EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC1104(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel2019/C 371/10

C/2019/7809

ĠU C 371, 4.11.2019, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/19


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2019/C 371/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

CEREJA DO FUNDÃ O”

Nru tal-UE: PGI-PT-02478 — 22.11.2018

DOP () IĠP (x)

1.   Isem/Ismijiet

“Cereja do Fundão”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Portugall

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Cereja do Fundão” hija l-frott taċ-ċirasa ħelwa (Prunus avium L.) li hija maħsuba biex tiġi kkunsmata friska. Għandha l-karatteristiċi ewlenin li ġejjin:

daqs ta’ mill-inqas 24 mm;

sodezza ta’ mill-inqas 60 unità fuq l-indiċi Durofel;

kulur ta’ bejn 2 u 6 fuq l-iskema tas-CTIFL (Centre Technique Interprofessionnel des Fruits et Legumes);

kontenut ta’ solidi solubbli ta’ mill-inqas 12°Brix.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni (it-tkabbir u l-ħsad).

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq it-tikketta “Cereja do Fundão”, l-isem tal-prodott irid ikun segwit bil-kliem “Indicação Geográfica Protegida” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta] jew bl-abrevjazzjoni “IGP” [IĠP].

It-tikketta trid tinkludi l-logo “Cereja do Fundão”, li huwa muri hawn taħt.

Image 1

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika għall-produzzjoni tas-“Cereja do Fundão” hija ristretta għall-muniċipalità ta’ Fundão, il-parroċċi ta’ Louriçal do Campo u ta’ Lardosa (il-muniċipalità ta’ Castelo Branco) u l-parroċċi ta’ Ferro u Peraboa (il-muniċipalità ta’ Covilhã).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn is-“Cereja do Fundão” u ż-żona ġeografika hija dderivata mir-reputazzjoni tagħha.

Bis-saħħa tal-karatteristiċi tagħha, is-“Cereja do Fundão” tgawdi minn fama tajba u hija magħrufa fil-Portugall u lil hinn minnu, u tant assumiet importanza agrikola, ekonomika u gastronomika li saret waħda mill-karatteristiċi ewlenin tar-reġjun.

Iċ-ċiras ta’ Fundão, “delizzjuż – ħelu u sukkulenti b’togħma misjura pikkanti” (The Guardian, 14.8.2007), “imlibbes b’aħmar brillanti, mlaħħam u ħelu mmens”, “jintgħaraf mill-ewwel” u huwa meqjus mix-chef “Vítor Sobral” bħala “prodott ta’ eċċellenza nazzjonali” (Epicur, 8.5.2017). Minkejja li ċ-ċirasa tikber ftit jew wisq fil-pajjiż kollu, “l-aktar famuża hija dik ta’ Fundão” (Broteria — serje ta’ xjenza popolari, 1915), u hemm xi wħud li jqisu lil Fundão bħala l-“kapital taċ-ċirasa” tal-Portugall (Paulo Moreira, Pão e Vinho [Ħobż u Nbid], 2014).

Il-preġju li l-konsumaturi Portugiżi għandhom għas-“Cereja do Fundão” tidher mill-fatt li fl-1941, il-Bulettin tal-Junta Nacional das Frutas [il-Bord Nazzjonali tal-Frott] elenka b’mod individwali l-prezz taċ-ċiras “Cereja do Fundão” fis-suq ta’ Liżbona (fejn inbiegħu għal prezz medju ta’ 3 escudos għal kull kilogramma), u dan jikkuntrasta mal-prezz ta’ ċirasa oħra mibjugħa fis-suq.

Fl-2018, is-”Cereja do Fundão” rebħet il-premju “Portugal Cinco Estrelas” fil-kategorija tal-prodotti naturali. Meta ngħata l-premju, abbażi ta’ evalwazzjoni tas-sodisfazzjon tal-konsumatur li twettqet permezz ta’ stħarriġiet tas-suq, ġie ddikjarat li “bejn il-katini ta’ muntanji ta’ Estrela u Garndunha tinsab waħda mill-itjeb delizzji nazzjonali li wieħed jista’ jsib, jiġifieri s-“Cereja do Fundão”. It-togħma ħelwa u friska tħallik tgawdiha mhux biss bħala frott tad-deżerta iżda wkoll fil-forma ta’ ġammijiet, ta’ ħelu biċ-ċikkulata u ċ-ċirasa, ta’ ħlewwiet bl-għaġina u ta’ likuri.”

“Dan iċ-ċiras huwa magħruf, jattira l-folol tan-nies u jiġġenera miljuni ta’ euro għall-ekonomija lokali” (Dinheiro Vivo, 4.6.2017). Is-“Cereja do Fundão”“kisbet profil popolari, b’mod partikolari kemm ilha li ġiet assoċjata mal-parteċipazzjoni tat-tim Portugiż tal-futbol fil-Kampjonat Ewropew li seħħ fil-Portugall fl-2004”. F’temp ta’ għaxar snin, “l-ekonomija lokali li nbniet madwar iċ-ċirasa rduppjat fid-daqs u issa tiswa madwar EUR 20 miljun fis-sena, ibbażata fuq l-2 000 ettaru ta’ siġar taċ-ċirasa li jipproduċu 7 000 tunnellata ta’ ċiras, li tikkorrispondi għal aktar minn 60 % tal-produzzjoni nazzjonali u li tipprovdi 1 500 impjieg”. L-isem “Cereja do Fundão”“iżid il-valur tal-prodott, u għalhekk kapaċi jġib prezz ogħla minkejja ż-żieda fil-kwantitajiet prodotti. Dan jispjega għaliex il-prezz medju rdoppja u issa huwa ta’ madwar EUR 3 għal kull kilogramma” (Pedro Manuel Saraiva, Empreendedorismo: do conceito à aplicação, da ideia ao negócio, da tecnologia ao valor [Intraprenditorija: mit-teorija għall-prattika, minn idea għal negozju, minn teknoloġija għal valur], Imprensa da Universidade de Coimbra, it-3 edizzjoni, 2015).

Minħabba l-karatteristiċi taż-żona ġeografika tal-produzzjoni, “l-ewwel ċiras tal-istaġun ikun aktar bikri milli f’żoni oħra u jista’ faċilment jinbiegħ bejn EUR 30 u EUR 50 kull kilogramma, speċjalment fis-swieq tal-esportazzjoni, li jammontaw għal 10 % tal-bejgħ” (Pedro Manuel Saraiva, op. cit.). “Meta jibda l-istaġun taċ-ċirasa”, Fundão huwa wieħed “mill-ewwel postijiet tad-dinja li jkollu ċ-ċirasa”, u din hija r-raġuni għaliex il-prezz għall-konsumatur huwa għoli ħafna “meta dawn jidhru u jibdew jiġu esportati”. Fl-aħħar ta’ April 2014, is-“Cereja do Fundão” kienet qed tinbiegħ fis-suq f’Helsinki għal EUR 62 kull kilogramma (Vida Rural, 26.5.2015).

Is-“Cereja do Fundão” tista’ titgawda friska jew bħala ingredjent fil-ħlewwiet bl-għaġina u fit-tisjir, fejn tintuża f’diversi platti u riċetti. Is-“Cereja do Fundão” hija waħda mill-prodotti kulinarji l-aktar versatili tal-Portugall u tiftaħ il-bibien tal-immaġinazzjoni tiegħek, peress li tintuża biex isiru prodotti bħal pereżempju t-torta tas-“Cereja do Fundão” u l-ġelat artiġjanali tas-“Cereja do Fundao” (Público, 14.6.2013). Is-“Cereja do Fundão” hija mfaħħra wkoll minn diversi chefs, kif jidher fl-intervista ma’ max-chef bi stilla Michelin José Avillez (Jornal de Negócios, 20.2.2018) u mill-ktieb Prato do Dia [Il-Platt tal-ġurnata], ippubblikat fl-2017, li huwa ġabra ta’ riċetti ppreżentati mix-chef Filipa Gomes dwar il-programm tat-tisjir tagħha fuq 24Kitchen.

Is-“Cereja do Fundão” tifforma l-bażi għal diversi avvenimenti gastronomiċi. F’livell reġjonali, is-“Cereja do Fundão”“tattira madwar 135 000 turist fis-sena” (Expresso, 19.2.2018), b’mod partikolari għal avvenimenti bħall-“Festa da Cereja do Fundão” [il-festival tas-“Cereja do Fundão”], li toffri l-opportunità li mhux biss wieħed iduq is-“Cereja do Fundão”, iżda wkoll diversi prodotti magħmulin minnha u li wieħed jieħu sehem f’avvenimenti kulturali u turistiċi marbuta mal-produzzjoni tagħha (għajnuna fil-qtugħ taċ-ċiras, mixjiet fil-ġonna taċ-ċiras, l-adozzjoni ta’ siġra taċ-ċirasa, eċċ.), u l-festival tal-ikel “Fundão, Aqui Come-se Bem – Sabores da Cereja” [Ikel tajjeb f’Fundão — Togħma ta’ Ċirasa”, li ilu jsir kull sena sa mill-2004. Wieħed isib ukoll avvenimenti nazzjonali, bħalma huma r-“Rota Gastronómica da Cereja do Fundão”[Ir-rotta gastronomika tas-“Cereja do Fundão”], li ilha ssir kull sena f’Liżbona u f’Porto mill-2013, u tinvolvi wkoll lix-chefs li jagħmlu diversi proposti ta’ platti li jużaw is-“Cereja do Fundão” bħala ingredjent.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ta’ dan ir-Regolament)

https://tradicional.dgadr.gov.pt/pt/cat/frutos-frescos/978-cereja-do-fundao-igp


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top