Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0192

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni

COM/2019/192 final

Brussell, 24.4.2019

COM(2019) 192 final

2019/0096(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija taxxa ġenerali fuq il-konsum imġarrba finalment mill-konsumatur aħħari, iżda li tinġabar min-negozji li jipprovdu l-oġġetti jew is-servizzi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT 1 , huwa wiesa’ ħafna, u jkopri kwalunkwe provvista ta’ oġġetti u servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru u kwalunkwe importazzjoni ta’ oġġetti fl-Unjoni Ewropea (UE). Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva tal-VAT kien li tfassal lista komuni tal-eżenzjonijiet mill-VAT sabiex ir-riżorsi proprji tal-UE jkunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha 2 . Huwa għalhekk li l-eżenzjoni ta’ kwalunkwe tranżizzjoni mill-VAT tirrikjedi dispożizzjoni speċifika fid-Direttiva tal-VAT.

Id-Direttiva tal-VAT ma tipprevedi l-ebda eżenzjoni ġenerali għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi għal skopijiet ta’ sigurtà u ta’ difiża. Fil-prinċipju, oġġetti jew servizzi fornuti lill-forzi armati jew oġġetti importati minnhom, għalhekk se jkollhom il-VAT 3 . Il-kost tal-VAT huwa rifless f’żieda fid-dħul li tiġġenera t-taxxa għat-teżor tal-Istat (bħala korpi pubbliċi, il-forzi militari mhumiex kapaċi jirkupraw tali VAT), li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għall-baġit li jiffinanzja attivitajiet bħad-difiża nazzjonali.

Id-Direttiva tipprevedi eżenzjoni għall-provvisti lill-forzi armati ta’ kwalunkwe parti tal-Istat lit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana li qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża komuni barra l-Istat tagħhom stess. Din l-eżenzjoni ġiet stabbilita biex tindirizza sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċirku tad-dħul u l-fluss tan-nefqa huwa maqsum, minħabba li l-VAT fuq tali provvisti normalment tikkostitwixxi dħul għall-Istat li fih jinsabu l-forzi armati, minflok għall-Istat tagħhom stess.

Id-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa 4 tipprevedi eżenzjoni simili mid-dazju tas-sisa 5 għal movimenti ta’ oġġetti tas-sisa lill-forzi armati ta’ kwalunkwe membru ta’ Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

Filwaqt li l-isforz ta’ difiża tan-NATO ġie kopert mid-Direttiva tal-VAT sa mill-1977 6 u mid-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa sa mill-1993, l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ma tkopri provvisti marbuta mal-isforz ta’ difiża komuni fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, peress li s’issa għad mhemmx politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni. Madankollu, il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), li ġiet stabbilita bħala l-politika Ewropea ta' sigurtà u difiża (PESD) fl-2000 7 , hija strument ewlieni għal azzjoni esterna u tinkludi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni 8 .

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2009, kien pass importanti fl-iżvilupp tal-PSDK. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif emendat mit-Trattat ta’ Lisbona, jinkludi klawsola ta’ assistenza reċiproka 9 u ppermetta lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet militari permezz ta’ “kooperazzjoni strutturata permanenti” (PESCO) 10 . It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi wkoll is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li jassisti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fir-responsabbiltajiet kollha tagħha, inkluż il-PSDK. Il-fatt li r-Rappreżentant Għoli huwa wkoll wieħed mill-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni jiffaċilita l-ġbir flimkien tal-assi neċessarji kollha tal-UE u l-applikazzjoni ta’ approċċ komprensiv għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-UE.

Il-Kumitat Militari tal-UE (EUMC), li ġie stabbilit fl-2001 11 , huwa l-ogħla korp militari tal-Kunsill. Dan jidderieġi l-attivitajiet militari kollha fi ħdan il-qafas tal-UE u jagħti pariri dwar l-ippjanar u t-twettiq ta’ missjonijiet u operazzjonijiet militari taħt il-PSDK, u dwar l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari.

Stabbilit ukoll fl-2001 12 u b’ħidma taħt id-direzzjoni militari tal-EUMC, il-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS) huwa s-sors tal-kompetenza militari tal-UE 13 . Huwa jipprovdi twissija bikrija, valutazzjoni tas-sitwazzjoni u ppjanar strateġiku għall-missjonijiet u l-kompiti msemmija fl-Artikoli 42(1) u 43(1) TUE. Huwa jikkontribwixxi wkoll għat-tfassil, il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-miri ta’ kapaċità.

F’Ġunju 2016, l-istrateġija globali għall-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) 14 ħejjiet it-triq għall-iżvilupp ulterjuri tal-PSDK lejn tliet prijoritajiet ewlenin: ir-reazzjoni għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab u l-protezzjoni tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. F’Diċembru 2017 15 , il-Kunsill Ewropew stieden lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex imexxu 'l quddiem ħidma dwar il-mobbiltà militari, kemm taħt il-PESCO kif ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni EUNATO.

F’Marzu 2018, bħala segwitu għall-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom ta’ Novembru 2017 dwar it-titjib tal-mobbiltà militari fl-UE 16 , il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar il-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 17 . Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ trattament ugwali tal-isforzi ta’ difiża bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u b’hekk id-dewmien u l-kostijiet fil-mobbiltà militari, u li l-Istati Membri jingħataw inċentiv biex jikkooperaw 18 . Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà tal-allinjament tat-trattament tal-VAT tal-isforzi ta’ difiża fil-qafas tal-UE u taħt l-umbrella NATO.

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill ikkonkluda dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-EUGS 19 . Il-Kunsill laqa’ l-progress sostantiv li sar fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża matul is-sentejn ta’ qabel u enfasizza l-importanza li jinżamm il-momentum permezz tal-impenn kontinwu tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. B’mod partikolari, il-Kunsill laqa’ l-progress fl-implimentazzjoni tal-PESCO u l-implimentazzjoni kontinwa tal-isforzi biex titjieb il-mobbiltà tal-persunal militari, tal-materjal u tat-tagħmir għall-attivitajiet ta’ rutina u waqt il-kriżijiet u l-kunflitti, fi ħdan l-UE u lil hinn minnha.

F’konformità mal-pjan ta’ azzjoni u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill, l-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tallinja t-trattament tal-VAT tal-isforzi ta’ difiża fl-oqfsa tal-UE u tan-NATO sa fejn ikun fattibbli. Il-proposta għandha tagħraf li, filwaqt li hemm sforz ta’ difiża kollettiva taħt it-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, s’issa għadha ma teżisti l-ebda politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni.

L-arranġamenti għall-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, kif previst fid-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa, jenħtieġ li jkunu allinjati b’mod simili.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tikkomplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 2016 20 billi tistabbilixxi modi biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-VAT sabiex din issir aktar faċli, aktar soda kontra l-frodi u tiffavorixxi n-negozju. 

Il-konsistenza mal-Kapitolu 8 tat-Titolu IX tad-Direttiva tal-VAT (eżenzjonijiet relatati ma’ ċerti tranżazzjonijiet trattati bħala esportazzjonijiet), b’mod partikolari mal-Artikolu 151(1)(c) (u (d)) tad-Direttiva tal-VAT u l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) 21 , u mal-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa, tinkiseb billi mill-eżenzjonijiet jiġu esklużi provvisti ta’ oġġetti u servizzi għall-forzi armati tal-Istat Membru li fih jiġu fornuti dawk l-oġġetti jew is-servizzi.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għas-sitwazzjonijiet, li fihom iċ-ċirku tad-dħul u l-fluss tan-nefqa huwa maqsum, hija konsistenti mal-Artikolu 151(1)(aa) (u (b)) tad-Direttiva tal-VAT. Il-provvisti domestiċi jistgħu jiġu eżentati biss, jekk jiġu fornuti lill-UE, korpi stabbiliti mill-korpi tal-UE jew internazzjonali. L-istess bħan-NATO bħala korp internazzjonali rikonoxxut u bħall-EDA bħala korp tal-UE kopert mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (PPI) u l-ilħuq tal-limiti u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-PPI, il-kwartieri ġenerali tal-operazzjoni u entitajiet oħra stabbiliti għal skopijiet ta’ difiża taħt il-PSDK jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti, jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 151(1)(aa) (jew (b)) tad-Direttiva tal-VAT. Il-proposta ma tintroduċix mezz biex jiġu evitati dawn ir-rekwiżiti jew biex l-Istat Membru ospitanti jiċċaħħad milli jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet. 22

Finalment, b'mod konsistenti mal-formulazzjoni fl-Artikolu 151(1)(c) (u (d)) tad-Direttiva tal-VAT, provvisti lill-forzi armati u lill-persunal ċivili li jakkumpanjahom jistgħu jiġu eżentati biss, meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK. Għalhekk, l-eżenzjonijiet ma jkoprux l-iskjerament tal-forzi armati biss għal skopijiet ta’ sigurtà, għal kompiti umanitarji u ta’ salvataġġ jew meta tiġi evokata l-klawsola ta’ solidarjetà stabbilita fl-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma għandha l-ebda implikazzjoni ta’ difiża. Filwaqt li jitqies il-fatt li d-Direttiva tal-VAT ma tippermetti l-ebda eżenzjoni ta’ provvisti għall-korpi publiċi għajr għall-forzi armati, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal sforz ta’ difiża u għalhekk għal attivitajiet li ġeneralment jitwettqu esklussivament mill-forzi armati hija konsistenti mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT u l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt tal-Unjoni ġeneralment jipprekludi trattament differenti tal-VAT għall-forzi armati meta mqabbla ma’ korpi governattivi oħra, pereżempju forzi tal-pulizija, jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ meta jwettqu kompiti simili.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta hija konsisteni mal-EUGS u mal-pjan ta’ implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża 23 , li jistabbilixxi proposti biex il-EUGS tiġi implimentata fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża.

Din timplimenta l-impenn tal-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari biex tivvaluta l-fattibbiltà tal-allinjament tat-trattament tal-VAT tal-isforzi ta’ difiża fil-qafas tal-UE u taħt l-umbrella NATO.

Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża 24 , li jinkludi t-tnedija ta’ Fond Ewropew għad-Difiża 25 , u l-mekkaniżmu Athena 26 , li (skont l-Artikolu 41(2) TUE) jimmaniġġja l-finanzjament ta’ kostijiet komuni tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet militari tal-UE fil-qafas tal-PSDK.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva proposta se temenda d-Direttivi dwar il-VAT u dwar id-Dazju tas-Sisa abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

In-nuqqas ta’ allinjament fit-trattament tal-VAT u tad-dazju tassisa tal-isforzi ta’ difiża fl-UE u taħt l-oqfsa tan-NATO jirriżulta mid-Direttivi attwali dwar il-VAT u d-Dazju tas-Sisa. L-Istati Membri ma jistgħux jindirizzawh billi jaġixxu waħidhom. L-allinjament jirrikjedi proposta mill-Kummissjoni biex temenda ż-żewġ Direttivi.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tilħaq l-objettivi tat-Trattati marbuta mal-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq uniku u t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni taħt il-PSDK. L-eżenzjonijiet attwali għall-attivitajiet ta’ difiża NATO, li diġà huma mfassla u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni, mhux se jiġu estiżi. B’din il-proposta, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet se jkun simili għall-isforzi ta’ difiża tal-Unjoni u tan-NATO. Filwaqt li kwalunkwe eżenzjoni għandha impatt fuq id-dħul mit-taxxa, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet għall-isforz ta’ difiża tal-UE se jkollha effett minimu fuq il-bażi taxxabbli.

Għażla tal-istrument

Qiegħda tiġi proposta Direttiva bil-ħsieb li jiġu emendati d-Direttivi dwar il-VAT u dwar id-Dazju tas-Sisa.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet/kontrolli tal-idoneità ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Attwalment, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirrelata mat-trattament tal-VAT jew tad-dazju tassisa tal-provvisti taħt l-isforz ta’ difiża tal-UE. Ma hemm l-ebda data disponibbli dwar il-provvisti rilevanti taħt l-isforz ta’ difiża tan-NATO.

Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-grupp dwar il-futur tal-VAT 27 u kkonfermaw b’mod wiesa’ l-ħtieġa li jaġixxu fil-livell tal-UE billi jintroduċu eżenzjoni mill-VAT għal provvisti marbuta mal-isforz ta’ difiża fil-qafas tal-UE simili għal dik għal provvisti marbuta mal-isforz ta’ difiża tan-NATO taħt l-Artikolu 151(1)(c) u (d) tad-Direttiva tal-VAT. Il-proposta attwali timplimenta dan l-objettiv u żżomm konsistenza bejn il-VAT u d-dazju tas-sisa.

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

L-għarfien espert miġbur permezz tal-konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-SEAE, l-EDA u esperti tad-difiża li jappoġġjaw lill-membri tal-grupp dwar il-futur tal-VAT kien biżżejjed għall-proposta attwali.

Analiżi tal-impatt

Din il-proposta mhix akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, peress li l-objettiv per se jiddetta l-għażla politika. Barra minn hekk, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-eżenzjoni proposta, ma hemm l-ebda impatt soċjali, ekonomiku jew ambjentali.

Din is-sezzjoni tanalizza l-impatt tal-miżura fuq id-dħul mill-VAT meta mqabbel ma’ xenarju bażi fejn “ma jsir xejn”. Billi d-data ddettaljata dwar l-ispejjeż militari hija jew kunfidenzjali jew inkella mhux disponibbli, l-analiżi tiddependi fuq stimi approssimattivi.

L-attivitajiet PSDK li se jkunu koperti mill-eżenzjonijiet huma kif ġej:

(1)missjonijiet u operazzjonijiet militari

Taħt il-PSDK, l-UE ilha mill-2003 twettaq missjonijiet u operazzjonijiet militari skont il-bażi ġuridika (attwali) tal-Artikoli 42(4) u 43(2) TUE. Bħalissa hemm sitt missjonijiet/operazzjonijiet militari għaddejjin fil-viċinat tal-Unjoni u tal-Afrika 28 . Il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jistgħu jseħħu biss barra l-Unjoni, iżda l-eżenzjonijiet ikopru l-attivitajiet fi ħdan l-Unjoni bħala parti minn tali skjerament (millġdid) (skjerament fi kwartieri operazzjonali, tranżiti, movimenti, skjeramenti minn qabel, eżerċizzji, laqgħat, eċċ.);

(2)gruppi tattiċi

Fir-rigward tal-gruppi tattiċi tal-UE 29 abbażi tal-Artikolu 42(1) TUE, s’issa, l-estensjoni tal-eżenzjonijiet mhu se jkollha l-ebda impatt fuq id-dħul mill-VAT jew mid-dazju tassisa, minħabba li s’issa l-gruppi tattiċi għadhom ma nħolqux. Fil-każ ta’ skjerament (mill-ġdid) (li jkun barra l-Unjoni) 30 , l-eżenzjonijiet ikopru attivitajiet PSDK relatati fl-Unjoni;

(3)l-assistenza reċiproka

Fil-każ li Stat Membru jkun vittma ta’ aggressjoni armata fit-territorju tiegħu, mhuwiex possibbli li jiġi previst l-impatt fuq id-dħul mill-VAT u mid-dazju tas-sisa tal-eżenzjonijiet għal assistenza reċiproka skont l-Artikolu 42(7) TUE. Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi, fit-13 ta’ Novembru 2015, Franza talbet tali għajnuna u assistenza mingħand l-Istati Membri l-oħra. B’mod parallel mal-kontribuzzjonijiet bilaterali, xi Stati Membri ddeċidew li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-missjoni militari PSDK EUTM Mali;

(4)PESCO

Jista’ jiġi preżunt li l-PESCO 31 stabbilita reċentement skont l-Artikolu 46 TUE, li fiha jipparteċipaw 25 Stat Membru 32 , se twassal għal telf ta’ dħul mill-VAT u mid-dazju tassisa. PESCO tippermetti lil dawk l-Istati Membri li huma lesti u kapaċi japprofondixxu l-kooperazzjoni ta’ difiża tagħhom, jippjanaw flimkien, jiżviluppaw u jinvestu fi proġetti ta’ kapaċità kooperattiva, u jsaħħu t-tħejjija operattiva u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom 33 ; u

(5)Attivitajiet tal-EDA

Attwalment, l-uniku telf ta’ dħul b’rabta mal-attivitajiet tal-EDA jirrelata ma’ dawk imsemmija fl-Artikoli 42(3) u 45 TUE 34 , li jinkludu edukazzjoni regolari u taħriġ operazzjonali 35 . Sabiex jikkwalifikaw għal eżenzjoni, il-proġetti jkollhom jinvolvu l-iskjerament tal-forzi armati ta’ Stat Membru wieħed għal ieħor. L-eżenzjoni mhix se tkun disponibbli għall-forzi armati ta’ pajjiżi oħra li jkunu ffirmaw arranġamenti amministrattivi mal-EDA 36 . Madankollu, il-membri tan-NATO li mhumiex fl-UE jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet eżistenti.

Data dwar l-infiq fid-difiża għall-membri tal-EDA hija ppubblikata fuq il-“portal tad-data dwar id-difiża” tal-EDA. L-infiq għal operazzjonijiet u manutenzjoni esternalizzati għall-Istati Membri kollha (ħlief id-Danimarka) ammonta għal EUR 5.3 biljun fl-2014 (l-aktar data riċenti disponibbli). Madankollu, din id-data ma tagħmilx distinzjoni bejn:

provvisti domestiċi mhux koperti mill-eżenzjoni; u

provvisti fi Stat Membru ieħor, li b’mod ġenerali jirrelataw ma’ attivitajiet fl-oqfsa tal-PSDK jew tan-NATO.

Huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-biċċa l-kbira tal-ammont (mill-inqas 80 %) jirrelata ma’ dawk imsemmija l-ewwel u parti żgħira biss (massimu ta’ 20 %) jirrelata ma’ dawk tal-aħħar. Barra minn hekk, madwar nofs dawn tal-aħħar normalment ikunu provvisti ta’ akkomodazzjoni għall-forzi armati skjerati, li normalment ikunu eżentati millVAT skont l-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT.

Għalhekk jista’ jiġi preżunt li massimu ta’ 10 % tal-ammont globali (EUR 530 miljun) jista’ jew isir eżenti millVAT skont ir-regoli l-ġodda jew ikun diġà kopert mill-eżenzjoni għall-attivitajiet tan-NATO. Dan jikkonċerna provvisti ta’ oġġetti (pereżempju ikel, fjuwil, likwidi speċjali, tagħmir, provvisti farmaċewtiċi, elettriku, ilma, gass) u servizzi (pereżempju catering, komunikazzjoni, manutenzjoni, tiswija, trasport, pedaġġi tat-triq). Filwaqt li l-istima ma tqis l-ebda żieda futura fl-infiq militari mill-Istati Membri bħala riżultat tal-importanza dejjem tikber tal-PSDK, hija tinkludi l-kostijiet tal-eżenzjoni NATO eżistenti.

Konsegwentement, huwa prudenti li tintuża l-istima ta’ EUR 530 miljun bħala indikatur għal attivitajiet esternalizzati, li mbagħad jistgħu jwasslu għal telf possibbli ta’ dħul mill-VAT għall-Istati Membri kollha ta’ madwar EUR 80 miljun (b’suppożizzjoni ta’ rata tal-VAT medja ta’ 18 % 37 ).

Fir-rigward tad-dazji tas-sisa, il-prodotti tal-enerġija (pereżempju l-fjuwil) u l-elettriku jenħtieġ li jkunu l-kategorija ta’ prodott prinċipali soġġetta għal eżenzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-VAT, jista’ jiġi preżunt li madwar 10 % ta’ tali kostijiet isiru eżenti mid-dazju tas-sisa fil-futur. Madankollu, ma hemm l-ebda data disponibbli li tipprovdi bażi għall-kwantifikazzjoni tal-impatt.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Il-proposta mhix marbuta ma’ REFIT u ma għandha lebda impatt partikolari fuq il-mikrointrapriżi jew l-SMEs.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mill-VAT, il-proposta tista’ tnaqqas id-dħul mill-VAT li jinġabar mill-Istati Membri u għalhekk ir-riżorsa proprja tal-VAT. Filwaqt li mhu se jkun hemm l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE, peress li r-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (ING) tikkumpensa għal kwalunkwe nefqa mhux koperta mir-riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżorsa proprja tal-VAT, ir-riżorsi proprji tal-VAT mhux miġbura minn ċerti Stati Membri se jkollhom jiġu kkompensati mill-Istati Membri kollha permezz tar-riżorsa proprja tal-ING.

Id-dazju tas-sisa mhuwiex riżorsa proprja. Għalhekk, ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti bħala parti mir-responsabbiltajiet tagħha sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-VAT u s-sisa.

Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1 tal-proposta jemenda d-Direttiva dwar il-VAT kif ġej:

jiżdied paragrafu mal-Artikolu 22, li jirrifletti l-paragrafu eżistenti li jirreferi għall-forzi armati ta’ stat NATO 38

Id-dispożizzjoni l-ġdida tiżgura li l-użu ta’ oġġetti mill-forzi armati tal-Istati Membri li jieħdu sehem fl-isforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK se jiġi ttrattat bħala akkwiżizzjoni intra-UE bi ħlas fejn dawk l-oġġetti, li ma jkunux inxtraw skont ir-regoli tal-VAT lokali tal-Istat Membru li fih il-forzi huma stazzjonati, jinġiebu lura u jintużaw minn dawk il-forzi għall-ħtiġijiet tagħhom jew għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom fl-Istat Membru tagħhom stess. Din id-dispożizzjoni tapplika fejn l-importazzjoni tal-oġġetti ma kinitx tkun eliġibbli għal eżenzjoni skont l-Artikolu 143(1)(ga);

jiżdied il-punt (ga) fl-Artikolu 143(1), li jirrifletti l-eżenzjoni fil-punt (h) għall-importazzjoni ta’ oġġetti mill-membri tan-NATO 39

Id-dispożizzjoni l-ġdida tintroduċi eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni ta’ oġġetti fl-Istati Membri mill-forzi armati ta’ Stati Membri oħra li jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK, fejn l-oġġetti jkunu għall-użu ta’ dawk il-forzi jew il-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom; u

jiżdiedu l-punti (ba) u (bb) fl-Artikolu 151(1), li jirriflettu l-eżenzjoni fil-punti (c) u (d) għall-isforz ta’ difiża tan-NATO 40

L-eżenzjoni fl-Artikolu 151(1)(ba) tkopri provvisti ta’ oġġetti jew servizzi fi Stat Membru, maħsuba għall-użu mill-forzi armati ta’ Stati Membri oħra jew mill-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, fejn tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

L-eżenzjoni fl-Artikolu 151(1)(bb) tirrelata mal-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi lejn Stat Membru ieħor, maħsuba għall-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru tad-destinazzjoni, għall-użu ta’ dawk il-forzi jew il-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, fejn tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

Bħall-eżenzjoni għall-isforz ta’ difiża tan-NATO, l-eżenzjoni għalhekk ma tkoprix il-provvisti domestiċi għall-forzi militari stess tal-Istati Membri ta’ oġġetti bħal spare parts għat-tagħmir militari jew servizzi bħal servizzi ta’ tiswija u tat-trasport; u

Artikolu 2 jintroduċi eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal sforzi ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK 41 . L-eżenzjoni se tkopri provvisti ta’ oġġetti tas-sisa lill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru għajr dak li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi jew persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom fejn tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

2019/0096 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 42 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 43 ,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 44 tipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal oġġetti u servizzi fornuti lill-forzi armati ta’ kwalunkwe parti tal-Istat għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u oġġetti importati minnhom meta tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fl-isforz ta’ difiża komuni barra l-Istat tagħhom stess.

(2)Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE 45 tipprovdi eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal oġġetti tas-sisa maħsuba biex jintużaw mill-forzi armati ta’ kwalunkwe parti tal-Istat għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana għajr dak l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, soġġett għall-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti.

(3)Tali eżenzjonijiet mhumiex disponibbli fejn il-forzi armati ta’ Stat Membru jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet taħt il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) kif stabbilit fi-Kapitolu 2 tat-Taqsima 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Jenħtieġ li tingħata prijorità lill-ħtieġa li jitjiebu l-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża u tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet u li jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom tat-28 ta’ Marzu 2018 dwar il-Pjan ta’ Attività dwar il-Mobbiltà Militari 46 rrikonoxxa l-ħtieġa ġenerali li t-trattament tal-VAT tal-isforzi ta’ difiża jiġi allinjat fi ħdan il-qafas tal-Unjoni u l-umbrella tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

(4)Sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK jinkludi missjonijiet u operazzjonijiet militari, attivitajiet tal-gruppi tattiċi, assistenza reċiproka, proġetti ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA). Madankollu, jenħtieġ li dan ma jinkludix attivitajiet taħt il-klawsola ta’ solidarjetà stabbilita fl-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe attività bilaterali jew multilaterali oħra bejn l-Istati Membri li ma jirrelatawx ma’ sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

(5)Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni mill-VAT biex tkopri l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi maħsuba jew għall-użu mill-forzi armati ta’ Stat Membru jew mill-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK. Provvisti ta’ oġġetti u servizzi għall-forzi armati tal-Istat Membru li fih jiġu fornuti dawk l-oġġetti jew servizzi jenħtieġ li jiġu esklużi mill-eżenzjoni mill-VAT.

(6)Jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll eżenzjoni mid-dazju tas-sisa li tkopri l-oġġetti tas-sisa fornuti għall-użu tal-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru għajr dak li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK barra l-Istat Membru tagħhom.

(7)Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiġi prevista eżenzjoni mill-VAT fejn oġġetti importati mill-forzi armati ta’ Stat Membru jkunu maħsuba għall-użu ta’ dawk il-forzi jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, meta jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża komuni fi ħdan il-qafas tal-Unjoni barra l-Istat Membru tagħhom.

(8)B’mod simili għall-eżenzjoni għall-isforz ta’ difiża tan-NATO, l-eżenzjoni għall-isforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK jenħtieġ li tkun limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-kompiti marbuta direttament ma’ sforz ta’ difiża biss jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal eżenzjoni. Il-kompiti mwettqa esklussivament mill-persunal ċivili jew imwettqa esklussivament bl-użu ta’ kapaċitajiet ċivili ma għandhomx ikunu koperti mill-eżenzjoni. L-eżenzjoni lanqas ma jenħtieġ li tinkludi oġġetti bħal spare parts għal tagħmir militari jew servizzi tat-trasport li l-forzi armati ta’ Stat Membru jiksbu għall-użu fi ħdan dak l-Istat Membru jew tkun estiża għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ sistemi tat-trasport jew ta’ komunikazzjoni u informazzjoni.

(9)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tallinja t-trattament tal-VAT u tad-dazju tas-sisa ta’ sforzi ta’ difiża taħt l-oqfsa tal-Unjoni u tan-NATO ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(10)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 47 l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

(11)Id-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE jenħtieġ, għalhekk, li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)    fl-Artikolu 22, jiddaħħal l-ewwel paragrafu li gej:

“L-applikazzjoni mill-forzi armati ta’ Stat Membru li jkun qed jieħu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), għall-użu tagħhom jew għall-użu tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, ta’ oġġetti li ma jkunux xtraw soġġett għar-regoli ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta’ Stat Membru, għandha tiġi ttrattata bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti bi ħlas, fejn l-importazzjoni ta’ dawk l-oġġetti ma tkunx eliġibbli għall-eżenzjoni prevista fil-punt (ga) tal-Artikolu 143(1).”;

(2)    fl-Artikolu 143(1), jiddaħħal il-punt (ga) li ġej:

“(ga)l-importazzjoni ta’ oġġetti fl-Istati Membri mill-forzi armati ta’ Stati Membri oħra għall-użu ta’ dawk il-forzi jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom fejn tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK;”;

(3)    fl-Artikolu 151(1), jiddaħħlu l-punti (ba) u (bb) li ġejjin:

“(ba)il-provvista ta' oġġetti jew servizzi fi Stat Membru, maħsuba jew għall-forzi armati ta’ Stati Membri oħra għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża komuni mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK;

(bb)il-provvista ta' oġġetti jew servizzi lil Stat Membru ieħor, maħsuba għall-forzi armati ta' kwalunkwe Stat Membru, għajr l-Istat Membru tad-destinazzjoni nnifsu, għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK;”.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 2008/118/KE

Fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/118/KE, jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:

“(ba)mill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru għajr dak l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni;”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1 ).
(2)    Ara l-premessa 35 tad-Direttiva.
(3)    L-Artikolu 148(b) tad-Direttiva jħalli ftit lok għal eżenzjoni fejn l-oġġetti jiġu fornuti għall-forniment tal-fjuwil u għall-provvediment ta’ vapuri tal-ġlied (Kodiċi NM 8906 10 00) li qed iħallu t-territorju tagħhom u jmorru lejn portijiet jew ankraġġi barra l-Istat Membru inkwistjoni. Il-punti (11) u (12) fil-Parti B tal-Anness X għad-Direttiva jippermettu l-eżenzjoni tal-provvista, il-modifika, it-tiswija, il-manutenzjoni, in-noleġġ u l-kiri ta’ inġenju tal-ajru użat mill-istituzzjonijiet tal-Istat, inkluż tagħmir inkorporat jew użat f’tali inġenju tal-ajru, u l-forniment, il-modifika, it-tiswija, il-manutenzjoni, in-noleġġ u l-kiri tal-vapuri tal-ġlied.
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE ( ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12 ).
(5)    Id-dazji tas-sisa regolati mid-dritt tal-Unjoni huma applikati fuq ix-xorb alkoħoliku, il-prodotti tat-tabakk manifatturat u l-prodotti tal-enerġija (il-fjuwils tal-magni u l-fjuwils li jsaħħnu bħall-petrol u l-gażolina, l-elettriku, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk). L-istruttura tat-taxxi u tar-rati minimi huma armonizzati fil-livell tal-UE.
(6)    L-introduzzjoni ta’ eżenzjoni taħt arranġamenti diplomatiċi u konsulari għal provvisti lil forzi tan-NATO li jieħdu sehem fl-isforz ta’ difiża komuni soġġett għal kundizzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, li jistgħu jiġu implimentati wkoll permezz ta’ rifużjoni tal-VAT.
(7)    Il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu skjerati l-unitajiet militari ġew maqbula mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Punent (UEP) fl-1992 u l-“Kompiti ta’ Petersberg” ġew inklużi fil-mistoqsijiet imsemmija fit-Trattat ta’ Amsterdam tal-1997. Il-kompiti u l-istituzzjonijiet tal-UEP ġew sussegwentement ittrasferiti gradwalment lejn l-UE, b’mod partikolari bil-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fl-2004 mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK ( ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17 ). Dan il-proċess tlesta fl-2009 meta klawsola ta’ assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri tal-UE, simili għall-klawsola ta’ assistenza reċiproka tal-UEP, daħlet fis-seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona. Il-UEP finalment ingħalaq fl-2011.
(8)    L-Artikolu 42(2) tat-TUE jipprevedi li “[i]l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni ta' l-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f'dan is-sens skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.”    Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-“Istat tal-Unjoni” fl-2017, il-President tal-Kummissjoni rrefera għall-ħtieġa ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża sħiħa sal-2025. https://ec.europa.eu/commission/priorities/state-union-speeches/state-union-2017_mt  
(9)    L-Artikolu 42(7) TUE.
(10)    L-Artikoli 42(6) u 46 TUE.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/79/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea ( ĠU L 27, 30.1.2001, p. 4 ).
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea ( OJ L 27, 30.1.2001, p. 7 ). Il-Premessa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/971 ( ĠU L 146, 9.6.2017, p. 133 ) tiddikjara li “il-Kunsill approva t-Termini ta' Referenza konsolidati tal-EUMS [li] jissostitwixxu t-Termini ta' Referenza tal-EUMS annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK fuq l-istabbiliment tal-Istaff Militari tal-Unjoni Ewropea, li ma għadhomx japplikaw”.
(13)    Fl-2004, l-EUMC qabel dwar kunċett ta’ grupp tattiku żviluppat mill-EUMS u dokument dwar kunċett ta’ grupp tattiku uniku ġie adottat f’Ottubru 2006.
(14)     Shared vision, common action: a stronger Europe – a global strategy for the European Union’s foreign and security policy (Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b’saħħitha – strateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea).
(15)    Ir-raba' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2017) 41 final ).
(16)    Improving Military Mobility in the European Union (Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea), Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( JOIN(2017) 41 final )
(17)    Action plan on military mobility (Pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari), Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( JOIN(2018) 5 final )
(18)    Idem, p. 7.
(19)     https://www.consilium.europa.eu/media/37030/st13978-en18.pdf
(20)    Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT ( COM(2016) 148 final ) .
(21)     Kawża C-225/11  Able UK.
(22)    L-Istati Membri jistgħu dejjem jikkumpensaw għall-ispiża tal-VAT barra mis-sistema tal-VAT sakemm il-mekkaniżmu użat jikkonforma mal-prinċipji bażiċi tas-suq intern u l-liġi tal-UE.
(23)     https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eugs_implementation_plan_st14392.en16_0.pdf
(24)    Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ( COM(2016) 950 final ).
(25)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża ( COM(2018) 476 final ). Il-Fond se jipprovdi EUR 4.1 biljun biex jiffinanzja direttament proġetti tar-riċerka kompetittivi u kollaborattivi, b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet, u EUR 8.9 biljun biex jikkomplementa l-investiment tal-Istati Membri billi jikkonfinanzja l-kostijiet għall-iżvilupp tal-prototipi, iċ-ċertifikazzjoni suċċessiva u r-rekwiżiti tal-ittestjar
(26)     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK ( ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39 ).
(27)    Grupp informali ta’ rappreżentanti ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa, li jipprovdu lill-Kummissjoni b’forum għall-konsultazzjoni ma’ esperti tal-VAT minn Stati Membri dwar inizjattivi preleġiżlattivi.
(28)     https://eeas.europa.eu/topics/military-and-civilian-missions-and-operations/430/military-and-civilian-missions-and-operations_en
(29)    Ara l-Kunċett tal-grupp tattiku tal-UE, dokument tal-Kunsill 11624/14 (7 ta’ Lulju 2014). Dawn huma unitajiet militari multinazzjonali, normalment magħmulin minn 1 500 persunal kull wieħed, li jifformaw parti integrali mill-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE biex jirrispondu għal kriżijiet u kunflitti emerġenti madwar id-dinja.
(30)    Fit-22 ta’ Ġunju 2017, il-mexxejja tal-UE qablu li l-kost ta’ kwalunkwe skjerament ta’ gruppi tattiċi se jiġġarrab bħala kost komuni; li jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons rapidu tal-UE.
(31)    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri Parteċipanti ( ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57 ).
(32)    l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja.
(33)    Il-lista inizjali ta’ 17-il proġett li għandhom jiġu żviluppati taħt PESCO, kif adottata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 ( ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24 ), tkopri oqsma bħal iċ-Ċentru ta' Kompetenzi għall-Missjonijiet ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EU TMCC) u s-Sistema Strateġika ta' Kmand u Kontroll (C2) għall-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK. It-tieni lista ta’ 17-il proġett addizzjonali, adottata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PSDK) 2018/1797 tad-19 ta’ Novembru 2018 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 ( ĠU L 294, 21.11.2018, p. 18 ), tkopri oqsma bħal Ħelikopters ta' Attakk Ewropej TIGER Mark III u n-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni tas-Sorveljanza Spazjali Militari Ewropew (EU-SSA-N).
(34)    Attwalment, l-Istati Membri kollha ħlief id-Danimarka jipparteċipaw fl-EDA.
(35)    Eżempji speċifiċi tal-attivitajiet tal-EDA li jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni tal-eżenzjonijiet huma:
(36)    L-EDA ffirmat ftehimiet amministrattivi man-Norveġja (2006), l-Iżvizzera (2012), is-Serbja (2013) u l-Ukrajna (2015) fejn huma jistgħu jipparteċipaw fil-proġetti u l-programmi tagħha.
(37)    L-istima hija derivata billi jiġi kkalkulat il-medjan tar-rata tal-VAT medja stmata ponderata applikata f’kull Stat Membru.
(38)    Skont l-Artikolu 22 attwali, l-użu finali tal-oġġetti mill-forzi NATO għandu jiġi ttrattat bħala akkwiżizzjoni intraUE ta’ oġġetti bi ħlas, dment li:
(39)    L-Artikolu 143(1)(h) attwali jipprevedi eżenzjoni mill-VAT obbligatorja għall-importazzjoni ta’ oġġetti fl-Istati Membri tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO mill-forzi armati ta’ membri tan-NATO oħra dment li:
(40)    L-Artikolu 151(1)(c) u (d) attwali jeżenta l-provvisti ta’ oġġetti u servizzi lill-forzi armati tan-NATO jew lill-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, dment li:L-eżenzjoni għall-provvisti tapplika irrispettivament minn jekk il-forzi armati tan-NATO jkunux stazzjonati, qed iżuru jew ikunu sempliċiment għaddejjin minn Stat Membru li mhux l-Istat Membru tagħhom.
(41)    L-Artikolu 12(1)(c) attwali jippermetti l-eżenzjoni mid-dazju tassisa ta’ oġġetti tas-sisa kkonsenjati lill-forzi armati ta’ kwalunkwe membru tan-NATO għajr dak l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi jew il-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom. Id-dispożizzjoni tkopri kemm il-movimenti intra-UE kif ukoll il-movimenti minn pajjiżi terzi.
(42)    ĠU C , , p. .
(43)    ĠU C , , p. .
(44)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(45)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).
(46)    JOIN(2018) 5, tat-28 ta’ Marzu 2018.
(47)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Top