Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0620

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

COM/2019/620 final

Brussell, 11.9.2019

COM(2019) 620 final

2019/0188(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi
Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2019) 319 final} - {SWD(2019) 1350 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) huma l-aġenziji ewlenin li jeżegwixxu linji politiċi dwar l-impjiegi li jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol. Għalkemm strutturati b’mod differenti f’kull pajjiż, il-PES kollha jgħinu biex jitqabblu l-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol permezz ta’ informazzjoni, servizzi ta’ kollokament u ta’ appoġġ attiv fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej. Il-PES huma wkoll l-atturi ewlenin li jimplimentaw politiki ta’ attivazzjoni fl-Istati Membri, u dawn jaqdu rwol importanti biex jeħfiefu t-tranżizzjonijiet u l-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Il-kwalità tas-servizzi tagħhom taffettwa direttament l-impatt tal-politiki tal-impjiegi fuq il-post. Għalhekk, il-PES huma atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-qgħad fl-Ewropa u biex tkun żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess tal-inizjattivi ta’ politika rilevanti tal-UE.

Il-kollaborazzjoni fil-livell Ewropew bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi bdiet fl-1997, meta l-Kummissjoni waqqfet grupp konsultattiv informali tal-kapijiet tal-PES (in-Network Ewropew tal-Kapijiet tal-PES (HoPES)). L-għan kien li jiġu promossi l-kooperazzjoni, l-iskambju u t-tagħlim reċiproku bejn l-organizzazzjonijiet membri u li jingħata rispons dwar l-inizjattivi tal-politiki tal-impjiegi.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni pproponiet li din il-kooperazzjoni tiġi formalizzata fl-2013, biex jiġu appoġġati l-innovazzjoni, il-valutazzjoni komparattiva u t-tagħlim reċiproku fil-livell Ewropew. Fl-2014, id-Deċiżjoni
Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbiliet in-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (“in-Network”) sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Din il-proposta għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-kapaċità, l-effettività u l-effiċjenza tal-PES billi tipprovdi pjattaforma biex titqabbel il-prestazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew, filwaqt li jiġu identifikati prattiki tajba u tiġi żviluppata sistema ta’ tagħlim reċiproku. Għandha wkoll l-għan li tagħti aktar opportunitajiet lill-PES biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ politiki innovattivi u bbażati fuq l-evidenza.

In-network jenħtieġ jiżgura li jkun jikkumplimenta u la jissostitwixxi u lanqas jidduplika l-azzjonijiet meħuda bħala parti mill-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi skont it-tifsira tat-Titolu IX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari dawk tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-għodod tiegħu bħall-Qafas Konġunt ta’ Valutazzjoni, kif ukoll il-Programm ta’ Tagħlim Reċiproku. Barra minn hekk, sabiex jiġu promossi s-sinerġiji, il-Kummissjoni jenħtieġ tkompli tiżgura li s-Segretarjat tan-Network jikkoopera mill-qrib ma’ dak tal-EMCO.

Twettqet evalwazzjoni biex titfa’ dawl fuq l-istat ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni preċedenti, kif ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet relatati għal kontinwazzjoni ulterjuri tan-Network wara l-31 ta’ Diċembru 2020. L-evalwazzjoni turi li d-Deċiżjoni ġiet implimentata b’suċċess b’mod partikolari l-inizjattiva tat-tagħlim komparattiv 1 bħala eżempju produttiv ta’ strument kondiviż tal-UE li jħeġġeġ il-komparabbiltà, it-tagħlim u l-maturità fost il-PES tal-UE. Hija tikkonkludi wkoll li n-Network kien effettiv fit-twettiq tal-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni.

Għaldaqstant il-proposta li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE għandha l-għan li tibni fuq il-kisbiet pożittivi tan-Network murija mill-evalwazzjoni 2 filwaqt li twieġeb il-ħtiġijiet u l-appoġġ qawwi tal-partijiet ikkonċernati tan-Network biex tkompli timplimenta din il-kooperazzjoni prezzjuża wara l-2020. Għalhekk għandha l-għan li testendi l-perjodu ta’ stabbiliment tan-Network sal-31 ta’ Diċembru 2027.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Bl-Artikolu 149 tat-TFUE bħala l-bażi ġuridika tiegħu, in-Network huwa stabbilit biex jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex jappoġġja l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi. In-network huwa parti mill-qafas tal-politika tal-UE dwar l-impjiegi li huwa żviluppat biex iwieġeb għal prijoritajiet ġodda u bidliet fis-suq tax-xogħol. Skont l-Artikolu 148(4) tat-Trattat, permezz tad-Deċiżjoni 2010/707/UE il-Kunsill adotta linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, li ġew aġġornati (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tat-16 ta’ Lulju 2018) u li nżammu għas-sena 2019.

Flimkien mal-Linji Gwida dwar il-Politika Ekonomika, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jipprovdu gwida lill-Istati Membri dwar id-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi. Il-Linja Gwida 7 tisħaq li l-Istati Membri jenħtieġ ikollhom l-għan ta’ servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f’waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni. Il-linji gwida integrati jiffurmaw il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri fil-proċess tas-Semestru Ewropew. F’dawn l-aħħar snin dawn inkludew rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-funzjonament u l-kapaċità tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri. Dan jinkludi l-ħtiġijiet għal servizzi aktar personalizzati għall-persuni qiegħda, sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni aktar komprensiva, immirar aħjar u prijoritizzazzjoni, u koordinazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet ċentrali u reġjonali.

L-appoġġ attiv għall-impjiegi huwa wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 (il-Prinċipju 4). B’hekk tissaħħaħ il-prijorità konnessa mal-appoġġ immirat għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, pereżempju permezz tal-PES. Eżempju ta’ dan huwa l-enfasi akbar fuq ir-rwol tal-PES biex tintlaħaq il-popolazzjoni inattiva.

Wieħed mill-għanijiet tan-Network huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-impjiegi bħalma huma r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol, fejn il-PES jaqdu rwol ewlieni. Barra minn hekk, in-Network jenħtieġ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi tal-UE mmirati biex ilaqqgħu aħjar il-ħiliet, jipprovdu xogħol diċenti u sostenibbli, itejbu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol volontarja u jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol.

L-attivitajiet tan-Network huma fl-oqsma ta’ responsabbiltà tal-PES, u huma kumplimentari għal inizjattivi meħuda minn partijiet ikkonċernati oħra, u jikkontribwixxu għall-infurzar tal-isforzi ġenerali li jsiru f’dan il-qasam ta’ politika. L-evalwazzjoni tan-Network turi din il-kumplimentarjetà, u li l-inizjattivi tan-Network ma ssostitwewx inizjattivi oħra.

Il-EURES 4 , il-portal tal-impjiegi Ewropew, u n-Network għandhom ċerti għanijiet kumplimentari marbuta mat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol. In-network jimmira lejn kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-PES u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ politika fil-qasam tal-impjiegi, filwaqt li l-EURES jiffoka fuq l-akkomunament ta’ postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet u l-forniment ta’ servizzi ta’ mobbiltà bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol.

Fl-aħħar nett, l-Awtorità tax-Xogħol Ewropea (ELA), il-korp il-ġdid tal-UE li jappoġġja lill-Istati Membri fl-infurzar tar-regoli fil-qasam tal-mobilità tax-xogħol 5 , se tiffaċilita l-aċċess għall-individwi u l-impjegaturi għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll għas-servizzi rilevanti, inkluż permezz tal-Gateway Diġitali Uniku. L-ELA se tarbitra wkoll f’każijiet ta’ tilwim transfruntier bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, in-Network u l-ELA għandhom miri differenti li huma kumplimentari fl-isforzi għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol Ewropew.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-istrateġija Ewropa 2020 hija l-aġenda tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi għall-għaxar snin attwali. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE wriet li hemm livell għoli ta’ koerenza bejn id-Deċiżjoni u l-qafas ta’ politika tal-UE. Is-sinerġiji għandhom fejn jittejbu, ngħidu aħna permezz ta’ kooperazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra tas-suq tax-xogħol, inkluż il-fornituri tas-servizzi tal-impjiegi, u fejn jixraq, l-Aġenziji tal-UE fil-qasam tal-impjiegi, il-politika soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni qiegħda jew gruppi vulnerabbli, l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Madankollu, ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma osserva duplikazzjoni ta’ azzjoni.

L-UE għandha rwol importanti fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Miri dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha 6 . In-Network jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, impjiegi produttivi li ma jħallu lil ħadd qiegħed u xogħol diċenti għal kulħadd (SDG 8) 7 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta tibqa’ l-istess bħal dik tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE.

Id-dritt għal azzjoni ġej mill-Artikolu 149 tat-TFUE jiddikjara li “l-Parlament Ewropew u l-Kunsill [….], jistgħu jadottaw miżuri ta’ inċentiva li jkunu mmirati biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn Stati Membri u biex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi permezz ta’ inizjattivi li jkollhom l-għan li jiżviluppaw l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prassi, li jipprovdu l-analiżi komparattiva u pariri kif ukoll li jippromwovu atteġġjamenti innovattivi u esperjenzi tal-valutazzjoni, partikolarment billi jirrikorru għal proġetti pilota […]”.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li tfittex li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw il-PES tagħhom bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ġenerali Ewropej dwar l-impjiegi.

F’dan l-istadju, ma hemm l-ebda informazzjoni dwar kif tista’ tiġi organizzata l-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’każ li d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE ma tiġix estiża. Għalkemm mingħajr in-Network aktarx tissokta xi kooperazzjoni, ir-rwol formali appoġġat mid-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-Kummissjoni jinħass mill-partijiet ikkonċernati bħala kruċjali. Għalhekk, huwa probabbli li l-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tkun inqas effettiva u sistematika jekk ma tiġix estiża d-Deċiżjoni.

•Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li hija proposta fil-forma ta’ miżura ta’ inċentiv għall-PES u t-tul taż-żmien tagħha huwa limitat għall-perjodu ta’ żmien sal-2027.

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli mill-organizzazzjoni, il-persunal u l-immaniġġjar tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom, din il-proposta ttawwal il-perjodu tal-istabbiliment tan-Network, li jipprovdi pjattaforma biex titqabbel il-prestazzjoni tagħhom f’livell Ewropew, biex b’hekk jinstabu prattiki tajbin u jitrawwem it-tagħlim reċiproku sabiex jissaħħu l-kapaċità u l-effiċjenza tas-servizz. L-esperjenza wriet li l-PES mhumiex involuti biżżejjed fit-tagħlim reċiproku u l-attivitajiet ta’ benchmarking waħedhom, u b’hekk qed jiġu mfixkla l-prospetti ta’ identifikazzjoni bikrija ta’ prestazzjoni baxxa mill-PES fil-livell nazzjonali u problemi strutturali potenzjali tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw minn dan.

•Għażla tal-istrument

L-istrument magħżul huwa Deċiżjoni, bħalma hu l-istrument oriġinali emendat.
Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar il-kooperazzjoni msaħħa bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi hija miżura ta’ inċentiv fis-sens tal-Artikolu 149. Fid-dawl tan-natura ta’ din il-miżura ta’ inċentiv, l-għażla ta’ Deċiżjoni bħala strument ġuridiku tibqa’ l-aktar waħda xierqa.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Evalwazzjoni 8 tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE saret biex tevalwa l-qagħda attwali u l-grad ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tixħet dawl u twassal l-għarfien dwar il-kooperazzjoni futura possibbli bejn il-PES Ewropej wara l-2020. Din l-evalwazzjoni ma kinetx meħtieġa mid-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE, iżda saret biex ikun żgurat li jkun hemm amministrazzjoni tajba skont il-prinċipju ta’ “qabelxejn evalwa” 9 , ħalli jitqiesu t-tagħlimiet mill-azzjoni mgħoddija tal-UE. Dan tivvaluta jekk in-Network issodisfax l-obbligi ġuridiċi tiegħu u kisibx l-objettivi tiegħu. Din tkopri l-ħames kriterji stabbiliti mir-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar, jiġifieri r-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE.

Id-Deċiżjoni tibqa’ rilevanti ħafna għall-PES. L-għanijiet u l-inizjattivi tan-Network, kif deskritti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni, jinkludu l-oqsma ewlenin tar-responsabbiltà tal-PES u jipprovdu qafas sod għall-politika u l-attivitajiet konkreti tan-Network. Billi jipprovdu qafas wiesa’ għall-attivitajiet tan-Network, l-objettivi jippermettu approċċ flessibbli biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet għal azzjoni skont l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol.

L-evalwazzjoni turi li n-Network kien effettiv fit-twasil tal-objettivi u l-inizjattivi tiegħu. In-network wera li huwa mezz effettiv biex jappoġġja lill-PES nazzjonali fl-isfidi individwali li jiffaċċjaw u biex irawwem il-kooperazzjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-inizjattiva ta’ tagħlim komparattiv (li tikkombina valutazzjoni komparattiva u tagħlim reċiproku) isservi bħala eżempju produttiv ta’ għodda kondiviża tal-UE li tippromwovi l-komparabbiltà, it-tagħlim u l-maturità fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Dawn ħadu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tatagħlim komparattiv, u b’hekk saru aktar maturi bħala organizzazzjonijiet. L-effettività fuq kollox tista’ tiġi attribwita għall-inizjattiva tat-tagħlim komparattiv, kif ukoll għall-kondiviżjoni tal-għarfien permezz ta’ avvenimenti tat-tagħlim reċiproku, ir-rapporti u l-aħjar prattiki tal-PES.

Xi attivitajiet tan-Network huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati, u erba’ snin huma perjodu qasir biex isiru ċerti kisbiet u jkunu viżibbli, bħall-bidliet fil-kultura organizzattiva. Madankollu, ir-rieda tal-PES li jipparteċipaw fl-avvenimenti tat-tagħlim komparattiv u tat-tagħlim reċiproku, kif ukoll ir-rispons pożittiv mill-PES juru li dak li ta n-Network kien effiċjenti u apprezzat mill-membri kollha tan-Network. B’mod ġenerali, il-PES inqas avvanzati bbenefikaw aktar meta pparteċipaw fin-Network f’termini ta’ progress li għamlu fir-rigward tal-prestazzjoni, iżda l-PES avvanzati ħadu spinta wkoll. Bħala potenzjal biex tkompli tittejjeb l-effiċjenza, l-evalwazzjoni tidentifika xi oqsma fosthom l-enfasi fuq avvenimenti iżgħar u aktar immirati u l-potenzjal għal aktar użu tas-soluzzjonijiet diġitali.

L-evalwazzjoni turi li hemm livell tajjeb ta’ koerenza bejn
id-Deċiżjoni 573/2014/UE u l-qafas tal-politika tal-UE. Il-kontribut tan-Network għall-inizjattivi ta’ politika tal-UE kienu l-aktar estensivi fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u fl-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol. In-network wera flessibbiltà biex jindirizza suġġetti ġodda, bħall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, il-prevenzjoni tal-qgħad u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet. Dawn ir-riżultati kkontribwew ukoll b’mod ċar għal analiżi aħjar tal-prestazzjoni ekonomika/tal-impjiegi tal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Barra minn hekk, in-Netwerk jappoġġja lill-PES nazzjonali fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) indirizzati lill-Istati Membri dwar Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol (ALMPs) u kwistjonijiet tal-PSE fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, il-PES għandhom ukoll rwol attiv fl-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika komprensiv għall-ALMPs fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għal infiq effettiv u effiċjenti tal-fondi tal-UE.

Il-valur miżjud tan-Network tal-PES kien il-qafas strutturat li jivvaluta l-prestazzjoni u l-kapaċità tal-PES u jiffaċilita t-tqabbil, it-tagħlim bejn il-pari u t-titjib. L-evalwazzjoni turi diversi riżultati oħra tad-Deċiżjoni, li ma kienu jinkisbu qabel ma ġie stabbilit in-Network fl-2014, u li ma kinux jinkisbu b’kooperazzjoni volontarja tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi nazzjonali. Xi kisbiet importanti huma sjieda akbar, il-forniment ta’ tagħlim individwali tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u t-tagħlim reċiproku kollettiv, l-iżgurar ta’ vuċi kollettiva u pjattaforma formali fit-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE, u l-kontributi għall-objettivi tal-UE 2020. L-evalwazzjoni turi wkoll li l-appoġġ finanzjarju, organizzattiv u espert mil-livell tal-UE huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni kontinwa tal-PES kollha.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Biex ikun żgurat li l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jkunu riflessi tajjeb fl-evalwazzjoni, kienet involuta firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-partjiet ikkonċernati fil-mira inkludew rappreżentanti mit-32 PES involuti fin-Network 10 , organizzazzjonijiet u korpi rilevanti fil-livell tal-UE (eż. l-EMCO, l-aġenziji privati fil-livell tal-UE tax-xogħol temporanju u s-servizzi tal-impjiegi, in-Network Ewropew għall-Politika ta’ Gwida Tul il-Ħajja), organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (eż. l-ILO, l-OECD, il-Bank Dinji, il-WAPES), kif ukoll is-Segretarjat tal-PES, kuntratturi, membri passati tan-Network tal-PES jew persuni involuti f’kooperazzjoni mal-PES qabel l-2014. Saret sessjoni ta’ ħidma ddedikata għall-evalwazzjoni mal-Konsulenti tas-Servizzi Ewropej tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (AFEPA). Konsultazzjoni pubblika bbażata fuq l-internet kienet miftuħa wkoll għal kull parti kkonċernata u għall-pubbliku.

Is-sejbiet huma konsistenti fost it-tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati. Jeżistu xi differenzi li jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-effettività ta’ attivitajiet differenti tan-Network jew il-grad ta’ kontribut tagħhom għall-kisba ta’ kull objettiv. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati rrappurtaw li hemm xi kooperazzjoni bejn in-Network u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tas-suq tax-xogħol (kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE), iżda li hemm lok għal titjib fil-futur billi jiġu żviluppati relazzjonijiet aktar b’saħħithom mas-sħab fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Ir-rispons mingħand il-partijiet ikkonċernati huwa kontribut importanti għall-prijoritajiet futuri tan-Network f’konformità mal-objettivi tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Biex jiġu sostnuti l-ġbir tal-evidenza, l-opinjonijiet tal-partijiet ikkoċernati kif ukoll il-parti analitika tal-evalwazzjoni, ġie kkummissjonat studju estern lil kuntrattur 11 .

•Valutazzjoni tal-impatt

L-estensjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE timplika kontinwazzjoni tal-qafas u l-inizjattivi eżistenti. Din il-proposta hija limitata biex ittawwal il-perjodu tal-istabbiliment tan-Network fl-Artikolu 1 u xi aġġornamenti tekniċi. Il-proposta hija akkumpanjata mill-evalwazzjoni msemmija hawn fuq. Din il-proposta għandha natura ta’ rutina u tikkwalifika bħala inizjattiva mhux ewlenija skont ir-regoli tar-Regolamentazzjoni Aħjar.

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt separata għax:

–l-evalwazzjoni turi li d-Deċiżjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi taħdem tajjeb u ma tissuġġerixxi l-ebda emenda sostanzjali lill-politika eżistenti;

–is-sejbiet tal-evalwazzjoni jappoġġjaw l-estensjoni tad-Deċiżjoni tal-PES;

–l-evalwazzjoni (flimkien mal-appell mill-PES nazzjonali u l-Bord tan-Network) diġà tipprovdi biżżejjed evidenza tal-fatt li jekk ma tittawwalx ikollha impatti negattivi;

–l-inizjattiva proposta ssegwi b’mod loġiku u hija konsistenti mas-sejbiet tal-evalwazzjoni.

•Drittijiet fundamentali

Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Deċiżjoni tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal aċċess għal servizzi ta’ impjieg mingħajr ħlas u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Karta. Din il-proposta ma timplika l-ebda tibdil.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma teħtieġx riżorsi addizzjonali, inkluż persunal, mill-baġit tal-UE.

L-appoġġ finanzjarju lin-Network tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi madwar l-Unjoni kollha diġà huwa previst fil-proposta tar-Regolament ESF+ għall-2021-2027 skont il-baġit propost tal-fergħa tal-EaSI 12 , In-nefqa korrispondenti hija estensjoni sempliċi tal-appoġġ għan-Network diġà mogħti fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2014-2020.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Ir-rapporti annwali tan-Network għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom jiġu ppubblikati.

Għandha tiġi ppreżentata evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sa Settembru 2026.

2019/0188 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi
Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 14 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 tistabbilixxi n-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (“in-Network”) mis-17 ta’ Ġunju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)In-netweork għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità, l-effettività u l-effiċjenza tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) billi jipprovdi pjattaforma biex iqabbel il-prestazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew, jidentifika l-prattiki tajba u jistabbilixxi sistema ta’ tagħlim reċiproku. Għandu wkoll l-għan li jagħti aktar opportunitajiet lill-PES biex jgħinhom jiżviluppaw politiki innovattivi u bbażati fuq l-evidenza skont l-inizjattivi ta’ politika rilevanti tal-Unjoni

(3)In-network kien kruċjali biex jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tar-responsabbiltà tal-PES kif ukoll jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-PES. Evalwazzjoni tal-istat tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE 16 turi li n-Network kellu impatt pożittiv u tidentifika l-lezzjonijiet miksuba abbażi tal-attivitajiet u l-esperjenzi varji.

(4)Biex nikkapitalizzaw fuq ir-riżultati miksuba s’issa u nkomplu nrawmu l-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-perjodu ta’ stabbiliment tan-Network jenħtieġ jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(5)Jenħtieġ li l-kontinwazzjoni tan-Network tkun tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li fost il-prinċipji tiegħu jinkludi l-provvediment ta’ appoġġ attiv għall-impjiegi. Jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għall-mira 8 tal-iżvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli billi tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, impjiegi u xogħol diċenti għal kulħadd.

(6)In-Network jenħtieġ ikompli jorganizza l-kooperazzjoni u l-kuntatti ma’ partijiet ikkonċernati oħra tas-suq tax-xogħol biex iħeġġeġ sinerġiji bejniethom, inkuż b’mod partikolari kooperazzjoni bejn l-Aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tal-impjiegi, il-politika soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ħalli jiżgura qafas ta’ politika konsistenti.

(7)Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għan-Network ikun disponibbli f’konformità mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.

(8)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tiġi emendata kif adatt.

(9)Sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-attivitajiet tan-Network, din id-Deċiżjoni jenħtieġ tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Network madwar l-Unjoni kollha ta’ Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (“in-Network” huwa b’dan stabbilit għall-perjodu sal- 31 ta’ Diċembru 2027.”

(2)Fl-Artikolu 3, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tan-Network fil-qasam tal-impjiegi, fl-oqsma tar-responsabbiltà tal-PES, sabiex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi tal-Unjoni. Din se tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’hekk se tappoġġa:”

(3)Fl-Artikolu 4, il-punt (c) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-PES f’oqsma ewlenin, f’konformità mal-politiki tal-impjiegi tal-Unjoni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;”

(4)L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

                   “Kooperazzjoni

In-Network għandu jiżviluppa kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti tas-suq tax-xogħol, inkluż fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg, u fejn xieraq, Aġenziji tal-UE fil-qasam tal-impjiegi, il-politika soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ, sħab soċjali, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni qiegħda jew gruppi vulnerabbli, NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, billi jinvolvihom fl-attivitajiet rilevanti u fil-laqgħat tan-Network u billi jiskambjaw informazzjoni u data magħhom.”

(5)L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-appoġġ finanzjarju

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom isiru disponibbli f’konformità mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 li jmiss kif adatt, li l-approprjazzjonijiet annwali tiegħu għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju.”

(6)fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027.”

(7)L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Rieżami

Sa Settembru 2026, il-Kumissjoni għandha tissottometti evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=20613&langId=en , ara l-paġna 1
(2)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2019)1350
(3)    https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/social-summit-european-pillar-social-rights-booklet_en.pdf
(4)     http://data.europa.eu/eli/reg/2016/589/oj
(5)     https://ela.europa.eu/
(6)    https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/european-consensus-on-development-final-20170626_en.pdf
(7)     https://sustainabledevelopment.un.org/topics/sustainabledevelopmentgoals
(8)     https://publications.europa.eu/en/home
(9)     https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/planning-and-proposing-law/better-regulation-why-and-how_en
(10)    In-Network tal-PES jinkludi PES minn kull Stat Membru tal-UE28, kif ukoll mill-Iżlanda u n-Norveġja (30 pajjiż b’kollox). Madankollu, peress li fil-każ tal-Belġju hemm tliet PES parteċipanti, in-numru totali ta’ PES li jipparteċipaw fin-Network huwa 32.
(11)     https://publications.europa.eu/en/home
(12)    COM(2018)382 final
(13)    ĠU C […], […], p. […].
(14)    ĠU C […], […], p. […].
(15)     Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 32).
(16)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2019)1350
Top