IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.6.2019
COM(2019) 275 final
2019/0136(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Portugall biex japplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Lulju 2018, il-Portugall talab l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, li jiddetermina l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2018, il-Portugall bagħat aktar informazzjoni dettaljata dwar il-miżura li jrid jintroduċi. Fit-18 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Portugall li biha talbet li ssir laqgħa bilaterali sabiex tiġi ċċarata t-talba. Il-laqgħa saret fis-27 ta’ Frar 2019. Il-Portugall ikkonferma t-talba tiegħu għal deroga u bagħat informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 2019.
Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Portugall permezz ta’ ittri bid-data tas-27 ta’ Marzu 2019. Permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Portugall li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
Il-Portugall talab li japplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom jekk il-persuna li lilha tiġi fornuta din il-merkanzija tkun persuna taxxabbli li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-istabbiliment permanenti jew ir-residenza tagħha fil-Portugall u jekk din tkun twettaq tranżazzjonijiet li għalihom hija intitolata li tnaqqas, bis-sħiħ jew b’mod parzjali, il-VAT fuq ix-xiri.
Skont il-Portugall, is-settur tiegħu tal-forestrija huwa wieħed mis-setturi ta’ attività ekonomika b’livell għoli ħafna ta’ frodi u ta’ evażjoni tat-taxxa. Dan huwa dovut għall-fatt li s-settur huwa ddominat minn għadd kbir ta’ produtturi żgħar u minn bosta ħassada li jbigħu l-materja prima tagħhom lil kumpaniji tal-ipproċessar mingħajr ma jiddikjaraw u jħallsu l-VAT għal dak il-bejgħ. Madankollu, il-kumpaniji tal-ipproċessar huma persuni taxxabbli ta’ daqs medju jew kbir, u huma identifikabbli faċilment. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Portugiżi qed isibu diffikultà biex jindirizzawha minkejja t-tisħiħ tal-kontrolli u minkejja l-miżuri li ttieħdu diġà. Sabiex jiġġieled dan l-abbuż, il-Portugall jixtieq jintroduċi l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom, bil-ħsieb li jittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT lill-għadd żgħir ta’ kumpaniji tal-ipproċessar li huma identifikabbli faċilment. Skont il-Portugall, dan iwassal biex dan it-tip ta’ frodi tal-VAT jiġi eliminat u jevita t-telf li jirriżulta fid-dħul mill-VAT.
B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva, u biex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra sabiex jindirizzaw il-problema rispettiva sakemm tiskadi l-miżura ta’ deroga, u b’hekk l-estensjoni tad-deroga ma tibqax valida. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali għal oqsma frodulenti speċifiċi u għandha tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva.
Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni frodulenti fis-settur imsemmi hawn fuq, huwa propost li tiġi introdotta miżura ta’ deroga, li tippermetti lill-Portugall japplika din il-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022. Sakemm tiskadi din id-deroga, il-Portugall għandu jimplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex jiġġieled u jipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom. Minħabba f’hekk, ma hemmx aktar ħtieġa għal deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dawn il-provvisti.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT ingħataw lil Stati Membri oħra.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT hi possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu bi proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba tal-Portugall u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa fis-settur tal-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom. Il-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu jgħin lill-Portugall biex ikompli jiġġieled il-frodi tal-VAT f’dan is-settur. Għaldaqstant, il-miżura ta’ deroga se jkollha impatt potenzjali pożittiv.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni żgħir tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tagħha fiż-żmien, l-impatt tagħha, fi kwalunkwe każ, se jkun limitat.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata fiż-żmien.
2019/0136 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Portugall biex japplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Lulju 2018, il-Portugall talab l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom jekk il-persuna li lilha tiġi fornuta dik il-merkanzija tkun persuna taxxabbli li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-istabbiliment permanenti jew ir-residenza tagħha fil-Portugall u jekk din tkun twettaq tranżazzjonijiet li għalihom hija intitolata li tnaqqas, bis-sħiħ jew b’mod parzjali, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq ix-xiri. Il-Portugall ippreżenta aktar informazzjoni lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2018 u fid-19 ta’ Marzu 2019.
(2)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Portugall permezz ta’ ittri bid-data tas-27 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Portugall li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Marzu 2019.
(3)Skont il-Portugall, is-settur tal-forestrija fil-Portugall huwa wieħed mis-setturi ta’ attività ekonomika b’livell għoli ħafna ta’ frodi u ta’ evażjoni tat-taxxa. Dan huwa dovut għall-fatt li s-settur huwa ddominat minn għadd kbir ta’ produtturi żgħar u minn bosta ħassada li jbigħu l-materja prima tagħhom lil kumpaniji tal-ipproċessar mingħajr ma jiddikjaraw u jħallsu l-VAT għal dak il-bejgħ. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Portugiżi qed isibu diffikultà biex jindirizzawha minkejja t-tisħiħ tal-kontrolli u minkejja l-miżuri li ttieħdu diġà. Sabiex jiġġieled l-abbuż, il-Portugall jixtieq jintroduċi l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom, bil-ħsieb li jittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT lill-għadd żgħir ta’ kumpaniji tal-ipproċessar li huma identifikabbli faċilment. Skont il-Portugall, dan iwassal biex dan it-tip ta’ frodi tal-VAT jiġi eliminat u jevita t-telf li jirriżulta fid-dħul mill-VAT.
(4)Għaldaqstant, il-Portugall għandu jkun awtorizzat jintroduċi miżura ta’ deroga għal perjodu limitat ta’ żmien sal-31 ta’ Diċembru 2022.
(5)B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga hijiex xierqa u effettiva. Id-derogi jagħtu ż-żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra sabiex jindirizzaw il-problema rispettiva sakemm tiskadi l-miżura ta’ deroga, u b’hekk ma jibqax il-bżonn għal estensjoni tad-deroga. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali għal oqsma frodulenti speċifiċi u għandha tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva. Għaldaqstant, il-Portugall jenħtieġ li jimplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex jiġġieled u jipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom sal-iskadenza ta’ din id-deroga u konsegwentement ma hemmx għalfejn ikompli jkun hemm deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dawk il-provvisti.
(6)Il-miżura ta’ deroga mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Portugall huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli jew tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT jekk din tkun persuna taxxabbli li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-istabbiliment permanenti jew ir-residenza tagħha fil-Portugall u jekk din tkun twettaq tranżazzjonijiet li għalihom hija intitolata li tnaqqas, bis-sħiħ jew b’mod parzjali, il-VAT fuq ix-xiri.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President