Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0089

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim dwar l-status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

COM/2019/89 final

Brussell, 21.2.2019

COM(2019) 89 final

2019/0041(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim dwar l-status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 1 jipprevedi li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. F’dan ir-rigward, l-Aġenzija tista’ twettaq azzjonijiet fil-fruntieri esterni li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz li jkun ġar ta’ mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, dejjem jekk il-pajjiż ġar jaqbel dwar dan, inkluż fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz.

Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. Għandu b’mod partikolari jistipula l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali u l-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet. Il-ftehim dwar l-istatus għandu jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali matul dawn l-operazzjonijiet.

Fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat ftehim dwar l-istatus mal-Montenegro bil-ħsieb li tistabbilixxi l-qafas legali li se jippermetti l-aġir immedjat permezz tal-istabbiliment ta’ Pjani Operattivi meta jkun hemm bżonn ta’ reazzjoni rapida. Filwaqt li bħalissa l-Montenegro mhuwiex qed jintuża ħafna bħala pajjiż ta’ tranżitu mill-migranti, jista’ jkun li s-sitwazzjoni tinbidel, kif diġà ġara fil-passat. In-netwerks ta’ kriminalità organizzata malajr jadattaw ir-rotot u l-metodi tagħhom għall-kuntrabandu tal-migranti għal kwalunkwe ċirkostanzi ġodda. Bil-ftehim dwar l-istatus fis-seħħ, l-awtoritajiet tal-Montenegro responsabbli u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirreaġixxu malajr għal tali żviluppi possibbli.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro.

Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tibda n-negozjati mal-Montenegro dwar il-ftehim dwar l-istatus fir-rigward ta’ azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro.

In-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus infetħu u ġew iffinalizzati fil-5 ta’ Lulju 2018. In-negozjati se jiġu ffinalizzati b’suċċess billi jiġi inizjalat il-ftehim dwar l-istatus f’data aktar tard.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus hu aċċettabbli għall-Unjoni.

L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

Relazzjoni mal-ftehimiet bilaterali eżistenti

Il-ftehim bejn il-Ministeru tal-Intern Kroat u l-Ministeru tal-Intern tal-Montenegro dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija daħal fis-seħħ għall-Kroazja fil-11 ta’ Novembru 2011 (NN/MU Nru. 15/2011).

Min-naħa l-oħra hemm fis-seħħ arranġament ta’ ħidma (li qed jiġi aġġornat) bejn il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, li jinkludi, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni regolari tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bħala osservaturi fit-territorju tal-Istati Membri.

Il-Montenegro rrapporta kooperazzjoni transfruntiera tajba — speċjalment fil-livell tekniku — mal-ġirien kollha tiegħu u sar progress tajjeb fir-rigward tan-negozjati ta’ għadd ta’ ftehimiet mas-Serbja, mal-Bożnija-Ħerzegovina u mal-Kroazja. Protokoll bejn il-Ministeri għall-Intern tal-Montenegro, l-Albanija u l-Kosovo* stabbilixxa Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija Konġunta fi Plav li huwa mmirat biex javvanza l-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra l-kriminalità, permezz ta’ skambju aktar intensiv ta’ informazzjoni operazzjonali u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-isforzi konġunti fil-qasam tas-sigurtà. Iċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija Konġunta kien miftuħ uffiċjalment fit-30 ta’ Mejju 2017.

2 Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 3 hija mibnija fuq erba’ pilastri. Il-ġestjoni tal-fruntieri hija wieħed minnhom: din tinvolvi ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterna tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-solidarjetà lejn dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni, u t-titjib fl-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri. Kontroll imsaħħaħ tal-fruntieri tal-Montenegro se jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-fruntieri esterni tal-UE, kif ukoll il-fruntieri tal-Montenegro. Aktar tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni huwa wkoll konformi mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 4 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE.

Il-kompetenza tal-Unjoni biex tikkonkludi ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jiddikjara li, f’każijiet fejn huwa mistenni li t-timijiet Ewropej tal-Gwardja tal-Kosta u tal-Fruntiera se jkunu stazzjonati f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim se jkollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, ftehim dwar l-istatus għandu jiġi konkluż mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE, l-Unjoni għandu jkollha, fost l-oħrajn, kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-status mill-Unjoni Ewropea mal-pajjiż terz ikkonċernat. Konsegwentement, il-ftehim mehmuż mal-Montenegro jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Mhux applikabbli.

Proporzjonalità

Ftehim dwar l-status se jippermetti l-iskjerament tat-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro minflok l-użu bilaterali mill-Istati Membri f’każ ta’ influss f’salt ta’ migranti.

Għalhekk huwa meħtieġ approċċ komuni għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri tal-Montenegro.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218(5) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress fil-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma japplikax

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma japplikax

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

Ma japplikax

Valutazzjoni tal-impatt

L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma kienet meħtieġa għan-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti.

1.1.Drittijiet fundamentali

L-abbozz ta’ ftehim dwar l-istatus fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-azzjonijiet tal-membri tat-tim involuti f’azzjoni kkoordinata mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jkunu protetti.

Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali huma spjegati aktar fil-punt 5 “Elementi oħrajn”.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandux implikazzjonijiet finanzjarji. Huwa tabilħaqq l-iskjerament reali tat-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fuq il-bażi ta’ Pjan Operazzjonali u l-Ftehim ta’ Għotja rilevanti li se jinvolvi spejjeż li jiġġarrbu mill-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-operazzjonijiet futuri taħt il-ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta.

Id-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta għal Regolament dwar Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta dwar in-nefqa tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta evalwat għal EUR 6.090 miljun bħala medja kull sena għall-perjodu 2017-2020 il-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi terzi (inklużi operazzjonijiet konġunti possibbli mal-pajjiżi ġirien).

1.2.5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.

Il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jevalwaw flimkien kull operazzjoni jew intervent rapidu fil-fruntiera li jagħmlu b’mod konġunt.

B’mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Montenegro u l-Istati Membri li jipparteċipaw għal azzjoni speċifika għandhom ifasslu rapport fi tmiem kull azzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim

Taħt dan il-Ftehim, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkun tista’ tistazzjona t-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi fil-Montenegro biex twettaq operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi jew operazzjonijiet ta’ ritorn.

It-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta jistgħu jiġu skjerati fit-territorju tal-Montenegro biss f’reġjuni li għandhom il-konfini mal-fruntieri esterni tal-UE u l-membri tat-tim għandu jkollhom poteri eżekuttivi f’dawk iż-żoni tal-Montenegro kif stabbilit fil-Pjan Operazzjonali.

L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro bl-ebda mod mhuma affettwati la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

It-tnedija ta’ azzjoni

L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tal-Monte jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni. It-twettiq ta’ azzjoni jeħtieġ il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u tal-Aġenzija.

Pjan operazzjonali 

Qabel kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera, irid jiġi miftiehem Pjan Operazzjonali bejn l-Aġenzija u l-Montenegro. Il-Pjan Operazzjonali jrid jiġi miftiehem bejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jinsabu mal-fruntiera taż-żona ta’ operazzjoni.

Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn il-Montenegro u l-Aġenzija,

Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim

Bħala regola ġenerali, it-timijiet għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Huma għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro.

It-timijiet għandhom jaġixxu biss fit-territorju tal-Montenegro taħt l-istruzzjonijiet mingħand u fil-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali relevanti oħrajn tal-Montenegro. Il-Montenegro jista' eċċezzjonalment tawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f'isimha.

Il-membri tat-tim għandhom ukoll, fejn xieraq, jilbsu l-uniformi tagħhom, identifikazzjoni personali viżibbli u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Huma għandhom ukoll iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni sabiex jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtoritajiet tal-Montenegro.

Il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat tagħhom stess. L-Aġenzija għandha tkun notifikata minn qabel mill-awtoritajiet tal-Montenegro dwar l-armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.

Il-membri tat-tim jistgħu jużaw il-forza, inkluż armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, bil-kunsens tal-Istat tagħhom stess u tal-awtoritajiet tal-Montenegro, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera tal-Montenegro jew persunal rilevanti ieħor, u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro. L-awtoritajiet tal-Montenegro jistgħu jawtorizzaw lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza anke fin-nuqqas tal-gwardji tal-fruntiera tagħhom.

Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw il-bażijiet tad-data tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, l-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom jinformaw lill-Aġenzija dwar liema bażijiet tad-data nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Montenegro.

Sospensjoni u terminazzjoni tal-azzjoni

Kemm l-Aġenzija kif ukoll l-awtoritajiet tal-Montenegro jistgħu jissospendu jew itemmu l-azzjoni, jekk huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mill-parti l-oħra.

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

Il-membri tat-tim għandhom igawdu mill-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha mwettqa fit-tħaddim tal-funzjonijiet uffiċjali (“on duty”) filwaqt li dawn ma jgawdux tali immunità għal atti mwettqa “off duty”.

Il-Pjan Operazzjonali għandu preċiżament jistabbilixxi l-azzjonijiet li jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, għandu jiċċertifika lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Montenegro jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali jew le. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kull rappreżentanza li ssir mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera kkonċernat jew persunal rilevanti ieħor u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Montenegro.

Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Sistema simili tapplika għar-responsabbiltà ċivili u amministrattiva tal-membri tat-tim.

L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ikkonċernati. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.

Membri tat-tim, li huma xhieda, jistgħu jkunu obbligati li jipprovdu evidenza permezz ta’ dikjarazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Montenegro.

Il-ftehim jipprevedi mekkaniżmu li jikkumpensa d-danni. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa bbażat fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Jekk id-dannu jiġi kkawżat minn membru tat-tim “on duty”, il-Montenegro għandu jkun responsabbli. Jekk id-dannu jiġi kkawżat minn membru tat-tim “on duty” minn Stat Membru parteċipanti minħabba negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att twettaq “off duty”, il-Montenegro jista’ jitlob, permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat. Jekk il-ħsara tkun ikkawżata minn persunal tal-Aġenzija, il-Montenegro jista’ jitlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

L-oġġetti tal-membri tat-tim meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom għandhom ikunu ħielsa mill-qbid. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ kostrinġiment.

Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu ikunu fis-seħħ fil-Montenegro fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija. Huma għandhom ukoll ikunu eżentati minn kull forma ta’ tassazzjoni fil-Montenegro fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew l-Istati Membri tagħhom, kif ukoll fuq kull dħul riċevut minn barra mill-Montenegro.

L-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandhom jagħtu eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra (ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili) fir-rigward ta' dawn l-oġġetti.

Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta’ suspetti ġustifikati li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-propjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni.

Dokument ta’ Akkreditazzjoni

L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Montenegro, toħroġ dokument ta’ akkreditazzjoni lill-membri tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Montenegro bħala prova tad-drittijiet tad-detentur li jwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri mogħtija taħt dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Montenegro mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

Drittijiet fundamentali

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dawn ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti fis-seħħ sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha. L-Aġenzija stabbiliet mekkaniżmu ta’ lment imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u għalhekk tissodisfa dan l-obbligu. L-Ombudsman tal-Montenegro jista’ jittratta dawn l-allegazzjonijiet, ħlief jekk l-awtoritajiet tal-Montenegro jiddeċiedu li jistabbilixxu mekkaniżmu inkarigat speċifikament biex jittratta l-ilmenti mressqa taħt dan il-Ftehim.

L-ipproċessar ta' data personali

Id-data personali għandha tiġi pproċessata minn membri tat-tim meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont ir-regoli applikabbli għall-Aġenzija u għall-Istati Membri tal-UE. L-ipproċessar ta’ data personali mill-Montenegro għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.

L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u l-awtoritajiet tal-Montenegro għandhom iħejju rapport komuni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Huma għandhom jirrapportaw għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Tilwim u interpretazzjoni

Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u minn rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw mal-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tal-Montenegro.

Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjar bejn il-Montenegro u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha, kull meta jkun meħtieġ, tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġar tal-Montenegro.

L-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Għall-Montenegro, l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim huwa l-Ministru tal-Intern. Għall-Unjoni Ewropea, hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Dikjarazzjoni Konġunta

Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li tista' tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti tinkludi l-astensjoni minn attività li tiffaċilita b'mod attiv ir-ritorn tal-membru kkonċernat tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro lejn l-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sakemm issir iċ-ċertifikazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2019/0041 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim dwar l-status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , f'każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jirrikjedu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, mill-Unjoni mal-pajjiż terz konċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet.

(2)Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati mal-Montenegro għal ftehim dwar l-istatus fir-rigward ta’ azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro.

(3)In-negozjati ġew finalizzati b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (“il-Ftehim”).

(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 6 ; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 7 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha.

(7)Għaldaqstant, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard filwaqt li jiġu approvati d-Dikjarazzjonijiet mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni hija approvata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim, għall-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għal Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU 16.9.2016, L 251/1.
(2)    *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3)    COM (2015) 240 final.
(4)    COM (2015) 185 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jipparteċipaw f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU 1.6.2000, L 131/43).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
Top

Brussell, 21.2.2019

COM(2019) 89 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro


ANNESS

FTEHIM DWAR L-ISTATUS

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

L-UNJONI EWROPEA

u l-MONTENEGRO,

Minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, tikkoordina kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Montenegro, inkluż fit-territorju tal-Montenegro,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija se jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tal-Montenegro.

FID-DAWL li jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tal-Montenegro jirrispettaw id-drittijiet fundamentali bis-sħiħ,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:

Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim

1.    Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet tal-Aġenzija, possibbilment fit-territorju tal-Montenegro, u li permezz tagħhom il-membri tat-tim tal-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi.

2.    Dan il-Ftehim għandu japplika biss fil-Montenegro jew f’partijiet minnu.

3.    L-istatus u d-delimitazzjoni skont il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Montenegro bl-ebda mod ma jintlaqtu, la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(1)“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

(2)“operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata li tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transfruntiera jew li jkollha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntiera tal-Montenegro li tmiss ma’ Stat Membru u li tkun skjerata fit-territorju tal-Montenegro;    

(3)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata li tindirizza sitwazzjoni b’diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tal-Montenegro li jmissu ma’ Stat Membru u li tkun skjerata fit-territorju tal-Montenegro għal perjodu ta’ żmien limitat;    

(4)“operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u li tkun tinvolvi rinforzi tekniċi u operazzjonali minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn il-Montenegro;

(5)“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni mwettqa fuq il-fruntiera b’reazzjoni esklużiva għall-intenzjoni tal-qsim jew għall-att tal-qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

(6)“Membru ta’ tim” tfisser membru jew tal-persunal tal-Aġenzija jew membru ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jkunu ssekondati mill-Istati Membri mal-Aġenzija biex jieħdu sehem f’azzjoni;    

(7)“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;    

(8)“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser l-Istat Membru minn fejn joriġina membru ta’ tim li jkun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal;    

(9)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur onlajn jew fattur speċifiku wieħed jew aktar relatati mal-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;    

(10)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fil-Montenegro billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;    

(11)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Artikolu 3
Tnedija tal-Azzjoni

1.    L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta mill-Aġenzija lill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni.

2.    It-twettiq ta’ azzjoni jeħtieġ il-kunsens kemm tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro kif ukoll tal-Aġenzija.

Artikolu 4
Pjan operazzjonali

Għandu jiġi miftiehem Pjan Operazzjonali, bil-kunsens tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona operazzjonali, għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera. Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jkun irid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, fosthom l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn il-Montenegro u l-Aġenzija.

Artikolu 5
Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim

1.    Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2.    Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro.

3.    Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fit-territorju tal-Montenegro fuq struzzjonijiet tal-gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro biss, u bħala regola ġenerali fil-preżenza tagħhom. Il-Montenegro għandu jagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-Pjan Operazzjonali meta xieraq. Il-Montenegro jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f’ismu.

L-Aġenzija, permezz tal-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni tagħha, tista’ tgħarraf lill-Montenegro dwar il-fehmiet tagħha fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F’dak il-każ, il-Montenegro għandu jikkunsidra dawn il-fehmiet u jsegwihom sa fejn ikun possibbli.

F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-Pjan Operazzjonali, l-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni għandu jirrapporta lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija minnufih. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, fosthom is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.

4.    Il-membri tat-timijiet għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom meta jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom b’mod viżibbli. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro, il-membri tat-timijiet għandhom iġorru magħhom id-dokument ta’ akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 l-ħin kollu.

5.    Meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-timijiet jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir kif awtorizzat mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju. Qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim il-Montenegro għandu jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw.

6.    Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Montenegro u tal-Istat Membru ta’ domiċilju, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro. Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro.

7.    Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw mal-bażijiet tad-data tiegħu jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim il-Montenegro għandu jgħarraf lill-Aġenzija dwar liema bażijiet ta’ data nazzjonali jkunu jistgħu jiġu kkonsultati. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-Montenegro dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 6
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Azzjoni

1.    Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jiġux rispettati mill-Montenegro, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jinforma lill-Montenegro dwar dan bil-miktub. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Montenegro bir-raġunijiet għal dan.

2.    Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jiġux irrispettati mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant, il-Montenegro jkun jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni wara li jinforma lill-Aġenzija bil-miktub dwar dan. Il-Montenegro għandu jgħarraf lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.

3.    B’mod partikolari, il-Montenegro jew id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

4.    It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

1.    Il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-membri tat-tim tal-Aġenzija għandhom l-għan li jiżguraw li l-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet imwettqa mit-tim, f’konformità mal-Pjan Operazzjonali fit-territorju tal-Montenegro, jitwettqu sew.

2.    Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 7.

3.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro fir-rigward tal-attivitajiet u l-atti mwettqa fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-Pjan Operazzjonali.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li jkun qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Sakemm ma tasal iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, l-Aġenzija u l-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi miżuri li x’aktarx ifixklu l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli ta’ membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.

Il-proċediment ma għandux jibda jekk l-att ikun twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali. Il-proċediment jista’ jitkompla jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Montenegro. Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru ta’ domiċilju skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.

4.    Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jitwettqu f’konformità mal-pjan operazzjonali. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra l-membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti fil-Montenegro, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq mill-Membri tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. 

Il-proċediment ma għandux jibda jekk l-att ikun twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali. Il-proċediment jista’ jitkompla jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali. Iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Montenegro.

Il-bidu ta’ proċedimenti minn membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontrotalba relatata mat-talba prinċipali.

5.    Il-membri tat-tim, li jkunu xhieda, jistgħu jkunu obbligati mill-awtoritajiet kompetenti Montenegrini, b’rispett sħiħ lejn id-dispożizzjoni tal-Artikoli 7.3 u 7.4, li jipprovdu evidenza permezz ta’ dikjarazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Montenegro.

6.    Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-Pjan Operazzjonali, ir-Repubblika tal-Montenegro għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, ir-Repubblika tal-Montenegro tista’ titlob, permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li jkun membru tal-persunal tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Montenegro tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat fil-Montenegro, minħabba force majeure, la l-Montenegro, lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom l-ebda responsabbiltà.

7.    L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, għajr fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet imwettqa skont il-Pjan Operazzjonali.

Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

8.    L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tal-Montenegro ma għandhiex teżentahom mill-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri ta’ domiċilju rispettivi tagħhom.

9.    B’rabta mas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Montenegro.

10.    Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni fil-Montenegro fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri ta’ domiċilju kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra l-Montenegro.

11.    F’konformità ma’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti li jista’ jadotta, il-Montenegro għandu jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandu jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet għall-ħżin, it-trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti. Il-Montenegro għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti.

12.    Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f’każijiet ta’ suspetti ġustifikati li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim ikkonċernat/i jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Artikolu 8
Dokument ta’ akkreditazzjoni

1.    L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Montenegro, toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali tal-Montenegro u f’lingwa/i uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita s-setgħat msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew l-isem tal-impjieg; ritratt riċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

2.    Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Montenegro mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

3.    Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jingħata lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

Artikolu 9
Drittijiet Fundamentali

1.    Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw b’mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fit-twettiq tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-qofol ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

2.    Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont dan il-Ftehim.

Artikolu 10
Ipproċessar ta’ data personali

1.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċitar tas-setgħat tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Montenegro, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.

2.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-Montenegro għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu. 

3.    L-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija u mill-Istat(i) Membru/i parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn il-Montenegro, għandu jkun suġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

4.    F’każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta’ data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lill-Montenegro, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għat-trasferiment, it-tħassir jew il-qerda tagħha. Fejn tinqala' l-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lill-Montenegro dwar dan.

5.    Id-data personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Montenegro, mill-Aġenzija u mill-Istati Membri parteċipanti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6.    L-Aġenzija, il-Montenegro u l-Istati Membri parteċipanti għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Huma għandhom jirrapportaw lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Artikolu 11
Tilwim u interpretazzjoni

1.    Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u mir-rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw l-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tal-Montenegro.

2.    Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjati bejn il-Montenegro u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha tikkonsulta ma’ kwalunkwe Stat Membru ġar tal-pajjiż terz.

Artikolu 12
Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien, sospensjoni u terminazzjoni tal-Ftehim

1.    Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin b’mezzi diplomatiċi li jkunu lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perijodu taż-żmien mhux definit.

4.    Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina jew tissospendi għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan permezz ta’ mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tat-tieni x-xahar ta’ wara meta l-Parti l-oħra tiġi mgħarrfa.

4.    Fil-każ tal-Montenegro n-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu lill-Ministeru tal-Intern, u fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …. nhar il- ……

f’duplikat fil-lingwa Montenegrina u fil-lingwa/i uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u kull wieħed minn dawn it-testi se jkun awtentiku daqs il-bqija.

F’każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż.

Firem:

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jagħrfu r-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, jikkonkludu mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Montenegro f’termini simili għal dawk ta’ dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li jaf tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti tinkludi l-astensjoni minn attività li tiffaċilita b’mod attiv ir-ritorn tal-membru kkonċernat tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro lejn l-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu, sakemm issir iċ-ċertifikazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Top