Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0112

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1

COM/2019/112 final

Brussell, 8.3.2019

COM(2019) 112 final

2019/0062(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran għall-perjodu 2019-2023 b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“il-Ftehim tal-GFCM”) għandu l-għan li jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli, fil-livell bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-żona tal-Ftehim . Il-Ftehim tal-GFCM daħal fis-seħħ fl-1952. Kienu approvati emendi tal-Ftehim tal-GFCM fl-1963, l-1976, l-1997 u l-2014.

L-Unjoni hija parti kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM, wara li aċċettatha f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE 1 . Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja huma wkoll partijiet kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM.

2.2.Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija l-korp stabbilit mill-Ftehim tal-GFCM biex jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli, fil-livell bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fil-Mediterran, il-Baħar l-Iswed u l-ilmijiet konnessi. Jadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni biex jiġu ġestiti r-riżorsi tas-sajd taħt il-kompetenza tiegħu.

Bħala membru tal-GFCM, l-Unjoni għandha drittijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ vot. Hemm dikjarazzjoni ta’ kompetenza tal-Unjoni għall-Ftehim tal-GFCM. L-Unjoni teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri tagħha li huma partijiet kontraenti: jekk l-Unjoni tivvota, l-ebda Stat Membru tal-Unjoni ma jivvota u viċi versa. Il-GFCM tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-GFCM preżenti u li jivvutaw.

2.3.Id-deċiżjonijiet tal-GFCM

Il-GFCM għandha l-awtorità li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għas-sajd taħt il-kompetenza tagħha, li huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.

F’konformità mal-Artikolu 13.3 tal-Ftehim tal-GFCM, il-miżuri jidħlu fis-seħħ 120 jum wara d-data li fiha l-partijiet kontraenti jiġu nnotifikati bihom mill-GFCM. Il-partijiet kontraenti li joġġezzjonaw għall-miżuri adottati mill-GFCM fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika mhumiex marbuta b’dik il-miżura. Meta aktar minn terz tal-partijiet kontraenti jissottomettu oġġezzjoni, il-partijiet kontraenti l-oħra mhumiex obbligati jimplimentaw il-miżura kkontestata.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) hija attwalment stabbilita skont approċċ fuq żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, u sussegwentement tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali bid-dokumenti informali tal-Kummissjoni li jridu jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.

Għall-GFCM, dan l-approċċ huwa implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 9389/1/14 REV 1 tat-8 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-GFCM għall-perjodu 2014-2018. Id-Deċiżjoni fiha l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet ġenerali, iżda tqis ukoll sa fejn hu possibbli, l-ispeċifiċitajiet tal-GFCM. Barra minn hekk, tistabbilixxi l-proċess standard biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni sena b'sena, kif mitlub mill-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1 tipprevedi eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2019. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-GFCM għall-perjodu 20192023, u b’hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1.

Id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1 inkorporat il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS 3 . Barra minn hekk, din aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tat-Trattat ta’ Lisbona.

Ir-reviżjoni attwali tqis, b’rabta mal-impatti tas-sajd, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-plastiks f’ekonomija ċirkolari 4 , il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna 5 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta 6 .

Ir-reviżjoni attwali tqis ukoll l-impenji li ħadet l-Unjoni fil-livell internazzjonali dwar il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever 7 u d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija 8 .

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu atti li għandhom effetti legali permezz tar-regoli tal-liġi internazzjonali li tirregola l-korp inkwistjoni, u l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali, iżda huma “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-GFCM hija l-korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim tal-GFCM.

L-atti li l-GFCM hi mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti għandhom ikunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 13 tal-Ftehim tal-GFCM u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat 10 ;

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 11 ; u

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 12 .

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim tal-GFCM.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk dak l-att isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun identifikabbli bħala l-att ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tiġi bbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik li jirrikjedi l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1 li tkopri l-perjodu 2014-2018.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2019/0062 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE 13 , l-Unjoni Ewropea kkonkludiet il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (il-Ftehim tal-GFCM). Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM.

(2)Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija responsabbli mill-adozzjoni ta’ miżuri mfassla biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14  jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprovdi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin jirkupra l-popolazzjoni ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprovdi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, biex telimina gradwalment il-qbid skartat u tippromwovi l-metodi ta’ sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprovdi speċifikament li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna 15 , u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta 16 , il-promozzjoni ta’ miżuri għall-appoġġ u t-tisħiħ tal-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, it-titjib tal-governanza tagħhom huwa fundamentali għall-azzjoni tal-Unjoni f’dawn il-fora.

(5)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari 17 , tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta’ rkaptu ta-sajd fil-baħar.

(6)Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar is-Sostenibbiltà tas-Sajd fil-Mediterran, li fit-30 ta’ Marzu 2017 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever u tal-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-Baħar l-Iswed, li fis-7 ta’ Ġunju 2018 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija, il-promozzjoni ta’ miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, il-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, il-kultura ta’ konformità biex jiġi eliminat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira sostenibbli u aktar solidarjetà u koordinazzjoni, huma ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-GFCM.

(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM għall-perjodu 2019-2023, peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-GFCM se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 18 ; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 19 ; u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 .

(8)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 9389/1/14 REV 1 21 . Jixraq li titħassar id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1 u li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2019-2023.

(9)Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis żviluppi ġodda, inkluża informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-GFCM, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f’konformità mal-prinċipju ta’ koperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perjodu 2019-2023.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-GFCM għandha titwettaq f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-GFCM fl-2024.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1 tat-8 ta’ Mejju 2014 hija mħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    KUMM(2011) 424, 13.7.2011.
(4)    COM(2018) 28 final, 16.1.2018.
(5)    JOIN(2016) 49 final, 10.11.2016.
(6)    7348/1/17 REV 1, 24.3.2017.
(7)     https://ec.europa.eu/fisheries/inseparable/sites/inseparable/files/2018-01-26-declaration-malta.pdf
(8)     https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/docs/2018-06-07-sofia-declaration_en.pdf
(9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja v il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(10)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(11)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(12)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(15)    JOIN(2016) 49 final, 10.11.2016.
(16)    7348/1/17 REV 1, 24.3.2017.
(17)    COM(2018) 28 final, 16.1.2018.
(18)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(20)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(21)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd għall-Mediterran (GFCM).
Top

Brussell, 8.3.2019

COM(2019) 112 final

ANNESSI

tal-

proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni 9389/1/14 REV 1


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)

1.PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-GFCM, l-Unjoni għandha:

a) taġixxi f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

b) taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta’ preparazzjoni għall-miżuri tal-GFCM u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-GFCM jikkonformaw mal-Ftehim tal-GFCM;

c) tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM huma konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009;

d)timmira l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tal-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever iffirmata f’Malta fit-30 ta’ Marzu 2017 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija ffirmata fis-7 ta’ Ġunju 2018, li huma maħsuba b’mod partikolari biex itejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, li jistabbilixxu qafas ta’ ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, jiżviluppaw kultura ta’ konformità u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jappoġġaw is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira u sostenibbli u jiżguraw aktar solidarjetà u koordinazzjoni fil-Mediterran;

e) tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona;

f) tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b’mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

g)tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

h) tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd 1 ;

i) timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan il-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u l-istandards;

j) tikkonforma mal-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna 2 , kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta 3 u tippromwovi miżuri biex jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-GFCM u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b’mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

k) tippromwovi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (RSCs) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom;

l)tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess Kobe għall-RFMOs tat-tonn.

2.ORJENTAZZJONIJIET

L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-GFCM tal-azzjonijiet li ġejjin:

a) miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inklużi l-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz għal riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li huma rregolati mill-GFCM, li se jiksbu r-rata tal-isfruttar tar-rendiment sostenibbli massimu fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli;

b) miżuri biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati (IUU) fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM, inkuż l-elenkar tal-bastimenti IUU;

c) miżuri ta’ monitoraġġ , kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM;

d) miżuri biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jipprevjenu r-rimi ta’ plastik fil-baħar u jnaqqsu l-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM f’konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali tal-FAO, u miżuri biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, inkluż b’mod partikolari speċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat;

e)miżuri biex inaqqsu l-impatt ta’ rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (ALDFG) fl-oċean u biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tagħmir bħal dan;

f)azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti;

g)approċċi komuni ma’ RFMOs oħra, fejn xieraq, b’mod partikolari ma’ dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess żona;

h) miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-korpi u mill-gruppi ta’ ħidma tal-GFCM;

i)rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-limitu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

j)miżuri f’konformità mal-impenji tad-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever u tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija.

ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed

fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

Qabel kull laqgħa tal-GFCM, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-GFCM, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-GFCM, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tkun referuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

(1)    7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2)    JOIN(2016) 49, 10.11.2016.
(3)    7348/1/17 REV 1, 24.3.2017.
Top