Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0254

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja

COM/2019/254 final

Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 254 final

2019/0126(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja (“il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ”) ġie nnegozjat mill-Kummissjoni, kif awtorizzat mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2016.

Dan jissejjes fuq il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (“ATA”) bejn l-UE u l-Istati Uniti, li ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta’ April 2007 1 , u jikkonferma l-istabbiliment ta’ arranġamenti ċari u mhux restrittivi għall-kiri bl-ekwipaġġ 2 li jinvolvu l-linji tal-ajru tal-Partijiet, u b’hekk jipprovdi iktar preċiżjoni għad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-ATA.

Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ mhux biss isolvi t-tilwima attwali dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ATA, talli jipprovdi wkoll ċarezza u ċertezza legali għal arranġamenti futuri li se jaffettwaw lit-trasportaturi bl-ajru tal-UE, tal-Iżlanda, tan-Norveġja u tal-Istati Uniti.

Kuntest ġenerali

L-ATA bejn l-UE u l-Istati Uniti jipprevedi reġim miftuħ ta’ kiri bl-ekwipaġġ bejn il-partijiet. Id-direttivi tan-negozjar stabbilew l-objettiv ġenerali li jiġi nnegozjat Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ bl-għan li tiġi pprovduta l-preċiżjoni għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ATA u li jitneħħew il-limitazzjonijiet ta’ żmien għall-arranġamenti ta’ kiri bl-ekwipaġġ li jaffettwaw lit-trasportaturi bl-ajru tal-UE, tal-Iżlanda, tan-Norveġja u tal-Istati Uniti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-ATA bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa l-iżjed ftehim importanti fid-dinja dwar it-trasport bl-ajru, u jipprovdi iktar minn 75 miljun post fis-sena għall-passiġġieri tat-trasport bl-ajru; għaldaqstant huwa l-ġebla tax-xewka tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni. Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ se jsolvi inċertezza li ilha teżisti rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ATA dwar il-kiri bl-ekwipaġġ, u b’hekk se jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tar-relazzjoni trans-Atlantika fl-avjazzjoni.

Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ huwa konformi mar-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kiri bl-ekwipaġġ: l-Artikolu 13(3)b tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jipprevedi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet ta’ żmien permezz ta’ ftehim internazzjonali dwar il-kiri bl-ekwipaġġ iffirmat mill-Unjoni, ibbażat fuq Ftehim tal-UE dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat qabel l-1 ta’ Jannar 2008.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ huwa konformi mar-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kiri bl-ekwipaġġ: l-Artikolu 13(3)b tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jipprevedi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet ta’ żmien permezz ta’ ftehim internazzjonali dwar il-kiri bl-ekwipaġġ iffirmat mill-Unjoni, ibbażat fuq Ftehim tal-UE dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat qabel l-1 ta’ Jannar 2008.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli – Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ huwa kompetenza esklużiva tal-UE skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE.

Proporzjonalità

Il-Ftehim dwar il-Kiri bl-Ekwipaġġ huwa limitat għall-indirizzar tal-kwistjoni kkonċernata u ma jindirizzax kwistjonijiet oħra. Billi jiffoka esklużivament fuq ir-restrizzjonijiet ta’ żmien li attwalment jaffettwaw l-arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ fis-suq trans-Atlantiku, se jiċċara iktar id-dispożizzjonijiet dwar il-kiri bl-ekwipaġġ fl-ATA.

Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkomplu jwettqu l-kompiti amministrattivi tradizzjonali li jwettqu fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-arranġamenti għall-kiri bl-ekwipaġġ.

Għażla tal-istrument

Ftehim internazzjonali huwa l-uniku mod kif jista’ jinkiseb l-objettiv maħsub.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet in-negozjati f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali. Il-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-valur sħiħa tal-avjazzjoni u s-sħab soċjali, inkluż b’mod partikolari t-trejdjunjins, ġew ikkonsultati wkoll matul in-negozjati. Il-kummenti li saru f’dan il-proċess ġew ikkunsidrati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Sommarju tal-ftehim propost

Il-Ftehim jikkonsisti mill-korp ewlieni u minn Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-awtentikazzjoni ta’ verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali.

2019/0126 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja ġie ffirmat fi [data], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard;

(2)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan, il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ir-Rispett għal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien għall-Arranġamenti għall-Provvista ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, hija approvata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, bl-iskambju ta’ noti diplomatiċi previst fl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.
(2)    Il-kiri bl-ekwipaġġ huwa arranġament għall-kiri li permezz tiegħu linja tal-ajru waħda (il-lokatur) topera t-titjiriet u tipprovdi l-inġenju tal-ajru u l-ekwipaġġ lil linja tal-ajru oħra (il-kerrej).
Top

Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 254 final

ANNESS

tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja


Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA (minn hawn ’il quddiem, “l-Istati Uniti”), L-UNJONI EWROPEA, L-IŻLANDA, u r-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn ’il quddiem, “in-Norveġja”),

Jirrikonoxxu l-benefiċċju tal-promozzjoni tal-flessibbiltà u tal-opportunitajiet ġusti u ndaqs fir-rigward tal-arranġamenti operattivi konklużi mil-linji tal-ajru skont l-Artikolu 10(9) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta’ April 2007, kif emendat mill-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fl-24 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn ‘il quddiem “l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE”) u li ġie applikat skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja, li ġie ffirmat fis-16 u fil-21 ta’ Ġunju 2011 (minn hawn ‘il quddiem l-“ATA bejn Erba’ Partijiet”);

Jirrikonoxxu r-relazzjoni komprensiva tal-avjazzjoni bejn il-partijiet, stabbilita mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE u mill-ATA bejn Erba’ Partijiet, u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet li ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ dawn il-Ftehimiet;

Jaffermaw mill-ġdid l-objettiv komuni tal-Partijiet li jiżguraw l-ogħla grad ta’ sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru, kif rifless fl-oqfsa regolatorji simili tagħhom;

Jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi komparabbli bejn il-Partijiet fir-rigward tat-trasport internazzjonali bl-ajru; u

Jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-flessibbiltà fl-arranġamenti operattivi bejn il-linji tal-ajru biex jikru l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif previst mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet, billi jneħħu b’mod reċiproku l-limiti ta’ żmien fuq tali arranġamenti, mingħajr ma jaffettwaw b’mod ieħor l-applikazzjoni ta’ dawk il-Ftehimiet;

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

1.“Linji tal-ajru Ewropej” tfisser linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, tal-Iżlanda u tan-Norveġja, li huma awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet.

2.“Parti” tfisser l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, jew in-Norveġja.

3.“Linji tal-ajru tal-Istati Uniti” tfisser linji tal-ajru tal-Istati Uniti awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet.

4.“Kiri bl-ekwipaġġ” tfisser kwalunkwe arranġament bejn żewġ linji tal-ajru għall-forniment ta’ inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ għat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Artikolu 2

Limitazzjonijiet ta’ Żmien

1.L-ebda Parti ma għandha timponi, inkluż permezz ta’ statut jew regolament, limitazzjonijiet ta’ żmien fuq l-operat ta’ ebda kiri bl-ekwipaġġ skont l-Artikolu 10(9) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet, dment li tali kiri bl-ekwipaġġ jikkonforma mat-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal- Artikolu 10(9) imsemmi.

2.L-ebda ħaġa fil-paragrafu 1 ma għandha tinftiehem bħala li tillimita d-dritt ta’ Parti li tapplika b’mod ieħor l-istatuti u r-regolamenti tagħha fir-rigward tal-arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ li jinvolvu l-linji tal-ajru tagħha u dawk tal-pajjiżi li mhumiex parti għal dan il-Ftehim.



Artikolu 3

Konsultazzjonijiet

Kwalunkwe Parti tista’, fi kwalunkwe mument, titlob konsultazzjonijiet ma’ kwalunkwe Parti jew Partijiet oħra fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ dan il-Ftehim. Tali konsultazzjonijiet għandhom jibdew fl-aktar data kmieni possibbli, iżda mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi t-talba jew, kif xieraq, mid-data li fiha l-Partijiet l-oħra kollha jkunu rċevew it-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jiġu organizzati b’rabta ma’ laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.

Artikolu 4

Rieżami

Il-Partijiet għandhom jeżaminaw mill-ġdid, kif xieraq, l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Tali rieżami jista’ jsir b’rabta ma’ laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.

Artikolu 5

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

1.Kwalunkwe tilwima li tirriżulta fil-qafas ta’ dan il-Ftehim li ma tiġix solvuta bil-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tista’ titressaq quddiem persuna jew korp biex tittieħed deċiżjoni bi ftehim tal-partijiet għat-tilwima. Jekk il-partijiet għat-tilwima ma jaqblux dwar dan, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet għat-tilwima, it-tilwima għandha titressaq għall-arbitraġġ permezz tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, ħlief kif ipprovdut hawnhekk.

2.Fil-każ ta’ tilwima li tinvolvi:

(a) żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, it-terminu “Parti” jew “Partijiet” fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tali tilwima taħt dan il-Ftehim, għandu jfisser parti jew partijiet għal tilwima taħt dan il-Ftehim;

(b)aktar minn żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, waħda min-naħat jew iż-żewġ naħat jistgħu jinkludu diversi Partijiet għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċediment deskritt f’dan l-Artikolu. Fil-każ ta’ tali tilwima taħt dan il-Ftehim, ir-referenzi kollha għal “Parti” fl-Artikoli 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru naħa waħda għat-tilwima taħt dan il-Ftehim, u r-referenzi kollha għal “Partijiet”, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru ż-żewġ naħat għat-tilwima taħt dan il-Ftehim.

3.It-terminu “dan il-Ftehim” fl-Artikolu 19(3) u (7) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tilwima fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, għandu jfisser dan il-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja.

4.Ir-referenza għal “Stat Membru” fl-Artikolu 19(2) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta tiġi applikata għal tilwima fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, għandha tinkludi lill-Iżlanda u lin-Noverġja.

Artikolu 6

Reġistrazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO)

Dan il-Ftehim u l-emendi kollha li jsiru fih għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Dħul fis-Seħħ, Applikazzjoni Proviżorja u Terminazzjoni

1.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ xahar wara d-data tal-aħħar nota tal-iskambji ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet, li tikkonferma li l-proċeduri kollha meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ ikunu tlestew.

2.Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea malli jiġi ffirmat mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea, u min-Norveġja u l-Iżlanda fl-aktar data tard tal-applikazzjoni proviżorja mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea u l-firma minn dak l-Istat ta’ dan il-Ftehim.

3.L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Dan il-Ftehim għandu jintemm, jew l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tintemm, f’nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi ftehim tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu.

4.L-Iżlanda jew in-Norveġja jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw minn dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni proviżorja tagħhom ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Tali rtirar jew waqfien tal-applikazzjoni proviżorja għandu jkun effettiv f’nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi ftehim tal-Parti li tagħti l-avviż bil-miktub, l-Istati Uniti, u l-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu.

5.Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE jintemm jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b’mod proviżorju, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.

6.Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn Erba’ Partijiet jintemm skont l-Artikolu 3(1) ta’ dak il-ftehim, jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b’mod proviżorju, jew jekk dak il-ftehim jintemm fir-rigward tan-Norveġja jew tal-Iżlanda skont l-Artikolu 3(3), dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tan-Norveġja u/jew tal-Iżlanda fl-istess data li fiha l-waqfien jew it-tmiem isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.

7.Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk in-Norveġja u/jew l-Iżlanda jirtiraw mill-ATA bejn Erba’ Partijiet skont l-Artikolu 3(2) ta’ dak il-ftehim, dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tal-Parti jew tal-Partijiet li jirtiraw mill-ATA bejn Erba’ Partijiet fl-istess data li fiha l-irtirar mill-ATA bejn Erba’ Partijiet isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi __________ f’erba’ kopji, bil-lingwa Ingliża, fil- ____________ 2019.

Għall-Istati Uniti tal-Amerka:        Għall-Unjoni Ewropea:

Għall-Iżlanda:            Għar-Renju tan-Norveġja:



Dikjarazzjoni Konġunta

Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Ewropea, tal-Iżlanda, u tan-Norveġja kkonfermaw li l-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ, li għandu jiġi ffirmat bl-Ingliż biss, għandu jiġi awtentikat f’lingwi oħra, kif previst minn skambju ta’ ittri fost il-Partijiet.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali tal-Ftehim.

Għall-Istati Uniti tal-Amerka:        Għall-Unjoni Ewropea:

Għall-Iżlanda:            Għar-Renju tan-Norveġja:

Top

Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 254 final

ANNESS

ta’ Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta’ Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta’ Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja


Memorandum ta’ Konsultazzjonijiet

1.Fit-8 ta’ Marzu 2019, id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti (U.S.), tal-Unjoni Ewropea (UE), tal-Iżlanda u tan-Norveġja laħqu ftehim, ad referendum, dwar it-test ta’ ftehim fir-rigward tal-limitazzjonijiet ta’ żmien fuq l-arranġamenti għall-kiri ta’ inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ (il-“Ftehim”, mehmuż bħala l-Anness A), li beħsiebhom jippreżentawh quddiem l-awtoritajiet rispettivi tagħhom għall-approvazzjoni. Lista tal-membri tad-delegazzjonijiet hija mehmuża bħala l-Anness B.

2.Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti u d-delegazzjoni tal-UE esprimew l-opinjoni tagħhom li dawk li abbozzaw il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta’ April 2007, kif emendat mill-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fl-24 ta’ Ġunju 2010 (“ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE”), kellhom l-għan li jippromwovu l-flessibbiltà fl-arranġamenti operattivi bejn il-linji tal-ajru skont l-Artikolu 10(9). Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti, id-delegazzjoni tal-UE, id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni tan-Norveġja esprimew ukoll l-opinjoni tagħhom li dawk li abbozzaw il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja (“ATA bejn Erba’ Partijiet”), li japplika d-dispożizzjonijiet tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE għall-Iżlanda u n-Norveġja, kellhom l-għan li jippromwovu l-flessibbiltà korrispondenti.

3.Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti esprimiet it-tħassib tagħha li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ixxekkel l-eżerċitar tad-drittijiet kummerċjali għal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti fil-qafas tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet, u li ilha mill-2014 taħdem permezz tal-Kumitat Konġunt biex tiżgura li l-linji tal-ajru li jixtiequ jgawdu s-swieq tal-kiri kummerċjali kif previst fl-Artikolu 10(9) ikunu jistgħu jagħmlu dan. Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti fakkret l-isforzi sinifikanti li saru min-naħa tad-Dipartiment tat-Trasport (DOT) tal-Istati Uniti biex jinħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq għall-kiri ta’ inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ, li wasslu għall-avviż ta’ gwida riveduta fi Frar 2008, kif ippubblikat fil-Volum 73, Numru 41 tar-Reġistru Federali. Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti sostniet ukoll li d-deċiżjoni tagħha li tinvolvi ruħha fin-negozjati u fl-abbozzar tal-Ftehim u li tissottometti t-test tal-Ftehim għall-approvazzjoni kienu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha dwar ir-Regolament imsemmi hawn fuq.

4.B’rispons għal dan, id-delegazzjoni tal-UE, id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni Norveġiża sostnew li ma kkondividewx it-tħassib tad-delegazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, u li jqisu li l-impożizzjoni min-naħa tal-Istati Uniti tal-limitazzjonijiet ta’ żmien fuq it-tħaddim tal-kirjiet bl-ekwipaġġ bejn il-linji tal-ajru Ewropej kif definit fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ixxekkel l-eżerċitar tad-drittijiet kummerċjali għal-linji tal-ajru Ewropej taħt l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet. Dawk id-delegazzjonijiet sostnew ukoll li d-deċiżjoni tagħhom li jinvolvu ruħhom fin-negozjati u fl-abbozzar tal-Ftehim u li jissottomettu t-test tal-Ftehim għall-approvazzjoni kienu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tar-Regolament imsemmi hawn fuq u l-prattika tal-Istati Uniti.

5.B’mod partikolari fid-dawl tar-relazzjoni komprensiva tal-avjazzjoni bejn il-Partijiet għall-Ftehim, id-delegazzjoni tal-UE, id-delegazzjoni tan-Norveġja u d-delegazzjoni tal-Iżlanda enfasizzaw il-pożizzjoni tagħhom li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għan-negozjar ta’ ftehim ekwivalenti bejn l-UE, l-Iżlanda, jew in-Norveġja, u kwalunkwe pajjiż ieħor.

6.B’rispons għal mistoqsija mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u dan il-Ftehim mill-Iżlanda u n-Norveġja, id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni tan-Norveġja kkonfermaw li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa applikat mill-Iżlanda u min-Norveġja bl-inkorporazzjoni ta’ dak ir-Regolament fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”). Barra minn hekk, id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni tan-Norveġja nnotaw li l-Ftehim se jikkostitwixxi ftehim skont id-dritt internazzjonali pubbliku, li jkun vinkolanti fuq l-Iżlanda u n-Norveġja.

7.Id-delegazzjoni tal-UE nnotat li skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), il-Ftehim, li se jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni, se jkun vinkolanti fuq l-Istati Membri, għalkemm dawn mhumiex partijiet għall-Ftehim bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali; b’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri mhumiex se jitħallew, permezz tad-dritt tal-Unjoni, jaġixxu bi ksur tal-Ftehim, bħal bl-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet ta’ żmien fuq il-kirjiet bl-ekwipaġġ li ma jkunux kompatibbli mal-Ftehim.

8.Id-delegazzjoni tal-UE nnotat ukoll li l-UE għandha kompetenza esklussiva, bl-esklużjoni tal-Istati Membri, biex tikkonkludi l-Ftehim, skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE.

9.F’din ir-rabta, id-delegazzjoni tal-UE nnotat li jekk Stat Membru jaġixxi bi ksur tal-Ftehim, bħal bl-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet ta’ żmien fuq il-kirjiet bl-ekwipaġġ li ma jkunux konsistenti mal-Ftehim, u b’hekk, peress li l-Ftehim jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfax obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, skont it-TFUE l-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni tal-UE responsabbli biex tinforza d-dritt tal-Unjoni u tista’ tressaq azzjoni kontra l-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 258 tat-TFUE. Id-delegazzjoni tal-UE nnotat ukoll li jekk Stat Membru jaġixxi bi ksur tal-Ftehim, skont il-Ftehim l-UE hija responsabbli għal tali att u tkun soġġetta għall-proċeduri msemmija fl-Artikoli 3 u 5.

10.F’dan il-kuntest, u b’rispons għal mistoqsija mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti, id-delegazzjoni tal-UE kkonfermat li skont id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari skont il-Ftehim taż-ŻEE, il-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex is-setgħat biex tiżgura l-applikazzjoni tal-Ftehim mill-Iżlanda u min-Norveġja. Ksur possibbli tal-Ftehim mill-Iżlanda jew min-Norveġja jkun soġġett għall-proċeduri msemmija fl-Artikoli 3 u 5. Id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni tan-Norveġja kkonfermaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

11.Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti nnotat li l-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Istati Uniti skont l-Artikolu 7(2) tiegħu.

12.B’rispons għal mistoqsija mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim u l-kapaċità tal-UE biex tiżgura tali applikazzjoni mill-Istati Membri, id-delegazzjoni tal-UE nnotat, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 218(5) tat-TFUE, il-Kunsill tal-UE, fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim kif ukoll, skont l-Artikolu 7(2) tiegħu, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, u li tali deċiżjoni, skont l-Artikolu 288 tat-TFUE, hija vinkolanti fl-intier tagħha. Hija nnotat ukoll li, skont l-Artikolu 216(2) tat-TFUE, il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni proviżorja fl-Artikolu 7(2) tiegħu, se jkunu vinkolanti fuq l-Istati Membri bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, u semmiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 258 tat-TFUE biex tiġi żgurata l-konformità min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

13. B’rispons għal mistoqsija mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, id-delegazzjoni tal-Iżlanda u d-delegazzjoni tan-Norveġja kkonfermaw li l-Ftehim se jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu skont l-Artikolu 7(2) tiegħu.

14.B’rispons għal mistoqsija mid-delegazzjoni tal-UE, id-delegazzjoni tal-Istati Uniti pprovdiet informazzjoni dwar ir-reġim tal-Istati Uniti għal-liċenzjar tal-kiri bl-ekwipaġġ fit-tul. Il-linji tal-ajru li japplikaw għal tali awtorità huma mitluba jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fil-Parti 212 tat-Titolu 14 tal-Kodiċi tar-Regolamenti Federali tal-Istati Uniti (14 C.F.R Parti 212). Dawn ir-regolamenti jiddefinixxu l-kiri bl-ekwipaġġ fit-tul bħala tali kirjiet li jew a) idumu aktar minn 60 jum, jew b) jagħmlu parti minn serje ta’ tali kirjiet li jammontaw għal ftehim kontinwu li jdum aktar minn 60 jum. Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti nnotat li d-DOT joħroġ rendikonti bankarji għas-servizzi tal-kiri bl-ekwipaġġ jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha, u jiddetermina li l-awtorizzazzjoni tkun fl-interess pubbliku. Il-kundizzjonijiet tal-interess pubbliku huma speċifikati fl-14 CFR 212.11(b) u huma diskussi fil-Gwida Regolatorja li nħarġet fl-15 ta’ Frar 2008 (73 Reġistru Federali 10986). F’din ir-rabta, id-delegazzjoni tal-Istati Uniti kkonfermat id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-analiżi tal-interess pubbliku li saret fil-paragrafi 27, 28, 29, u 31 tal-Memorandum ta’ Konsultazzjonijiet tal-2007 li jakkumpanja l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.

15.Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti nnotat li, bħala kwistjoni ta’ prattika stabbilita fit-tul, id-DOT japprova b’mod konsistenti l-applikazzjonijiet għal arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ li jitressqu mit-trasportaturi tal-ajru tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja. Id-delegazzjonijiet kollha esprimew l-aspettattiva tagħhom li din il-prattika tkompli b’mod konsistenti mal-Ftehim u mal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, kif applikata mill-ATA bejn Erba’ Partijiet.

16.Id-delegazzjonijiet innotaw li l-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE għandu mandat biex jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet, u huwa magħmul minn partijiet għall-ATA bejn Erba’ Partijiet, li jinkludu dawk li mhumiex partijiet għal dan il-Ftehim. Madankollu, minħabba li l-Partijiet kollha għal dan il-Ftehim huma membri tal-Kumitat Konġunt, u minħabba li l-Istati Membri tal-UE huma marbuta mill-Ftehim skont id-dritt tal-Unjoni għalkemm mhumiex partijiet għall-Ftehim, id-delegazzjonijiet esprimew l-aspettattiva tagħhom li kwalunkwe konsultazzjoni skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim, jew rieżami skont l-Artikolu 4, isiru b’rabta ma’ laqgħat regolari jew speċjali tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18(1) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE. Fil-każ ta’ kwalunkwe tali konsultazzjoni, id-delegazzjonijiet esprimew it-tama li n-natura tal-forum tgħin lill-Partijiet għall-Ftehim jaslu għal riżoluzzjoni.

17.Id-delegazzjonijiet innotaw ukoll li l-Ftehim ma jaffettwax il-mandat tal-Kumitat Konġunt biex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ skont l-Artikolu 10(9) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba’ Partijiet.

18.Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti u d-delegazzjoni tal-UE rrikonoxxew ir-reġim lingwistiku tal-UE.  F’dak ir-rigward, id-delegazzjoni tal-UE fakkret li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-UE hija obbligata li tfassal il-Ftehim bil-lingwi li ġejjin: il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, in-Netherlandiż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż. Id-delegazzjoni tal-UE sostniet il-pożizzjoni tagħha li dawn il-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali għandhom jiġu awtentikati bl-applikazzjoni tal-proċedura prevista fid-Dikjarazzjoni Konġunta (mehmuża bħala l-Anness C), bil-verżjonijiet awtentikati jkollhom l-istess valur. Id-delegazzjonijiet tal-Iżlanda u tan-Norveġja sostnew il-pożizzjoni tagħhom li l-verżjonijiet bl-Iżlandiz u bin-Norveġiż għandhom jiġu awtentikati bl-istess mod. Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti ħadet nota tal-pożizzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE, tal-Iżlanda u tan-Norveġja u, filwaqt li nnotat li l-Ftehim ma jirrikjedix l-awtentikazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali, ikkonfermat l-impenn tagħha li taħdem b’mod kostruttiv mad-delegazzjonijiet tal-UE, tal-Iżlanda u tan-Norveġja biex tindirizza t-talbiet għall-awtentikazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali tal-Ftehim permezz tal-proċedura prevista fid-Dikjarazzjoni Konġunta.  

Għad-Delegazzjoni tal-            Għad-Delegazzjoni tal-

Istati Uniti tal-Amerika:            Unjoni Ewropea:

                    

Terri L. Robl                            Carlos Bermejo Acosta

Għad-Delegazzjoni tar-                        Għad-Delegazzjoni tal-Iżlanda:                                Renju tan-Norveġja:

Una Særún Jóhannsdóttir                        Øyvind Thorstein Ek

Top