Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC1223(04)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel2019/C 431/16

    C/2019/9246

    ĠU C 431, 23.12.2019, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 431/37


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2019/C 431/16)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “PODPIWEK KUJAWSK I”

    Nru tal-UE: PGI-PL-02212 — 19.7.2017

    DOP () IĠP (X)

    1.   Isem/Ismijiet

    “Podpiwek kujawski”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Il-Polonja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Il-“Podpiwek kujawski” hija xarba bil-gass, mhux alkoħolika, mogħtija l-ħlewwa, ta’ lewn kannella skur, iffermentata u magħmula minn qamħ inkaljat. L-ingredjenti prinċipali tagħha huma: ħbub tax-xgħir inkaljati, għeruq taċ-ċikwejra inkaljata u mitħuna, u ħops aromatiċi. Il-“Podpiwek kujawski” titqiegħed fis-suq f’żewġ forom: bħala xarba bil-gass lesta biex tinxtorob, u bħala taħlita niexfa li tista’ tagħmilha xarba mid-dar.

    Il-“Podpiwek kujawski” ma fihiex preservattivi kimiċi, aġenti ta’ taħwir (ħwawar naturali, ħwawar identiċi għal dawk naturali, ħwawar sintetiċi), jew koloranti (koloranti naturali, koloranti identiċi għal dawk naturali).

    Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tax-xarba lesta:

    kontenut ta’ materja niexfa — minn 8 sa 12 % (m/m) (devjazzjoni aċċettabbli ±1,0),

    kontenut ta’ zokkor – mhux aktar minn 50 g/l,

    kontenut ta’ alkoħol etiliku -0,5 % (devjazzjoni aċċettabbli minn -0,1 għal +0,5)

    togħma — ix-xarba tal-qamħ inkaljat għandha togħma ta’ ħmira u hija rinfreskanti kif ukoll distintiva. Din hija ħarira ħelwa b’togħma kemxejn morra u qarsa,

    kulur kannella skur.

    Il-materja prima tax-xarba lesta hija: taħlita niexfa, ilma, ħmira, zokkor u antiossidant: aċidu askorbiku. Kontenut ta’ aċidu fi g/unità tal-materja niexfa — mhux inqas minn 0,015.

    “Podpiwek kujawski” – taħlita niexfa:

    ħbub tax-xgħir inkaljati -89,92 % tat-taħlita (devjazzjoni aċċettabbli ± 2 %),

    għeruq taċ-ċikwejra inkaljati u mitħuna -9,93 % tat-taħlita (devjazzjoni aċċettabbli ± 2 %),

    aċidu ċitriku 0,15 % (devjazzjoni aċċettabbli ±0,05 %).

    L-ippakkjar jinkludi wkoll il-pelits tal-ħops aromatiċi mnixxfa (ippakkjati separatament) — 5 % tal-piż tat-taħlita.

    Skont ir-riċetta li tinsab fuq l-ippakkjar, it-taħlita niexfa tax-xarba titħallat mal-ilma, maz-zokkor u mal-ħmira. Il-proporzjon ta’ addittivi għal 200 g ta’ taħlita huwa rispettivament: 10 l ta’ ilma, 500 g ta’ zokkor, 5 g ħmira friska tal-furnar jew ħmira tal-birra (hija aċċettabbli wkoll ħmira niexfa fi proporzjonijiet xierqa).

    Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tat-taħlita niexfa:

    kontenut tal-ilma — mhux iktar minn 12 %,

    konsistenza mhux magħquda, huwa permissibbli li jkun hemm ċapep ta’ grana fina li jiddiżintegraw taħt pressjoni bis-suba’. Il-finezza tista’ tvarja minn grana rqiqa (tgħaddi minn għarbiel b’toqob kwadri ta’ 1,5 mm) sa grana kbira (ħbub tax-xgħir sħiħ inkaljati, qxur jew ħbub taċ-ċikwejra inkaljati jew ta’ 3-5 mm),

    kulur kannella jagħti fil-kannella skur, b’partiċelli iktar ċari jew aktar skuri aċċettabbli,

    togħma kemxejn morra bit-togħma karatteristika ta’ xarbiet bil-qamħ inkaljat.

    Regolatur tal-aċidità (aċidu ċitriku) jew antiossidant (aċidu askorbiku) jista’ jiġi miżjud mal-“Podpiwek kujawski” (kemm għat-taħlita niexfa kif ukoll għax-xarba lesta biex tinxtorob).

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Taħlita niexfa — il-passi tal-produzzjoni li ġejjin iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

    l-inkaljar tal-ħbub tax-xgħir u t-tħin tal-għeruq taċ-ċikwejra,

    il-preparazzjoni tat-taħlita niexfa skont il-proporzjonijiet stabbiliti taħt 3.2.

    Xarba lesta biex tinxtorob – il-passi tal-produzzjoni li ġejjin iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

    l-inkaljar tal-ħbub tax-xgħir u t-tħin tal-għeruq taċ-ċikwejra,

    il-preparazzjoni tat-taħlita niexfa skont il-proporzjonijiet stabbiliti taħt 3.2.,

    it-togħlija tat-taħlita tal-qamħ u ż-żieda tal-għeruq taċ-ċikwejra mixwija (wort),

    iż-żieda u t-togħlija tal-pellets tal-ħops aromatiċi,

    iż-żieda taz-zokkor,

    it-tkessiħ,

    it-tisfija,

    iż-żieda tal-ħmira u l-fermentazzjoni,

    l-ibbottiljar,

    il-pastorizzazzjoni jew metodu ieħor biex il-ħmira ssir inattiva.

    Il-fermentazzjoni ssir fil-flixkun u tintemm bil-pastorizzazzjoni jew permezz ta’ metodu ieħor biex il-ħmira ssir inattiva, u b’hekk il-livell tal-alkoħol jinżamm baxx.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Ix-xarba lesta tal-“Podpiwek kujawski” titqiegħed fis-suq fi fliexken tal-ħġieġ skuri.

    It-taħlita niexfa tal-“Podpiwek kujawski” titqiegħed fis-suq f’pakketti.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Il-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie, kif iddefinita mill-konfini amministrattivi tagħha.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    L-ispeċifiċità tal-“Podpiwek kujaski” tiġi mill-kwalitajiet u mir-reputazzjoni partikolari tal-prodott innifsu, li huma attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu.

    Il-kondizzjonijiet favorevoli tal-ħamrija u tal-klima għall-kultivazzjoni tax-xgħir u ċ-ċikwejra wasslu sabiex ikun hemm abbondanza ta’ din il-materja prima disponibbli fil-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie. L-iżvilupp ta’ dan il-metodu uniku ta’ produzzjoni ta’ din x-xarba, bl-użu tax-xgħir inkaljat u tal-għeruq taċ-ċikwejra, kien possibbli permezz tal-ħiliet umani tal-produtturi lokali, kif ukoll tad-disponibbiltà kbira tal-materja prima f’din iż-żona, użata biex issir ix-xarba “Podpiwek kujawski”. F’din iż-żona ġeografika – bis-saħħa tal-għarfien u tal-ħiliet tal-produtturi lokali – setgħu jiġu ddeterminati l-proporzjonijiet xierqa tal-ingredjenti, sa liema punt għandhom jiġu inkaljati x-xgħir u l-għeruq taċ-ċikwejra, u liema huma l-kundizzjonijiet xierqa f’termini ta’ temperatura u tul ta’ żmien għall-fermentazzjoni. Dawn il-fatturi kollha jiggarantixxu l-kwalità għolja u l-karatteristiċi speċifiċi tal- “Podpiwek kujawski”.

    5.1.   It-taħlita niexfa

    L-istorja tal-produzzjoni tal- “Podpiwek kujawski” tmur lura għall-1816 meta l-aħwa Bohm fetħu fabbrika fil-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie. Kien propju f’din il-fabbrika fejn inħolqot it-taħlita tax-xgħir u taċ-ċikwejra biż-żieda tal-ħops (it-taħlita niexfa), flimkien mar-riċetta li l-konsumaturi jużaw biex jagħmlu x-xarba rinfreskanti mid-dar. Din il-fabbrika llum saret post emblematiku fl-istorja tar-reġjun. F’termini ta’ materja prima prodotta (malt tax-xgħir), ix-xarba lesta magħmula skont ir-riċetta tal-produttur ma kinitx ix-xarba tipika “podpiwek” (birra ħafifa), iżda xarba magħmula mill-ħbub tax-xgħir inkaljati li magħhom ġew miżjuda l-għeruq taċ-ċikwejra mitħuna u l-ħops.

    It-taħlita niexfa użata biex tagħmel ix-xarba rinfreskanti mid-dar kienet tinbiegħ taħt l-isem “podpiwek”. Din ix-xarba kannella skura kienet popolari ferm qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kif intwera mill-prattiċi diżonesti tal-konkorrenza, li kkupjaw it-tikkettar oriġinali tat-taħlita niexfa kif ukoll ir-riċetta għall-produzzjoni ta’ din ix-xarba. Fl-1938, minħabba l-imitazzjoni tal-konkorrenza, il-fabbriki taċ-ċikwejra Zjednoczone Fabryki Cykorii Ferd. Bohm u Co i Gleba S.A. fi Włocławek applikaw u ngħataw privattiva għall-“podpiwek”. L-isem “podpiwek” seta’ jintuża biss għat-taħlita niexfa deskritta taħt il-punt 3.2. L-aħħar darba li ġiet imġedda l-privattiva kienet fl-1969. Il-kumpanija konsekuttiva li kellha d-drittijiet għar-riċetta ma reġgħetx ġeddet din il-privattiva għall-isem “podpiwek” iżda żiedet “kujawski”.

    5.2.   Ix-xarba lesta biex tinxtorob

    L-emerġenza ta’ “podpiwek kujawski” bħala xarba lesta biex tinxtorob għandha x’taqsam sew mal-istorja tat-taħlita niexfa u mal-kapaċità tal-produtturi biex jagħmlu l-fermentazzjoni. L-ewwel testijiet dwar il-fermentazzjoni tax-xarba, li iktar ’il quddiem saret magħrufa bħala “Podpiwek kujawski”, kienu rreġistrati fil-fabbrika taċ-ċikwejra fi Włocławek fl-1938. Fil-bidu, ix-xarba kellha tkun lesta tlett ijiem wara l-fażi ta’ preparazzjoni tagħha. Billi rriżulta li l-prodott kien l-aktar popolari matul iż-żmien tal-ħsad, meta t-temperaturi fil-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie kienu fl-ogħla livell tagħhom, ir-riċetta ġiet immodifikata u l-konsumaturi ngħataw il-parir li jżommu x-xarba f’post sħun għal jum u f’post aktar kiesaħ għal jumejn oħra. Ix-xarba kienet lesta għall-konsum fir-raba’ jum.

    Il-“podpiwek” tipika hija tip ta’ xarba li hija prodott sekondarju ta’ birra magħmula mill-malt tax-xgħir (xarba tal-malt), mogħtija l-ħlewwa u arrikkita b’mod artifiċjali bid-diossidu tal-karbonju. B’differenza minn xarbiet oħra msejħa “podpiwek”, il-“Podpiwek kujawski” hija l-unika xarba ffermentata ġejja mill-qamħ inkaljat. Xarbiet oħra msejħa “podpiwek” jaqgħu f’żewġ kategoriji: xarbiet bil-gass mogħtija l-ħlewwa u xarbiet tal-malt. Il-“Podpiwek kujawski” hija magħmula permezz tal-fermentazzjoni alkoħolika, li tipproduċi madwar terz taz-zokkor li jinsab fix-xorb bil-gass li jġib dan l-isem. Fil-prodott finali tax-xarba ffermentata, jifdal mhux aktar minn 50 g ta’ zokkor għal kull litru. Dan l-ammont huwa inqas minn dak li nsibu f’xarba bil-gass mogħtija l-ħlewwa, li bħala medja jkun fiha madwar 100 g ta’ zokkor għal kull litru. Meta l-“Podpiwek kujawski” tkun qed tiffermenta, il-ħmira tkisser iz-zokkor u dan jispiċċa alkoħol, u fil-proċess ikun qed jiġi prodott il-gass. B’hekk, b’differenza minn xarbiet oħrajn bil-gass tal-isem “podpiwek”, il-“Podpiwek kujawski” mhijiex arrikkita b’mod artifiċjali bid-diossidu tal-karbonju. Differenzi oħrajn huma n-nuqqas ta’ preservattivi kimiċi biex tiġi estiża l-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, u n-nuqqas ta’ sustanzi ta’ taħwir u koloranti, li mhumiex miżjuda minħabba l-intensità tat-togħma u tal-kulur miksuba mill-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali.

    Il-popolarità tax-xarba “Podpiwek kujawski” mal-konsumaturi, kif ukoll il-preżenza tagħha f’fieri nazzjonali u f’avvenimenti lokali li jippromwovu prodotti tradizzjonali u reġjonali, u l-premjijiet u l-għotjiet li kisbet f’kompetizzjonijiet nazzjonali, jixhdu sew ir-reputazzjoni tax-xarba. Pereżempju, fl-2009, il-“Podpiwek kujawski” ngħatat l-ewwel premju fil-“Nasze Kulinarne Dziedzictwo — Smaki Regionów” (Il-Patrimonju Kulinari Tagħna — Togħmiet tar-Reġjuni), kompetizzjoni organizzata regolarment mill-Kamra Pollakka għall-Prodotti Reġjonali u Lokali biex jiġu promossi prodotti tradizzjonali magħmula f’reġjun partikolari. Il-kwalitajiet partikolari tal-“Podpiwek kujawski” kienu wkoll rikonoxxuti fl-2011 mill-organizzazzjoni Slow Food Polska, li rrakkomandat ix-xarba. Fil-fatt, diversi artikli fl-istampa lokali u fuq l-Internet, kif ukoll premjijiet, jixhdu r-reputazzjoni tal- “Podpiwek kujawski”. Il-biċċa l-kbira tal-artikli tal-istampa dwar il-“Podpiwek kujawski” ġew ippubblikati meta bdew jiġu organizzati kompetizzjonijiet kulinari biex jiġi promoss l-ikel tradizzjonali u lokali. Barra minn hekk, fl-2011, ix-xarba “Podpiwek kujawski” rebħet premji fi tliet kategoriji (l-ewwel premju fil-kategorija tax-xorb, l-ewwel premju fil-kategorija tal-artisti u l-ġurnalisti, u l-Gran Premju tal-Festival) fl-ikbar festival tal-Polonja, il-Festival tat-Togħmiet fi Gruczno. Fl-istess sena, fil-Fiera Kummerċjali Internazzjonali tal-Ikel ta’ Polagra f’Poznań, il-“Podpiwek kujawski” rċeviet l-ogħla mertu mogħti lil prodotti tradizzjonali – il-premju “Perła”. Kien waqt dan iż-żmien li l-“Podpiwek kujawski” kienet imxandra kullimkien fl-istampa, fi blogs u fuq siti tal-Internet, kif ukoll fuq ir-radju u t-televiżjoni. Informazzjoni dwar din ix-xarba spiss tidher f’artikli li jiddeskrivu l-ikel tipiku tal-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie. Dan jixhed l-importanza tagħhom u juri li l-popolazzjoni lokali għandha għal qalbha ħafna l-ikel tipiku tal-provinċja.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    https://www.gov.pl/web/rolnictwo/wnioski-przekazane-komisji-europejskiej


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top