Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2236

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-prinċipji tas-servizzi pubbliċi għall-istabbiltà tal-ordni demokratiku (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ġermaniża)

    EESC 2020/02236

    ĠU C 56, 16.2.2021, p. 29–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 56/29


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-prinċipji tas-servizzi pubbliċi għall-istabbiltà tal-ordni demokratiku

    (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ġermaniża)

    (2021/C 56/03)

    Relatur:

    Christian MOOS (DE-III)

    Korelatur:

    Philip VON BROCKDORFF (MT-II)

    Talba mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill

    Ittra tat-18.2.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Bureau

    17.3.2020

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    11.11.2020

    Adottata fil-plenarja

    2.12.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    556

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    220/0/15

    1.   Sommarju

    1.1.

    Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE talbet lill-KESE jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-prinċipji li jridu japplikaw għas-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE biex jiġu garantiti l-valuri fundamentali ewlenin tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet li taħthom dawn il-prinċipji jaqdu rwol ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi għad-demokrazija u l-istat tad-dritt fi żminijiet ta’ kriżi.

    1.2.

    Għal aktar minn għaxar snin, l-UE ffaċċjat kriżijiet severi, inklużi l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriżi tad-dejn finanzjarju globali u dik ekonomika, il-kriżi fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, il-kriżi ambjentali u klimatika, kif ukoll il-pandemija tal-COVID-19. Servizzi pubbliċi effettivi għandhom rwol kruċjali fil-kontroll tal-kriżijiet: huma jiggarantixxu s-sikurezza pubblika u s-sigurtà tal-provvista billi jipprovdu aċċess għas-servizzi tagħhom abbażi tal-prinċipju tal-aċċess ugwali u tal-universalità garantita.

    1.3.

    Fid-dawl tal-istat ta’ emerġenza, kien temporanjament meħtieġ li jitrażżnu d-drittijiet fundamentali f’xi wħud minn dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ kriżi. Biex jiggarantixxu li tali miżuri jkunu ġustifikati u proporzjonati, is-servizzi pubbliċi jiffaċċjaw l-isfida li jibbilanċjaw l-interferenza fid-drittijiet fundamentali u l-infurzar tal-istat tad-dritt u li jiżguraw il-legalità ta’ kull azzjoni amministrattiva.

    1.4.

    Fir-rigward tat-theddid għad-demokrazija u l-istat tad-dritt fid-dinja kollha kif ukoll fl-UE, is-servizzi pubbliċi għandhom funzjoni protettiva, fis-sens li jistgħu jirrifjutaw li jobdu struzzjonijiet illeġittimi u jirrispettaw il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt. Is-servizzi pubbliċi li jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tal-oġġettività, l-integrità u t-trasparenza, ir-rispett għall-oħrajn u l-impenn lejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha, jikkostitwixxu pilastri tad-demokrazija u difensuri kontra l-populiżmu.

    1.5.

    Biex jiġi garantit li s-servizzi pubbliċi fl-Ewropa jaġixxu bħala stabbilizzatur awtomatiku fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ kriżi, il-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-garanziji tal-Istati Membri tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem fil-kostituzzjonijiet nazzjonali kif ukoll il-valuri kondiviżi tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għandhom jikkostitwixxu linji gwida għall-amministrazzjoni fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri kollha tal-UE, skont il-kostituzzjonijiet tagħhom.

    1.6.

    Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li s-servizzi pubbliċi li jiffunzjonaw tajjeb fil-livelli kollha tal-UE jirrikjedu l-ħiliet u r-riżorsi umani, tekniċi, materjali u finanzjarji meħtieġa, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol adatti, u remunerazzjoni suffiċjenti, u djalogu soċjali għall-uffiċjali pubbliċi, biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom u biex jiffunzjonaw bħala stabbilizzaturi awtomatiċi.

    1.7.

    L-Istati Membri biss huma responsabbli għas-servizzi pubbliċi tagħhom u huma jorganizzawhom abbażi tal-prinċipji tradizzjonali tagħhom u skont il-liġi kostituzzjonali tagħhom. Mingħajr preġudizzju għal dan, il-KESE jirrakkomanda qafas legali Ewropew effettiv (kif ukoll sanzjonijiet) li jiggarantixxi l-konformità sħiħa tal-Istati Membri kollha mad-demokrazija u l-istat tad-dritt skont il-“Kriterji ta’ Copenhagen”, li huma bażi meħtieġa għall-kondotta tajba tal-amministrazzjonijiet fl-UE u l-Istati Membri tagħha.

    2.   Kwistjonijiet, definizzjonijiet u għanijiet tal-Opinjoni

    2.1.

    Fl-Unjoni Ewropea, m’hemmx definizzjoni waħda ta’ “servizz pubbliku”. Għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jqis bħala servizzi pubbliċi d-diversi servizzi pubbliċi amministrattivi u sovrani, inklużi dawk ta’ natura industrijali u kummerċjali, li jservu l-interess ġenerali fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali.

    2.2.

    Is-servizzi pubbliċi jiżguraw il-valuri demokratiċi ewlenin, inklużi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, is-setgħa kostitwenti taċ-ċittadini, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza ġudizzjarja, ir-responsabbiltà tal-gvern, il-pluraliżmu tal-partiti politiċi u d-dritt għall-espressjoni u l-oppożizzjoni, il-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-minoranzi u l-legalità tal-amministrazzjoni. Għall-UE, dawn il-valuri fundamentali huma minquxa bħala valuri Ewropej, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 (TUE, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

    2.3.

    Il-kunċett ta’ “stabbilizzaturi awtomatiċi” ġej mit-teorija ekonomika. B’analoġija mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, il-prinċipji tas-servizzi pubbliċi jitqiesu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi li jipproteġu l-valuri ewlenin tad-demokrazija, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi.

    2.4.

    L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li jiġu identifikati kriterji u jitfasslu rakkomandazzjonijiet Ewropej sabiex is-servizzi pubbliċi soġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali jiffunzjonaw bħala element stabbilizzanti tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt. Dan jittratta r-rikonoxximent tal-valur essenzjali ta’ servizzi pubbliċi li jiffunzjonaw bla xkiel għad-difiża tal-valuri fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fl-Ewropa.

    2.5.

    Il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jiddependu minn servizzi pubbliċi li jiffunzjonaw bla xkiel, li jagħmlu kontribut importanti għal soċjetà vibranti, ekonomija produttiva u kollaborazzjoni bbażata fuq il-fiduċja bejn l-imsieħba soċjali. F’dan il-proċess, is-servizzi pubbliċi għandhom jittrattaw lill-persuni b’mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, waqt li jiġi garantit aċċess mingħajr xkiel liċ-ċittadini kollha, pereżempju, għal edukazzjoni ta’ kwalità, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-provvista tal-ilma u l-enerġija, u s-servizzi postali, irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, il-perspettiva dinjija, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

    2.6.

    Is-servizzi pubbliċi għandhom rwol ewlieni fiż-żamma tal-ordni demokratiku iżda ma jistgħux jagħmlu dan mingħajr il-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija, id-drittijiet għas-soċjetà ċivili u l-korpi intermedjarji bħat-trade unions. Dawn huma parti integrali mid-demokraziji. Flimkien ma’ atturi demokratiċi oħra, huma jiggarantixxu l-progress soċjali.

    3.   Iż-żminijiet ta’ kriżi – sfida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt

    3.1.   Demokrazija u politika ta’ kriżi

    3.1.1.

    Partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi huwa essenzjali, pereżempju, li tiġi żgurata għajnuna għall-persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, li saru vulnerabbli f’tali żminijiet, skont standards ċari li jiżguraw l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, u li l-individwi u l-gruppi żvantaġġati jkunu jistgħu jaċċessaw l-appoġġ ukoll.

    3.1.2.

    Kwalunkwe restrizzjoni possibbli tad-drittijiet fundamentali abbażi ta’ stat ta’ emerġenza minħabba sitwazzjoni ta’ kriżi eċċezzjonali għandha tkun iġġustifikata, temporanja u proporzjonata, u awtorizzata f’ċirkostanzi speċifiċi minn Parlament elett demokratikament. Filwaqt li ġudikatura indipendenti tipprovdi protezzjoni kontra atti ta’ amministrazzjoni mhux ġustifikati, id-demokrazija ma tistax tiffunzjona fit-tul mingħajr ma ċ-ċittadini jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom. Il-leġiżlaturi, il-gvernijiet u s-servizzi pubbliċi mhux biss għandhom jaġixxu f’konformità mad-drittijiet fundamentali, iżda jridu jkunu wkoll dawk li jiżgurawhom.

    3.1.3.

    L-obbligu tal-imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi huwa wieħed mill-prerekwiżiti għat-trattament ugwali tal-utenti kollha u għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni. Dan irid jiġi garantit fl-Istati Membri kollha biex l-uffiċjali pubbliċi jiġu protetti mill-populiżmu.

    3.2.   Terroriżmu u miżuri governattivi kontra t-terroriżmu

    3.2.1.

    Mill-11 ta’ Settembru 2001 ’l hawn, jekk mhux qabel, inkiseb bilanċ diffiċli bejn, minn naħa, is-salvagwardja tal-libertajiet u, min-naħa l-oħra, is-sigurtà effettiva. Din hija sfida partikolari anke għas-servizzi pubbliċi, minħabba li jista’ jkun hemm kunflitt bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt u, min-naħa l-oħra, setgħat eżekuttivi ġodda.

    3.2.2.

    Huwa preċiżament fl-infurzar effettiv tal-monopolju tal-Istat dwar l-użu tal-forza li l-eżerċizzju ta’ bilanċ bejn l-interferenza fid-drittijiet fundamentali u s-sigurtà joħroġ fid-dieher, mhux biss f’termini astratti, iżda wkoll fil-prattika attwali ta’ kuljum. Dan jirrikjedi servizzi pubbliċi b’persunal imħarreġ kif imiss u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-dritt għal-libertà. Għandu jkun hemm salvagwardji biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż tal-awtorità pubblika u jiġi żgurat id-dritt li jitressaq rikors kontra atti li jmorru lil hinn mill-mandat tas-servizz pubbliku, kemm jekk permezz ta’ att leġiżlattiv, jew minn individwi.

    3.2.3.

    Is-servizzi pubbliċi jiżguraw l-ordni pubbliku. Biex jagħmlu dan, dawn għandhom isibu bilanċ bejn is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, fil-qafas mogħti lilhom permezz tal-prinċipju tal-eżerċitar adatt tas-setgħa diskrezzjonali.

    3.2.4.

    Flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u diversi servizzi soċjali indipendenti, is-servizzi pubbliċi huma pilastru kruċjali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni estremista, il-vjolenza u l-intolleranza, fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-koeżjoni soċjali, u d-difiża tal-valuri Ewropej. Dan japplika fost l-oħrajn għas-sistema edukattiva statali.

    3.3.   Il-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn

    3.3.1.

    Il-miżuri ta’ awsterità applikati tul bosta snin wara l-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn affettwaw is-servizzi pubbliċi u dgħajfu l-impatt ta’ ħidmithom.

    3.3.2.

    Dan il-perjodu għallimna li t-tnaqqis tad-dejn fuq perjodu qasir ta’ żmien mhux neċessarjament jinkiseb bil-privatizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

    3.3.3.

    L-iżgurar kontinwu u affidabbli ta’ aċċess ħieles għal servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja għandu jkun garantit fil-livell tal-UE; huwa partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi li dawn is-servizzi juru, bis-saħħa ta’ din il-kontinwità, ir-rwol tagħhom bħala ammortizzaturi soċjali b’saħħithom.

    3.3.4.

    Servizzi pubbliċi effiċjenti u li jiffunzjonaw bla xkiel jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għaż-żamma ta’ livell adatt ta’ nfiq pubbliku. L-effiċjenza ma tfissirx “tnaqqis fir-rwol tal-Istat”, għaliex prestazzjoni ħażina tirriżulta f’żieda ġenerali fl-ispejjeż soċjali u ekonomiċi.

    3.3.5.

    Permezz ta’ infurzar effettiv tar-regoli, servizzi pubbliċi li jkollhom persunal imħarreġ u riżorsi adegwati jgħinu fil-prevenzjoni ta’ kriżijiet futuri. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta amministrazzjoni tiġġieled b’suċċess l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u b’hekk tiżgura l-ġbir tad-dħul tal-gvern, jew meta tkun żgurata superviżjoni effettiva tas-settur finanzjarju.

    3.4.   Il-kriżi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

    3.4.1.

    Mill-2015 ’l hawn l-Ewropa rat żieda qawwija fl-għadd ta’ refuġjati. Servizzi pubbliċi effettivi, flimkien mal-impenn tas-soċjetà ċivili, huma kruċjali biex tiġi ffaċċjata din l-isfida. Il-KESE jinsisti li d-dritt għall-asil u d-dritt internazzjonali relatat għandhom jiġu ggarantiti fl-Istati Membri kollha tal-UE u li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil għandha tiġi kkompletata.

    3.4.2.

    Fejn il-kapaċità tas-servizzi pubbliċi ta’ Stat Membru wieħed jew aktar ma tkunx biżżejjed biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem għar-refuġjati, pereżempju fil-punti tad-dħul tal-UE, tinħtieġ soluzzjoni pan-Ewropea. Is-servizzi pubbliċi fl-UE kollha għandhom ikunu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jirrispettaw il-valuri Ewropej fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    3.4.3.

    Jekk is-servizzi pubbliċi ta’ Stat Membru jaġixxu f’isem l-Istati Membri kollha, jeħtieġ li l-piżijiet li jirriżultaw jiġu kondiviżi b’mod ġust. Fl-istess ħin, huwa essenzjali f’dan ir-rigward li jiġu żgurati l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u ta’ rispett għall-valuri Ewropej.

    3.4.4.

    L-interoperabbiltà diġitali tas-sistemi ta’ kontroll tal-fruntieri għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-UE trid tiggarantixxi r-rispett għall-protezzjoni tad-data personali mill-amministrazzjonijiet kollha fl-Istati Membri kollha.

    3.5.   Il-kriżi ambjentali u klimatika

    3.5.1.

    Is-servizzi pubbliċi huma importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (SDGs) u biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku. Is-servizzi pubbliċi jistgħu jaġixxu bħala xpruni għall-bidla permezz ta’ inizjattivi u politiki favur l-ambjent fl-akkwist pubbliku u fil-prattiki tax-xogħol.

    3.5.2.

    It-trasformazzjoni ekoloġika qed issir ukoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali. Sabiex il-kondiviżjoni tal-piżijiet tkun aċċettabbli, huwa essenzjali li jkun hemm distribuzzjoni ġusta u infurzar mhux diskriminatorju tal-obbligi.

    3.5.3.

    Is-servizzi pubbliċi jistgħu japplikaw skemi ta’ inċentivi u joffru servizzi ġodda, b’mod partikolari fl-oqsma tal-mobbiltà, u tal-provvista u s-sigurtà tal-enerġija. Is-sostenibbiltà u n-newtralità karbonika huma wkoll prinċipji fundamentali u l-UE għandha tiżgura li s-servizzi pubbliċi kollha fl-Ewropa jirrispettawhom.

    3.6.   Il-pandemija tal-COVID-19

    3.6.1.

    It-tensjoni bejn il-libertà u s-sigurtà, bejn id-drittijiet u l-istat ta’ emerġenza, reġgħet ħarġet fid-dieher matul il-kriżi tal-COVID-19. Ir-riskji u r-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali jolqtu lil kulħadd b’mod ugwali.

    3.6.2.

    Is-servizzi pubbliċi u l-membri tal-persunal tagħhom jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-virus. Dawn għandhom jiżguraw is-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tar-riskji u s-sigurtà tal-provvista f’kull ċirkostanza.

    3.6.3.

    Il-kriżi tal-COVID-19 turi kemm l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu servizzi pubbliċi reattivi, effiċjenti, iffinanzjati sew u moderni. Kriżi serja tista’ tirrikjedi teħid malajr ta’ deċiżjonijiet. Dawn id-deċiżjonijiet iridu jkunu debitament iġġustifikati u soġġetti għall-kontroll demokratiku. Inkella, jistgħu jagħmlu ħsara lid-demokrazija. Ir-rieda li wieħed isegwi r-regoli tiddgħajjef meta jkun hemm nuqqas ta’ leġittimità. Biex jaġixxu malajr fi kriżi, il-gvernijiet jeħtieġu livell tajjeb ta’ fiduċja pubblika u jserrħu fuq l-effettività tas-servizzi pubbliċi. Bħala l-fergħa amministrattiva tas-setgħa eżekuttiva, is-servizzi pubbliċi nnifishom jeħtieġu l-fiduċja biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet b’mod effettiv.

    3.6.4.

    Il-pandemija wriet il-ħtieġa li s-servizzi pubbliċi jkollhom livell suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ u kapaċi, riżorsi u riżervi. Ir-rikonoxximent tan-natura fundamentali tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku jiġġustifika li l-uffiċjali pubbliċi jitħallsu kif imiss u li jiġu applikati standards soċjali minimi fir-rigward tagħhom fl-Ewropa kollha. Ħafna pajjiżi tal-UE għandhom problemi demografċi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi jibqgħu jew isiru finanzjarjament attraenti fil-kompetizzjoni għall-aqwa mħuħ.

    3.6.5.

    Il-kwalità tal-prinċipji tas-servizzi pubbliċi u kundizzjonijiet tax-xogħol adatti għall-impjegati taċ-ċivil, inklużi djalogu soċjali tajjeb u klima demokratika, iżidu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-gvernijiet tagħhom.

    3.6.6.

    Biex jibbilanċjaw il-kapaċità tagħhom li jissalvagwardjaw id-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika, il-pajjiżi kollha tal-UE dawn l-aħħar żminijiet illimitaw drittijiet fundamentali oħra fi proporzjonijiet li qatt ma ġew osservati fid-demokraziji. Dawn il-miżuri mingħajr preċedent jeħtieġ li jkunu temporanji biss u soġġetti għal reviżjoni regolari mill-parlamenti eletti.

    3.6.7.

    Is-servizzi pubbliċi jiddependu minn deċiżjonijiet governattivi ċari, kif ukoll ċarezza ġuridika u ċertezza tad-dritt. Il-prinċipju tat-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba li l-UE tapplika għaliha nnifisha jwassal lill-UE biex tiżgura li s-servizzi pubbliċi kollha fl-Ewropa jirrispettaw dawn il-prinċipji.

    3.6.8.

    Bosta servizzi pubbliċi qed jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi. Flimkien, dawn juru b’mod konkret il-valur essenzjali ta’ ġestjoni effettiva fi żminijiet ta’ kriżi.

    4.   Is-servizzi pubbliċi bħala stabbilizzaturi awtomatiċi

    4.1.

    Sabiex ikun hemm stabbilizzatur awtomatiku, irid ikun hemm amministrazzjoni li tiffunzjona tajjeb fl-UE, fil-livell Ewropew, ċentrali, reġjonali u lokali, u mogħnija bil-ħiliet u r-riżorsi umani, tekniċi, materjali u finanzjarji li huma meħtieġa biex twettaq il-kompiti allokati lilha.

    4.2.

    Bl-eċċezzjoni tal-livell Ewropew, m’hemmx bżonn li l-allokazzjoni tal-kompiti lil-livelli differenti tkun regolata b’mod uniformi fl-UE kollha, iżda din għandha takkomoda ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni effettiva.

    4.3.

    Huma l-Istati Membri stess li jiddeċiedu liema servizzi għandhom jiġu provduti mis-settur pubbliku u liema minn dak privat. Huma u jieħdu din id-deċiżjoni, dawn għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas tal-fornituri ta’ servizzi privati jew pubbliċi fi żminijiet ta’ kriżi ma jkunx ta’ theddida għas-sikurezza pubblika jew is-sigurtà tal-provvista.

    4.4.

    Jekk is-servizzi pubbliċi kollha jikkonformaw b’mod konsistenti mal-prinċipji tal-legalità, tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali u jimplimentaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba, dawn iqawwu l-fiduċja fl-istat tad-dritt u d-demokrazija u r-reżistenza għall-wegħdiet populisti.

    4.5.

    Servizzi pubbliċi trasparenti huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għaldaqstant għall-provvista ta’ servizzi affidabbli u kosteffettivi. Il-fiduċja tissaħħaħ permezz tal-konformità mal-prinċipji fundamentali tas-servizz pubbliku fl-Ewropa, u d-disponibbiltà, il-kompetenza u t-trasparenza tiegħu għal korpi indipendenti ta’ sorveljanza.

    4.6.

    B’mod partikolari, fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem mill-gvernijiet u l-leġiżlaturi fil-livelli kollha, jekk is-servizzi pubbliċi japplikaw il-prinċipji tagħhom b’mod adegwat, dawn jiżguraw funzjoni ridistributtiva u protettiva, peress li jkunu jistgħu jirrifjutaw li jobdu struzzjonijiet illeġittimi, u b’hekk jipproteġu d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

    4.7.

    L-edukazzjoni pubblika trid tagħti kontribut kbir billi tgħallem il-valuri Ewropej u trawwem kultura ċivika demokratika. L-edukazzjoni formali hija servizz pubbliku ewlieni fih innifsu, speċjalment għat-tħejjija taċ-ċittadini tal-ġejjieni.

    4.8.

    Il-pandemija attwali turi kif tagħbija żejda fuq is-sistema tas-saħħa tista’ twassal għall-ksur tad-dinjità tal-bniedem u kemm huwa importanti li jkun hemm biżżejjed persunal u kapaċità ta’ kura adegwata.

    4.9.

    Awtoritajiet tal-benesseri li jiffunzjonaw tajjeb u li jipprovdu aċċess ħieles u mhux diskriminatorju għas-servizzi tas-sigurtà soċjali jsaħħu l-fiduċja fl-istat tad-dritt. Is-servizzi pubbliċi huma, f’dan il-kuntest, l-espressjoni tas-solidarjetà soċjali.

    5.   Prinċipji tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea

    5.1.

    L-Istati Membri biss huma, u ser jibqgħu, responsabbli għas-servizzi pubbliċi rispettivi tagħhom u huma jorganizzawhom abbażi tal-prinċipji tradizzjonali tagħhom u skont il-liġi kostituzzjonali tagħhom. Mingħajr preġudizzju għal dan, minħabba t-theddid għad-demokrazija u l-istat tad-dritt fid-dinja, u sfortunatament anke fl-Ewropa, jinħtieġu prinċipji u garanziji komuni Ewropej biex jiġi żgurat li s-servizz ċivili u s-servizzi pubbliċi jibqgħu jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

    5.2.

    Il-KESE jirrakkomanda qafas legali Ewropew effettiv li jiggarantixxi konformità sħiħa mal-“Kriterji ta’ Copenhagen”, il-kriterji għall-adeżjoni mal-UE għall-Istati Membri kollha mill-1993 ’il hawn. Il-qafas għandu jipprovdi għall-possibbiltà ta’ sanzjonijiet.

    5.3.

    Għas-servizzi pubbliċi kollha tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, il-valuri Ewropej stabbiliti fit-Trattati tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-garanziji tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem minquxa fil-kostituzzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu linji gwida għall-prattiki amministrattivi.

    5.4.

    Il-valuri kondiviżi tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-TFUE, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tat-TUE, jipprovdu l-linji gwida għall-attivazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku fl-Istati Membri kollha.

    5.5.

    Is-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE, fid-diversità kollha tagħhom, iridu jirrispettaw tliet prinċipji: in-newtralità, l-applikazzjoni tal-liġi u l-ordni, u t-trasparenza. In-nuqqasijiet fl-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll emendi kostituzzjonali li jdgħajfu l-prinċipji tas-servizzi pubbliċi msemmija hawn fuq, u b’hekk idgħajfu wkoll il-prinċipji tradizzjonali tas-servizzi pubbliċi, iridu jwasslu għal sanzjonijiet effettivi.

    5.6.

    Skont il-prinċipju tan-newtralità, is-servizzi pubbliċi għandhom jiggarantixxu aċċess għas-servizzi tagħhom abbażi tal-prinċipju tal-aċċess ugwali u tal-universalità garantita. L-aċċessibbiltà ta’ dawn is-servizzi trid tiġi żgurata bis-sħiħ ukoll għall-gruppi soċjali li jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess, bħall-persuni b’diżabbiltà, il-minoranzi u dawk li jgħixu fiż-żoni rurali.

    5.7.

    Il-legalità tal-prattiki amministrattivi kollha hija essenzjali; il-liġijiet u l-istruzzjonijiet ma jistgħux imorru kontra l-ordni kostituzzjonali jew il-valuri Ewropej. Dawn għandhom ikunu konformi wkoll mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tat-trattament ugwali u tal-eżerċitar adatt tas-setgħa diskrezzjonali.

    5.8.

    Is-servizzi pubbliċi jpoġġu fil-prattika d-dritt għal amministrazzjoni tajba u jaġixxu b’mod trasparenti f’ħidmithom biex jiżguraw il-kontroll pubbliku tas-setgħa eżekuttiva. Dawn jiggarantixxu aċċess ħieles għall-informazzjoni amministrattiva u jirrispondu mingħajr riżervi għat-talbiet għall-informazzjoni. L-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett.

    5.9.

    Is-servizzi pubbliċi huma marbuta bil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni u jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa għall-ġlieda kontriha. Dawn jimplimentaw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tal-Unjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni.

    5.10.

    Is-servizzi pubbliċi huma ggwidati esklużivament minn prinċipju ċiviku demokratiku. Ir-rwol ta’ soċjetà ċivili u ta’ oppożizzjoni politika effettivi u strutturati huwa ta’ importanza kbira biex jiġi rispettat dan il-prinċipju.

    5.11.

    Il-membri tal-persunal tas-servizzi pubbliċi għandu jkollhom il-protezzjoni mogħtija mil-liġi u s-sigurtà fit-termini tal-impjieg tagħhom biex ikunu jistgħu jirrifjutaw li jobdu struzzjonijiet illeġittimi u jressqu lmenti f’forma adatta. Dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-servizzi pubbliċi u jikkostitwixxi garanzija għad-demokrazija u d-difiża tal-interess ġenerali kontra l-korruzzjoni, il-frodi jew l-abbuż.

    5.12.

    Id-Direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi tapplika għall-persunal tas-servizzi pubbliċi. Kif enfasizzat fl-Opinjoni tal-KESE SOC/593 dwar it-Tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE (1), il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti (li mhumiex il-midja jew il-pubbliku) jiġu avżati internament jew esternament hija kwistjoni tal-għażla tal-uffiċjal.

    5.13.

    Huwa importanti li jiġi żgurat li l-possibbiltajiet ta’ kuntatt dirett mal-amministrazzjoni jinżammu fil-futur minkejja d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi: dan jikkonċerna s-servizzi pubbliċi – lokali, reġjonali u nazzjonali – kollha sabiex jingħata appoġġ individwali lill-persuni vulnerabbli (l-anzjani, il-foqra, il-migranti, eċċ.) u sabiex id-diġitalizzazzjoni ma tkunx fattur addizzjonali ta’ esklużjoni għal din il-parti tal-popolazzjoni.

    5.14.

    Is-servizzi pubbliċi jridu jlaħħqu mal-livell attwali tad-diġitalizzazzjoni, iżda mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema. Fil-kuntest tal-amministrazzjoni diġitali dan japplika b’mod partikolari għall-protezzjoni tad-data u d-dritt li wieħed jikkontrolla d-data tiegħu stess.

    5.15.

    Is-servizzi pubbliċi jridu jkunu mogħnija bil-ħiliet u bir-riżorsi umani, tekniċi, materjali u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu l-kompiti allokati lilhom. Sabiex dawn jiffunzjonaw tajjeb anke f’każ ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ kriżi, jinħtieġu riżervi adegwati f’kull wieħed minn dawn l-oqsma.

    5.16.

    L-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi nazzjonali hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri, billi dawn is-servizzi huma essenzjali għall-identità nazzjonali tagħhom. Madankollu, dawn iridu jkunu interoperabbli fis-sistema Ewropea tal-governanza f’diversi livelli.

    5.17.

    Il-kooperazzjoni Ewropea u l-applikazzjoni prattika tal-prinċipji tas-servizzi pubbliċi fl-UE jridu jkunu parti mit-taħriġ għall-membri kollha tal-persunal li jwettqu kompiti pubbliċi.

    5.18.

    Hemm bżonn ta’ żieda fl-għadd ta’ skambji tal-persunal bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu integrati aħjar il-livelli amministrattivi fis-sistema f’diversi livelli tal-UE. Ir-rotazzjoni tax-xogħol fis-servizzi pubbliċi għandha tkun possibbli fi ħdan l-Istati Membri mingħajr ma tippreżenta żvantaġġi għal dawk ikkonċernati.

    5.19.

    L-istituzzjonijiet Ewropej li joffru taħriġ intern għandhom jipprovdu lill-persunal tas-servizz pubbliku fil-livelli kollha b’taħriġ dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku u dwar l-iżgurar tal-effett ta’ stabilizzazzjoni awtomatika.

    5.20.

    Is-servizzi pubbliċi kollha involuti fl-għoti tal-fondi Ewropej iridu jirrispettaw u jimplimentaw il-prinċipji tas-servizzi pubbliċi.

    Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 155.


    Top