Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IE1571

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2020-2030: kontribut mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2019/01571

ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2020-2030: kontribut mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/06)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

15.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

178/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tikkunsidra serjament ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet li ġejjin meta tfassal l-Aġenda għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2020-2030 (l-Aġenda), biex tiġi implimentata b’mod aktar sħiħ il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u biex jintlaħqu l-impenji tagħha skont l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), fejn id-diżabilità tissemma’ 11-il darba. Il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

1.2.

Li l-punti fokali dwar id-diżabilità (DFP) ikunu preżenti fid-DĠs u l-aġenziji kollha tal-KE, u fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, bid-DFP ċentrali fis-segretarjat ġenerali tal-KE, fid-dawl tan-natura trasversali tal-kwistjonijiet ta’ diżabilità, u li Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità magħmul minn dawn id-DFPs jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Aġenda. Billi issa se jkun hemm Kummissarju għall-Ugwaljanza, huwa wkoll essenzjali li jkun hemm DFP fid-DĠ Ġustizzja.

1.3.

Li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu interistituzzjonali bejn il-KE, il-Parlament u l-Kunsill (1), bil-presidenti tagħhom jiltaqgħu fil-bidu ta’ kull mandat. Il-KESE jitlob ukoll li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma dwar id-diżabilità fi ħdan il-Kunsill, biex dan jiġi ffaċilitat.

1.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-mezzi neċessarji, ir-riżorsi umani u l-appoġġ finanzjarju kollu disponibbli għall-Qafas ta’ Monitoraġġ tas-CRPD tal-UE, biex ikun żgurat li jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 33(2) tas-CRPD.

1.5.

Li jiġi stabbilit Bord ta’ Aċċess Ewropew biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibbiltà.

1.6.

Li l-KE teżamina mill-ġdid il-kompetenzi kondiviżi tagħha mal-Istati Membri li jirriżultaw mis-CRPD u d-dritt tal-Unjoni, sabiex tistabbilixxi fejn l-UE tista’ taħdem flimkien mal-Istati Membri għall-implimentazzjoni. Dan għandu jsir billi tiġi prodotta Dikjarazzjoni ta’ Kompetenzi li tirrevedi d-dikjarazzjoni ta’ kompetenzi esklussivi tal-UE u tikkonkludi l-Protokoll Fakultattiv għas-CRPD.

1.7.

Li l-KE tinkludi l-prinċipji tal-Pilastru Soċjali fl-Aġenda, bi proposti partikolari għall-implimentazzjoni tal-Prinċipju 17 dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità (PWD).

1.8.

Li jittieħdu azzjonijiet konkreti biex tiġi implimentata l-Aġenda. L-azzjonijiet l-aktar urġenti li għandhom jittieħdu għandhom ikunu dawn li ġejjin: l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li tiġġieled kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità (2), direttiva li tarmonizza r-rikonoxximent tal-evalwazzjoni tad-diżabilità fl-UE biex tiġi faċilitata l-libertà tal-moviment tal-PWD, miżuri li jiggarantixxu d-drittijiet tal-PWD għal parteċipazzjoni politika fil-livell tal-UE u gwida għall-Istati Membri biex jiżguraw l-istess fil-livell nazzjonali, leġislazzjoni vinkolanti li tarmonizza l-istandards ta’ aċċessibbiltà għall-ambjent mibni, miżuri li jarmonizzaw standards minimi għal akkomodazzjoni raġonevoli fuq il-post tax-xogħol u li jistabbilixxu linji gwida dwar standards minimi għal-livelli tal-benefiċċji tad-diżabilità u l-provvista ta’ servizzi, inkluż appoġġ għal għajxien indipendenti u, fejn possibbli, il-provvista ta’ assistenza personali fl-Istati Membri.

1.9.

Li l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza fir-rigward tad-diżabilità jiġu inklużi fil-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tal-UE, b’mod speċifiku fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Ftehim Ekoloġiku Ġdid u l-Garanzija għat-Tfal u l-Green Paper li jmiss dwar it-Tixjiħ.

1.10.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaqblu dwar Garanzija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex il-PWD ikollhom opportunitajiet ta’ impjieg, apprendistat, kollokamenti f’impjieg u edukazzjoni ulterjuri.

1.11.

Li l-baġit tal-UE jappoġġja aħjar lill-PWD billi jinvesti fir-riċerka fl-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ assistenza ġdida, jiddedika fondi biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-programmi Erasmus+ biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-PWD, jiffinanzja t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-familja u fil-komunità u għajxien indipendenti flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni b’saħħithom fil-livell tal-Istati Membri, u jinvesti b’mod strateġiku fondi tal-UE biex tiġi implimentata s-CRPD fl-Istati Membri, b’mod partikolari f’oqsma fejn l-UE ma għandhiex kompetenza sħiħa.

1.12.

Li l-Aġenda jkollha rwol fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-PWD fl-azzjoni esterna tal-UE.

1.13.

Li t-titjib tal-ġbir tad-data u tal-pubblikazzjonijiet dwar il-PWD fil-ħidma tal-Eurostat ikun ta’ importanza ċentrali għall-Aġenda.

1.14.

Li l-Aġenda tinkludi parametri referenzjarji ċari u tanġibbli u indikaturi li jistgħu jitkejlu, b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet b’diżabilità, PWD żgħażagħ u ikbar fl-età, kif ukoll PWD refuġjati, migranti u LGBTI.

1.15.

Li l-KE tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, biex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali dwar id-diżabilità tagħhom stess għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza fost il-persuni b’diżabilità u jindirizzaw l-implimentazzjoni tas-CRPD fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

1.16.

Li l-Aġenda tinkludi s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-PWD skont is-CRPD.

1.17.

Li meta jseħħ djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u tal-UE u jiġu nnegozjati l-ftehimiet kollettivi mill-imsieħba soċjali, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-implimentazzjoni tas-CRPD jiġu kkunsidrati b’mod qawwi f’konsultazzjoni sħiħa u bl-involviment tal-OPDs.

1.18.

Li l-involviment sħiħ u attiv tal-OPDs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġi żgurat fl-abbozzar, fl-implimentazzjoni u fil-governanza tal-Aġenda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bħala strateġija li se titfassal u tiġi implimentata f’kuntest li fih l-UE u l-Istati Membri kollha jkunu ffirmaw u rratifikaw is-CRPD, il-KESE jissottolinja li l-Aġenda għandha sservi bħala mezz biex jiġi indirizzat il-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tas-CRPD.

2.2.

Għall-kuntrarju tal-Istrateġija dwar id-Diżabilità attwali, l-Aġenda 2020-2030 għandha tqis ukoll il-korrelazzjoni inseparabbli bejn l-obbligi taħt is-CRPD u l-impenn lejn l-SDGs u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Għalhekk, il-proposta tal-KESE hija li l-Aġenda tissemma’ “L-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2020-2030”.

2.3.

Fid-dawl tar-rieżami tal-UE mill-Kumitat dwar is-CRPD fl-2015, il-KESE jindika li l-Aġenda teħtieġ ukoll li titfassal madwar l-Osservazzjonijiet Konklużivi (COs – Concluding Observations) u r-rakkomandazzjonijiet.

2.4.

L-Aġenda l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq rieżami trasversali u komprensiv tal-leġislazzjoni u l-politika kollha tal-UE u tkun koerenti ma’ inizjattivi u strateġiji oħra tal-UE biex tkun żgurata armonizzazzjoni sħiħa mas-CRPD. Trid tirrifletti wkoll l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem għad-diżabilità u tintegra l-iżviluppi l-aktar riċenti fl-oqsma tad-drittijiet soċjali u diġitali.

2.5.

Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-vulnerabbiltà ta’ ċerti gruppi ta’ PWD, l-oqsma kollha tal-Aġenda għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal, il-PWD żgħażagħ u ikbar fl-età, ir-refuġjati u l-migranti b’diżabilità, PWD LGBTI, kif ukoll PWD mingħajr dar.

3.   Prinċipji tal-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

3.1.

F’konformità mal-prinċipji ġenerali deskritti fl-Artikolu 3 tas-CRPD, il-KESE jemmen li l-Aġenda għandha tinkludi d-diżabilità fil-politika u l-leġislazzjoni kollha tal-UE li taffettwa l-ħajja ta’ PWD. Trid tħares il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, aċċessibbiltà, parteċipazzjoni u inklużjoni, opportunitajiet indaqs, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett għad-dinjità inerenti u l-awtonomija individwali, l-aċċettazzjoni tal-PWD bħala parti mid-diversità umana u l-umanità, u r-rikonoxximent tal-kapaċitajiet li qed jevolvu tal-PWD u għad-dritt tagħhom li jippreservaw l-identitajiet tagħhom.

4.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

4.1.   Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi (3)

4.1.1.

Nofs l-Ewropej kollha jikkunsidraw id-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità bħala mifruxa fl-UE, u r-rata qed tiżdied (4). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.1.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni għall-adozzjoni ta’ direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni (diżabilità) li tipproteġi lill-PWD minn diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din għandha tirrikonoxxi ċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli f’kull qasam tal-ħajja bħala forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, u tirrikonoxxi wkoll forom oħra ta’ diskriminazzjoni bħad-diskriminazzjoni permezz tal-assoċjazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali.

4.1.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jaċċelleraw l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) flimkien ma’ miżuri konkreti biex tiġi prevenuta, miġġielda u sanzjonata l-vjolenza sessista.

4.1.3.1.

Li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jiżguraw aċċessibbiltà fir-rwol tagħhom bħala impjegatur pubbliku, pereżempju billi jiżguraw siti web interni u esterni aċċessibbli, politiki u proċeduri dwar ir-riżorsi umani biex iżidu l-preżenza ta’ persunal b’diżabilità u l-inklużività tal-Iskejjel Ewropej.

4.1.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw miżuri biex jirrettifikaw in-nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs għall-PWD permezz ta’ fondi tal-UE. Għandha tingħata aktar attenzjoni għal dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni multipla jew intersezzjonali fuq bażi ta’ nazzjonalità, età, razza jew oriġini etnika, sess, reliġjon jew twemmin, identità sesswali u orjentazzjoni sesswali.

4.1.3.3.

Li l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) attwali dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR 2014-2020) jiġi inkorporat fis-CPR 2021-2027 il-ġdid propost, li jirrifletti r-rakkomandazzjonijiet preċendenti tal-KESE, u li dan il-prinċipju jiġi inkorporat direttament fit-test ewlieni tar-regolament tal-FEŻR propost. L-aċċessibbiltà għall-PWD għandha tiġi inkluża wkoll bħala rekwiżit minn qabel biex il-programmi jibbenefikaw mill-Fondi tal-UE.

4.1.3.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza fir-rigward tad-diżabilità fil-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tal-UE, b’mod partikolari fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Ftehim Ekoloġiku l-Ġdid, il-Garanzija għat-Tfal u l-Green Paper li jmiss dwar it-Tixjiħ.

4.1.3.5.

Li l-KE tippromovi l-konformità tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kapaċità legali mas-CRPD (6) u tiffaċilita skambju ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri.

4.2.   L-iżgurar ta’ parteċipazzjoni sħiħa u moviment liberu

4.2.1.

Il-PWD għadhom imwaqqfa milli jeżerċitaw id-dritt għal moviment liberu fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent armonizzat ta’ evalwazzjoni tad-diżabilità u l-inabilità li jittrasferixxu l-intitolament għal servizzi u allokazzjonijiet ta’ appoġġ meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. Istituzzjonalizzazzjoni kontinwa, nuqqas ta’ investiment f’servizzi bbażati fil-komunità u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà ġenerali ta’ servizzi inklużivi, ifixklu wkoll il-parteċipazzjoni tal-PWD fis-soċjetà. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.2.2.

Li l-KE tipproponi direttiva li tarmonizza r-rikonoxximent ta’ evalwazzjoni tad-diżabilità għal persuni li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri. B’din id-direttiva, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jħarsu d-dritt tal-PWD għal-libertà tal-moviment billi jiżguraw il-portabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, jew permezz tal-provvista kontinwa tagħhom mill-Istat Membru tal-oriġini, il-provvista mill-Istat Membru ta’ residenza l-ġdid, jew bi tranżizzjoni gradwali bejn it-tnejn. Iridu jiġu żgurati drittijiet ekwivalenti u eliġibbiltà għal servizzi għal PWD li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri. Dan jeħtieġ li jsir b’mod koordinat li jiffaċilità t-trasferibbiltà bla xkiel u rapida ta’ dawn l-intitolamenti (7), inkluża l-assistenza personali.

4.2.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-fondi tal-UE qatt ma jintużaw biex titkompla l-istituzzjonalizzazzjoni tal-PWD (8) u jkunu investiti b’mod attiv f’servizzi bbażati fil-komunità u fil-familja. Huwa kruċjali li ż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-Korpi ta’ Solidarjetà tal-UE ma jiġux allokati kollokamenti f’ambjenti ta’ kura istituzzjonali li jipperpetwaw is-segregazzjoni. Għandu jsir ukoll investiment fit-taħriġ ta’ ħaddiema li attwalment qed jaħdmu f’istituzzjonijiet biex joffru kura bbażata fil-komunità u konformi mas-CRPD, prodott flimkien mal-PWD. Il-KE għandha xxerred ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħsara magħmula lill-PWD mill-istituzzjonijiet tal-kura biex tiġi inċentivata t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn alternattivi bbażati fil-komunità.

4.2.2.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprijoritizzaw l-aċċess għall-kultura u d-divertiment permezz tal-użu tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari bil-promozzjoni u l-formalizzazzjoni tal-użu tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE mill-Istati Membri kollha, appoġġjata mill-finanzjament tal-UE.

4.2.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw il-provvista tal-lingwa tas-sinjali, il-Braille u test faċli biex jinqara, meta jkunu mitluba, fid-djalogi tagħhom maċ-ċittadini.

4.2.2.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu inizjattivi ta’ politika biex ineħħu l-ostakli kollha li jfixklu l-parteċipazzjoni politika tal-PWD u jċaħħduhom mid-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura tagħhom, b’mod partikolari għal persuni b’diżabilità intellettwali u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li jiffaċċjaw diskriminazzjoni partikolari. Il-KE trid tiżgura wkoll aċċessibbiltà sħiħa fil-proċess elettorali. Għal dan il-għan, il-KE għandha tippromovi li l-Istati Membri kollha jiżguraw parteċipazzjoni politika għaċ-ċittadini b’diżabilità fil-proċessi elettorali nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom.

4.2.2.5.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw li l-PWD kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-trattati u l-leġislazzjoni tal-UE, jinkoraġġixxu miżuri mhux koerċittivi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġjat għall-PWD u jiżguraw il-libertà u s-sigurtà għall-PWD kollha.

4.2.2.6.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jippromovu l-involviment strutturali tal-PWD u l-OPDs (Organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità), inklużi dawk li jaħdmu għal tfal b’diżabilità, fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kollha, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, u jiffinanzjaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-OPD. Il-KE u korpi oħra tal-UE għandhom jiżguraw ukoll li l-PWD jistgħu jipparteċipaw b’mod faċli f’konsultazzjonijiet pubbliċi.

4.3.   Il-kisba ta’ aċċess fl-ambjenti kollha

4.3.1.

Spazji pubbliċi, bini, trasport u teknoloġiji inaċċessibbli għadhom qed ikunu ta’ xkiel għal ħafna PWD biex dawn ikollhom rwol attiv fis-soċjetà, u jipperikolaw is-sigurtà tagħhom. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.3.1.1.

Li l-KE tieħu azzjonijiet konkreti biex toħloq Bord ta’ Aċċess Ewropew, simili għall-Bord ta’ Aċċess tal-Istati Uniti, sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibbiltà, u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ standards u linji gwida dwar l-aċċessibbiltà, l-iskambju tal-aħjar prattiki u parteċipazzjoni sinifikanti ta’ OPDs rappreżentattivi fil-qasam tal-aċċessibbiltà.

4.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE stess iħabirku biex jiksbu l-ogħla standards tal-aċċessibbiltà fl-infrastruttura fiżika, is-servizzi u f’termini diġitali, u jiżguraw aċċessibbiltà sħiħa għall-PWD fis-siti web u l-formoli ta’ kuntatt kollha tal-amministrazzjonijiet tal-UE.

4.3.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jużaw strumenti leġislattivi u strumenti oħra, bħall-istandardizzazzjoni, biex jimlew il-lakuni li ħalla l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għall-armonizzazzjoni tal-istandards minimi tal-aċċessibbiltà għall-aspetti kollha tal-ambjent mibni (9), f’żoni urbani kif ukoll rurali u li ma jinjorawx dispożizzjonijiet għal persuni b’diżabilità intellettwali u/jew psikosoċjali.

4.3.2.2.

Li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi, testendi, u ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-PWD, pereżempju billi tippubblika proposta leġislattiva ġdida dwar it-trasport multimodali, tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru għall-PWD, telimina, tarmonizza u tiddefinixxi fid-dettall il-każijiet ta’ “passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu” u ttejjeb regolamenti eżistenti oħra.

4.3.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu pożizzjoni soda fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-perjodi ta’ qabel in-notifika meħtieġa għall-assistenza ferrovjarja fir-Regolament tal-UE l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferrovija.

4.3.2.4.

Li l-KE tkompli ttejjeb l-aċċessibbiltà ferrovjarja għall-PWD (11) billi tiżgura li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi ferrovjarji kollha u jiffaċilitaw l-aċċess għall-vaguni tal-ferrovija, mhux biss fir-rigward ta’ kostruzzjonijiet ġodda, iżda anke fir-rigward tal-adattament tal-infrastruttura eżistenti.

4.3.2.5.

Li l-KE toffri gwida lill-Istati Membri dwar kif jimplimentaw id-Direttivi tal-UE dwar standards minimi komuni għal drittijiet proċedurali għal vittmi tal-kriminalità jew persuni ssuspettati jew akkużati b’reati, fir-rigward tad-diżabilità (12), inkluż taħriġ dwar id-drittijiet tal-PWD għal aġenti involuti fl-aċċess għall-ġustizzja. L-OPDs għandhom jiġu kkunsidrati bħala entitajiet li jikkollaboraw u għandu jkollhom status speċifiku li jilleġittimizzahom fil-qrati.

4.3.2.6.

Li l-KE tiżgura li l-provvista ta’ aċċessibbiltà tkun kriterju ta’ eliġibbiltà għall-aċċessar tal-fondi tal-UE (13).

4.3.2.7.

Li l-KE tinvesti fir-riċerka għall-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ assistenza ġdida u mezzi ġodda għall-PWD.

4.3.2.8.

Li l-aċċessibbiltà titqies li tmur id f’id mas-sostenibbiltà, eż. fil-kostruzzjoni u t-trasport, u bħala rekwiżit minn qabel biex tinkiseb Ewropa aktar ekoloġika għal kulħadd.

4.3.2.9.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tal-aċċessibbiltà ta’ ambjent mibni ġdid u eżistenti, b’mod speċjali l-akkomodazzjoni, u t-titjib tat-taħriġ dwar l-assistenza għall-aċċessibbiltà għall-persunal fin-netwerks kollha tat-trasport.

4.3.2.10.

Li l-Istati Membri jkunu appoġġjati mill-KE sabiex jiżguraw li l-PWD jingħataw aċċess għal mezzi, teknoloġiji u servizzi ta’ assistenza, u appoġġ biex ikunu jistgħu jaffordjawhom, irrispettivament mill-pajjiż tal-UE fejn dawn jiġu offruti.

4.3.2.11.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-għoti ta’ garanzija li l-akkwist pubbliku jiżgura aċċess għall-PWD bħala ċittadini, benefiċjarji u bħala uffiċjali pubbliċi.

4.3.2.12.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà tal-Web b’mod korrett u f’waqtu.

4.4.   Il-promozzjoni tal-impjieg ta’ kwalità u t-taħriġ vokazzjonali

4.4.1.

Ir-rata ta’ impjieg tal-PWD tibqa’ sproporzjonatament baxxa meta mqabbla ma’ dik ta’ persuni mingħajr diżabilità, li hija ta’ 48,1 % meta mqabbla ma’ 73,9 %. L-impjieg tan-nisa b’diżabilità hija konsiderevolment aktar baxxa (14). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.4.2.

Li l-KE tipproponi miżuri li jarmonizzaw rekwiżiti fl-UE dwar x’inhuma obbligati li joffru l-impjegaturi, u min-naħa tagħhom x’appoġġ iridu joffru l-gvernijiet lill-impjegaturi tagħhom, sabiex jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli għall-ħaddiema b’diżabilità (15).

4.4.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jsiru mudelli eżemplari f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg tal-PWD billi jżidu l-proporzjon ta’ impjegati b’diżabilità fl-istituzzjonijiet tagħhom u l-amministrazzjoni tal-UE.

4.4.3.1.

Li l-KE tistudja l-effikaċja tas-sistemi ta’ kwota li ħafna Stati Membri jużaw biex jippromovu l-impjieg tal-PWD, bil-għan li jiġu promossi l-aħjar prattiki u potenzjalment tiġi introdotta sistema bħal din għall-amministrazzjoni tal-UE.

4.4.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni biex jinvestu fondi tal-UE f’inizjattivi għat-taħriġ, l-impjieg u l-mobilità okkupazzjonali tal-PWD, inkluż appoġġ għal intraprenditorja soċjali u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-promozzjoni ta’ kull tip ta’ impjieg inklużiv f’konformità mal-Konvenzjoni, u b’fokus partikolari fuq iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti u r-refuġjati u ħaddiema ikbar fl-età b’diżabilità (16). Għandha ssir enfasi fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-PWD biex tkun eżerċitata għażla fil-qasam tax-xogħol tagħhom u għandu jsir ukoll investiment fir-riabilitazzjoni vokazzjonali, iż-żamma tal-impjiegi, il-progress fil-karriera u l-politiki ta’ ritorn għall-impjieg, b’enfasi fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet għal professjonijiet emerġenti.

4.4.3.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaqblu dwar Garanzija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex il-PWD ikollhom opportunitajiet ta’ impjieg, apprendistat, kollokamenti f’impjieg u edukazzjoni ulterjuri. Inizjattiva dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità għandha twarrab riżorsi finanzjarji biex jiġi appoġġjat dan l-għan.

4.4.3.4.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw tiġi implimentata għalkollox, biex b’hekk il-ġenituri ta’ PWD ikunu jistgħu jaċċessaw biżżejjed liv u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, u li l-KE tinsisti li l-PWD stess ikunu intitolati għal din l-istess flessibbiltà.

4.4.3.5.

Li s-Semestru Ewropew u l-leġislazzjoni jintużaw bħala għodod biex ikun żgurat li l-ħaddiema b’diżabilità jitħallsu paga xierqa/miftiehma fl-istess livell bħall-impjegati mingħajr diżabilità, u li din qatt ma tkun inqas mill-pagi minimi. Il-KESE għandu juża l-fondi tal-UE biex jeżamina mill-ġdid prattiki tajba u l-leġislazzjoni dwar l-impjieg rigward ir-riintegrazzjoni u r-riabilitazjoni tal-ħaddiema wara perjodi twal ta’ liv minħabba mard u li setgħu ġarrbu diżabilità.

4.4.3.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-tnaqqis tar-riskju involut fit-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol billi toffri sistemi ta’ benefiċċju u allokazzjoni għal persuni b’diżabilità aktar flessibbli biex ikun evitat it-telf ta’ xbieki ta’ sikurezza kontra l-faqar u biex jingħata inċentiv għall-impjieg.

4.4.3.7.

Li l-KE tinsisti li l-Istati Membri jassistu aħjar lill-impjegaturi fil-kisba ta’ informazzjoni dwar teknoloġija ta’ assistenza, u l-finanzjament għal din it-teknoloġija, biex jagħmlu l-postijiet tax-xogħol aktar aċċessibbli u s-sigħat tax-xogħol aktar flessibbli fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-individwu. B’mod partikolari, il-KE għandha tappoġġja r-riċerka biex tibni l-argument għall-vijabbiltà tal-postijiet tax-xogħol inklużivi għall-persuni b’diżabilità.

4.4.3.8.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fl-iżgurar li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (18) li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjieg tiġi implimentata b’mod sħiħ. Il-KE u l-Istati Membri għandhom jipproċedu wkoll bl-adozzjoni tal-abbozz ta’ direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi, billi d-diskriminazzjoni f’dan il-qasam tista’ toħloq diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol.

4.4.3.9.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-integrazzjoni tal-politiki dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u d-diżabilità, sabiex id-diżabilità tiġi integrata fil-politiki dwar l-impjiegi tal-kumpaniji. Il-KE għandha tappoġġja wkoll lill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-aspetti tad-diżabilità u tal-aċċessibbiltà fl-informazzjoni mhux finanzjarja provduta mill-kumpaniji.

4.4.3.10.

Li l-KE tappoġġja d-drittijiet tal-PWD fl-UE kollha sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins tagħhom fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. Dan għandu jsir f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali. B’mod partikolari, il-proċess Ewropew tal-Karti dwar id-Diversità għandu jkollu fokus aktar b’saħħtu fuq il-promozzjoni ta’ forzi tax-xogħol diversi fir-rigward tal-kapaċitajiet.

4.4.3.11.

Li l-imsieħba soċjali, meta jidħlu fi djalogu soċjali fil-livell tal-UE u meta jikkonkludu ftehimiet kollettivi, jikkunsidraw l-implimentazzjoni tas-CRPD u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-impjegati b’diżabilità, f’konsultazzjoni mal-OPDs fil-livell tal-UE.

4.5.   Il-provvista ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja

4.5.1.

L-aċċess għall-edukazzjoni inklużiva għall-PWD jibqa’ diffiċli, u ħafna drabi jirriżulta f’ambjenti edukattivi segregati. Il-PWD fl-UE bħala medja għandhom 13 % aktar probabbiltà li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien mill-pari mhux b’diżabilità tagħhom u għandhom 14 % inqas probabbiltà li jaċċessaw l-edukazzjoni terzjarja (19). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.5.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvestu fondi tal-UE f’ambjenti ta’ tagħlim inklużiv, intervent għat-tfal żgħar, programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja u programmi ta’ taħriġ biex jgħinu fit-tranżizzjoni minn edukazzjoni għal impjieg għall-PWD. Il-mobilità tal-karriera għall-PWD għandha tkun iffaċilitata wkoll.

4.5.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu azzjoni speċifika biex jiżguraw l-inklużività għat-tfal u l-PWD żgħażagħ fis-sistema tal-Iskejjel Ewropej tagħhom stess għat-tfal tal-persunal tal-UE.

4.5.2.2.

Li l-KE tieħu azzjonijiet konkreti biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-PWD f’edukazzjoni għolja billi tipprovdi assistenza għal ħtiġijiet u spejjeż ta’ appoġġ waqt l-istudju jew it-taħriġ.

4.5.2.3.

Li l-KE tieħu miżuri biex iżżid l-aċċessibbiltà tal-programmi Erasmus+ u biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-PWD billi tipprovdi assistenza għal ħtiġijiet u spejjeż ta’ appoġġ waqt l-istudju jew it-taħriġ barra mill-pajjiż.

4.5.2.4.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju biex iħarrġu lill-persunal fi skejjel inklużivi u tappoġġja t-taħriġ tal-assistenti tal-klassi speċjalizzati fid-diżabilità biex irawmu l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità fi skejjel regolari. It-taħriġ għandu jiffoka wkoll fuq kif it-teknoloġija ta’ assistenza tista’ tintuża biex tintegra aħjar lill-istudenti b’diżabilità. Għandha tingħata wkoll l-istess attenzjoni għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol tajba fil-klassi u għat-tnaqqis tad-daqsijiet tal-klassijiet.

4.6.   Il-ġlieda kontra l-prekarjetà, il-faqar u l-esklużjoni soċjali

4.6.1.

Il-PWD fl-UE huma, bħala medja, 9 % aktar probabbli li jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-kontropartijiet tagħhom mingħajr diżabilità (20). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.6.1.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-Aġenda l-ġdida tinkludi azzjonijiet speċifiċi biex tkun promossa sistema ta’ protezzjoni soċjali inklużiva u li l-KE tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri fuq bażi ta’ protezzjoni soċjali għall-PWD u għal persuni li jindukraw li jiggarantixxu li jkollhom standard tal-għajxien adegwat (21). Il-KE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PWD, b’mod partikolari l-persuni li ġarrbu diżabilità matul il-karriera tagħhom u li għandhom perjodi ta’ kontribuzzjoni iqsar lejn l-assigurazzjoni għall-pensjoni, ikunu koperti minn arranġamenti tal-protezzjoni soċjali adegwati qabel u wara l-età tal-pensjoni.

4.6.1.2.

Li l-KE tipprovdi gwida dwar riformi rigward benefiċċji biex tiġi appoġġjata l-ispiża żejda ta’ mezzi relatati mad-diżabilità, teknoloġija ta’ assistenza, akkomodazzjoni, trasport eċċ. Il-KE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu aktar flessibbli, jippermettu lill-PWD jżommu l-allokazzjonijiet meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, jibbilanċjaw infiq sproporzjonat, inaqqsu r-riskju tal-faqar fost dawk li jaħdmu, u jagħtu inċentiv għall-impjieg.

4.6.1.3.

Li l-KE tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar il-proċeduri tal-evalwazzjoni tad-diżabilità biex ikun żgurat li ma jiġux injorati persuni b’kundizzjonijiet rari jew disturbi multipli. Il-KE għandha wkoll tiskoraġġixxi b’mod qawwi lill-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, milli jnaqqsu l-benefiċċji tad-diżabilità għaċ-ċittadini tagħhom u għaldaqstant iżidu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-KE għandha titlob lill-Istati Membri jirrevedu l-ekwità tal-benefiċċji tad-diżabilità tagħhom matul il-ħajja sabiex jiżguraw li l-PWD li jilħqu età avvanzata u l-persuni ikbar fl-età li jġarrbu diżabilità ma jitilfux l-aċċess tagħhom għall-intitolamenti.

4.6.1.4.

Li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali tiġi adattata biex tintegra kejl relatat b’mod speċifiku mal-PWD sabiex jiġu kkomplementati r-rabtiet dejjem jikbru bejn is-Semestru Ewropew u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali.

4.6.1.5.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fl-implimentazzjoni kif suppost tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sigurtà soċjali għal kuntratti tax-xogħol atipiċi, u l-iżgurar li l-ebda PWD, li tkun qed taħdem jew mod ieħor, ma tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal kopertura adegwata għall-kura tas-saħħa u intitolamenti oħra.

4.6.1.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-trawwim tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għal PWD fuq bażi ugwali ma’ oħrajn (22).

4.6.2.

Li l-KE tiżgura li PWD impjegati preċedenti, attwali u futuri fl-amministrazzjoni tal-UE, jew membri tal-familja dipendenti affettwati minn diżabilità, jibbenefikaw minn assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva li tista’ tipprovdihom bl-aħjar kura medika u kwalità tal-ħajja possibbli.

4.7.   Nagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’li ħadd ma jibqa’ lura lil hinn mill-fruntieri tagħha

4.7.1.

L-UE hija l-akbar donatur tal-iżvilupp fid-dinja. L-UE u l-Istati Membri għandhom, bħala Stati Partijiet għas-CRPD, jippromovu d-drittijiet tal-PWD fl-azzjoni esterna tagħhom. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.7.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi terzi jaderixxu għall-prinċipji ġenerali tas-CRPD, deskritti fil-punt 3.1.

4.7.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE juru prova tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-PWD fl-istess livell tal-Istati Membri tal-UE Il-KE għandha tiżgura wkoll li l-istrumenti finanzjarji għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni jintużaw biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom.

4.7.2.2.

Li l-KE żżid is-sensibilizzazzjoni tas-CRPD u l-ħtiġijiet tal-PWD, inkluża l-aċċessibbiltà, fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u ta’ emerġenza u s-sensibilizzazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ diżabilità fid-delegazzjonijiet tal-UE.

4.7.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li hemm segwitu ċar rigward il-Kunsens tal-UE għall-Iżvilupp u jappoġġaw l-inklużjoni tal-markaturi tad-diżabilità tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD fil-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-UE madwar id-dinja.

4.7.2.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li d-drittijiet jiġu mħarsa u li jingħata appoġġ suffiċjenti u xieraq lill-PWD li jaslu fl-UE bħala persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil jew refuġjati, jew fl-offerta ta’ appoġġ għal persuni li jkunu ġarrbu diżabilità waqt li jkunu qed jaħarbu mill-pajjiż tagħhom.

4.7.2.5.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-kwistjonijiet ta’ diżabilità fi djalogi ma’ pajjiżi mhux membri. Il-KE għandha taħdem biex trawwem il-ftehim u l-impenn fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ diżabilità f’fora internazzjonali (in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD).

4.7.2.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri, fid-dawl tal-Brexit, fl-iżgurar li ċittadini mill-Unjoni Ewropea li attwalment jirrisjedu fir-Renju Unit, u viċi versa, ikomplu jirċievu l-assistenza li qed tiġi pprovduta attwalment mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

5.   Governanza, implimentazzjoni u monitoraġġ

5.1.

Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE, il-KESE jirrakkomanda b’mod qawwi li jiġu deżinjati DFPs f’kull istituzzjoni, aġenzija u korp tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat tar-Reġjuni, eċċ., u f’aġenziji bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Id-DFPs għandhom jitqiegħdu wkoll fid-DĠs kollha tal-KE nnifisha. Ladarba kwistjonijiet tad-diżabilità huma ta’ natura trasversali, id-DFP ċentrali għandu jaqa’ taħt is-segretarju ġenerali tal-KE. Dan ikun meħtieġ biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tas-CRPD u l-Aġenda mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-KESE, li jmexxi bl-eżempju, għandu d-DFP tiegħu, u l-Grupp ta’ Studju dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità appoġġjat mis-segretarjat tas-SOC. Il-KESE iħeġġeġ ukoll dan li ġej:

5.2.

Li, billi se jkun hemm Kummissarju b’portafoll dwar l-ugwaljanza, jkun hemm DFP fi ħdan id-DĠ Ġustizzja biex jgħinha fir-rwol tagħha. Dan huwa ta’ importanza kbira.

5.3.

Li s-sistema attwali ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Diżabilità tiġi sostitwita minn “Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità” li jservi bħala pjattaforma għal laqgħat regolari mid-DFP kollha pożizzjonati fid-direttorati, fl-istituzzjonijiet u fl-aġenziji differenti, kif ukoll fl-Istati Membri differenti. Dan il-Kumitat għandu jkollu d-dritt li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Aġenda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet nazzjonali u tal-KE.

5.4.

Li l-KE teżamina mill-ġdid il-kompetenzi kondiviżi tagħha mal-Istati Membri, li jirriżultaw mis-CRPD u d-dritt tal-UE, sabiex tistabbilixxi fejn l-UE tista’ taħdem flimkien mal-Istati Membri għal implimentazzjoni. Dan għandu jsir billi tiġi prodotta Dikjarazzjoni ta’ Kompetenzi.

5.5.

Li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu interistituzzjonali bejn il-KE, il-Parlament u l-Kunsill (23). Il-presidenti ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu qabel kull mandat biex juru impenn lejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma dwar id-diżabilità fi ħdan il-Kunsill biex jiġi ffaċilitat dan il-mekkaniżmu.

5.6.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fl-Aġenda parametri referenzjarji ċari, tanġibbli u speċifiċi u indikaturi li jistgħu jitkejlu biex iżommu rekord tal-lakuni fl-implimentazzjoni u jkejlu b’mod effettiv il-progress li jkun sar.

5.7.

Li l-KE tiżgura l-ippjanar ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ effettiv matul il-konċepiment ta’ proposti u inizjattivi leġislattivi u li jiġu allokati riżorsi u baġits suffiċjenti għal dawn il-mekkaniżmi. L-Aġenda għandha tinkludi impenn ċar għall-finanzjament b’indikazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati għal mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.

5.8.

Li l-KE tipprovdi lill-Qafas tas-CRPD tal-UE riżorsi adegwati biex ikun żgurat il-funzjonament indipendenti u adegwat tagħha.

5.9.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lill-OPDs u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod attiv u sħiħ fl-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-Aġenda (24). L-OPDs għandhom ikunu kkonsultati u involuti b’mod kontinwu fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ liġijiet, politiki u programmi li jinħolqu minn din l-Aġenda u għandu jkollhom aċċess għal riżorsi li se jappoġġjaw l-involviment sinifikanti tagħhom. Barra minn hekk, il-proċessi ta’ konsultazzjoni għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu mill-PWD u jkunu aċċessibbli għalihom b’mod sħiħ.

5.10.

Li l-KE tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Eurostat, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u r-rappreżentanti tal-OPDs, jiżviluppa sistema ta’ indikaturi bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem u sistema ta’ ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza bejn il-persuni b’diżabilità komprensiva u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tal-PWD fl-UE u anke tippubblika analiżi dwar id-diżabilità aktar rilevanti u diżaggregata. Dan għandu jqis l-intersezzjonalità tal-kwistjonijiet u l-esperjenzi tal-PWD bħal dawk minħabba s-sess, l-età, l-istatus ta’ refuġjat, ta’ ażil jew ta’ migrant, jew l-isfond ta’ minoranza etnika, kif ukoll tipi differenti ta’ diżabilità u l-mod kif jaffettwaw il-benessri u r-riżultati (25). Jeħtieġ ukoll li tinġabar data dwar in-numru ta’ PWD li jgħixu f’istituzzjonijiet u ta’ tfal b’diżabilità li jgħixu barra minn unitajiet domestiċi.

5.11.

Li l-KE tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, biex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali dwar id-diżabilità tagħhom stess, u jindirizzaw l-implimentazzjoni tas-CRPD fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

5.12.

Li l-KE biex tagħmel il-mezzi neċessarji, ir-riżorsi umani u l-appoġġ finanzjarju kollu disponibbli għall-Qafas ta’ Monitoraġġ tas-CRPD tal-UE, biex ikun żgurat li tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 33(2) tas-CRPD.

6.   Komunikazzjoni u disseminazzjoni (26)

6.1.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-ostakli li għadhom jiffaċċjaw l-PWD, biex jeqirdu l-isterjotipi u jaħdmu flimkien ma’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex ikun żgurat li din l-informazzjoni tilħaq lil dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħra fil-livelli kollha. Il-KE għandha tappoġġja l-ħidma tal-OPDs u l-NGOs fil-livell tal-UE attivi fil-qasam.

6.2.

Il-KE għandha tiżviluppa kampanji u attivitajiet ta’ taħriġ biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-PWD, li għandhom ikunu mmirati lejn il-pubbliku ġenerali, dawk li jfasslu l-politika u d-deċiżjonijiet, il-persunal ta’ entitajiet pubbliċi u privati, il-PWD u l-familji tagħhom, eċċ. L-Istati Membri għandhom ikunu inkoraġġiti mill-KE biex jimplimentaw kampanji simili.

6.3.

Il-KE u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għas-sottolinjar tad-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali ffaċċjata minn ċerti gruppi ta’ PWD, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u l-bniet, persuni LGBTI u minoranzi etniċi.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE fl-2015.

(2)  F’konformità mal-Artikolu 1 tas-CRPD, PWD jinkludi dawk il-persuni li għandhom diżabilità fiżika, mentali, intellettwali jew sensjorjali fit-tul li, f’interazzjoni ma’ diversi ostakli, tista’ xxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor.

(3)  L-Artikoli 1, 21 u 26 tal-Karta tal-UE u l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ewrobarometru Speċjali 437. Disponibbli fuq: https://data.europa.eu/euodp/data/dataset/S2077_83_4_437_ENG

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-kumment ġenerali tal-Kumitat dwar is-CRPD Nru 1 (2014) dwar ir-rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi.

(7)  Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD, l-Artikolu 18.

(8)  CRPD, l-Artikolu 19 u l-Kumment Ġenerali 5.

(9)  CRPD, l-Artikoli 9 u 20.

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(11)  Matul ir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 110).

(12)  CRPD l-Artikolu 13.

(13)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83.

(14)  https://www.disability-europe.net/theme/employment

(15)  CRPD l-Artikoli 5 u 27.

(16)  CRPD l-Artikolu 27.

(17)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(19)  ANED abbażi ta’ Eurostat 2016, persuni b’diżabilità u mingħajr diżabilità (età: 30-34 sena), differenza f’punti perċentwali.

(20)  EU SILC 2016.

(21)  CRPD l-Artikolu 28.

(22)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CPRD, paragrafu 63.

(23)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE fl-2015.

(24)  Kumment Ġenerali tas-CRPD.

(25)  CRPD l-Artikolu 31.

(26)  CRPD l-Artikolu 8.


Top