IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.9.2019
COM(2019) 438 final
ANNESS
tal-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
[Kooperazzjoni Estiża dwar il-Klima UE - Iżlanda - Norveġja]
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru [...]
ta’ [...]
li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
(1)L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja huma impenjati li jnaqqsu l-emissjonijiet globali tagħhom ta’ gassijiet serra, bil-ħsieb li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm inqas minn 2 °C aktar mil-livelli preindustrijali, u biex jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5 °C’il fuq mil-livelli preindustrijali.
(2)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiza għar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE.
(3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża għar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).
(4)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842.
(5)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni 280/2004/KE, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842.
(6)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 tat-30 ta’ Ġunju 2014 dwar l-istruttura, il-format, il-proċessi ta’ sottomissjoni u r-rieżami tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842.
(7)Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, l-Iżlanda u n-Norveġja qed jieħdu azzjoni biex jilħqu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
(8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kif l-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi.
(9)Kwistjonijiet baġitarji mhumiex parti mill-Ftehim taż-ŻEE. L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2018/842 hija għalhekk mingħajr preġudizzju għall-ambitu tal-Ftehim taż-ŻEE.
(10)L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tikkoordina mill-qrib mal-Kummissjoni kull meta tissejjaħ biex twettaq kompiti relatati mal-Iżlanda u n-Norveġja skont din id-Deċiżjoni.
(11)Il-kompetenzi tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u tal-Qorti tal-EFTA skont din id-Deċiżjoni huma limitati għall-obbligi mwettqa hawnhekk.
(12)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' sseħħ,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara il-paragrafu 7 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:
“8. (a) L-Iżlanda u n-Norveġja se jissodisfaw il-miri rispettivi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 skont l-atti li ġejjin:
-32018 R 0841: Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.06.2018, p. 1).
Ir-Regolament, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:
(i)Fl-Artikolu 6(2), il-kliem “30 sena” għandu, għall-Iżlanda, jinqara “50 sena”.
(ii)Dan li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 8(7):
“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkomunikaw il-livelli ta’ referenza għall-foresti proposti riveduti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA mhux aktar tard minn disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru xx tal-xx/xxxx [ din id-deċiżjoni ] għall-perijodu 2021-2025. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tippubblika l-livelli ta’ referenza proposti għall-foresti kkomunikati lilha mill-Istati tal-EFTA.”
(iii)L-Artikolu 13(2)(a) għall-Istati tal-EFTA għandu jinqara kif ġej:
“L-Istat tal-EFTA ppreżenta strateġija kif stabbilit hawn taħt għas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija b’perspettiva ta’ mill-inqas 30 snin, inklużi wkoll miżuri attwali jew ippjanati biex jiġu żgurati l-konservazzjoni jew it-titjib, kif xieraq, ta’ bjar u ġibjuni tal-foresti;
1. Sal-1 ta’ Jannar 2020, kull Stat tal-EFTA għandu jħejji u jippreżenta lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA l-istrateġija tiegħu għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u s-settur tal-forestrija b’perspettiva ta’ mill-inqas 30 sena. L-Istati tal-EFTA għandhom, fejn meħtieġ, jaġġornaw dawn l-istrateġiji sal-1 ta’ Jannar 2025.
2. L-istrateġiji tal-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu biex:
(a) jitwettqu l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-UNFCCC u l-Ftehim ta' Pariġi li jitnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra u jissaħħu l-assorbimenti minn bjar u biex jiġi promoss iżjed sekwestru tal-karbonju;
(b) jintlaħaq l-objettiv tal-Ftehim ta' Pariġi li ż-żieda tat-temperatura medja globali tinżamm ferm inqas minn 2 °C iktar mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda tat-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C iktar mil-livelli preindustrijali;
(c) jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tisħiħ fit-tul tal-assorbimenti minn bjar sa fejn ikun rilevanti għas-settur tal-LULUCF, f’konformità mal-objettiv, fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) biex b'mod kosteffikaċi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-EFTA u jiżdied l-assorbiment minn bjar ħalli jintlaħqu l-għanijiet tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbiment minn bjar tal-gassijiet serra fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu fuq bażi ta’ ekwità, u fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar.
3. L-istrateġiji tal-Istati tal-EFTA għandhom ikopru:
(a) it-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-titjib tal-assorbimenti fl-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF); filwaqt li jitqiesu l-bijoenerġija u l-bijomaterjali minn dan is-settur.
Sa fejn huwa rilevanti għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, rabtiet ma’ għanijiet, ippjanar u politiki u miżuri oħra nazzjonali fit-tul.
4. L-Istati tal-EFTA għandhom jinfurmaw u jagħmlu disponibbli minnufih lill-pubbliku l-istrateġiji rispettivi tagħhom u kull aġġornament tagħhom.
5. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tivvaluta jekk l-istrateġiji tal-Istati tal-EFTA humiex adegwati għad-dokumentazzjoni tal-issodisfar skont dan l-Artikolu.
6. L-istrateġiji tal-Istati tal-EFTA għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u s-settur tal-forestrija għandu jkun fihom l-elementi stipulati hawn taħt.
A. STAMPA ĠENERALI U PROĊESS GĦALL-IŻVILUPP TAL-ISTRATEĠIJI
A.1. Sommarju eżekuttiv
A.2. Kuntest legali u ta’ politika, inkluż fejn xieraq, stadji importanti indikattivi għall-2040 u l-2050
B. KONTENUT
B.1. UŻU TAL-ART, TIBDIL FL-UŻU TAL-ART U FORESTRIJA (LULUCF)
B.1.1. Projezzjonijiet għal tnaqqis fl-emissjonijiet u titjib fl-assorbimenti sal-2050
B.1.2 Skont kemm ikun fattibbli, l-emissjonijiet mistennija skont is-sorsi u l-GHGs individwali
B.1.3. Għażliet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u għażliet għal titjib ta’ bjar previsti
B.1.4. Sa fejn huwa rilevanti għall-konservazzjoni jew it-titjib, kif xieraq, ta’ bjar u ġibjuni tal-foresti; politiki u miżuri ta' adattament
B.1.5 Aspetti relatati mad-domanda tas-suq għall-bijomassa tal-foresta u l-impatt fuq il-ħsad
B.1.6. Kif meħtieġ, dettalji dwar immudellar (inklużi preżunzjonijiet) u/jew analiżi, indikaturi eċċ.
(iv)Dan li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 15(2):
“L-Amministratur Ċentrali għandu jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu meta l-Istati tal-EFTA jkunu kkonċernati. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi infurmata jekk l-Amministratur Ċentrali jimblokka tranżazzjoni li tikkonċerna jew li titwettaq mill-Istati tal-EFTA.”
(v)“Dan li ġej għandu jiżdied mat-tabella fl-Anness II:
“L-Iżlanda 0,5102
In-Norveġja 0,110 5”
(vi)“Dan li ġej jiżdied mat-tabella fl-Anness III:
“L-Iżlanda1990
In-Norveġja1990”
(vii) Dan li ġej għandu jiżdied mal-punt (g) tat-Taqsima A tal-Anness IV:
“Għall-Istati tal-EFTA, il-livell ta’ referenza għall-perjodu 2021-2025 għandu jkun konsistenti mal-previżjonijiet li ġew irrappurtati lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fuq bażi volontarja, mar-Regolament (UE) Nru 525/2013 u, fir-rigward tal-Iżlanda, f’konformità wkoll mal-Ftehim bilaterali bejn l-Iżlanda u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.”
(viii)“Dan li ġej jiżdied mat-tabella fl-Anness VII:
“L-Iżlanda-0,0224 -0,0045
In-Norveġja-29,6-35,5”
-32018 R 0842: Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.06.2018, p. 26).
Ir-Regolament, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:
(i)Dan li ġej għandu jiżdied għall-Istati tal-EFTA mal-Artikolu 4(3):
“Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, għall-fini li jiġu stabbiliti l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, is-sena bażi 2005 għall-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-2030 ser tkun ibbażata fuq id-differenza bejn l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-2005 li jirriżultaw mir-reviżjoni komprensiva, li tittratta l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni bħala żero, u l-emissjonijiet stazzjonarji tal-EU ETS 2005 fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS tal-2013 kif irrapportati fil-Parti B tal-Appendiċi għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 tas-26 ta’ Lulju 2012, adattati mal-valuri għall-potenzjali ta’ tisħin globali adottati f’att delegat imsemmi fl-Artikolu 26(6)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jew dawk identifikati mir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni (AR4) tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima sakemm isir applikabbli l-att delegat. Iċ-ċifri tal-emissjonijiet stazzjonarji tal-2005 tal-EU ETS kif irrapportati fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 (AR2) u l-istess ċifri b’valuri aġġornati għall-potenzjali ta’ tisħin globali (AR4 ) li għandhom jitqiesu għall-finijiet li jiġu stabbiliti l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 skont dan l-Artikolu huma mniżżla fl-Appendiċi.”
(ii)Dan li ġej jiżdied wara l-Anness IV:
"Appendiċi
Iċ-ċifri tal-emissjonijiet tal-EU ETS 2005 stazzjonarji kif irrapportati fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 (AR2) u l-istess ċifri b’valuri aġġornati għall-potenzjali ta’ tisħin globali (AR4 ) li għandhom jitqiesu għall-finijiet li jiġu stabbiliti l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 4(3)
Tabella 1: Emissjonijiet tal-ETS għall-2005 għan-Norveġja:
|
Gass serra (tunnellati)
|
CO2-eq (AR2)
|
CO2-eq (AR4)
|
N2O/PFC
|
|
CO2
|
23 090 000
|
23 090 000
|
|
|
N2O
|
1 955 000
|
1 880 000
|
6 308
|
|
PFC
|
829 000
|
955 000
|
|
|
CF4
|
|
|
116,698
|
|
C2F6
|
|
|
7,616
|
|
Total
|
25 874 000
|
25 925 000
|
|
Tabella 2: Emissjonijiet tal-ETS tal-2005 għall-Iżlanda:
|
Gass serra (tunnellati)
|
CO2-eq (AR2)
|
CO2-eq (AR4)
|
N2O/PFC
|
|
CO2
|
909 132
|
909 132
|
|
|
PFC
|
26 709
|
31 105
|
|
|
CF4
|
|
|
3,508
|
|
C2F6
|
|
|
0,424
|
|
Total
|
935 841
|
940 237
|
|
(iii)Fl-Artikolu 6(1) , il-kliem “kwota ta’ 100 miljun tal-EU ETS” għandu jaqra “ kwota ta’ 107 miljun tal-EU ETS”
(iv)Dan li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 12(2):
“L-Amministratur Ċentrali għandu jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu meta l-Istati tal-EFTA jkunu kkonċernati. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi infurmata jekk l-Amministratur Ċentrali jimblokka tranżazzjoni li tikkonċerna jew li titwettaq mill-Istati tal-EFTA.”
(v)“Dan li ġej għandu jiżdied mat-tabella fl-Anness I:
“L-Iżlanda
- 29 %
In-Norveġja
- 40 %”
(vi)“Dan li ġej għandu jiżdied mat-tabella fl-Anness II:
“L-Iżlanda
4 %
In-Norveġja
2 %”
(vii)It-tabella fl-Anness III għandha tiġi emendata kif ġej:
(a)Dan li ġej għandu jiżdied mat-tabella:
“L-Iżlanda
0,2
In-Norveġja
1,6”
(b)In-numru “280” għat-total massimu għandu jinqara “281,8”
-32018 R 1999: Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).’
Id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament huma elenkati hawn isfel u għall-finijiet tal-Ftehim presenti għandhom jinqraw bl-adattazzjoni li ġejja:
(i)Japplikaw biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li ġejjin:
L-Artikoli 2(1)-2(10), 2(12)-(13), 2(15)-2(17), 18, 26(2)-(7), 29(5)(b), 37-42, 44(1)(a), (2)-(3) u (6), 57-58, u l-Annessi V-VII u XII-XIII.
(ii)L-Artikolu 2(1)-(10) u 2(12)-(13) u 2(15)-(17) għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw biss għall-Istati tal-EFTA sal-punt li huma relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842.
(iii)L-Artikolu 26(4) għall-Istati tal-EFTA għandu jinqara kif ġej:
“L-Iżlanda u n-Norveġja sal-15 ta’ April ta’ kull sena, għandhom jippreżentaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kopja tad-data tal-inventarju finali tal-gassijiet serra rrappurtata lill-UNFCCC skont il-paragrafu 3.”
(iv)L-Artikolu 41 għandu, għall-Istati tal-EFTA, japplika biss sakemm id-dispożizzjonijiet jew partijiet minnhom imsemmija f’dan l-Artikolu huma msemmija jew stipulati f’ [din id-deċiżjoni].
(v)Il-sentenza li ġejja għandha, għall-Istati tal-EFTA, tiżdied wara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42:
“ L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tassisti biss lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-ħidma tagħha fir-rigward tal-Artikoli 18, 26 (2) — (7), 29 (5) (b), 37–39 u 41.”
-32013 R 0525: Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).
Id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim presenti, jinqraw bl-adattazzjoni li ġejja:
(i)Japplikaw biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li ġejjin:
L-Artikoli 7, 19(1) u (3).
(ii)L-Artikoli 7, 19 (1) u (3) għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, japplikaw biss għall-Istati tal-EFTA sal-punt li huma relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842.
-32014 R 0749: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 tat-30 ta’ Ġunju 2014 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tat-tressiq u r-reviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 23).
Id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim presenti, jinqraw bl-adattazzjoni li ġejja:
(i)Japplikaw biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li ġejjin:
L-Artikoli 3-5, 7-10, 12-14, 16, 29, 32-34, 36-37 u l-Annessi I-VIII u t-Tabella 2 tal-Anness XVI.
(ii)L-Artikoli 3-5, 7-10, 12-14, 16, 29, 32-34, 36-37 u l-Annessi I-VIII u t-Tabella 2 tal-Anness XVI għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, japplikaw biss għall-Istati tal-EFTA sakemm dawn ikunu relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842.
(b)Permezz tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, il-Parti VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandha tapplika għal dan il-paragrafu;
(c)Il-Protokoll 1 għall-Ftehim ŻEE (Adattamenti Orizzontali) għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-paragrafu.
(d)Referenzi għal leġiżlazzjoni, atti, regoli, politiki u miżuri tal-Unjoni fl-atti u d-dispożizzjonijiet imsemmija jew imsemmija f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw sal-punt u fil-forma li l-leġiżlazzjoni, l-atti, ir-regoli u l-miżuri rilevanti jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim.
(e)L-Iżlanda u n-Norveġja għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħidma tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima skont l-atti u d-dispożizzjonijiet imsemmija jew li jinsabu f’dan il-paragrafu iżda ma għandux ikollhom id-dritt li jivvutaw.
(f) Meta l-Kummissjoni tikkonsulta esperti maħtura mill-Istati Membri skont l-atti u d-dispożizzjonijiet imsemmija jew imsemmija f’dan il-paragrafu, hija għandha tikkonsulta esperti innominati mill-Istati tal-EFTA fuq l-istess bażi.
(g)L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-ħidma tagħha skont ir-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842.
(h)Dan il-paragrafu ma japplikax għal-Liechtenstein.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[…]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[…]
Dikjarazzjoni mill-Iżlanda u n-Norveġja
dwar il-pjanijiet nazzjonali relatati mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru [din id-Deċiżjoni]
L-Iżlanda u n-Norveġja, fuq bażi volontarja, se jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali li jiddeskrivu kif l-Iżlanda u n-Norveġja bi ħsiebhom iwettqu l-impenji li ħadu billi jinkludu l-atti li ġejjin fil-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE:
-Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ir-Regolament LULUCF) u
-Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ir-Regolament dwar il-Qsim tal-Isforz ‘Effort Sharing Regulation’ - ESR).
L-Iżlanda u n-Norveġja se jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u se jagħmluhom disponibbli għall-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-pubbliku, sal-31 ta’ Diċembru 2019.
Il-pjanijiet se jkun fihom l-elementi ewlenin li ġejjin:
·Sommarju eżekuttiv tal-pjan;
·Ħarsa ġenerali lejn il-politiki nazzjonali attwali dwar il-klima;
·Deskrizzjoni tal-mira nazzjonali ta’ kondiviżjoni tal-isforzi u l-impenn tal-LULUCF;
·Deskrizzjoni tal-politiki u l-miżuri ewlenin eżistenti u ppjanati biex jinkiseb l-objettiv tal-Qsim tal-Isforz u l-impenn tal-LULUCF;
·Deskrizzjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti nazzjonali attwali ta’ gassijiet serra kif ukoll projezzjonijiet tal-mira tal-Qsim tal-Isforz u l-impenn tal-LULUCF ibbażat fuq politiki u miżuri diġà eżistenti;
·Valutazzjoni tal-impatti tal-politiki u l-miżuri nazzjonali ppjanati biex tintlaħaq il-mira tal-Qsim tal-Isforz u l-impenn tal-LULUCF, meta jitqabblu mal-projezzjonijiet ibbażati fuq politiki u miżuri eżistenti u jiġu deskritti l-interazzjonijiet bejn politiki u miżuri eżistenti u ppjanati.