Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019SC0105

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013

SWD/2019/0105 final

Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi problema li qed tiġi indirizzata? Sa 11-il linja

Daż-żmien, ftit aktar minn 50 % tal-konsum tal-elettriku relatat maċ-ċentri tad-data hu konsum dirett tal-enerġija ta’ tagħmir tal-IT, bħalma huma s-servers u l-prodotti tal-ħżin tad-data. Tipikament, ix-xerrejja tas-servers u tal-prodotti tal-ħżin tad-data ma jagħtux prijorità lill-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika fost il-preferenzi tax-xiri, iżda pjuttost jiffokaw fuq aspetti bħalma huma l-affidabbiltà jew l-affordabbiltà. Dan jiġri minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-aspetti funzjonali tal-prodotti (bħalma huma l-prestazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, l-affidabbiltà f’temperaturi operattivi għoljin), in-nuqqas ta’ għodod għall-valutazzjoni tal-Ispiża Totali tas-Sjieda, id-drawwiet tal-utenti, inkluż pereżempju tradizzjonijiet għall-għażla ta’ ditti speċifiċi u soluzzjonijiet speċifiċi, aspetti organizzazzjonali (diviżjoni bejn il-baġits għax-xiri, tipikament baġit speċifiku tal-IT, u l-ispejjeż operattivi, tipikament parti minn baġit amministrattiv). Dan wassal għal penetrazzjoni limitata fis-suq ta’ teknoloġiji kosteffikaċi li jiffrankaw l-enerġija, u din is-sitwazzjoni tippersisti minkejja d-disponibbiltà ta’ teknoloġiji affidabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Mil-lat ta’ effiċjenza materjali, in-nuqqas tas-suq jinsab f’diversi aspetti, u dan ixekkel milli tinkiseb rata għolja ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ: diffikultà biex jiżżarmaw u jiġu separati l-prodotti, nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-materja prima kritika inkorporata, nuqqas ta’ metodu standardizzat għat-tħassir tad-data, u nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ aġġornamenti tal-firmwer.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva? Sa 8-il linja

L-għanijiet ġenerali ta’ din l-inizjattiva għandhom jikkontribwixxu għall-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030 u għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari (fid-dawl tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari), filwaqt li jkun żgurat il-funzjonament tas-suq intern. B’mod aktar speċifiku, din l-inizjattiva beħsiebha tqajjem kuxjenza dwar l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni ambjentali tas-servers u tal-prodotti tal-ħżin tad-data u biex jeħfief it-tqabbil bejn il-prodotti korrispondenti fost l-utenti, biex jiġu kkumplimentati/integrati d-dispożizzjonijiet tal-programm Energy Star tal-UE, u biex mis-suq tal-UE gradwalment jitneħħew il-prodotti bl-agħar prestazzjoni. Bħala tali, dan inaqqas il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u jżid iċ-ċirkolarità tal-prodotti kkonċernati.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? Sa 7 linji 

Is-servers u l-prodotti tal-ħżin tad-data jikkonċernaw suq globali u, fil-livell tal-UE, għadd żgħir ta’ manifatturi globali kbar ħafna qed ikopru aktar minn tliet kwarti tas-suq tal-UE, u għalhekk azzjoni tal-UE tkun aktar kosteffikaċi. Fil-fatt, it-teknoloġija għal dawn il-prodotti hi kumplessa ħafna, u b’hekk ikun diffiċli ferm għall-Istati Membri biex jiżviluppaw skemi nazzjonali u r-regolamenti, filwaqt li azzjoni tal-UE telimina l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa f’kull Stat Membru biex tiġi regolata teknoloġija li ma tvarjax minn pajjiż għall-ieħor. Il-manifatturi dehrilhom li l-iskemi nazzjonali u r-regolamenti joħolqu aktar ostakli u piżijiet amministrattivi għad-dħul f’kull suq nazzjonali, u jippreferu li jikkonformaw ma’ leġiżlazzjoni mifruxa mal-UE kollha.

B. Soluzzjonijiet

X’alternattivi ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm alternattiva ppreferuta jew le? Għaliex? Sa 14-il linja 

L-alternattivi ta’ politika għal awtoregolamentazzjoni u għal tikkettar tal-enerġija ngħataw il-ġenb għax l-industrija ma pproponiet l-ebda tip ta’ awtoregolamentazzjoni, u għax ħafna drabi s-servers u l-prodotti tal-ħżin tad-data huma prodotti B2B. Minbarra l-alternattiva li kollox jibqa’ kif inhu (u l-UE ma tieħu l-ebda azzjoni), ġew ikkunsidrati dawn l-alternattivi li ġejjin:

L-Alternattiva 3.1, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, rekwiżiti inqas stretti b’2 livelli tal-Unità tal-Provvista tal-Enerġija (PSU), informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza tas-servers.

L-Alternattiva 3.2 regolament dwar l-Ekodisinn, rekwiżiti bi 3 livelli tal-Unità tal-Provvista tal-Enerġija (PSU), informazzjoni dwar il-klassi tal-kundizzjonijiet operatorji, il-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza tas-servers 1 , il-limitu massimu tal-potenza inattiva, u rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali.

L-Alternattiva 3.3, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, l-aktar rekwiżiti stretti tal-Unità tal-Provvista tal-Enerġija (PSU), rekwiżiti obbligatorji dwar il-klassi tal-kundizzjonijiet operatorji u l-effiċjenza, informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija, u rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali.

L-Alternattiva 5, rekwiżiti obbligatorji ta’ Energy Star, rekwiżiti b’livell wieħed (1) tal-Unità tal-Provvista tal-Enerġija (PSU), informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija, l-effiċjenza tas-servers u klassi tal-kundizzjonijiet operatorji, il-limitu tal-potenza massima fl-istat inattiv.

L-alternattiva ppreferuta hi l-Alternattiva 3.2 għax tipprovdi ffrankar ambjentali għoli mingħajr ma tixħet piż ekonomiku sinifikanti fuq l-industrija u l-utenti finali. Għalkemm l-Alternattiva 3.3 tikseb l-akbar iffrankar fl-enerġija fit-tul (jiġifieri mill-2030 ’il quddiem), din tixħet piż kbir fuq l-industrija u l-utenti finali fis-snin immedjati wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ u għalhekk l-iffrankar tal-ispejjeż kumulattivi għall-utenti finali kollha tal-UE jibqa’ negattiv sal-2027.

Liema alternattiva u min jappoġġaha? Sa 7 linji 

NGOs ambjentali u tal-konsumatur, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ dawk li jsewwu, laqgħu l-ħidma tal-Kummissjoni b’rabta mar-rekwiżiti tal-ekodisinn potenzjali għas-servers u għall-prodotti tal-ħżin tad-data. L-Istati Membri tal-UE laqgħu b’kawtela l-ħidma tal-Kummissjoni, bi tħassib speċifiku dwar l-infurzabbiltà. Organizzazzjonijiet tal-standardizzazzjoni taw appoġġ tul il-proċess kollu. Atturi industrijali maġġuri se jappoġġaw prinċipalment ir-rekwiżiti dwar l-effiċjenza enerġetika b’mod attiv iżda esprimew xi dubji dwar ir-rekwiżiti kwantitattivi dwar il-potenza fi stat inattiv u dwar ir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali. L-SMEs enfasizzaw fuq l-importanza li ma jiżdidux l-ispejjeż tal-prodotti minħabba s-soluzzjonijiet regolatorji.

C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Sa 12-il linja

Il-Valutazzjoni tal-Impatt turi li Regolament potenzjali dwar is-servers u l-prodotti tal-ħżin tad-data, skont l-Alternattiva 3.2, jista’ jikseb iffrankar fl-elettriku fl-2030 sa 9 TWh/sena (bejn wieħed u ieħor il-konsum tal-elettriku annwali tal-Estonja fl-2014) u jista’ jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa 3 miljun tunnellata ta’ CO2eq/sena. F’dan ix-xenarju, ir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali jnaqqsu 7 % oħra tas-CO2eq/sena. L-eżitu hu pożittiv ukoll fejn tidħol l-affordabbiltà: l-utenti finali tas-servers u tal-prodotti tal-ħżin tad-data jibbenefikaw ukoll mill-miżura proposta permezz tal-iffrankar monetarju annwali li jammonta għal €2 biljun fl-2030. Fost l-effetti pożittivi oħra hemm tqabbil aħjar tal-prodotti fis-suq fejn jidħlu l-impatti ambjentali tagħhom (bħalma huma l-effiċjenza enerġetika tas-servers) u iżjed dħul u profitti ogħla għall-kumpaniji indipendenti (bħall-SMEs) li jaħdmu fil-qasam tar-riparazzjoni u tar-rinnovazzjoni tal-prodotti.

X’inhuma l-ispejjeż tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Sa 12-il linja

Għall-Alternattiva ppreferuta 3.2, se jkun hemm titjib fl-ispejjeż assoċjati għax tikseb effiċjenza ogħla tal-PSU, u dan mistenni jiswa €10 għal kull unità tal-PSU biex isir titjib minn klassi 80 PLUS minn Fidda għal Deheb, €17 minn Deheb għal Platinu, u €23 biex jinkiseb it-Titanju. L-ispiża assoċjata mat-titjib fit-temperatura operattiva hi preżunta li hi €150 għal kull unità tal-bejgħ, li bejn wieħed u ieħor hi l-prezz ta’ kitt tal-fann bi prestazzjoni għolja. It-titjib tal-potenza fi stat inattiv ifisser spiża addizzjonali ta’ 0,2 % sa 0,35 % tal-prezz tas-server biex tittejjeb l-effiċjenza tas-CPU. Hu stmat li bejn wieħed u ieħor ir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali jimponu €8 addizzjonali għal kull server jew għal kull prodott tal-ħżin. Iż-żieda totali fl-ispejjeż tax-xiri tal-prodotti minħabba dan it-titjib hi madwar €41 miljun fl-2030 għall-UE. L-ispejjeż tal-ittestjar assoċjati mal-kejl tal-effiċjenza tas-server se tkun madwar €21 000 għal kull kumpanija bi 15-il mudell tas-server. Għall-kumpaniji kbar, hu stmat li l-ispiża tat-testijiet tal-konformità se tkun madwar €30 000 għal kull kumpanija b’25 mudell tas-server. L-ispejjeż tal-ittestjar assoċjati mat-temperatura operattiva hu stmati fil-firxa ta’ €1 000 għal kull unità.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Sa 8 linji

Ir-Regolament propost hu applikabbli bis-sħiħ għal mikrointrapriżi u għall-SMEs li qed jimmanifatturaw u jeżekwixxu l-immuntar finali ta’ servers u ta’ prodotti tal-ħżin tad-data (stmati għal madwar 20 % tal-SMEs kollha involuti f’din l-industrija, skont stimi esperti). Dawn l-SMEs jintlaqtu biż-żieda fl-ispejjeż tal-ittestjar u fl-ispejjeż għat-titjib. Iżda parti minn dawn l-ispejjeż jġarrbuha l-utenti finali. Hu stmat ukoll li terz tal-SMEs fis-settur huma involuti f’attivitajiet ta’ tiswija, u dawn se jibbenefikaw ferm mir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Sa 4 linji

L-għamla tal-leġiżlazzjoni hi Regolament li japplika direttament fl-Istati Membri. Dan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda spiża għall-amministrazzjonijiet nazzjonali marbuta mat-traspożizzjoni. L-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jinvolvu l-ispejjeż tal-ittestjar u tal-persunal.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Sa 6 linji

Mhu mistenni l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonalità, is-saħħa u s-sikurezza.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika? Sa 4 linji 

Il-regolamentazzjoni potenzjali tas-servers u tal-prodotti tal-ħżin tad-data għandha tiġi rieżaminata sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel Regolament fid-dawl tal-kisbiet, l-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni, l-iżviluppi internazzjonali u l-progress teknoloġiku.

(1)

Fir-Regolament tal-Ekodisinn dwar is-servers, li vvutaw għalih l-Istati Membri tal-UE fis-17/09/2018 wara l-proċedura “Regolatorja bi Skrutinju”, ġie miftiehem li jiġu imposti rekwiżiti kwantitattivi fuq l-effiċjenza tal-istat attiv tas-servers (valuri: 9 għas-servers ta’ sokit-1, 9,5 għas-servers ta’ 2-sokits, u 8 għas-servers blade jew multinodi). Hu stmat li dawn ir-rekwiżiti kwantitattivi se jkollhom l-istess effett bħar-rekwiżiti tal-informazzjoni, għax ir-rata ta’ passaġġ fil-każ tas-servers manifatturati fl-2016-17 diġà hi għolja ħafna (>90 %), u għalhekk wieħed jista’ jistenna li r-rata ta’ passaġġ tas-servers mibjugħa fl-2020 se tkun mill-inqas daqsha, jekk mhux saħansitra ogħla.

Top