Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0641

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2018

    COM/2019/641 final

    Brussell, 17.12.2019

    COM(2019) 641 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2018

    {SWD(2019) 442 final}


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2018

    INTRODUZZJONI

    Mill-2017, il-Kummissjoni Ewropea ilha timmaniġġja l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP), li huwa programm dedikat b’baġit ta’ EUR 222.8 miljun 1 li għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jsaħħu t-tkabbir.

    Ir-riformi strutturali huma, min-natura tagħhom, proċessi kumplessi, u d-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġu għarfien u ħiliet speċjalizzati ħafna f’kull stadju. F’xi Stati Membri, il-kapaċità li jingħata bidu għal riformi strutturali u li dawn jiġu implimentati, ta’ sikwit ma tkunx biżżejjed biex tindirizza l-isfidi amministrattivi, ekonomiċi u soċjali li riformi bħal dawn iġibu magħhom.

    L-objettiv tal-SRSP huwa li jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw dawn l-isfidi u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jħejju u jimplimentaw riformi li jsaħħu t-tkabbir, li jgħinu jsaħħu l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u jtejbu l-proċessi ta’ governanza u l-prestazzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali. L-għan huwa li jsir titjib fil-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment.

    Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-appoġġ iffinanzjat taħt iċ-ċiklu tal-SRSP 2018. Huwa jiddeskrivi l-proċess tal-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti u jagħti rendikont tar-riżultati miksuba s’issa minn proġetti kemm skont l-SRSP tal-2017 kif ukoll tal-2018. Huwa jiddeskrivi wkoll il-proċess tal-għażla u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ iffinanzjati minn trasferimenti volontarji lill-SRSP mill-Greċja u l-Bulgarija 2 .

    IMPLIMENTAZZJONI TAL-SRSP FL-2018

    Is-sena 2018 kienet it-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont l-SRSP. Bħall-ewwel sena, it-tieni waħda wriet li hemm domanda għolja għall-programm mill-Istati Membri — 24 Stat Membru ppreżentaw 444 talba għal appoġġ, għal ammont stmat li huwa ħames darbiet il-baġit disponibbli għall-SRSP 2018.

    Sabiex tagħżel ir-rikjesti mill-Istati Membri għall-finanzjament taħt l-SRSP fl-2018, il-Kummissjoni vvalutat ir-rikjesti fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji stabbilit fir-Regolament SRSP. Fuq din il-bażi, intgħażlu 146 talba minn 24 Stat Membru.

    Id-distribuzzjoni tat-talbiet magħżula minn fost l-oqsma ta’ politika ewlenin kienet kif ġej:

    ·24 % mill-qasam tal-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi;

    ·23 % fl-ambjent tan-negozju u tat-tkabbir (inklużi l-klima u l-ambjent);

    ·21 % mill-qasam tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-politika soċjali;

    ·21 % relatati mal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika; kif ukoll

    ·11 % relatati mas-servizzi finanzjarji u mal-aċċess għall-finanzi;

    F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, ingħatat prijorità għall-finanzjament lil rikjesti li kienu jagħtu lok għal għoti f’qasir żmien ta’ appoġġ u implimentazzjoni rapida tar-riformi fil-post, u lil rikjesti li kienu jindirizzaw objettivi definiti, b’riżultati qawwija mistennija fil-post.

    93 % tat-talbiet magħżula għal finanzjament taħt l-SRSP tal-2018 jirrigwardaw direttament il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE :

    ·55 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tar-riformi b’reazzjoni għall-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew(ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ir-rapporti dwar il-pajjiżi);

    ·29 % huma relatati mal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Unjoni (l-unjoni tas-swieq kapitali, is-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija u l-klima, eċċ.);

    ·6 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; kif ukoll

    ·3 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-UE.

    is-7 % li jifdal huma marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi tal-Istati Membri stess.

    Sat-30 ta’ Novembru 2019, kienu tlestew 30 % tar-riformi jappoġġjaw proġetti implimentati skont l-SRSP tal-2018 (li ma jinkludux trasferimenti volontarji skont l-Art. 11 tar-Regolament SRSP) filwaqt li 70 % komplew jiġu implimentati fuq il-post.

    L-akbar proporzjon ta’ miżuri ta’ appoġġ għandu l-għan li:

    ·itejjeb il-proċessi fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa u jtejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa (13 %);

    ·isaħħaħ l-edukazzjoni u l-iskemi ta’ taħriġ (9 %);

    ·jiddiġitalizza l-amministrazzjoni pubblika (8 %);

    ·itejjeb l-effiċjenza u l-effettività tas-settur pubbliku (8 %);

    ·jagħmel is-sistemi tal-kura tas-saħħa aktar aċċessibbli, effettivi u reżiljenti (7 %);

    ·jiżviluppa s-swieq kapitali nazzjonali u transfruntiera (5 %);



    PROGRESS F’RABTA MAL-OBJETTIVI TAL-PROGRAMM

    It-tieni sena ta’ implimentazzjoni tindika li l-SRSP jista’ joffri kontribut sinifikanti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jegħlbu ċerti dgħufijiet strutturalili huma ta’ ostaklu għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tar-riformi.

    Pereżempju, il-programm għen biex jiġu riveduti l-proċeduri attwali tat-tfassil tal-liġijiet (eż. l-adozzjoni ta’ liġi ġdida dwar il-governanza tal-intrapriżi tal-istat), jiġu identifikati d-dgħufijiet u jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet għal titjib (eż. rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi għar-reklutaġġ, l-evalwazzjoni u l-promozzjoni tal-imħallfin). Il-programm għen ukoll biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex jiddefinixxu proċessi u metodoloġiji aktar effiċjenti (eż. billi tiġi żviluppata valutazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema), u/jew biex isir progress lejn ġestjoni aktar effettiva tar-riżorsi umani (eż. l-għoti ta’ inizjattivi konkreti ta’ tranżizzjoni relatati mal-ġestjoni tat-talenti, ir-riżorsi umani strateġiċi, u l-bini ta’ kultura ta’ innovazzjoni aktar b’saħħitha fis-servizz pubbliku).

    L-azzjonijiet magħżula u implimentati skont iċ-ċiklu tal-SRSP tal-2018 huma mfassla wkoll biex jiżguraw il-alur miżjud Ewropew. Dan iseħħ permezz tal-kumplimentarjetà u s-sinerġiji ma’ programmi oħra u politiki fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, u/jew permezz tal-kontribut tagħhom għall-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet għandhom l-għan ukoll li jagħtu lok għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi nazzjonali iżda għandhom ukoll impatt pożittiv fuq l-isfidi fl-Unjoni kollha u dawk transfruntiera. Il-miżuri ta’ appoġġ li ġejjin huma eżempji illustrattivi:

    ·Miżuri ta’ appoġġ li jgħinu fl-identifikazzjoni tal-ostakli fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

    ·miżuri ta’ appoġġ imfassla biex jiżguraw konformità mal-liġi ambjentali tal-UE ;

    ·skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri li implimentaw b’suċċess rieżamijiet ta’ nfiq fl-istess oqsma ta’ politika tal-Istat Membru rikjedenti;

    ·appoġġ lil tliet Stati Membri differenti fir-riforma tas-sistema tas-saħħa li għandha l-għan li testendi l-kopertura u l-effikaċja tal-programmi ta’ skrining tal-kanċer kolorettali, sabiex jitnaqqas in-numru ta’ persuni bil-kanċer.

    Filwaqt li ma jaqax taħt il-kompetenza ta’ dan ir-rapport li juri l-effetti finali tar-riformi 3 li Stat Membru seta’ beda bħala riżultat tal-miżuri ta’ appoġġ ipprovduti taħt l-SRSP, nistgħu ngħidu li l-SRSP jinsab fit-triq it-tajba meta jasal biex jilħaq l-objettiv ġenerali tiegħu.

    Il-miżuri ta’ appoġġ implimentati skont l-ewwel żewġ sessjonijiet tal-SRSP (fl-2017 u l-2018) qed jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jsaħħu t-tkabbir.

    Fost il-proġetti implimentati kemm taħt it-2017 u l-2018, 123 diġà għenu biex jinkisbu riżultati konkreti, bħal dawn li ġejjin:

    ·strateġija ġdida ta’ verifika interna pubblika;

    ·rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi għar-reklutaġġ, l-evalwazzjoni u l-promozzjoni tal-imħallfin;

    ·għodod ibbażati fuq l-internet għall-utenti żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fi Stat Membru, ibbażati fuq l-internet, jgħinu lill-SMEs jifhmu aħjar u jikkonformaw mal-qafas regolatorju;

    ·qafas ta’ informazzjoni komprensiv għar-regolatur tal-ilma nazzjonali;

    ·it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ liġijiet u regolamenti u l-użu ta’ għodod li jikkontribwixxu għall-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul;

    ·l-implimentazzjoni ta’ riformi fl-edukazzjoni bbażata fuq il-mentoraġġ, it-taħriġ u l-materjal awdjoviżiv arrikkit;

    ·ir-rakkomandazzjonijiet biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ rieżami tal-infiq pubbliku farmaċewtiku tal-pazjenti ta’ barra;

    ·l-implimentazzjoni ta’ strateġija fiskali ta’ nofs it-terminu; kif ukoll

    ·l-iżvilupp ta’ strateġija għal perjodu ta’ żmien medju għal bank ta’ żvilupp.

    KONKLUŻJONI

    It-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-SRSP uriet żieda fid-domanda għall-programm mill-Istati Membri,li 24 minnhomippreżentaw 444 talba għal appoġġ (sa 16-il Stat Membru li ppreżentaw 271 talba għal appoġġ taħt l-SRSP tal-2017).

    B’mod ġenerali, l-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni tal-SRSP urew li l-programm jista’ jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw u jegħlbu d-dgħufijiet u l-ostakli strutturali meta jfasslu u jimplimentaw ir-riformi. Għadd ta’ eżempji speċifiċi ta’ riżultati u azzjonijiet ta’ segwitu mill-gvernijiet juru dan.

    Madankollu, filwaqt li l-miżuri ta’ appoġġ huma mfassla biex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ riforma, is-segwitu effettiv tal-azzjonijiet, f’termini ta’ implimentazzjoni attwali tar-riformi, jibqa’ l-prerogattiva tal-Istat Membru riċevitur.

    Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tibqa’ twettaq monitoraġġ tal-assorbiment tal-miżuri ta’ appoġġ, kif ukoll tal-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir.

    (1) Il-baġit żdied meta ġie emendat ir-Regolament (UE) 2017/825 oriġinali tal-SRSP (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1–16) (ir-Regolament (UE) 2018/1671, ĠU L 284, 12.11.2018, p. 3–5). 
    (2) Minbarra l-baġit tal-SRSP, l-Artikolu 11 tar-Regolament SRSP u l-Artikolu 25 tad-Dispożizzjonijiet Komuni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jippermettu li l-programm jiġi ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali mill-Istati Membri minn riżorsi pprovduti għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE). Fl-2018, żewġ Stati Membri (il-Greċja u l-Bulgarija) għamlu trasferimenti volontarji lill-SRSP (C(2018) 3748 final u C(2018) 5435 final).
    (3) Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament SRSP, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu b’informazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tal-programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tal-programm, kif ukoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet.
    Top