IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.11.2019
COM(2019) 576 final
ANNESS
ta’ [...]
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ in-negozjati dwar Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali u Assistenza Amministrattiva Reċiproka (CCMAA) mar-Repubblika tal-Belarussja
ANNESS
Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ in-negozjati dwar Ftehim ta’ Kooperazzjoni Doganali u Assistenza Amministrattiva Reċiproka (CCMAA) mar-Repubblika tal-Belarussja
1.In-natura tal-Ftehim previst
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim previst se jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni. L-objettiv ġenerali tal-Ftehim previst huwa li jiġu żviluppati u intensifikati l-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali mar-Repubblika tal-Belarussja; b’mod partikulari, il-Ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi l-bażi ġuridika għal qafas ta’ kooperazzjoni doganali li jimmira li jiżgura l-katina ta’ provvista u li jiffaċilita l-kummerċ leġittimu, filwaqt li jiżgura wkoll kontrolli doganali effettivi, u jħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea billi jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-Ftehim previst se jiġi konkluż għal perjodu indefinit.
2.Il-kontenut tal-Ftehim previst
Il-Ftehim previst se jkopri d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Belarussja, minn hawn ’il quddiem imsemmija wkoll “il-Partijiet Kontraenti”, fil-leġiżlazzjoni doganali rispettiva tagħhom li tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija, u kull proċedura doganali oħra li l-merkanzija tgħaddi minnha. Fil-prinċipju, ma huwa eskluż ebda qasam soġġett għall-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni, u li fih ikunu xierqa l-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka.
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim previst ikopri elementi bħal dawn li ġejjin:
(1)Il-kooperazzjoni fit-titjib tal-leġiżlazzjoni doganali, u fl-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali;
(2)L-istabbiliment ta’ sistemi doganali moderni, inkluż teknoloġiji moderni ta’ żdoganar tal-merkanzija, dispożizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati, analiżi u kontrolli awtomatizzati bbażati fuq ir-riskju, proċeduri ssimplifikati għar-rilaxx tal-merkanzija, awditu ta’ wara r-rilaxx, dispożizzjonijiet għas-sħubijiet bejn id-dwana u n-negozji;
(3)L-iffaċilitar u l-kontroll effettiv tal-operati ta’ trażbord u tal-movimenti ta’ tranżitu mit-territorji rispettivi; il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji kollha kkonċernati fit-territorji rispettivi tagħhom biex jiffaċilitaw it-traffiku fit-tranżitu; fejn ikun rilevanti u xieraq, l-esplotazzjoni ta’ possibbiltajiet għall-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ tranżitu doganali rispettivi;
(4)Etika professjonali;
(5)Fejn xieraq u skont modalitajiet li se jiġu ddefiniti, l-iskambju ta’ informazzjoni u data rilevanti, b’rispett għar-regoli ta’ kunfidenzjalità tad-data sensittiva u tal-protezzjoni tad-data personali tal-Partijiet Kontraenti;
(6)Il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet doganali bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti.
(7)Ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati u tal-kontrolli doganali, inkluż miżuri ekwivalenti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ, fejn rilevanti u xieraq, u skont modalitajiet li se jiġu ddefiniti.
(8)Il-valutazzjoni doganali.
(9)Assistenza amministrattiva reċiproka.
3.Dispożizzjonijiet oħra
Ir-regoli applikabbli għall-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data u l-użu ta’ informazzjoni se jiġu ddefiniti skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-Ftehim previst se jinkludi l-klawżoli tas-soltu rigward l-applikazzjoni territorjali, id-dħul fis-seħħ, il-perjodu ta’ żmien u ż-żmien meħtieġ għad-denunzja.
4.Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali
Il-Ftehim previst se jipprevedi Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali, li se jiżgura l-funzjonament korrett tal-Ftehim previst; jista’ jieħu deċiżjonijiet u miżuri oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ftehim.
Skont l-Artikolu 17 tat-TUE, fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, l-Unjoni se tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri.
Jista’ jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma biex jeżamina u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali fir-rigward ta’ kwistjonijiet tekniċi marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim previst.
Il-Grupp ta’ Ħidma se jkun magħmul minn esperti miż-żewġ Partijiet Kontraenti.
Se jirrapporta lill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, li min-naħa tiegħu se jieħu d-deċiżjonijiet xierqa b’kunsens reċiproku.
5.In-negozjar
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati, u fejn ikun hemm bżonn, dwar kull problema li tista’ tinqala’ waqt in-negozjati.