IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.2.2019
COM(2019) 71 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-parteċipazzjoni f’negozjati dwar it-tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST
L-evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni – waqt li ġġib opportunitajiet mingħajr preċedent għall-umanità – tqajjem ukoll xi sfidi, inkluż għall-ġustizzja kriminali u b’hekk għall-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju. Filwaqt li ċ-ċiberkriminalità u reati oħra li jinvolvu evidenza elettronika fuq sistemi tal-kompjuter qed jiżdiedu u filwaqt li l-evidenza relatata ma’ dawn ir-reati hija dejjem aktar maħżuna fuq servers f’ġuriżdizzjonijiet barranin, multipli, li jiġu ttrasferiti jew li mhumiex magħrufa, jiġifieri, fil-cloud, is-setgħat ta’ infurzar tal-liġi jibqgħu limitati minn limitazzjonijiet territorjali.
Il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-impenn fl-Aġenda Ewropea ta’ Sigurtà ta' April 2015 sabiex tirrieżamina l-ostakli għall-investigazzjonijiet dwar kriminalità bl-użu tal-internet, b’mod partikolari dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-iskop ta’ ġbir ta’ evidenza fi proċedimenti kriminali (“evidenza elettronika proposta”). L-għan ta’ dawn il-proposti huwa li jitħaffef il-proċess fl-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata u miksuba evidenza elettronika li hija maħżuna u/jew miżmuma minn provdituri ta’ servizzi stabbiliti f’ġurisdizzjoni oħra.
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185) għandha l-għan li tiffaċilita l-ġlieda kontra reati kriminali li jagħmlu użu ta’ netwerks tal-kompjuter. Din fiha dispożizzjonijiet (1) li jarmonizzaw l-elementi domestiċi tal-liġi sostantiva kriminali u dispożizzjonijiet konnessi fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, (2) li jipprevedu setgħat minn liġi proċedurali kriminali domestika meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ tali reati kif ukoll reati oħra mwettqa permezz ta’ sistema informatika jew evidenza dwarhom li hija f’forma elettronika, u (3) li għandhom l-għan li jistabbilixxu reġim rapidu u effettiv ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mhumiex membri. Attwalment 62 pajjiż huma Partijiet fil-Konvenzjoni, inklużi 26 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-Konvenzjoni ma tipprevedix li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ taderixxi għall-Konvenzjoni. L-Unjoni Ewropea madankollu hija rikonoxxuta bħala Organizzazzjoni Osservatriċi għall-Kumitat tal-Konvenzjoni (T-CY). Fuq din il-bażi l-Unjoni Ewropea tieħu sehem f’laqgħat tal-Kumitat tal-Konvenzjoni.
L-Artikolu 46.1.c tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Partijiet għandhom, kif xieraq, jikkonsultaw perjodikament bl-iskop li tiġi ffaċilitata l-konsiderazzjoni ta’ supplimentazzjoni jew emenda possibbli tal-Konvenzjoni. Il-partijiet tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità ilhom jeżaminaw għal xi żmien l-isfidi u l-ostakli eżistenti għall-aċċess minn awtoritajiet ġudizzjarji u pulizija nazzjonali għal evidenza elettronika tar-reati taħt investigazzjoni kriminali f’forma ta’ data tal-kompjuter, jiġifieri mill-2012 sal-2014 permezz ta’ grupp ta’ ħidma dwar aċċess transfruntier għal data u mill-2015 sal-2017 permezz tal-Grupp ta’ Evidenza tal-Cloud.
Negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni
Wara proposti mill-Grupp ta’ Evidenza tal-Cloud, il-Kumitat tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (T-CY) adotta għadd ta’ Rakkomandazzjonijiet, inkluż dwar in-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni internazzjonali msaħħa (“it-Tieni Protokoll Addizzjonali”). F’Ġunju 2017, il-Kumitat tal-Konvenzjoni taċ-Ċiberkriminalità approva t-Termini ta’ Referenza għat-tħejjija tat-Tieni Protokoll Addizzjonali matul il-perjodu minn Settembru 2017 sa Diċembru 2019.
Skont it-Termini ta’ Referenza, it-Tieni Protokoll Addizzjonali jista’ jinkludi l-elementi li ġejjin:
·Dispożizzjonijiet għal assistenza legali reċiproka aktar effettiva, b’mod partikolari:
–reġim simplifikat għal talbiet għal assistenza legali reċiproka għal informazzjoni dwar l-abbonati;
–ordnijiet ta’ produzzjoni internazzjonali;
–kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’talbiet għal assistenza legali reċiproka;
–investigazzjonijiet konġunti u timijiet konġunti ta’ investigazzjoni;
–talbiet bl-Ingliż;
–eżami tax-xhieda tal-vittmi u tal-esperti bl-awdjo/vidjo;
–proċeduri ta’ emerġenza ta’ Assistenza Legali Reċiproka (MLA, Mutual Legal Assistance);
·Dispożizzjonijiet li jippermettu kooperazzjoni diretta ma’ provdituri ta' servizzi f’ġuriżdizzjonijiet oħra fir-rigward ta’ talbiet għal informazzjoni dwar l-abbonati, talbiet għal preservazzjoni, u talbiet ta’ emerġenza;
·Qafas aktar ċar u salvagwardji aktar b’saħħithom għal prattiki eżistenti ta’ aċċess transfruntier għad-data;
·Salvagwardji, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
In-negozjati dwar dispożizzjonijiet differenti tat-Tieni Protokoll Addizzjonali qed jagħmlu progress b’ritmi differenti. Is-sitwazzjoni attwali fil-gruppi ta’ ħidma dwar l-erba’ blokok prinċipali ta’ ħidma deskritti skont it-termini ta’ referenza hija kif ġej:
·Il-provvedimenti dwar “Lingwi ta’ talbiet” u “Assistenza reċiproka ta’ emerġenza” ġew adottati b’mod preliminari mis-Seduta Plenarja tal-Abbozzar tal-Protokoll f’Lulju 2018.
·Il-provvedimenti dwar “Vidjokonferenzi’” ġew adottati b’mod preliminari mis-Seduta Plenarja tal-Abbozzar tal-Protokoll f’Novembru 2018.
·Is-Seduta Plenarja tal-Abbozzar tal-Protokoll f’Novembru 2018 ippermettiet ukoll diskussjonijiet iddettaljati (provvedimenti dwar “Ġuriżdizzjoni” u “Mudell ta’ Approvazzjoni”) u aġġornamenti (“Kooperazzjoni diretta ma’ fornituri”, “Ordnijiet ta’ produzzjoni internazzjonali”, “Estensjoni ta’ tiftix/aċċess ibbażat fuq kredenzjali”, “Investigazzjonijiet konġunti u skwadri ta’ investigazzjoni konġunti” u “Tekniki investigattivi”).
·Għadu ma sarx biżżejjed progress fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra (salvagwardji, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data).
2.GĦANIJIET TAL-PROPOSTA
Din ir-rakkomandazzjoni hija ppreżentata lill-Kunsill sabiex tiġi riċevuta l-awtorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni fin-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali, biex jiġu adottati direttivi ta’ negozjar u biex il-Kummissjoni tinħatar bħala negozjatur skont l-abbozz ta’ direttivi ta’ negozjar mehmuż, skont l-Artikolu 218 TFUE.
L-Artikolu 3(2) TFUE jistipula li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva “li tikkonkludi ftehim internazzjonali ... sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.” Ftehim internazzjonali jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fejn il-qasam kopert bil-ftehim jirkeb fuq il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew ikun kopert fil-parti l-kbira mil-leġislazzjoni tal-Unjoni.
L-Unjoni Ewropea adottat regoli komuni bbażati fuq l-Artikolu 82(1) u 16 TFUE dwar l-elementi taħt konsiderazzjoni għat-tieni Protokoll Addizzjonali. Il-qafas legali attwali tal-Unjoni Ewropea jinkludi b’mod partikolari strumenti dwar l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament 2018/1727 dwar il-Eurojust, ir-Regolament 2016/794 dwar l-Europol, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/465/JHA dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/JHA dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali. Barra minn hekk, l-Unjoni adottat diversi direttivi li jsaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati.
Esternament, l-Unjoni Ewropea kkonkludiet għadd ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħalma huma l-Ftehimiet dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.
Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-data personali tista’ tiġi pproċessata biss skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) u d-Direttiva (UE) 2016/680 (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Pulizija). Id-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu jew tagħha, ta’ daru/darha u tal-komunikazzjoni tiegħu jew tagħha huwa wkoll minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jinkludi r-rispett għall-privatezza tal-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha bħala element essenzjali. Id-data ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ tiġi pproċessata biss skont id-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika).
Barra minn hekk, biex jiġi vvalutat jekk qasam huwiex fil-biċċa l-kbira tiegħu kopert minn regoli komuni trid titqies mhux biss il-liġi tal-Unjoni kif inhi bħalissa fil-qasam ikkonċernat, iżda wkoll l-iżvilupp futur tagħha, sa fejn dan huwa prevedibbli fil-ħin ta’ dik l-analiżi. Il-qasam kopert mit-Tieni Protokoll Addizzjonali huwa ta’ rilevanza diretta għall-iżviluppi prevedibbli għall-ġejjieni tar-regoli komuni rilevanti. F’dan ir-rigward, il-proposti tal-Kummissjoni ta’ April 2018 dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika huma wkoll rilevanti.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti jinkludi tipi speċifiċi ta’ provdituri ta' servizzi li qed jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea. Provditur joffri servizzi fl-Unjoni Ewropea meta jippermetti lill-utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar li jużaw is-servizzi tiegħu u fejn ikollu konnessjoni sostanzjali lejn l-Unjoni, pereżempju meta jkollu stabbiliment fi Stat Membru jew minħabba li jipprovdi servizzi lil numru kbir ta’ utenti f’dak l-Istat Membru. Dawk mingħajr preżenza fl-Unjoni Ewropea huma obbligati li jaħtru rappreżentant legali li kontrih l-ordnijiet ta’ produzzjoni jistgħu jiġu infurzati.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Ottubru jiddikjaraw li “Għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex jiġi żgurat aċċess transkonfinali rapidu u effiċjenti għall-evidenza elettronika sabiex jiġu miġġielda b'mod effettiv it-terroriżmu u kriminalità serja u organizzata oħra, kemm fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali; sa tmiem il-leġislatura , jeħtieġ li jiġu miftiehma l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-evidenza elettronika u l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja, kif ukoll dwar ġlieda aktar effikaċi kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni għandha wkoll tippreżenta b'urġenza mandati ta' negozjar għan-negozjati internazzjonali dwar l-evidenza elettronika”.
Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-evidenza elettronika jipprovdu l-bażi għal approċċ koordinat u koerenti kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mill-Unjoni Ewropea f’livell internazzjonali, b’kunsiderazzjoni dovuta lejn ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħhom. Filwaqt li l-Kummissjoni, fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha għall-proposti dwar l-evidenza elettronika, diġà nnotat li l-proposti jistgħu jiġu kkumplimentati b’mod utli minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika b’salvagwardji ta’ akkumpanjament, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi regoli tal-UE dwar il-modalitajiet adatti u s-salvagwardji għal aċċess transfruntier għal evidenza elettronika, qabel ma timpenja ruħha f’negozjati internazzjonali ma’ partijiet terzi.
Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni kompliet tipparteċipa bħala osservatur fid-diskussjonijiet relatati fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità. L-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika kien punt regolari f’laqgħat reċenti Ministerjali dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta’ bejn l-UE u l-Istati Uniti.
Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità u għall-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika qed jiġu adottati mill-Kummissjoni fl-istess waqt. Filwaqt li ż-żewġ proċessi se jimxu ’l quddiem b’pass differenti, dawn jindirizzaw kwistjonijiet interkonnessi u impenji li jsiru f’negozjati partikolari jista’ jkollhom impatt dirett fuq taqsimiet oħra ta’ negozjati.
Filwaqt li l-proposti dwar l-evidenza elettronika jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ provdituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi fis-suq tal-UE, hemm riskju ta’ obbligi konfliġġenti ma’ liġijiet f’pajjiżi terzi. Sabiex dawn il-konflitti tal-liġijiet jiġu indirizzati, u skont il-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali, il-proposti dwar l-evidenza elettronika jinkludu provvedimenti għal mekkaniżmi speċifiċi f’każ li fornitur tas-servizzi huwa kkonfrontat b’obbligi konfliġġenti li jirriżultaw mil-liġi ta’ pajjiż terz meta tintalab xi evidenza. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu proċedura ta’ rieżami biex tiġi ċċarata sitwazzjoni bħal din. Jenħtieġ li t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità jimmira sabiex jiġu evitati obbligi konfliġġenti bejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità.
Għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
L-Unjoni għalhekk għandha kompetenza esklużiva għan-negozjar tat-Tieni Protokoll Addizzjonali li jissupplimenta l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TFUE).
Is-suġġett tat-Tieni Protokoll Addizzjonali jkun jaqa’ fi ħdan il-politiki u l-kompetenzi tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam ta’ strumenti dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (Artikolu 82(1) TFUE) u l-protezzjoni tad-data (Artikolu 16 TFUE) u, bħala kwistjoni tal-liġi tal-UE, in-negozjati ma setgħux jitwettqu mingħajr il-parteċipazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha rwol ġenerali li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea previst fl-Artikolu 17(1) TUE. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinħatar mill-Kunsill bħala n-negozjatur għat-Tieni Protokoll Addizzjonali li jissupplimenta l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185).
3.DISPOŻIZZJONIJIJET RILEVANTI FIL-QASAM TA’ POLITIKA
Jenħtieġ li n-negozjati jiżguraw li l-provvedimenti miftiehma jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u mal-obbligi tal-Istati Membri taħtu, waqt li jikkunsidraw ukoll l-iżvilupp tiegħu fil-ġejjieni. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li t-Tieni Protokoll Addizzjonali se jinkludi klawżola ta’ skonnessjoni li tippermetti lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jsiru Partijiet fit-Tieni Protokoll Addizzjonali biex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejniethom fuq il-bażi tal-liġi tal-UE. B’mod partikolari, il-funzjonament tal-proposti dwar l-evidenza elettronika tal-Kummissjoni Ewropea, inkluż kif dawn jevolvu fin-negozjati dwar il-proċedura leġiżlattiva mill-koleġiżlaturi u eventwalment fil-forma finali (adottati) tagħhom, jenħtieġ li jkun ippreservat fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Jenħtieġ li t-Tieni Protokoll Addizzjonali jinkludi s-salvagwardji meħtieġa għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjoni rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittjiet tad-difiża rikonoxxuti fl-Artikolu 48 tal-Karta u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni kriminali rikonoxxuti fl-Artikolu 49 tal-Karta. Jenħtieġ li t-Tieni Protokoll Addizzjonali jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
Is-salvagwardji xierqa tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza għall-ġbir, it-trasferiment u l-użu sussegwenti ta’ data personali u data ta’ komunikazzjoni elettronika jridu jkunu parti mill-protokoll sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mill-provdituri ta' servizzi tal-UE mal-obbligi tagħhom skont il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, sa fejn tali ftehim internazzjonali jista’ jipprovdi bażi legali għal trasferimenti ta’ data b’reazzjoni għal ordnijiet ta’ produzzjoni jew talbiet maħruġa minn awtorità minn pajjiż mhux tal-UE li mhux Parti għall-Protokoll Addizzjonali li jeħtieġu li kontrollur jew proċessur jiżvela data personali u data ta’ komunikazzjoni elettronika. Jenħtieġ, għalhekk, li dawn jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, inkluż il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali meta data personali jew data ta’ komunikazzjoni elettronika tiġi żvelata lil awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ provvedimenti biex l-awtoritajiet ikollhom aċċess għal data mingħajr l-għajnuna ta’ intermedjarju (“aċċess dirett”) fil-proposti dwar evidenza elettronika tal-Kummissjoni Ewropea, kull użu ta’ dawn il-miżuri jista’ ikun ibbażat biss fuq id-dritt nazzjonali. Fejn it-tieni Protokoll Addizzjonali jista’ jinkludi provvedimenti fir-rigward tal-“Estensjoni ta’ tfittxijiet u l-aċċess ibbażata fuq kredenzjali” u "Tekniki Investigattivi", l-għan ewlieni jenħtieġ li jkun li jkun hemm salvagwardji aktar b’saħħithom għal dan l-aċċess dirett transfruntier għal data sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE, inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.
Jenħtieġ li l-konklużjoni tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tippermetti l-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali jew għal trattati bejn il-Partijiet tal-Protokoll u bejn il-Partijiet tal-Protokoll u l-Unjoni Ewropea, li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tiddaħħal klawżola xierqa li tipprevedi li jekk żewġ Partijiet jew aktar għall-Konvenzjoni jkunu diġà kkonkludew ftehim jew trattat dwar il-kwistjonijiet ittrattati f’din il-Konvenzjoni, jew jekk fil-futur jagħmlu dan, huma jkunu intitolati li japplikaw dak il-ftehim jew it-trattat jew li jirregolaw dawk ir-relazzjonijiet kif meħtieġ, sakemm dan isir b’mod li jkun konsistenti mal-għanijiet u mal-prinċipji tal-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, f’relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea, jieħu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament milħuq fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali, sa fejn ikopri l-istess kwistjonijiet.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-parteċipazzjoni f’negozjati dwar it-tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fid-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kumitat ta’ Partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185) (T-CY) adotta deċiżjoni li tadotta t-Termini ta’ Referenza għat-tħejjija tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni.
(2)It-Termini ta’ Referenza għat-Tieni Protokoll Addizzjonali jinkludu l-elementi li ġejjin għar-riflessjoni: provvedimenti għal assistenza legali reċiproka aktar effettiva (reġim simplifikat għal talbiet għal assistenza legali reċiproka għall-informazzjoni dwar l-abbonati; ordnijiet ta’ produzzjoni internazzjonali; kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’talbiet għal assistenza legali reċiproka; investigazzjonijiet konġunti u skwadri ta' investigazzjoni konġunti; talbiet bl-Ingliż; smigħ awdjo/vidjo tax-xhieda, tal-vittmi u tal-esperti; proċeduri ta’ Assistenza Legali Reċiproka ta' emerġenza); provvedimenti li jippermettu għal kooperazzjoni diretta ma’ provdituri ta' servizzi f’ġuriżdizzjonijiet oħra fir-rigward ta’ talbiet għal informazzjoni dwar l-abbonati, talbiet għal preservazzjoni, u talbiet ta’ emerġenza; qafas aktar ċar u salvagwardji aktar b’saħħithom għal prattiki eżistenti ta’ aċċess transfruntier għal data; salvagwardji, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
(3)L-Unjoni adottat regoli komuni li jirkbu fil-biċċa l-kbira fuq l-elementi li qegħdin jiġu kkunsidrati għat-tieni Protokoll Addizzjonali. Dan jinkludi b’mod partikolari sett komprensiv ta’ strumenti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, biex jiġu żgurati standards minimi ta’ drittijiet proċedurali, kif ukoll is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza.
(4)Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposti leġiżlattivi għal Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali, u għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali li jintroduċu Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni transfruntiera vinkolanti li għandhom jiġu indirizzati direttament lil rappreżentant ta’ provditur ta’ servizz fi Stat Membru ieħor.
(5)Għalhekk, it-Tieni Protokoll Addizzjonali jista’ jaffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
(6)L-Artikoli 82(1) u 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni jispeċifika l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll fil-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Sabiex tiġi protetta l-integrità tal-Unjoni Ewropea u jkun żgurat li r-regoli tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni jibqgħu konsistenti, huwa meħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa fin-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali.
(7)Jenħtieġ li t-Tieni Protokoll Addizzjonali jkun jinkludi s-salvagwardji meħtieġa għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż id-dritt fil-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjoni rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet għad-difiża rikonoxxuti fl-Artikolu 48 tal-Karta u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni kriminali rikonoxxuti fl-Artikolu 49 tal-Karta. Jenħtieġ li t-Tieni Protokoll Addizzjonali jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
(8)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi ...,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, it-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185).
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali li għandu jaħtar il-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President