dan jikkontribwixxi għad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet u l-faqar fost in-nisa li jaħdmu (3). Għalhekk, il-konverġenza ’l fuq tgħin biex jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu kif ukoll jitnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet;

    6.

    iqis li l-bażi ġuridika tal-Artikolu 153 tat-TFUE proposta mill-Kummissjoni, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-268/06 Impact 2008), ma tippermetti l-ebda indħil dirett fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta tal-Kummissjoni tista’ tkun biss proċess oġġettiv f’rikonoxximent sħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar il-paga minima u r-rwol tal-imsieħba soċjali;

    7.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ multidimensjonali biex jiġi indirizzat il-faqar fost dawk li jaħdmu. L-analiżi tal-Kummissjoni stess turi li l-indirizzar tal-faqar fost dawk li jaħdmu huwa sfida kumplessa li fiha fatturi oħra, bħas-sistema tat-taxxa, l-inizjattivi ta’ taħriġ, il-livell tal-benefiċċji soċjali u l-politiki dwar l-impjiegi, kif ukoll il-monitoraġġ tad-dritt pożittiv għandhom rwol kruċjali wkoll. Dawn l-oqsma jaqgħu prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, għalhekk is-suċċess ta’ proċess Ewropew għal pagi minimi adegwati jiddependi ħafna mir-rieda tal-Istati Membri stess biex jadattaw għal dawn il-parametri;

    8.

    jirrimarka li, skont l-Artikolu 154 tat-TFUE u qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tagħha, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-imsieħba soċjali dwar miżuri possibbli tal-UE fil-qasam tal-pagi minimi. Fl-ewwel fażi, bejn l-14 ta’ Jannar u l-25 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni kkonsultat mal-imsieħba soċjali dwar il-bżonn għal inizjattiva dwar il-pagi minimi, u d-direzzjoni possibbli tagħha. Fit-tieni fażi, bejn it-3 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni kkonsultat mal-imsieħba soċjali dwar il-kontenut u l-istrument legali tal-proposta prevista. Il-proposta għal Direttiva tqis il-kontributi tal-partijiet, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali fin-negozjar kollettiv. Għalhekk huwa kruċjali li l-Kummissjoni tappoġġja l-bini tal-kapaċità futura u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, peress li l-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix imsieħba soċjali b’saħħithom. Inġabru wkoll il-fehmiet tal-pubbliku permezz tat-tweġibiet għall-Ewrobarometru Standard 92 (Ħarifa 2019), li kien jinkludi mistoqsijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea inkluża l-paga minima;

    9.

    iqis li paga dinjituża tmur lil hinn mill-qerda tal-faqar estrem. L-għan tagħha huwa li jiżgura li n-nies ikunu jistgħu jaffordjaw stil ta’ ħajja bażiku u jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali. Hija marbuta speċifikament mal-kuntest u għandha tmur lil hinn mill-pagi tal-faqar, biex jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom;

    10.

    jirrimarka li abbażi tal-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE u f’konformità sħiħa mal-Artikolu 153(5), diġà ġew adottati għadd ta’ Direttivi li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-paga (4);

    11.

    isostni li għandu jiġi rispettat il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali f’dawk il-każijiet fejn il-pagi minimi jiġu stabbiliti skont is-settur;

    12.

    jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-abbozz ta’ Direttiva ma jipprevedi l-ebda armonizzazzjoni soċjali minima, u jifhem li l-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi klawżola ta’ nonrigressjoni għal livelli ta’ protezzjoni ogħla minn dawk iggarantiti mid-Direttiva proposta (Artikolu 16);

    13.

    jirrikonoxxi li, fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni teskludi lill-Istati Membri li l-pagi minimi tagħhom huma stabbiliti fi ftehimiet kollettivi mill-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-pagi minimi statutorji;

    14.

    iqis li l-proposta tal-Kummissjoni ġġib valur miżjud Ewropew minħabba li fil-fatt din toħloq bażi biex tinbeda konverġenza ’l fuq tal-pagi minimi fi djalogu mal-Istati Membri;

    15.

    jenfasizza d-dimensjoni reġjonali qawwija tal-kwistjoni tal-pagi minimi adegwati, anke jekk din mhix indirizzata biżżejjed fil-proposta tal-Kummissjoni. Id-dimensjoni reġjonali tirriżulta mill-eżistenza ta’ ftehimiet kollettivi reġjonali, mill-interazzjoni qawwija bejn il-pagi minimi u l-koeżjoni soċjali u territorjali u l-fatt li l-awtoritajiet lokali għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-iffissar tal-pagi, abbażi tal-kundizzjonijiet lokali u reġjonali, saħansitra fil-kwalità tagħhom ta’ impjegaturi;

    16.

    jiġbed l-attenzjoni għall-istudju kkummissjonat mill-KtR dwar “Fair Minimum Wages The Local and Regional Perspective” (Pagi Minimi Ġusti Il-Perspettiva Lokali u Reġjonali) (5). Jenfasizza b’mod partikolari l-konklużjoni li l-introduzzjoni ġenerali tal-pagi minimi reġjonali ma tistax tiġi sostnuta għal diversi raġunijiet, fost oħrajn, l-oqfsa istituzzjonali, il-kompetenzi u t-tradizzjonijiet li jpoġġu l-iffissar tal-pagi minimi primarjament fil-livell nazzjonali, iżda li fl-istess ħin jeżistu għadd ta’ possibbiltajiet għal rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-infurzar, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-pagi minimi;

    17.

    iwissi li hemm differenzi sinifikanti bejn l-ammont ta’ persuni li jiddependu fuq il-paga minima fiż-żoni urbani u rurali, u jenfasizza li sabiex tkun tista’ tiġi koperta t-talba għal konverġenza lejn pagi minimi aktar adegwati, jeħtieġ li jinstabu approċċi innovattivi biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu l-fondi meħtieġa fil-baġits tagħhom, li ġew devastati serjament mill-pandemija tal-COVID-19;

    18.

    iqis li t-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-promozzjoni tan-negozjar kollettiv fl-Istati Membri, kif deskritt fl-Artikolu 4(2), seta’ jiġi ssostanzjat billi ssir referenza għall-elementi possibbli ta’ tali pjani ta’ azzjoni;

    19.

    jistaqsi, fil-prinċipju, jekk il-kunċett ta’ ħaddiem li fuqu hija bbażata d-Direttiva għandux jiġi rivedut fil-livell tal-UE. Madankollu, ir-referenza għal każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mill-1986 (il-Kawża Lawrie Blum) ma tqisx l-emerġenza ta’ forom ġodda ta’ xogħol, b’mod speċjali forom prekarji fl-ekonomija tal-pjattaforma;

    20.

    ifakkar, b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti, fis-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża C-115/14 (tas-17 ta’ Novembru 2015): skont dik is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-esklużjoni minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ offerent li jirrifjuta li jintrabat li jħallas il-paga minima statutorja lill-persunal ikkonċernat (6);

    21.

    jenfasizza li l-abbozz ta’ Direttiva ma jsemmix b’mod espliċitu l-fatt li l-monitoraġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva jista’ jkun marbut mal-proċess tas-Semestru Ewropew, pereżempju billi tiġi aġġustata t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali; jara din l-għażla minn perspettiva kritika sakemm il-proċess tas-semestru b’mod ġenerali ma jkunx soġġett għal riforma estensiva biex jiżgura aktar trasparenza, governanza demokratika (dritt ta’ konsultazzjoni għall-Parlament Ewropew) u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjali abbażi ta’ approċċ imsejjes fuq is-sħubija;

    22.

    jemmen li l-proċess ta’ konverġenza lejn pagi minimi aktar ġusti għandu jkun akkumpanjat minn proposta tal-Kummissjoni għal miżuri dwar it-trasparenza tal-pagi, li, fost affarijiet oħra, tkun ukoll mezz importanti biex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u biex tipprevjeni prattiki diskriminatorji abbażi tar-razza, it-twemmin, l-età, id-diżabilità, jew l-orjentazzjoni sesswali (7).

    Brussell, id-19 ta’ Marzu 2021.

    Apostolos TZITZIKOSTAS

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  Ara l-paragrafu 31 tal-Opinjoni tal-KtR dwar — Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti (Relatur: Anne Karjalainen) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 42).

    (2)  6. Il-pagi u s-salarji; Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdulhom standard ta’ għajxien adegwat. Pagi minimi adegwati għandhom ikunu żgurati, b’mod li dawn jipprovdu għas-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, filwaqt li jissalvagwardjaw l-aċċess għall-impjiegi u l-inċentivi li jfittxu xogħol. Għandu jiġi evitat il-faqar fost dawk li jaħdmu.

    Il-pagi kollha għandhom ikunu stabbiliti b’mod trasparenti u prevedibbli skont il-politiki nazzjonali u jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali.

    (3)  Eurofound (2017), In-work poverty in the EU (Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  Ara fost l-oħrajn (1) id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23), (2) id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36) u (3) d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠUL188, 12.7.2019, p. 79).

    (5)  https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/6f084eaa-879e-11eb-ac4c-01aa75ed71a1/language-en

    (6)  Il-leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-sottokuntratturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jesegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku nstabet li kienet tikkonforma mal-liġi tal-UE.

    (7)  Ara l-punt 32 tal-Opinjoni tal-KtR — Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti (Relatur: Anne Karjalainen) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 42).


    Top