Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0026

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju

COM/2019/26 final

Brussell, 31.1.2019

COM(2019) 26 final

2019/0013(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 1 (“id-Deċiżjoni ta’ Prüm”), ġiet adottata biex tiġi inkorporata fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea s-sustanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Prüm preċedenti dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali, li ġew maqbula minn seba’ pajjiżi Ewropej fis-27 ta’ Mejju 2005. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali 2 (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ta’ Prüm”), li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

Id-Deċiżjoni ta’ Prüm u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ta’ Prüm huma mfassla biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali u biex isaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fost l-Istati Membri tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Prüm fiha, inter alia, dispożizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jagħtu lil xulxin fuq bażi reċiproka aċċess għall-fajls awtomatizzati tagħhom għall-analiżi, għas-sistemi awtomatizzati ta’ identifikazzjoni dattiloskopika u għad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni miksuba mill-ipparagunar tad-data għandha tiftaħ approċċi investigattivi ġodda u għalhekk ikollha rwol kruċjali f'li tgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tal-Istati Membri.

Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditament tal-fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji 3 (“Id-Deċiżjoni Forensika”). Din id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-iskambju ta’ data dwar id-DNA u l-marki tas-swaba’ biex tiżgura li r-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali bħala ugwalment affidabbli daqs ir-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati għall-EN ISO/IEC 17025 fi ħdan kwalunkwe Stat Membru ieħor.

F’Ottubru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza n-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, inkluż l-Anness (Direttivi ta’ Negozjati), lill-Kunsill.

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtenstein, dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditament tal-fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji. Dawn in-negozjati ġew iffinalizzati b’suċċess maż-żewġ pajjiżi bl-inizjalar tal-Ftehim fl-24 ta’ Mejju 2018.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Dan il-ftehim internazzjonali bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera għandu l-għan li jtejjeb u jissimplifika l-iskambju awtomatizzat ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, biex tiġi stimolata l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija. Il-possibbiltà għall-Istati Membri kollha biex ikollhom aċċess għall-bażijiet ta’ data nazzjonali tal-Konfederazzjoni Svizzera, dwar id-DNA, data dattiloskopika u dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi, u bil-maqlub, bla dubju hija ta’ importanza kbira biex titrawwem u titħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali tal-pulizija. It-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi għaż-żamma tas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, minħabba n-natura ta’ kriminalità internazzjonali li mhijiex limitata mill-fruntieri tal-UE.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 4 , l-hekk imsejħa “Inizjattiva Svediża”, tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 5 .

L-inizjattiva Żvediża sa ċertu punt hija relatata mad-Deċiżjoni ta’ Prüm, peress li tistabbilixxi r-regoli li permezz tagħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jistgħu jiskambjaw informazzjoni u intelligence eżistenti effettivament għall-fini li jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta’ intelligence kriminali. Skont l-Artikolu 5(1) tal-inizjattiva Żvediża, informazzjoni u intelligence jistgħu jiġu mitluba biex jiġi skopert, prevenut jew investigat reat fejn hemm raġunijiet fattwali biex wieħed jemmen li informazzjoni jew tagħrif sigriet rilevanti huma disponibbli fi Stat Membru ieħor. L-iskambju awtomatizzat tal-informazzjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Prüm huwa adattat biex jiġu stabbiliti tali raġunijiet fattwali.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 6 , qabel ma ssir talba għal aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-Eurodac, l-Istati Membri l-ewwel iridu jivverifikaw il-bażijiet ta’ data tal-marki tas-swaba’ disponibbli taħt il-liġi nazzjonali u jqabblu sett ta’ data tal-marki tas-swaba’ mal-Bażijiet tad-Data Awtomatizzati tal-Marki tas-Swaba’ ta’ Stati Membri oħra skont id-Deċiżjoni ta’ Prüm. L-Istati Membri li ma jissodisfawx il-kundizzjoni minn qabel li jagħmlu verifika Prüm, li hija prerekwiżit obbligatorju, mhux se jkunu jistgħu jagħmlu talba għal aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-Eurodac.

Fl-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar ftehimiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u d-Danimarka, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-Istati fil-proċedura għat-tqabbil u t-trażmissjoni tad-data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi stabbiliti fil-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.

Il-Ftehim Internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, ġie konkluż fis-26 ta’ Lulju 2010.

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 7 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 8 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi legali għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Biex tiġi stimolata l-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, huwa ta’ importanza fundamentali li l-parteċipanti kollha li jiskambjaw data taħt il-Qafas Prüm jimplimentaw l-istess standards tekniċi, proċedurali u tal-protezzjoni tad-data u rekwiżiti biex jippermettu l-iskambju veloċi, effiċjenti u preċiż ta’ informazzjoni. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ parteċipazzjoni effettiva tal-Konfederazzjoni Żvizzera fid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm u d-Deċiżjoni Forensika.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar ftehimiet internazzjonali, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kunsill ġie infurmat u kkonsultat fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti (DAPIX). Il-Parlament Ewropew (il-Kumitat LIBE) ġie infurmat.

Drittijiet fundamentali

Il-Ftehim huwa kompletament f’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data indikati fid-Deċiżjoni ta’ Prüm (Kapitolu 6).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-premessa 8 tal-Ftehim tgħid li l-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tħallas l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet tagħha b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim jelenka l-Artikoli applikabbli tad-Deċiżjoni ta’ Prüm inkluż l-Artikolu 34 li jipprevedi li kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet operazzjonali magħmula mill-awtoritajiet tiegħu b’rabta mal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Prüm. L-Artikolu 1(4) japplika obbligu simili għall-Istati Membri dwar id-Deċiżjoni Forensika. Għalhekk, ma hemm l-ebda implikazzjonijiet baġitarji għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni, inkluż evalwazzjoni minn qabel mill-Kunsill u l-Istati Membri, in-notifiki u d-dikjarazzjonijiet huma deskritti fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Ftehim jelenka d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Prüm, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ta’ Prüm u d-Deċiżjoni Forensika li għandhom isiru applikabbli għall-Konfederazzjoni Żvizzera wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

Il-Ftehim jistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għal applikazzjoni uniformi (l-Artikolu 3), soluzzjoni ta’ tilwim (Artikolu 4), emendi (Artikolu 5), notifiki u dikjarazzjonijiet (Artikolu 8). Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jwettqu rieżami komuni ta' dan il-Ftehim mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu (l-Artikolu 6). Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit, filwaqt li waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ ttemm il-Ftehim fi kwalunkwe mument (l-Artikolu 10).

2019/0013 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ [XXX] 9 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI 10 dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI 11 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI 12 dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju (‘il-Ftehim’) ġie ffirmat fil-[XXX]suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)It-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi biex tinżamm is-sigurtà fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq biss mill-Istati Membri waħedhom, minħabba n-natura tal-kriminalità internazzjonali, li mhijiex limitata mill-fruntieri tal-Unjoni. Il-possibbiltà għall-Istati Membri kollha u l-Konfederazzjoni Svizzera biex ikollhom aċċess reċiproku għal bażijiet ta’ data nazzjonali rigward fajls tal-analiżi tad-DNA, sistemi ta’ identifikazzjoni dattiloskopika u d-data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi huwa ta’ importanza ċentrali biex titrawwem il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi transkonfinali.

(3)F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim, xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu applikati fuq bażi proviżorja, mid-data tal-firma tiegħu.

(4)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

(5)[F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni]

(6)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju (‘il-Ftehim’), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna li jkollha s-setgħa tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, u tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim 13 .

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.
(2)    ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.
(3)    ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14.
(4)    ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.
(5)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (riformulazzjoni)( ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).
(7)    ĠU C 202, 7.6.2016, p. 295.
(8)    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 299.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ [XXX] dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u fuq l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transkonfinali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorju (OJ L […], []. p. []).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).
(12)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14).
(13)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Top