Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AA0003

    Opinjoni Nru 3/2020 (skont l-Artikoli 287(4) u 322(1)(a), TFUE) dwar il-Proposta 2020/0054(COD) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 2020/C 159/01

    ECA_OPI_2020_3

    ĠU C 159, 8.5.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 159/1


    OPINJONI Nru 3/2020

    (skont l-Artikoli 287(4) u 322(1)(a), TFUE)

    dwar il-Proposta 2020/0054(COD) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19

    (2020/C 159/01)

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI

    1-5

    2

    IL-VALUTAZZJONI LI WETTAQNA

    6-13

    3

    Possibbiltà ta’ kofinanzjament ta’ 100 %

    7-8

    3

    Flessibbiltà akbar għall-Istati Membri biex jimmiraw l-appoġġ mogħti mill-UE fejn jagħżlu huma

    9-10

    3

    Jinżamm kont tal-użu li jsir mill-miżuri speċjali

    11

    4

    Twaqqit tal-miżuri

    12

    4

    Impatt fuq ix-xogħol tal-awdituri

    13

    4

    KUMMENTI TAL-AĦĦAR

    14

    4

    INTRODUZZJONI

    1.

    It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha effett bla preċedent fost l-Istati Membri kollha tal-UE fuq saħħet iċ-ċittadini u fuq ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESI) biex timmitiga dawn l-effetti, “bħala miżura temporanja u eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jenħtieġ li japplikaw f’ċirkustanzi regolari” (1). Il-Kummissjoni tagħraf il-fatt (2) li r-reazzjoni prinċipali se jkollha tiġi mill-baġits tal-Istati Membri. Il-proposti tal-Kummissjoni huma ppreżentati f’emenda għal tnejn mir-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ fondi għall-perjodu 2014-2020: ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jkopri r-regoli relatati mal-firxa ta’ fondi (3); u r-regolament speċifiku għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (4). Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni diġà ħadet miżuri addizzjonali (5). Dawn mhumiex formalment is-suġġett ta’ din l-Opinjoni, iżda ttieħdu inkunsiderazzjoni, kull meta kien rilevanti.

    2.

    Il-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni tfisser li konsultazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija obbligatorja (6). Aħna rċevejna talba formali mil-leġiżlaturi fit-3 ta’ April 2020 (il-Parlament Ewropew) u fit-8 ta’ April 2020 (il-Kunsill). Din l-Opinjoni tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ konsultazzjoni.

    3.

    Skont it-Trattat, ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri huwa li “teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba” (7). Bħala prinċipju, aħna nfittxu biex naraw jekk hemmx qafas amministrattiv ibbażat fuq ir-regoli li jkun maħsub biex iwassal riżultati u impatti li huma ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, permezz ta’ konformità mar-regoli rilevanti.

    4.

    Madankollu, dawn mhumiex ċirkustanzi normali. Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna nifhmu li jenħtieġ li l-UE tieħu miżuri straordinarji sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u kontra l-effetti ta’ din it-tifqigħa fuq ħajjet iċ-ċittadini Ewropej. Is-sitwazzjoni attwali tirrikjedi l-mobilizzazzjoni urġenti tal-mezzi finanzjarji kollha li huma disponibbli biex jiġu indirizzati l-effetti, fuq is-saħħa, fuq in-negozji u fuq iċ-ċittadini: L-appoġġ mill-UE jeħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli.

    5.

    Ikun hemm riskji involuti jekk jitnaqqsu l-proċeduri li l-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet leġiżlattivi, stabbiliet għall-perjodu 2014-2020. Fil-proposta tagħha, l-isfida għall-Kummissjoni hija li jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tingħata l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġi żgurat li l-fondi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mingħajr dewmien, u l-ħtieġa li jiġu minimizzati r-riskji għall-konformità u għall-ġestjoni finanzjarja tajba. Aħna tal-fehma li l-għoti ta’ din il-flessibbiltà estiża huwa essenzjalment kwistjoni ta’ ġudizzju politiku għall-awtoritajiet leġiżlattivi tal-UE, il-Parlament u l-Kunsill.

    IL-VALUTAZZJONI LI WETTAQNA

    6.

    F’dan l-isfond, permezz ta’ din l-Opinjoni l-għan tagħna huwa li niffaċilitaw il-kunsiderazzjoni, min-naħa tal-leġiżlaturi, tal-proposta magħmula mill-Kummissjoni. Aħna ma pprovdejniex kummenti fid-dettall dwar l-emendi tal-leġiżlazzjoni li qed jiġu proposti; minflok, niġbdu l-attenzjoni għall-kwistjonijiet prinċipali u nippreżentaw xi wħud mir-riskji involuti.

    Possibbiltà ta’ kofinanzjament ta’ 100 %

    7.

    Il-proposta ma tinvolvix finanzjament addizzjonali mill-UE għall-Istati Membri. Madankollu, din tipprevedi t-trasferiment aktar malajr ta’ finanzjament mogħti mill-UE, billi tagħti lil Stat Membru l-possibbiltà li jitlob li l-UE tipprovdi rata ta’ finanzjament ta’ 100 %, mingħajr l-ebda obbligu min-naħa tal-Istat Membru biex jipprovdi xi kofinanzjament proprju tiegħu (8). Din il-miżura tkun ittejjeb id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-Istati Membri fuq terminu qasir. L-impatt tagħha jkun ivarja minn Stat Membru għal ieħor, skont firxa ta’ fatturi, li jinkludu r-rati ta’ kofinanzjament li qed jintużaw attwalment u l-progress relattiv tal-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-programmi tagħhom. Inġenerali, l-Istati Membri li se jibbenefikaw l-aktar minn din il-miżura huma: dawk b’ammont ogħla ta’ finanzjament mill-programmi operazzjonali attwali li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom, dawk li se jippreżentaw l-ogħla ammonti ta’ nefqa matul is-sena ta’ kontabbiltà li jmiss, u dawk li b’mod ġenerali għandhom rati ta’ finanzjament aktar baxxi.

    8.

    L-aċċelerazzjoni riżultanti tal-implimentazzjoni tal-programmi, flimkien mal-eliġibbiltà tan-nefqa li hija permessa għall-operazzjonijiet kompluti, se tqiegħed pressjoni fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE. Aħna nosservaw li l-Kummissjoni biħsiebha “tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-modifika proposta dwar l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2020 u tqis kemm l-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll it-tbassir tal-Istati Membri” (9).

    Flessibbiltà akbar għall-Istati Membri biex jimmiraw l-appoġġ mogħti mill-UE fejn jagħżlu huma

    9.

    Skont il-proposta, l-Istati Membri jkollhom flessibbiltà akbar biex jirreaġixxu għat-tifqigħa tal-COVID-19 billi jwettqu ridirezzjonar tal-fondi tal-UE fejn dawn ikunu meħtieġa l-aktar. B’mod partikolari, hija tneħħi r-rekwiżiti li jiġi ddedikat proporzjon fiss ta’ nfiq taħt il-fondi ESI fuq temi ewlenin (10) (bħar-riċerka u l-iżvilupp, jew il-klima u l-enerġija), u tipprevedi trasferimenti eħfef bejn il-fondi, il-programmi u r-reġjuni fi ħdan Stat Membru (11). Taħt din il-proposta, fil-prattika, l-Istat Membru jkollu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi eżattament dwar fejn il-finanzjament għandu jiġi mmirat. Barra minn hekk, il-flessibbiltà offruta fil-proposta tista’ tolqot il-kapaċità tal-UE biex tilħaq l-objettivi li jkunu ġew stabbiliti oriġinarjament fil-programmi operazzjonali u l-kapaċità tal-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-prestazzjoni.

    10.

    Filwaqt li xi rekwiżiti amministrattivi tneħħew taħt il-proposta (bħall-ħtieġa li l-ftehimiet ta’ sħubija jiġu emendati), ħafna mill-miżuri ġodda jkunu jirrikjedu l-modifika tal-programmi operazzjonali, u l-approvazzjoni sussegwenti mill-Kummissjoni. Dan jista’ jirrappreżenta piż amministrattiv sinifikanti, partikolarment għall-Kummissjoni li jkollha tipproċessa għadd kbir ta’ modifiki f’temp ta’ żmien qasir. Sabiex jimmitigaw dan ir-riskju, u biex jimmassimizzaw l-impatt tal-fondi, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jillimitaw l-emendi għall-programmi operazzjonali għar-riallokazzjoni tal-fondi għal attivitajiet relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, biex b’hekk jimminimizzaw kwalunkwe dewmien fit-twassil tal-fondi għand il-benefiċjarji.

    Jinżamm kont tal-użu li jsir mill-miżuri speċjali

    11.

    Permezz tal-proposta, “operazzjonijiet li jrawmu l-kapaċità tar-reazzjoni għall-kriżijiet” ikunu jistgħu jintgħażlu u jiġu ffinanzjati b’mod retrospettiv (12). Aħna nosservaw li l-proposta ma tipprovdix dettalji dwar x’tip ta’ operazzjonijiet huma mfissra, u lanqas dwar kif l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom mnejn iżommu kont tagħhom. Lanqas ma tistipula xi rekwiżiti ta’ monitoraġġ relatati mal-investimenti (bħad-definizzjoni ta’ assi prijoritarju dedikat, il-ħolqien ta’ raggruppament ta’ kodiċijiet ta’ intervent għal dawn l-attivitajiet, jew l-immarkar tan-nefqa relatata mar-reazzjoni għall-COVID-19 fis-sistemi tal-IT tagħhom). B’riżultat ta’ dan, la l-Kummissjoni u lanqas il-leġiżlaturi ma jkollhom, għad-dispożizzjoni tagħhom, informazzjoni affidabbli dwar l-infiq taħt il-fondi ESI b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, u dan kellu l-potenzjal li jolqot l-obbligu ta’ rendikont liċ-ċittadini tal-UE dwar l-użu tal-fondi.

    Twaqqit tal-miżuri

    12.

    Xi miżuri jkunu disponibbli għal perjodu fiss (rati ta’ kofinanzjament ta’ 100 %, skadenzi posposti għar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, arranġamenti modifikati rigward it-teħid ta’ kampjuni, finanzjar ta’ impriżi f’diffikultajiet), filwaqt li oħrajn potenzjalment ikunu fis-seħħ sa tmiem l-2023, meta l-pagamenti taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali jridu jieqfu (eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u mill-emendi għall-ftehimiet ta’ sħubija). Minħabba l-inċertezzi dwar kemm se jdumu l-aspetti differenti tal-kriżi, il-flessibbiltà fit-twaqqit hija xierqa. Madankollu, għal dawk il-miżuri fejn id-data tat-tmiem attwali tkun taħbat ma’ tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, huwa importanti li l-Kummissjoni timmonitorja b’attenzjoni s-sitwazzjoni hekk kif din tal-aħħar tiżviluppa, bil-ħsieb li tiżgura li dawn il-miżuri jkunu fis-seħħ biss għat-tul ta’ żmien meħtieġ għall-finijiet “temporanji u eċċezzjonali” msemmija hawn fuq.

    Impatt fuq ix-xogħol tal-awdituri

    13.

    Permezz tal-proposta, l-awtoritajiet tal-awditjar ikunu jistgħu jirreferu għat-tifqigħa tal-COVID-19 bħala ġustifikazzjoni għall-użu ta’ metodi mhux statistiċi ta’ teħid ta’ kampjuni f’xogħolhom għal sena ta’ kontabbiltà waħda (13). Din il-miżura jkollha l-potenzjal li tnaqqas l-ammont ta’ xogħol meħtieġ mill-awtoritajiet tal-awditjar li jagħmlu użu minn din l-alternattiva (14). Madankollu, hija tqajjem ir-riskju li l-kampjuni riżultanti għall-programmi milquta ma jkunux rappreżentattivi u dan għandu l-potenzjal li jwassal għal rati ta’ żball, u opinjonijiet tal-awditjar, li ma jkunux affidabbli għas-sena inkwistjoni. Dan jista’ jdgħajjef l-iskrutinju fuq in-nefqa li ssir taħt il-fondi ESI, fiż-żmien meta n-nefqa x’aktarx li tkun aktar esposta għar-riskju ta’ żball u/jew frodi. Għalhekk, din il-proposta tista’ tolqot il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tipprovdi aċċertament għall-użu legali tal-fondi, b’aktar implikazzjonijiet potenzjali għall-proċess ta’ obbligu ta’ rendikont u għall-awditjar tagħna.

    KUMMENTI TAL-AĦĦAR

    14.

    Il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u fir-regolament speċifiku għall-FEŻR li jkunu jtaffu xi wħud mir-regoli li jirregolaw in-nefqa li ssir taħt il-fondi ESI għall-perjodu 2014-2020. Din ir-reazzjoni fuq terminu qasir hija meħtieġa biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19. Iżda jenħtieġ li din ma twassalx għal kompromessi sostanzjali f’termini ta’ obbligu ta’ rendikont dwar l-infiq billi, kieku, ikollha effett detrimentali fuq il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tagħhom fuq terminu itwal. Il-Kummissjoni ħadmet taħt pressjoni politika u bi skadenzi qosra ħafna biex tressaq il-proposta tagħha, fatt li jkabbar ir-riskju ta’ problemi mhux previsti li jkunu relatati mat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi mill-qrib kif dawn qed jintużaw hekk kif tiżvolġi s-sitwazzjoni, bil-ħsieb li twettaq bidliet, fejn ikun meħtieġ, abbażi tal-esperjenza prattika. Ir-regoli emendati li ġew proposti huma biss temporanji, minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali. Se jkun importanti li nerġgħu lura għar-regoli normali mill-aktar fis possibbli.

    Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fl-14 ta’ April 2020.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Klaus-Heiner LEHNE

    Il-President


    (1)  Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, li jakkumpanja l-Proposta COM(2020) 138 final tal-Kummissjoni (il-Proċedura Nru 2020/0054(COD)) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19.

    (2)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (2020/C 91 I/01), il-punt 9.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

    (5)  B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5); u r-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9).

    (6)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 322(1)(a).

    (7)  It-TFUE, l-Artikolu 287.

    (8)  L-Artikolu 25(a)2 l-ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jimmodifika l-Artikoli 60(1) u 120(3) tal-istess regolament. It-trasferimenti jistgħu ma jnaqqsux ir-riżorsi minimi li jiġu allokati lill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u lill-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn, skont l-Artikolu 92(5) u (7) tar-regolament, rispettivament.

    (9)  Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, li jakkumpanja l-Proposta COM(2020) 138 final tal-Kummissjoni (il-Proċedura Nru 2020/0054(COD)) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19.

    (10)  L-Artikolu 25(a)5 l-ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jimmodifika l-Artikolu 18 tal-istess regolament.

    (11)  L-Artikoli 25(a)2 u 25(a)3 l-ġodda proposti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jimmodifikaw l-Artikoli 92(1)(a) sa (d), 92(4) u 93 tal-istess regolament.

    (12)  L-Artikolu 25(a)7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jimmodifika l-Artikolu 65(6) rigward l-operazzjonijiet eliġibbli l-ġodda introdotti mill-1 ta’ Frar 2020 fl-Artikolu 65(10) permezz tar-Regolament (UE) Nru 460/2020.

    (13)  L-Artikolu 25(a)12 il-ġdid tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jimmodifika l-Artikolu 127(1) tal-istess regolament.

    (14)  Fil-prattika, din il-miżura tkun utli għal popolazzjonijiet b’inqas minn 600 operazzjoni.


    Top