Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR0145

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pastoraliżmu

ĠU C 39, 5.2.2020, pp. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/65


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pastoraliżmu

(2020/C 39/14)

Relatur

:

Jacques BLANC (FR/PPE), Sindku ta’ La Canourgue

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

iqis li ż-żamma tal-attività pastorali hija essenzjali għall-preservazzjoni tal-agrikoltura fit-territorji kollha u għaż-żamma ta’ nisġa rurali ħajja sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona, iżda wkoll biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, klimatiċi u tal-protezzjoni tal-bijodiversità tagħna;

2.

ifakkar li l-kontinwazzjoni tal-attività pastorali hija mhedda minn diffikultajiet ta’ diversi tipi li ma jistgħux jiġu prijoritizzati u li japplikaw b’mod differenti f’reġjuni differenti, iżda li wħud minnhom b’mod indvidwali jistgħu jheddu s-sopravivenza tagħha: diffikultajiet biex tiġi kkunsidrata l-ispeċifiċità tagħha għall-allokazzjoni tal-għajnuna fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni (il-mergħat bl-arbuxelli u msaġġra, il-mobbiltà, il-mergħat kollettivi...), diffikultajiet relatati mal-kuntest ekonomiku, il-kompetizzjoni fuq l-art, diffikultajiet fit-trasferiment tal-għarfien, il-limitazzjonijiet ambjentali għall-organizzazzjoni tal-mergħat, il-kompetizzjoni mal-utenti l-oħra tal-mergħat fir-rigward tal-użu u, b’mod partikolari, l-użu għal skopijiet ta’ divertiment, u, fl-aħħar nett, it-theddida tal-karnivori l-kbar għall-merħliet;

3.

jitlob li fl-orjentazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ tal-PAK, tittieħed kunsiderazzjoni akbar tal-pastoraliżmu u t-trobbija estensiva u sostenibbli tal-bhejjem fid-dawl tal-fatt li r-rwol tagħhom iġib benefiċċji għall-iżvilupp ibbilanċjat tat-territorji u sabiex jinkisbu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tagħna, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-Kumitat dwar ir-riforma tal-PAK;

4.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kumitat AGRI tal-Parlament dwar ir-regolament li jirregola l-appoġġ għall-pjani strateġiċi li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, li għandha l-għan li temenda l-Artikolu 4 tar-regolament dwar il-pjani strateġiċi tal-PAK sabiex iż-żoni tar-ragħa bl-arbuxelli u msaġġra jkunu rikonoxxuti bħala żoni ta’ produzzjoni agrikola eliġibbli b’intitolamenti għall-pagament bażiċi; madankollu jitlob li l-verżjoni definittiva ta’ dan l-artikolu tiġi riveduta sabiex jiġi introdott il-kunċett ta’ żoni pastorali li jista’ jkollhom jew le riżorsi erbaċej (pereżempju taħt is-siġar). Fil-fatt, biex jiġi ċċarat l-istatus taż-żoni pastorali u l-eliġibbiltà tagħhom għall-għajnuna, iż-żoni pastorali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona agrikola distinta mill-bwar permanenti. Iż-żona pastorali għandha tiġi definita b’mod separat mill-bur permanenti, billi titneħħa kull referenza għall-preżenza meħtieġa ta’ riżorsi erbaċej fid-definizzjoni taż-żoni pastorali; il-bwar permanenti u ż-żoni pastorali kollha jistgħu jinġabru flimkien taħt id-denominazzjoni ta’ mergħat permanenti;

5.

jirrakkomanda li ż-żoni pastorali użati jkunu rikonoxxuti bis-sħiħ bħala żoni ta’ produzzjoni agrikola f’qafas regolatorju stabbli u sigur, filwaqt li jiġi introdott limitu massimu effettiv tal-appoġġ tal-PAK bħalma jsir għal setturi oħra;

6.

ifakkar li t-trobbija pastorali tal-bhejjem, ibbażata fuq l-ambjent naturali għall-għalf tal-merħliet b’riżorsi spontanji, tirrikjedi marġni ta’ flessibbiltà u sigurtà sabiex tiffaċċja l-inċertezzi tat-temp. Għaldaqstant, il-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem għandhom bżonn żoni msejħa “żoni ta’ lqugħ”, li m’għandhomx għalfejn jintużaw kull sena jew jistgħu jintużaw bħala mergħat b’intensitajiet varjabbli ħafna, iżda li huma neċessarji f’każ ta’ nixfa staġjonali; ġeneralment dawn ikunu xagħri, żoni alluvjali u boskijiet; minħabba t-tibdil fil-klima attwali hemm bżonn akbar li jintużaw dawn iż-żoni; id-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent taż-żoni pastorali fl-ewwel pilastru għandhom jirrikonoxxu u jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-użu ta’ dawn iż-żoni, li ma jsirx kull sena u ma jistax jiġi previst fid-data tat-tressiq tad-dossiers tal-PAK. Bl-istess mod, il-pastoraliżmu jiżviluppa prattiki agroekoloġiċi ta’ skambji ta’ servizzi tal-ekosistema billi jagħmel użu komplementari minn żoni allokati għal użu ieħor, b’mod partikolari l-vinji u l-imsaġar, li jippromovi t-tnaqqis tal-inputs u tal-prattiki mekkanizzati; il-politiki Ewropej għandhom jirrikonoxxu, iħeġġu u jsibu soluzzjonijiet legalment sikuri li jippermettu l-iżvilupp ta’ dawn il-prattiki, li jiżguraw li l-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem jużaw żoni ddikjarati minn bdiewa oħra. Bl-istess mod, il-pastoraliżmu jiżviluppa prattiki assoċjati mas-silvikultura, imsejħa “silvipastoraliżmu”, li huma ta’ benefiċċju reċiproku għall-forestier kif ukoll għall-bidwi; il-politiki pubbliċi Ewropej għandhom jirrikonoxxu u jħeġġu l-użu mħallat ta’ dawn iż-żoni u dawn il-prattiki partikolarment favorevoli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ħarsien tal-foresti min-nirien kif ukoll għall-adattament tat-trobbija tal-bhejjem għat-tibdil fil-klima, u li jirrispettaw il-ħtiġijiet tar-riġenerazzjoni u tal-produzzjoni tal-forestrija;

7.

jappoġġja l-proposta tal-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament li jirregola l-appoġġ għall-pjani strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, li għandha l-għan li tiddefinixxi limiti fuq id-densità tal-istokk tal-annimali fl-azjenda agrikola u li tillimita s-sussidji għall-azjendi li josbqu dawn il-limiti;

8.

jilqa’ l-proposta mill-Kumitat AGRI tal-Parlament biex jemenda l-Artikolu 68 tal-istess Regolament sabiex il-FAEŻR ikun jista’ jkompli jappoġġja x-xiri ta’ klieb għall-protezzjoni tal-bhejjem mill-predaturi l-kbar imħarsa mid-Direttiva dwar il-Ħabitats;

9.

jitlob li jsir obbligatorju, għall-Istati Membri bil-muntanji, li jimplimentaw politika tar-reġjuni muntanjużi integrata li tagħmel użu mmirat minn parti kbira tal-għodod disponibbli (pagamenti għal għajnuna għal restrizzjonijiet naturali, għajnuna għal żoni żvantaġġati taħt it-tieni pilastru, sottoprogramm speċifiku għaż-żoni muntanjużi) u li jallokawlha baġit li jirrifletti l-kobor ta’ dawn it-territorji;

10.

jitlob lill-UE tirrikonoxxi s-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem u mis-sidien tal-foresti fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni tal-Mediterran bħala dawk li għandhom l-għarfien lokali fis-sens tal-IPBES (Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi), u jingħata kumpens ġust għal dawn is-servizzi tal-ekosistemi pprovduti għall-benesseri tal-popolazzjoni kollha;

11.

jixtieq li kull Stat Membru jkollu l-possibbiltà li japplika ċerti miżuri tal-ewwel pilastru (skemi ekoloġiċi) u tat-tieni pilastru fiż-żoni pastorali kollha, u mhux biss fiż-żoni eliġibbli għall-għajnuna. Fil-fatt, ċerti miżuri, pereżempju ċerti miżuri agroambjentali klimatiċi lokalizzati bħad-DFCI (“défense de la forêt contre les incendies”– “il-ħarsien tal-foresti kontra n-nirien”), għandhom ikunu jistgħu jitwettqu fiż-żona fiżika kollha;

12.

jipproponi li biex tiġi appoġġjata ż-żamma tal-agrikoltura fiż-żoni żvantaġġati, il-konċessjoni kumpensatorja għall-iżvantaġġi naturali permanenti (CANH) tkun obbligatorja għall-Istati Membri fejn tista’ tiġi applikata;

13.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffinanzjaw investimenti f’żoni pastorali, li spiss ma jkollhomx aċċess mekkanizzat. Il-ħolqien ta’ infrastruttura (akkomodazzjoni tar-rgħajja, imqajjel, interkjużuri, ġestjoni ta’ punti tal-ilma, eċċ.), ix-xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ tindif tal-veġetazzjoni, huma indispensabbli għall-ġestjoni sostenibbli ta’ dawn it-territorji;

14.

huwa tal-fehma li l-attività agrikola u pastorali għandha tiġi appoġġjata fil-livell lokali. Fejn is-sjieda tal-art hija kondiviża bejn ħafna sidien, l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni tal-art adatta huwa element indispensabbli għal pastoraliżmu dinamiku;

15.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw l-aċċess għall-art għall-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet pluriennali speċifiċi li jiżguraw l-użu pastorali uniku tal-art għall-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem jew il-kollettivitajiet tal-utenti;

16.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali joħolqu sistemi ta’ appoġġ adatti għall-prattiki ta’ ġestjoni kollettiva. Sabiex jgħammru lilhom innifishom bl-infrastruttura u r-riżorsi umani meħtieġa biex jagħmlu użu miż-żoni pastorali, il-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem kellhom jiżviluppaw, fi stadju bikri, forom oriġinali ta’ organizzazzjoni kollettiva li jikkonċernaw il-modi ta’ użu mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-proprjetà. Huma jippermettu fl-istess waqt ir-raggruppament għall-użu pastorali ta’ proprjetajiet privati u artijiet komunali fi ħdan perimetru wieħed u entità ta’ ġestjoni waħda. Dawn jiżguraw ir-relazzjoni mal-amministrazzjoni u t-tipi differenti ta’ msieħba jew utenti;

17.

jistieden lill-UE tkompli tippromovi l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli li jkollhom tikketti ta’ kwalità u toħloq valur miżjud permezz tal-protezzjoni ta’ prodotti agroalimentari ta’ kwalità għolja li ġejjin mit-trobbija pastorali tal-bhejjem. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu b’mod partikolari biex jimplimentaw ir-referenza fakultattiva tal-kwalità “prodotti tal-muntanji”, li għadha ma ġietx implimentata fil-maġġoranza tal-pajjiżi minkejja l-adozzjoni tagħha fl-2014;

18.

jitlob li r-referenza “ħalib, ġobon u laħam tal-mergħa”tiġi riservata għal prodotti li jiggarantixxu li l-għalf tal-annimali jkun ġej minn aktar minn 80 % tal-mergħat fl-istaġun tar-ragħa;

19.

jinnota li l-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem qed ibatu minn kompetizzjoni inġusta minħabba l-importazzjonijiet bi spiża baxxa li jheddu s-sopravivenza tal-pastoraliżmu fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni qed iġġiegħel lill-UE biex tikkumpensa din il-kompetizzjoni b’għajnuna għat-trobbija pastorali tal-bhejjem bħal kif tagħmel għal fergħat oħra; jitlob lill-UE tuża l-influwenza tagħha bħala l-akbar importatur u esportatur globali tal-ikel biex jiġu emendati r-regoli tal-kummerċ internazzjonali agrikolu (WTO, 1994) bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti u b’aktar solidarjetà, b’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-PAK wara l-2020;

20.

jilqa’ bi pjaċir il-proġett pilota mniedi u appoġġjat mill-Parlament Ewropew biex jitwaqqfu pjattaformi reġjonali dwar l-ilpup, l-orsijiet, il-wolverine u l-linċi sabiex jiġu ġestiti s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt; jitlob li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-predazzjoni u l-protezzjoni tal-merħliet jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ u inklużi fil-pjani xierqa ta’ ġestjoni, u li jiġu diskussi l-mezzi legali kollha, inklużi dawk li jawtorizzaw il-qtil biex isiru aktar dissważivi; u jinnota li xi reġjuni ħolqu wkoll pjattaformi ta’ diskussjoni fuq inizjattiva proprja;

21.

jitlob li tiġi implimentata l-kooperazzjoni transkonfinali għall-pastoraliżmu sabiex tiġi evitata l-instabbiltà li tirriżulta minn miżuri kontradittorji u mhux adatti għaż-żona Ewropea kollha kemm hi;

22.

jitlob li l-istrateġija dwar il-bijodiversità tkun ibbażata fuq fond speċifiku ġdid għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Dan il-fond għandu jkopri l-kumpens għad-danni kkawżati minn karnivori kbar, li l-ispiża tagħhom qed tiżdied ferm, kif ukoll il-protezzjoni tal-merħliet, li tista’ tikkonsma parti dejjem akbar tal-FAEŻR, filwaqt li dan il-baġit qed jitnaqqas b’mod sinifikanti. Jekk ma jinħoloq l-ebda fond ġdid, għandhom jintużaw l-istrumenti finanzjarji eżistenti fil-livell reġjonali, u jekk ikun il-każ, f’dak nazzjonali u tal-Unjoni (inkluż il-FAEŻR);

23.

jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Ħabitats abbażi tar-rapport tal-UE li jmiss dwar l-istat tan-natura fl-2020, waqt li tqis ir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija u l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet u l-ħabitats differenti. Ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għandha tesplora l-possibbiltà biex, fil-futur, jiġu emendati l-annessi permezz tal-proċedura ta’ kumitat sabiex jingħata rispons aktar malajr għall-bidliet fil-popolazzjonijiet speċifiċi u biex jogħla jew jitbaxxa l-istatus ta’ protezzjoni għal kull pajjiż jew entità territorjali, meta tali emenda tkun iġġustifikata mit-tkabbir jew it-tnaqqis tal-popolazzjonijiet ta’ speċijiet protetti u mit-theddida għall-attivitajiet pastorali;

24.

jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra x-xjenzi agronomiċi u żootekniċi fl-istudji xjentifiċi sabiex tappoġġja d-deċiżjonijiet politiċi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar għarfien disponibbli fil-qasam tax-xjenzi naturali, agronomiċi u soċjali, fuq bażi wiesgħa biżżejjed ta’ tagħlimiet mill-esperjenza u fuq perjodi twal biżżejjed biex jiggwidaw il-politiki pubbliċi. B’mod partikolari, għandhom jiġu dettaljati s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-istudji tal-każijiet analizzati fuq il-pastoraliżmu u l-karnivori l-kbar sabiex jiġu mifhuma l-kundizzjonijiet lokali u biex jintwera sa liema punt l-eżempji dwar il-protezzjoni tal-merħliet u l-ġestjoni tal-karnivori l-kbar huma effettivi u jistgħux jarrikkixxu, jew le, ir-riflessjoni kollettiva u l-linji gwida f’territorji oħra, u biex tinsilet tagħlima mid-diffikultajiet u l-fallimenti biex jiżdiedu l-possibbiltajiet għall-adattament tat-testi Ewropej u tal-miżuri neċessarji għar-realtajiet fil-post għal ġestjoni aħjar tal-ispeċijiet u, b’mod partikolari, tal-ilpup;

25.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi r-riċerka dwar ir-rikonoxximent tal-proprjetajiet organolettiċi tal-prodotti li ġejjin mill-pastoraliżmu u mill-bhejjem li jirgħu;

26.

jitlob lill-UE tiżviluppa politika ambizzjuża ta’ prevenzjoni tan-nirien fil-foresti billi titħeġġeġ il-preżenza ta’ merħliet fil-boskijiet u x-xagħri, kwistjoni li teħtieġ rikonoxximent tagħhom minn qabel bħala żona ta’ produzzjoni, kif intqal fil-punti preċedenti;

27.

jilqa’ l-proġett “Il-Patrimonju u l-UE”tal-Unesco li għandu l-għan li juża l-patrimonju dinji bħala għodda biex isaħħaħ is-sostenibilità ekonomika u soċjali tat-territorji rurali fl-Ewropa, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw din l-inizjattiva. Il-pajsaġġi pastorali fil-fatt huma elenkati fil-lista tal-patrimonju dinji, mhux biss bħala pajsaġġi kulturali, iżda wkoll bħala pajsaġġi li jqanqlu l-imgħoddi, jew pitturi fis-siti tal-għerien antiki, li jagħmlu t-territorji iżjed attraenti għat-turiżmu;

28.

jistieden lill-UE tippromovi l-impjiegi pastorali. L-Istati Membri għandhom jippromovu aħjar ix-xogħol tal-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem u tar-rgħajja li jaħdmu bi ħlas u jagħmluh aktar viżibbli fis-settur agrikolu u barra minnu. Taħriġ aħjar, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-annimali fil-mergħat u dwar il-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali, iżda wkoll dwar il-protezzjoni tal-merħliet u l-ġestjoni tal-klieb tal-għassa, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ mentoring ma’ prattikanti bl-esperjenza jippermettu trasferiment aħjar tal-għarfien. F’dak li jirrigwarda r-rgħajja, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom fil-mergħat tal-muntanji kif ukoll fil-mergħat tal-azjendi agrikoli, b’mod partikolari fiż-żona tal-Mediterran, l-investiment fl-infrastruttura biex jiġu pprovduti lilhom dawn il-kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol, l-istabbiliment ta’ ftehimiet kollettivi u l-istabbiliment ta’ fieri tax-xogħol biex jinstabu ħaddiema staġjonali, huma lkoll inċentivi biex isir żvilupp b’mod usa’. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni taż-żoni rurali, il-Kumitat tar-Reġjuni rrakkomanda, b’mod partikolari, li tiġi modernizzata l-provvista ta’ taħriġ vokazzjonali fir-reġjuni rurali u li tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni globali u għall-ħtiġijiet tan-negozji lokali, kif ukoll li jiżdied il-finanzjament tal-FSE ddedikat għal taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali, li bħalissa huwa baxx ħafna.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


Top