IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.6.2019
COM(2019) 304 final
2019/0144(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2019, ir-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, li jiddetermina l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija, permezz tal-ittri datati d-9 ta’ April 2019. Permezz ta' ittra datata l-10 ta' April 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li hija l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi li normalment għandha r-responsabbilità li tħallas il-VAT.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
Fl-2009, ir-Rumanija talbet deroga biex tkun awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal, inter alia, provvisti ta’ prodotti tal-injam. Skont din il-proċedura, il-ħlas tal-VAT isir ir-responsabbiltà tal-persuna taxxabbli li tirċievi l-provvisti. Dawn il-prodotti tal-injam jinkludu, b'mod aktar speċifiku, injam mhux maqtugħ, injam tond jew bix-xaqq biex jinħadem, il-ħatab, prodotti tal-injam, kif ukoll injam bit-tarf kwadru jew imxellef u injam ħarex, ipproċessat jew nofsu maħdum.
Din it-talba ġiet approvata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE sal-31 ta’ Diċembru 2013 u, fir-rigward tal-prodotti tal-injam, sussegwentement estiża sal-31 ta’ Diċembru 2016 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1206 sal-31 ta’ Diċembru 2019.
Ir-Rumanija issa talbet għall-estensjoni tad-deroga dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti ta’ dawn il-prodotti tal-injam.
Abbażi tar-rapport mibgħut mir-Rumanija, li ġie ppreżentat flimkien mat-talba għall-estensjoni tal-miżura, il-ħatra tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-provvisti tal-prodotti tal-injam imsemmija hawn fuq kellha l-effett li tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f’dan is-settur li huwa kkaratterizzat minn għadd kbir ta’ rivendituri u intermedjarji żgħar li deher li kien diffiċli biex jiġu kkontrollati. Għaldaqstant, l-estensjoni għal perjodu limitat ieħor tidher ġustifikabbli billi jidher li l-miżura ma kellha l-ebda impatt negattiv fuq il-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, jew f’setturi oħrajn fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni legali u fattwali li ma nbidlitx, qed jiġi propost li tiġi estiża l-miżura ta’ deroga, biex b’hekk ir-Rumanija tkun tista’ tkompli tapplika din il-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022.
B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva, u sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra sabiex jindirizzaw il-problema rispettiva sakemm tiskadi l-miżura ta’ deroga. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali għal oqsma speċifikament frodulenti u għandha tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva.
Għalhekk, sakemm tiskadi d-deroga, ir-Rumanija jeħtieġ li timplimenta miżuri konvenzjonali oħrajn biex tiġġieled u tipprevjeni aktar tixrid ta’ frodi tal-VAT fis-settur tal-injam. Konsegwentement, ma hemmx għalfejn titkompla d-deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dawn il-provvisti.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT ingħataw lil Stati Membri oħra.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT hi possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu bi proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba tar-Rumanija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa fis-settur tal-injam u għalhekk għandha impatt potenzjalment pożittiv billi se tkompli tipprevjeni skemi ta’ frodi li ġew applikati qabel f’dan is-settur tal-injam. Skont ir-Rumanija, jekk din il-miżura ma tiġix estiża, il-qawmien mill-ġdid ta' dawn l-iskemi ma jkunx jista' jiġi evitat.
Madankollu, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, f'kull każ l-impatt se jkun limitat.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-proposta hija limitata fiż-żmien.
2019/0144 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE u, sussegwentement, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE awtorizzaw lir-Rumanija biex tapplika miżura speċjali li tinnomina l-persuna taxxabbli li tirċievi l-provvisti ta’ prodotti tal-injam mingħand persuni taxxabbli bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq dawk il-provvisti. L-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2019 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1206.
(2)Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2019, ir-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali awtorizzata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE. It-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura, kif mitlub mill-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.
(3)Permezz ta' ittri datati d-9 ta' April 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra datata l-10 ta' April 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(4)Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija fit-talba tagħha, is-sitwazzjoni fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma nbidlitx. Barra minn hekk, l-analiżi mill-awtoritajiet Rumeni tindika li l-miżura kienet effettiva fit-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa.
(5)Il-Kummissjoni tqis li l-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għanijiet li jridu jinkisbu peress li hija limitata għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f’settur li joħloq problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Barra minn hekk tikkunsidra li l-applikazzjoni kontinwata tal-miżura m'għandux ikollha xi impatt negattiv fuq il-prevenzjoni ta' frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, f’setturi oħra jew fi Stati Membri oħra.
(6)Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta' Diċembru 2022.
(7)B'mod ġenerali, id-derogi jiġu awtorizzati għal perjodu ta' żmien limitat biex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżuri speċjali humiex xierqa u effettivi. Id-derogi jagħtu lill-Istati Membri ż-żmien biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħrajn biex jindirizzaw il-problema inkwistjoni sal-iskadenza tal-miżuri speċjali. Deroga li tippermetti li jsir użu mill-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma speċifiċi fejn isir frodi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla. Għaldaqstant, ir-Rumanija jeħtieġ li timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-firxa ulterjuri tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-injam u konsegwentement ma jkollhiex għalfejn tkompli tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dawn il-provvisti. Għaldaqstant, f’dan l-istadju m’hemmx bżonn li tiġi inkluża dispożizzjoni speċifika fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE għat-tfassil ta’ talbiet ulterjuri dwar l-estensjoni tad-deroga awtorizzata b’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2022.
(8)Il-miżura ta' deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.
(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE għandha tiġi emendata kif ġej:
(1) fl-Artikolu 1, id-data “il-31 ta' Diċembru 2019” hija sostitwita bid-data “il-31 ta' Diċembru 2022”;
(2) l-Artikolu 3 jitħassar.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President