Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AR0418

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

    COR 2020/00418

    ĠU C 324, 1.10.2020, p. 74–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 324/74


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

    (2020/C 324/11)

    Relatur ġenerali:

    Vojko OBERSNEL (HR/PSE), Membru ta' Eżekuttiv Lokali: Belt ta' Rijeka

    Dokumenti ta’ referenza:

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

    COM(2020) 22 final

    Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi

    COM(2020) 23 final

    Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

    COM(2020) 460 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL EMENDI

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

    COM(2020) 22 final

    Emenda 1

    Premessa 13

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jeħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF għandhom jissaħħu b’finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE + jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta’ operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

    Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jeħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF jistgħu jissaħħu b’finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE + jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta’ operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

    Raġuni

    Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa proposta politika li għandha tiżdied biss fuq il-baġit ta’ koeżjoni eżistenti. Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet proposti li jiġu appoġġati mill-JTF (Artikolu 4) fil-prattika diġà jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-Objettivi tal-Politika 1 u 2 permezz tal-FEŻR u l-FSE+.

    Emenda 2

    Artikolu 2

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4 (1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni u n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”.

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4 (1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni u n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima” skont l-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030 .

    Raġuni

    L-għan tal-fond għandu jirreferi b’mod ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030.

    Emenda 3

    Artikolu 3(1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.   Il-JTF għandu jappoġġa l-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Istati Membri kollha .

    1.   Il-JTF għandu jiffinanzja l-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni f’reġjuni jew l-attivitajiet affettwati.

    Raġuni

    Evidenti.

    Emenda 4

    Artikolu 4(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    2.   F’konformità mal-paragrafu 1, il-JTF għandu jappoġġa esklussivament l-attivitajiet li ġejjin:

    2.   F’konformità mal-paragrafu 1, il-JTF għandu jappoġġa l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    investimenti produttivi fl-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

    (a)

    investimenti produttivi u sostenibbli fl-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

    (b)

    investimenti fil-ħolqien ta’ ditti ġodda, inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u servizzi ta’ konsulenza;

    (b)

    investimenti fil-ħolqien ta’ ditti ġodda rilevanti għat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli , inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u servizzi ta’ konsulenza;

    (c)

    investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u t-trawwim ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji avvanzati;

    (c)

    investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni sostenibbli u t-trawwim ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji avvanzati;

    (d)

    investimenti fl-użu ta’ teknoloġija u infrastrutturi għal enerġija nadifa u affordabbli, fi tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli;

    (d)

    investimenti fl-użu ta’ teknoloġija u infrastrutturi soċjali għal enerġija nadifa , sikura, sostenibbli u affordabbli, fi tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli;

    (e)

    investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali;

    (e)

    investimenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Artikolu 15.3), id-Direttiva tal-UE 2010/31 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (Artikoli 9 u 11) u d-Direttiva tal-UE 2012/27 dwar l-effiċjenza fl-enerġija (Artikolu 14.4);

    (f)

    investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti, restawr ta’ art u proġetti ta’ adattament;

    (f)

    investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali;

    (g)

    investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

    ( g )

    investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti, restawr ta’ art u proġetti ta’ adattament , skont il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” kif iddefinit fl-Artikolu 2(122) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat ;

    (h)

    it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ;

    ( h )

    investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

    (i)

    għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

    ( i )

    it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol ;

    (j)

    l-inklużjoni attiva ta’ min ikun qed ifittxu impjieg;

    ( j )

    għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

    (k)

    assistenza teknika.

    ( k )

    l-inklużjoni attiva ta’ min ikun qed ifittxu impjieg;

     

    ( l )

    kwalunkwe attività oħra speċifika, kif miftiehma bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti għat-territorju kkonċernat, l-Istat Membru u l-Kummissjoni Ewropea, li hija konformi mal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-UE newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 ;

    (m)

    assistenza teknika.

    Raġuni

    Kwalunkwe investiment fil-protezzjoni ambjentali għandu jirrispetta r-regola li l-ispiża tal-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġis għandha titħallas mill-parti li tkun ikkawżat it-tniġġis.

    It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ma għandhomx ikunu ristretti għall-ħaddiema, iżda għandhom jinkludu wkoll it-taħriġ lill-persuni qiegħda, lil dawk li qed ifittxu impjieg, eċċ. għal impjiegi fl-ekonomija ekoloġika.

    Għandha tiġi żgurata flessibbiltà akbar fl-għażla ta’ proġġetti appoġġati, jekk jaqblu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-territorju kkonċernat, l-Istat Membru u l-Kummissjoni Ewropea.

    Emenda 5

    Artikolu 5, punt (a)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (a)

    id-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

    (a)

    id-dekummissjonar tal-kostruzzjoni, jew kwalunkwe forma oħra ta’ investiment fl-impjanti tal-enerġija nukleari;

    Raġuni

    Evidenti.

    Emenda 6

    Artikolu 5, punt (d)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (d)

    investiment relatat mal-produzzjoni , l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il- ħażin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili;

    (d)

    investiment relatat mal-estrazzjoni , il-produzzjoni , l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il- ħażna jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili , inkluż il-ftuħ ta’ minjieri tal-faħam ġodda ;

    Raġuni

    Il-JTF m’għandhiex tappoġġa l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri tal-faħam, iżda din il-limitazzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal tipi oħra ta’ minjieri (metall, minerali industrijali, blat ornamentali, eċċ.), li hija attività ekonomika li toħloq impjiegi ta’ kwalità u fit-tul.

    Emenda 7

    Żid paragrafu ġdid wara l-Artikolu 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ għall-operazzjonijiet fir-reġjun NUTS 3 fejn huwa skedat ftuħ ta’ minjiera ġdida tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż jew ta’ sit għall-estrazzjoni tal-pit jew ftuħ mill-ġdid ta’ minjiera tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż dekummissjonata temporanjament matul id-durata tal-programm u abbażi ta’ pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

    Raġuni

    L-objettiv tal-appoġġ huwa li jgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li teskludi l-ftuħ ta’ minjieri ġodda u/jew ta’ siti għall-estrazzjoni tal-pit u l-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk eżistenti.

    Emenda 8

    Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti jkun konsistenti mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat.

    Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti jimpenja ruħu għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030 u jkun konsistenti mal-istrateġiji territorjali msemmija fl-Artikolu [23] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    Emenda 9

    Artikolu 6(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi trasferiti skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. It-total tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ ittrasferit lill-prijorità tal- JTF għandu jkun mill-inqas ugwali għal darba u nofs l-ammont ta’ sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità iżda ma għandux jaqbeż tliet darbiet dak l-ammont .

    Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi li l-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jiddeċiedu li jittrasferixxu skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. L-ammont tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ li għandu jiġi trasferit lill- JTF ma għandux jaqbeż darba u nofs l-ammont ta’ sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità.

    Raġuni

    L-Istati Membri għandhom jingħataw flessibbiltà akbar biex jiddeċiedu l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ għall-JTF. Dan jillimta wkoll id-diżimpenji possibbli fil-każ ta’ kapaċità ta’ assorbiment baxxa fit-territorji l-aktar affettwati.

    Emenda 10

    Żid subparagrafu ġdid wara l-Artikolu 6(2)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    Il-Kummissjoni għandha tapprova biss it-trasferimenti tar-riżorsi tal-FEŻR u tal-FSE+ għall-prijorità JTF meta l-ammont totali tat-trasferiment ma jkunx jaqbeż 20 % tal-allokazzjoni inizjali tal-FEŻR u tal-FSE+ tal-programm operazzjonali (ikkalkulata għal kull Fond).

    Raġuni

    Tallinja t-test leġislattiv mal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

    Emenda 11

    Artikolu 7(1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 3 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 3 ”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 868/2014 jew partijiet minnu, f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta’ impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta’ trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni ta’ faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta’ gassijiet serra.

    1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 2 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 2 ”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 868/2014 jew partijiet minnu, f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta’ impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta’ trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni ta’ faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta’ gassijiet serra.

    Raġuni

    L-effetti konsegwenzjali negattivi tat-tranżizzjoni mhumiex se jkunu limitati għat-territorji fil-livell NUTS 3, iżda x’aktarx se jaffettwaw ukoll it-territorji tal-madwar. Għal din ir-raġuni, u biex tiġi ssemplifikata l-governanza, jidher li huwa aktar xieraq li l-appoġġ jiġi ffukat fil-livell NUTS 2.

    Emenda 12

    Artikolu 7(2), punt (b) (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    (b)

    (ġdid) impenn ċar għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u soċjalment ġusta fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi;

    Raġuni

    Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom jiġu approvati biss jekk ikunu jinkludu impenn ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fit-18 ta’ Ottubru 2019.

    Emenda 13

    Artikolu 7(2), punt (c) (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    (c)

    (ġdid) impenn ċar għall-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u li jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħha sal-2030;

    Raġuni

    Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom jiġu approvati biss jekk ikunu jinkludu impenn ċar għall-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u li jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħha sal-2030, kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2019.

    Emenda 14

    Artikolu 7(2), punt (c)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (c)

    valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta’ impjiegi milquta u t-telf ta’ impjiegi, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ żvilupp li jridu jinkisbu sal-2030 marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra f’dawn it-territorji;

    (c)

    valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta’ impjiegi milquta u t-telf ta’ impjiegi, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ żvilupp li jridu jinkisbu sal-2030 marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra f’dawn it-territorji , kif ukoll valutazzjoni tal-effetti konsegwenzjali negattivi tat-tranżizzjoni fuq ir-reġjuni li jmissu magħhom ;

    Raġuni

    L-effetti konsegwenzjali negattivi kollha possibbli għandhom jiġu vvalutati kif xieraq fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

    Emenda 15

    Artikolu 7(2), punt (f)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (f)

    deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ governanza li jikkonsistu fl-arranġamenti ta’ sħubija, il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ppjanati u l-korpi responsabbli;

    (f)

    deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ governanza li jikkonsistu fl-arranġamenti ta’ sħubija, il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ppjanati u l-korpi responsabbli , jekk ikunu differenti mill-elementi li diġà ġew deskritti fil-programm kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) [RDK ġdid] ; l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jkunu involuti b’mod sħiħ fl-aspetti kollha ta’ dan;

    Raġuni

    Bħala miżura ta’ semplifikazzjoni, għandha tiġi pprovduta biss l-informazzjoni li hija differenti mill-elementi li diġà ġew deskritti fil-programm skont il-“Mudell għall-programmi appoġġati mill-FEŻR (il-mira tal-Investiment għall-Impjiegi u t-Tkabbir), mill-FSE+, mill-JTF, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-FEMS – Artikolu 16(3)” (l-Anness V tal-RDK). Barra minn hekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiesu bħala partijiet interessati integrali f’dan il-proċess.

    Emenda 16

    Artikolu 7(2), punt (h)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (h)

    fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi lil intrapriżi li mhumiex SMEs, lista eżawrjenti ta’ dawn l-operazzjonijiet u intrapriżi u ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali appoġġ permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

    (h)

    fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi u sostenibbli lil intrapriżi li mhumiex SMEs, ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali appoġġ permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

    Raġuni

    Il-provvista ta’ lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet u intrapriżi (kumpaniji kbar) fil-fażi ta’ programmazzjoni tal-JTF ma tidhirx li hija partikolarment fattibbli, u tista’ twassal għal dewmien mill-bidu nett tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Barra minn hekk, tali approċċ imur direttament kontra l-isforzi ta’ semplifikazzjoni, li r-riżultat tiegħu kien, fost affarijiet oħra, li jiġu abbandunati proċeduri separati applikabbli għal proġetti kbar skont l-Artikoli 100-103 tal-RDK attwali.

    Emenda 17

    Artikolu 7(2), punt (i)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (i)

    fejn jingħata appoġġ lill-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u ġustifikazzjoni li dawn jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt l-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi;

    (i)

    fejn jingħata appoġġ lill-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, ġustifikazzjoni li l-operazzonijiet li għandhom jiġu appoġġati jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt l-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi;

    Raġuni

    Il-provvediment ta’ lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet fil-fażi ta’ programmazzjoni tal-JTF ma jidhirx li huwa partikolarment fattibbli, u jista’ jwassal għal dewmien mill-bidu nett tal-perjodu ta’ programmazzjoni.

    Emenda 18

    Artikolu 8a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    Artikolu 8a.

    1.     Għandha tiġi stabbilita Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Pjattaforma”), taħt is-superviżjoni u l-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex ikunu jistgħu jsiru skambji bilaterali u multilaterali ta’ esperjenza dwar it-tagħlimiet miksuba u l-aħjar prattiki fost is-setturi kollha affettwati.

    2.     Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn żewġ linji:

    (a)

    gruppi ta’ ħidma tekniċi, li jindirizzaw sfidi konkreti fir-reġjuni kkonċernati, u li jiffaċilitaw skambji tal-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar it-tħejjija ta’ pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta u operazzjonijiet individwali. Il-gruppi ta’ ħidma tekniċi, li għandhom jinkludu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operattivi tal-JTF, filwaqt li titqies il-kopertura settorjali tal-operazzjonijiet appoġġati.

    Il-gruppi ta’ ħidma tekniċi għandhom jikkooperaw mill-qrib maċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU li ġie stabbilit skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) [programm InvestEU ġdid] u mas-servizzi rilevanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom l-għarfien tekniku u prattiku meħtieġ biex jaċċessaw il-finanzjament disponibbli permezz tal-programm InvestEU kif ukoll permezz tal-BEI.

    (b)

    Forum Annwali tar-Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Forum”), organizzat b’mod konġunt mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-Forum għandu jippermetti l-koordinazzjoni tal-orjentazzjonijiet tal-politika u t-traspożizzjoni tagħhom f’attivitajiet operazzjonali tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi.

    3.     Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati dwar il-mekkaniżmi ta’ governanza, is-sħubija, l-operazzjoni u l-baġit tal-Pjattaforma. Għandha tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-livelli kollha ta’ gvern.

    4.     L-ispejjeż operazzjonali tal-Pjattaforma għandhom jiġu koperti mir-riżorsi ta’ għajnuna teknika skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2).

    Raġuni

    Għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet prattiċi dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar l-objettivi u l-operat tagħha.

    Emenda 19

    Artikolu 10(4)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru u twettaq konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi

    COM(2020) 23 final

    Emenda 20

    Artikolu 21a (1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-JTF taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir b’konformità mal-Artikolu [3] tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF], għandu jiġi kkumplimentat bir-riżorsi mill-FEŻR, mill-FSE+ jew minn riżorsi mit-tnejn li huma, tal-kategorija tar-reġjuni fejn ikun jinsab it-territorju kkonċernat. L-ammont totali tar-riżorsi mill-FEŻR u mill-FSE+ li jiġi ttrasferit lejn il-JTF għandu jkun tal-anqas darba u nofs daqs l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF, iżda ma għandux jaqbeż tliet darbiet l-ammont ta’ dak l-appoġġ. Ir-riżorsi ttrasferiti mill-FEŻR jew mill-FSE+ fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu l-20 % tal-allokazzjoni rispettiva mill-FEŻR u mill-FSE+ lill-Istat Membru kkonċernat. (…)

    L-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-JTF taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir b’konformità mal-Artikolu [3] tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF], għandu jiġi kkumplimentat bir-riżorsi mill-FEŻR, mill-FSE+ jew minn riżorsi mit-tnejn li huma, tal-kategorija tar-reġjuni fejn ikun jinsab it-territorju kkonċernat , permezz ta’ trasferiment volontarju . L-ammont totali tar-riżorsi mill-FEŻR u mill-FSE+ li jiġi ttrasferit lejn il-JTF għandu jkun tal-anqas nofs l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF, iżda ma għandux jaqbeż darba u nofs l-ammont ta’ dak l-appoġġ. Ir-riżorsi ttrasferiti mill-FEŻR jew mill-FSE+ fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu l-20 % tal-allokazzjoni rispettiva mill-FEŻR u mill-FSE+ lill-Istat Membru kkonċernat. (…)

    Raġuni

    L-Istati Membri għandhom jingħataw flessibbiltà akbar biex jiddeċiedu l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ għall-JTF. Dan jillimita wkoll id-diżimpenji possibbli fil-każ ta’ kapaċità ta’ assorbiment baxxa fit-territorji l-aktar affettwati.

    Emenda 21

    Artikolu 59(3a) (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

     

    3a.     L-operazzjonijiet appoġġati mill-JTF skont ir-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF] għandhom jagħtu lura l-appoġġ mill-JTF jekk, fi żmien għaxar snin mill-pagament finali lill-Istat Membru li jkun irċieva l-appoġġ, tkun infetħet minjiera ġdida tal-faħam, tal-linjite, jew tax-shale bituminuż jew sit għall-estrazzjoni tal-pit jew terġa’ tinfetaħ minjiera tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż jew sit għall-estrazzjoni tal-pit iddekummissjonata temporanjament fit-territorju fejn ikun intuża l-appoġġ mill-JTF.

    Raġuni

    L-objettiv tal-appoġġ huwa li jgħin lir-reġjuni fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li teskludi l-ftuħ ta’ minjieri ġodda u/jew ta’ siti għall-estrazzjoni tal-pit u l-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk li jkunu temporanjament dekummissjonati.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-istabbiliment tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li se jkun għodda ewlenija biex jappoġġa lir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika;

    2.

    jilqa’ l-fatt li l-proposta għall-Fond għal Tranizzjoni Ġusta qieset ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-KtR stabbiliti fl-Opinjoni tiegħu dwar il-bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (1);

    3.

    jilqa’ l-fatt li l-fond se jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kollha, iżda xorta se jkun immirat biss lejn ir-reġjuni affettwati l-aktar. Barra minn hekk, għall-konċentrazzjoni u għall-effikaċja xierqa tal-Fond, kif ukoll għall-istabbiliment tal-intensità minima tal-għajnuna, għandha titqies biss il-popolazzjoni tar-reġjuni kkonċernati;

    4.

    jilqa’ l-proposta ta’ EUR 11 270 459 000 ta’ approprjazzjonijiet (fi prezzijiet attwali) għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 u ta’ EUR 32 803 000 000 (fi prezzijiet attwali) addizzjonali mill-Istrument ta’ Rkupru Ewropew bħala spinta massiva biex jintlaħaq l-objettiv tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta; jinnota bi tħassib li ċ-ċifri espressi fi prezzijiet attwali jistgħu jwasslu għal inqas trasparenza u komparabilità tal-allokazzjonijiet bejn l-intestaturi tal-QFP; jistieden lill-Kunsill jinkludi dan bħala approprjazzjonijiet reali u addizzjonali fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027;

    5.

    jinnota bi tħassib li r-riżorsi addizzjonali ffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Rkupru Ewropew, li jwasslu għal impenji addizzjonali fis-snin 2021-2024, se jagħmlu pressjoni estrema biex l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-benefiċjarji finali jħejju, jimplimentaw u jonfqu kważi 75 % tal-allokazzjoni totali fl-ewwel erba’ snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid;

    6.

    jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex takkumpanja t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, sensittiva għall-klima u sostenibbli ekoloġikament sal-2050 b’miżuri mmirati u biex tappoġġa l-aktar żoni affettwati mit-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika b’mod speċjali u b’riżorsi addizzjonali; jenfasizza li dawn il-fondi addizzjonali ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jittieħdu mill-baġit tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li baġit b’saħħtu għall-politika ta’ koeżjoni għandu jibqa’ l-prijorità ewlenija għall-appoġġ tal-azzjoni klimatika fil-livell territorjali;

    7.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea tqiegħed il-Fond ġdid għal Tranżizzjoni Ġusta taħt l-Intestatura 2 (Koeżjoni u Valuri) tal-QFP 2021-2027 minflok l-Intestatura 3 (Riżorsi Naturali u Ambjent), u jtenni li jiċħad it-tnaqqis previst fil-politika ta’ koeżjoni; ifakkar fl-appell tal-KtR li l-kofinanzjament nazzjonali tal-FSIE kollu huwa eskluż mill-kalkoli dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; iqis li l-istess għandu jkun applikabbli għall-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta;

    8.

    jenfasizza d-diffikultajiet partikolari għar-reġjuni b’dipendenza għolja fuq il-fjuwils fossili b’sistemi tal-enerġija iżolati, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda; jenfasizza li l-iżvilupp tat-taħlita tal-enerġija, fir-rigward tat-territorju, l-ilma, l-iskart u l-enerġija huwa l-muftieħ għall-istrateġija tal-enerġija tagħha lejn ekonomija newtrali fil-karbonju;

    9.

    jieħu nota tal-istima aġġustata tal-Kummissjoni Ewropea li t-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jwasslu għal investiment ta’ EUR 150 biljun sal-2030. Madankollu, il-KtR jinsab imħasseb dwar ir-rata ta’ ingranaġġ mistennija u l-fattibbiltà tal-investimenti privati għal xi wħud mill-proġetti possibbli;

    10.

    jitlob li ma jingħata l-ebda appoġġ mill-JTF jew il-JTM għal investimenti f’reġjuni NUTS-3 fejn ingħatat awtorizzazzjoni pubblika għall-ftuħ ta’ minjieri ġodda tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew ta’ għalqa ta’ estrazzjoni tal-pit jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri li kienu dekummissjonati temporanjament tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew ta’ għalqa ta’ estrazzjoni tal-pit;

    11.

    jilqa’ l-fatt li l-ħlas ta’ self tas-settur pubbliku għandu jkun limitat għal proġetti li jkollhom impatt li jista’ jitkejjel fl-indirizzar ta’ sfidi soċjali, ekonomiċi jew ambjentali wara t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

    12.

    jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu wkoll li jiffinanzjaw proġetti fil-proċess lejn ekonomija newtrali għall-klima, li ma jiġġenerawx biżżejjed fluss ta’ dħul proprju u li għalihom ma jingħatawx appoġġ taħt kwalunkwe programm ieħor tal-Unjoni; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-proposta għal regolament dwar il-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta li tappoġġa lill-entitajiet tas-settur pubbliku fil-ħtiġijiet ta’ investiment tagħhom li jirriżultaw mill-isfidi ta’ tranżizzjoni deskritti fil-pjani għal tranżizzjoni ġusta;

    13.

    jinnota li tvarja l-esperjenza u l-użu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE tal-mekkaniżmi finanzjarji tal-BEI; għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pilastru 3 tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-Istati Membri rispettivi jipprovdu biżżejjed għajnuna prattika u teknika lil dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jużaw il-mekkaniżmi finanzjarji rispettivi tal-BEI;

    14.

    jieħu nota tal-allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-FEŻR u l-FSE+, peress li l-maġġoranza tal-attivitajiet appoġġati mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll fi ħdan l-objettivi skont l-FEŻR u l-FSE+;

    15.

    jinsab imħasseb dwar id-dewmien li l-JTF jista’ jikkawża lill-implimentazzjoni tal-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni; jinsab imħasseb ukoll dwar il-kumplessità u l-burokrazija li l-ġestjoni ta’ dan il-fond ġdid tista’ toħloq għall-ġestjoni tal-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni;

    16.

    jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi programmi fil-livell NUTS 3 minflok NUTS 2, li huwa l-livell li fih jiġu implimentati l-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni. Din il-proposta tmur kontra l-kunċett ta’ żoni funzjonali, li mhux neċessarjament huma identiċi għaż-żoni amministrattivi ta’ NUTS 3. Il-KtR jenfasizza li għandu jkun meħtieġ biss pjan territorjali korrispondenti wieħed fil-livell NUTS 2;

    17.

    jappella li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jinkludu proġetti eliġibbli addizzjonali fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom. Jitlob, barra minn hekk, li l-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, jitqies bħala indikatur ewlieni fit-tqassim tar-riżorsi allokati għall-Fond;

    18.

    jappella biex il-partijiet interessati lokali u reġonali jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, minħabba li l-ġestjoni tal-JTF se tiġi kondiviża u r-riżorsi tal-FEŻR u tal-FSE+ huma marbuta mill-qrib mal-appoġġ tal-JTF;

    19.

    jappella lill-Kummissjoni biex tagħti aktar gwida dwar kif beħsiebha tassisti lill-awtoritajiet maniġerjali u lir-reġjuni biex jabbozzaw il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom, minħabba li l-proposta għar-regolament dwar il-JTF, inklużi l-annessi tiegħu, xorta jistgħu jkunu soġġetti għal modifiki sostanzjali. Il-KtR iwissi kontra dewmien addizzjonali fit-tħejjija ta’ dawk il-programmi fejn l-appoġġ tal-JTF ikun jiddependi fuq l-appoġġ tal-FEŻR u l-FSE+ minħabba l-obbligu li jiġu approvati l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta;

    20.

    jenfasizza li t-territorji affettwati ma għandhomx jipprovdu listi eżawrjenti fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom ta’ kumpaniji u/jew operazzjonijiet potenzjali li jistgħu jagħtuhom appoġġ, peress li dan jista’ jikkawża dewmien fl-adozzjoni tagħhom u jista’ jwassal għal piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq l-awtoritajiet maniġerjali. Il-KtR jirrimarka f’dan ir-rigward li ġiet eliminata proċedura separata għall-adozzjoni ta’ proġetti ewlenin mill-proposta tal-Kummissjoni għall-RDK ġdid, u li tali lista ta’ benefiċjarji u/jew operazzjonijiet tista’ terġa’ treġġa’ dan lura;

    21.

    jappella li t-trasferimenti għall-JTF jiġu limitati sa 20 % mill-allokazzjonijiet inizjali tal-FEŻR u tal-FSE+ tal-programm operazzjonali. Il-KtR jissuġġerixxi li l-awtoritajiet maniġerjali jingħataw aktar flessibbiltà billi jsiru trasferimenti fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 6(2) tal-abbozz ta’ regolament b’ammont massimu ta’ mhux aktar minn 1,5 darbiet l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF u bil-kunsens biss tal-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti;

    22.

    jenfasizza l-importanza li jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa billi tiġi prevista b’mod ċar valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-iskema ta’ programmazzjoni u monitoraġġ għall-JTF;

    23.

    jinnota li l-prijoritajiet ta’ investiment għall-JTF se jiġu deskritti fir-Rapporti tal-Pajjiżi rispettivi, li jiffurmaw parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li r-reġjuni għadhom mhumiex formalment assoċjati mal-proċess u jemmen li jeħtieġ li jiġi assenjat rwol aktar b’saħħtu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-JTF;

    24.

    jilqa’ l-fatt li r-Regolament jiddefinixxi elementi speċifiċi li jeħtieġ li jiġu inklużi fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta. Il-KtR jistieden lill-awtorità leġislattiva żżid ma’ dawk l-elementi impenn ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, għall-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u għall-miri ta’ tnaqqis tagħha għall-2030;

    25.

    jirrimarka li l-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni inizjalment inħolqot bħala pjattaforma li tiffoka fuq ir-reġjuni ta’ estrazzjoni tal-faħam, fejn l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-faħam kienu għadhom għaddejjin, u li l-pjan kien li fit-tieni stadju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva jiġi estiż għar-reġjuni kollha li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju. Il-KtR jenfasizza li r-reġjuni li qed jiffaċċjaw it-tranżizzjoni jeħtieġ li jindirizzaw ostakli simili, u li l-pjattaforma ġdida għandha għalhekk tipprovdi servizzi ta’ konsulenza, tassisti lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u lill-benefiċjarji bl-ideat tal-proġetti tagħhom u l-implimentazzjoni prattika fuq il-post, u sservi wkoll bħala skambju ta’ prattiki tajba;

    26.

    jilqa’ f’dan ir-rigward il-ħolqien tal-Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li għandha tinbena fuq l-esperjenzi pożittivi mar-reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju, u reġjuni oħrajn li rnexxielhom iwettqu t-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għal sorsi ta’ enerġija nadifa. Il-KtR jenfasizza li din il-pjattaforma għandha tiżgura li s-servizzi kollha rilevanti tal-Kummissjoni u l-BEI jaħdmu flimkien mill-qrib biex jindirizzaw il-bidla strutturali fir-reġjuni affettwati. Il-KtR iwiegħed li se jinvolvi ruħu mill-qrib fl-operat tal-Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, b’mod partikolari billi jorganizza b’mod konġunt Forum Annwali ta’ Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta mal-Kummissjoni Ewropea;

    27.

    jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jippermettu flessibbiltà meta r-reġjuni eliġibbli fit-tranżizzjoni jkunu jixtiequ jattiraw investiment privat. Il-KtR itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis ukoll, meta tfassal linji gwida ġodda, il-problemi marbuta mal-bidla strutturali fir-reġjuni affettwati u biex tiżgura li dawk ir-reġjuni jkollhom biżżejjed flessibbiltà biex jippermettulhom jimplimentaw il-proġetti tagħhom b’mod soċjalment u ekonomikament vijabbli;

    28.

    jenfasizza li l-appoġġ permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għal investimenti produttivi f’intrapriżi li mhumiex SMEs ma għandux ikun limitat għal dawk iż-żoni li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-TFUE skont ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat. Minflok, il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tippermetti liż-żoni kollha li jibbenefikaw mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jiġġieldu t-theddida tat-telf ta’ impjiegi b’mod effettiv fi stadju bikri. Dan għandu jiġi żgurat ukoll billi r-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jiġi adattat kif xieraq;

    29.

    jenfasizza li ż-żoni affettwati l-aktar mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima għandhom jingħataw l-opportunita li jiġġieldu b’mod attiv il-bidla strutturali assoċjata kmieni kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġa l-fatt li l-aġġustamenti futuri fil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, pereżempju permezz ta’ linja gwida ġdida mill-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) tat-TFUE, għandhom jiżguraw li l-għajnuna tkun permessa irrispettivament mill-istatus taż-żona assistita skont ir-regoli eżistenti;

    30.

    jirrikonoxxi r-rwol ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala waħda mill-għodod ewlenin ta’ twettiq għall-JTF ġdid;

    31.

    jenfasizza li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni wettaq kwestjonarju biex janalizza l-bidliet meħtieġa għar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (2); jenfasizza li l-konklużjonijiet enfasizzaw li l-proċess ta’ tranżizzjoni għandu jkun appoġġat minn għajnuna mill-Istat sabiex jiġu attirati kumpaniji li jistgħu jpaċu telf ta’ impjiegi u telf fil-ħolqien tal-valur u li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jippermettu aktar flessibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, l-investiment relatat mal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

    32.

    jilqa’ l-fatt li l-proposta leġislattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 175 li huwa ffukat fuq il-koeżjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jqis li l-proposta tiddeskrivi b’mod ċar il-valur miżjud Ewropew tagħha u hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 58).

    (2)  https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/report-coal.aspx


    Top