IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.9.2019
COM(2019) 394 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2019
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019DC0394
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL, THE COUNCIL, THE EUROPEAN CENTRAL BANK, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE, THE COMMITTEE OF THE REGIONS AND THE EUROPEAN INVESTMENT BANK Finalising preparations for the withdrawal of the United Kingdom from the European Union on 1 November 2019
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2019
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2019
COM/2019/394 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.9.2019
COM(2019) 394 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2019
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT
Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2019
1.Introduzzjoni
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea permezz tal-invokazzjoni tal-proċedura fl-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, wara t-talba min-naħa tar-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) qabel 1 li jestendi ulterjorment il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019. Sakemm ir-Renju Unit ma jirratifikax il-Ftehim dwar il-Ħruġ 2 sal-31 ta’ Ottubru 2019 jew ma jitlobx għat-tielet estensjoni li tkun trid tiġi miftiehma b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50), mill-1 ta’ Novembru 2019 ir-Renju Unit se jkun pajjiż terz mingħajr ftehim li jiżgura ħruġ ordnat.
Mill-bidu nett tan-negozjati, il-Kummissjoni kienet tal-fehma ċara li l-aħjar eżitu jkun ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni b’mod konsistenti, ħruġ mingħajr ftehim se joħloq diżordni sinifikanti kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE27. Il-miżuri ta’ kontinġenza jistgħu biss itaffu t-tfixkil l-aktar sinifikanti kkawżat minn ħruġ mingħajr ftehim.
L-iskadenza tal-31 ta’ Ottubru 2019 tinsab biss tmien ġimgħat ’il bogħod. Il-ftit żmien li għad fadal u s-sitwazzjoni politika fir-Renju Unit żiedu r-riskju li r-Renju Unit joħroġ f’dik id-data mingħajr ftehim. B’konformità mal-approċċ li l-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) enfasizza matul il-proċess, l-atturi kollha jridu jissoktaw it-tħejjija għall-eżiti kollha possibbli. Għaldaqstant, issa l-atturi kollha jridu jagħmlu l-aġġustamenti kollha neċessarji għall-pjani tagħhom fir-rigward ta’ ħruġ mingħajr ftehim fl-1 ta’ Novembru 2019. Jenħtieġ li huma ma jiddependux fuq is-suppożizzjoni li r-Renju Unit se jitlob it-tielet estensjoni u li din tintlaqa’ mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) qabel il-31 ta’ Ottubru.
2.Id-Drittijiet taċ-Ċittadini
Il-Kummissjoni konsistentement għamlitha ċara li l-ħarsien taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit, kif ukoll iċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea huma prijorità. Kif ġie ddikjarat fil-ħames Komunikazzjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit tat-12 ta’ Ġunju 2019 3 , l-Istati Membri tal-UE27 daħħlu fis-seħħ miżuri ta’ kontinġenza li jiżguraw li ċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-membri tal-familja tagħhom mhux mill-UE jkunu jistgħu jibqgħu jirrisjedu legalment fil-perjodu immedjatament wara ħruġ mingħajr ftehim. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri tal-UE27 sabiex tiżgura l-koerenza tal-approċċ globali, filwaqt li rrikonoxxiet il-fatt li l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu flessibbli. Il-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tal-miżuri ta’ kontinġenza nazzjonali kollha b’rabta mad-drittijiet ta’ residenza fil-paġni web tagħha dwar it-Tħejjija għall-Brexit 4 .
Iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit jistgħu jsibu informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ residenza tagħhom fir-Renju Unit fis-sit web tal-Gvern tar-Renju Unit 5 . Minbarra l-isforzi tar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fir-Renju Unit, l-Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni fir-Renju Unit u s-servizzi rilevanti fi Brussell se jkomplu jsegwu mill-qrib il-passi meħuda mir-Renju Unit biex iċ-ċittadini tal-UE jibqgħu jirrisjedu fir-Renju Unit. Dawn se jagħtu informazzjoni u għarfien liċ-ċittadini interessati f’dan ir-rigward.
Filwaqt li l-jeddijiet tas-sigurtà soċjali fir-rigward tar-Renju Unit qabel il-ħruġ huma mħarsa mir-Regolament ta’ kontinġenza rilevanti 6 , xi Stati Membri qegħdin idaħħlu fis-seħħ ukoll miżuri ta’ kontinġenza unilaterali fil-livell nazzjonali għall-perjodu ta’ wara l-ħruġ. Dawn il-miżuri jikkumplimentaw il-ħarsien tal-jeddijiet tas-sigurtà soċjali li huma garantiti fil-livell tal-UE, pereżempju billi wara l-ħruġ fir-Renju Unit jiġi applikat il-prinċipju ta’ aggregazzjoni għall-perjodi ta’ xogħol, assigurazzjoni u residenza jew billi l-jeddijiet tas-sigurtà soċjali ta’ dawk iċ-ċittadini wara l-ħruġ jitħarsu aktar. Il-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tal-miżuri nazzjonali ta’ kontinġenza kollha fil-qasam tal-jeddijiet tas-sigurtà soċjali fil-paġni web tagħha dwar it-Tħejjija għall-Brexit 7 .
3.Il-finalizzazzjoni tat-tħejjijiet f’setturi partikolari
F’kull waħda mill-ħames Komunikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit 8 hija ħeġġet lill-partijiet ikkonċernati biex jitħejjew. Hija se żżomm il-kuntatt mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tagħtihom informazzjoni u pariri. L-Istati Membri u l-entitajiet privati, fosthom l-assoċjazzjonijiet u l-kmamar tal-kummerċ, ukoll jenħtieġ li jkomplu jagħtu informazzjoni u jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji jiffinalizzaw it-tħejjijiet tagħhom, inkluż permezz tal-bosta fora li nħolqu speċifikament għal dan.
Sabiex in-negozji jiġu megħjuna jivverifikaw l-istat tat-tħejjija tagħhom u jidentifikaw l-azzjonijiet li għad iridu jieħdu biex jiffinalizzaw it-tħejjijiet tagħhom fid-dawl tal-ħruġ mingħajr ftehim fl-1 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ħejjiet “Lista ta’ kontroll għat-tħejjija għall-Brexit” li hija disponibbli fil-paġni web tagħha dwar it-Tħejjija għall-Brexit 9 . Barra minn hekk il-Kummissjoni ppubblikat avviżi lill-partijiet ikkonċernati speċifiċi għal kull settur dwar għadd ta’ kwistjonijiet 10 . Għodod simili tħejjew fil-livell nazzjonali u minn diversi assoċjazzjonijiet tan-negozju. L-operaturi ekonomiċi kollha ġew mistiedna jużaw għodod ta’ dan it-tip.
Din it-taqsima tiffoka fuq oqsma partikolari fejn hemm il-ħtieġa li tkompli tingħata attenzjoni partikolari fix-xhur li ġejjin.
3.1.Il-formalitajiet tal-fruntiera u l-kummerċ
Is-setturi kollha li jagħmlu negozju mar-Renju Unit, kemm fil-merkanzija kif ukoll fis-servizzi, se jintlaqtu mill-ħruġ. Partikolarment dwar il-kummerċ fil-merkanzija, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim, l-operaturi ekonomiċi jeħtieġ li jħejju ruħhom għal konsegwenzi sinifikanti fl-oqsma tal-formalitajiet tad-dwana, tat-tassazzjoni indiretta u, fejn applikabbli, tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji mill-1 ta’ Novembru 2019. Dawn il-konsegwenzi jinkludu, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni ta’ formalitajiet tad-dwana. Se jkollhom jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet u l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jitolbu garanziji fir-rigward ta’ djun doganali potenzjali jew eżistenti. Jista’ jkun li jibdew japplikaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fil-konfront ta’ xi merkanzija li tidħol fl-UE mir-Renju Unit jew viċi versa, li jfisser li jista’ jkun hemm il-bżonn ta’ liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni.
Mill-1 ta’ Novembru 2019, il-merkanzija tar-Renju Unit li tidħol fl-UE se tkun suġġetta wkoll għal dazji 11 doganali u l-merkanzija tal-UE tista’ tkun suġġetta għal dazji doganali tar-Renju Unit. It-tariffi medji tal-UE huma ta’ madwar 2,7 % għall-prodotti mhux agrikoli importati fl-Unjoni u 8,1 % għall-prodotti agrikoli 12 . Pereżempju, bħala medja l-prodotti tal-ħalib jiġu ntaxxati b’rata ta’ 44,8 %, il-laħam b’rata ta’ 11,4%, il-ħwejjeġ b’rata ta’ 11,5 % u l-karozzi b’rata ta’ 10 % 13 . L-operaturi ekonomiċi tal-UE27 jenħtieġ li jivvalutaw il-ktajjen tal-provvista u jiżguraw li l-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju tagħhom iqisu dawn id-dazji doganali. L-Istati Membri se jimponu wkoll Taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq il-merkanzija importata lejn l-UE mir-Renju Unit.
Sabiex it-tfixkil fuq il-kummerċ tal-merkanzija li taqsam il-fruntiera jitnaqqas kemm jista’ jkun, mill-ewwel jum ta’ wara l-ħruġ, l-operaturi tas-suq, it-trasportaturi u l-ispedituri minn madwar l-Ewropa li biħsiebhom jittrasportaw merkanzija mir-Renju Unit jew lejn ir-Renju Unit jeħtieġ li jkunu lesti li jissodisfaw il-formalitajiet li jintalbu. Jeħtieġ li jagħmlu dawn it-tħejjijiet irrispettivament minn fejn ikunu stabbiliti. Din mhijiex biss kwistjoni għal dawk li huma bbażati fir-reġjuni ġirien tar-Renju Unit jew li jkollhom volumi għolja ta’ negozju mar-Renju Unit.
Il-partijiet kollha li huma involuti fil-katina tal-provvista jeħtieġ li jkunu konxji mir-responsabbiltajiet tagħhom biex jissodisfaw il-formalitajiet neċessarji kollha u jenħtieġ li jiżguraw li d-dokumentazzjoni u ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa jkunu organizzati sew. It-tħejjija għall-formalitajiet rilevanti tista’ tieħu ż-żmien u tinvolvi kuntatti mal-awtoritajiet rilevanti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. It-trasport tal-merkanzija skont il-proċedura komuni ta’ tranżitu se jnaqqas il-formalitajiet fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera 14 . Meta titqies il-possibbiltà ta’ diżordni fil-fruntieri fi żmien il-ħruġ, l-operaturi tas-suq, it-trasportaturi u l-ispedituri jenħtieġ li jivverifikaw is-sitwazzjoni tar-rotta kummerċjali preferuta tagħhom u jieħdu l-azzjoni meħtieġa.
L-esportazzjonijiet ta’ merkanzija li toriġina fl-UE trid tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-preferenzi kummerċjali li jingħataw skont il-Ftehimiet Kummerċjali 15 . Il-materjali, il-partijiet u l-komponenti li joriġinaw fir-Renju Unit u huma inkorporati fi prodotti manifatturati fl-UE mhumiex se jikkwalifikaw bħala li joriġinaw fl-UE. Għaldaqstant l-operaturi jridu jadattaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom u jiggarantixxu li l-merkanzija esportata u d-dokumenti u l-formalitajiet kollha jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-regoli ta’ oriġini skont il-Ftehimiet Kummerċjali rilevanti.
Il-Kummissjoni ħejjiet għadd ta’ avviżi u dokumenti ta’ gwida dettaljati fil-qasam tad-dwana, tal-oriġini, tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u tas-sisa li kollha kemm huma jinsabu online 16 . Kors ta’ tagħlim elettroniku qasir dwar il-konsegwenzi tal-Brexit fl-oqsma tad-dwana u tat-tassazzjoni u fajls ta’ introduzzjoni prattika dwar il-kunċetti doganali essenzjali wkoll jinsabu online 17 .
Fil-ħames Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2019 dwar it-Tħejjija għall-Brexit 18 , il-Kummissjoni enfasizzat li l-ewwel fażi tal-kampanja ta’ komunikazzjoni diġà ħarġet fid-dieher li xi negozji kienu ħadu azzjoni, iżda l-isforzi f’dan ir-rigward iridu jibqgħu għaddejjin fl-Istati Membri kollha sad-data tal-ħruġ. Issa l-Kummissjoni se tintensifika l-kampanja ta’ komunikazzjoni tagħha b’diversi ilsna 19 , li tnediet fit-18 ta’ Frar 2019, biex il-messaġġ tagħha jilħaq lin-negozji tal-UE u li l-informazzjoni marbuta tagħha hija disponibbli fid-dominju pubbliku 20 .
Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri, u partikolarment dawk li huma l-punti ewlenin ta’ dħul u ħruġ tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit, għamlu investimenti sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u l-infrastruttura, kemm fiżiċi (inkluż fil-Postijiet ta’ Spezzjonijiet tal-Fruntiera) kif ukoll teknoloġiċi, biex jiffaċilitaw il-moviment ta’ merkanzija fil-fruntieri tagħhom mar-Renju Unit. Barra minn hekk, dawk l-Istati Membri impenjaw ruħhom u se jissoktaw jimpenjaw ruħhom fix-xhur li ġejjin f’kampanji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li jispjegaw lill-atturi kollha kkonċernati l-formalitajiet kollha meħtieġa b’rabta mad-dwana 21 u l-kontrolli sanitarji u fitosanitarji 22 . L-operaturi tas-suq, it-trasportaturi u l-ispedituri huma mistiedna jiffamiljarizzaw ruħhom mal-formalitajiet rilevanti, u mal-flussi tax-xogħol u mal-infrastruttura teknoloġika li jintużaw fir-rotta kummerċjali li biħsiebhom jużaw 23 .
3.2.Il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u s-sustanzi kimiċi
Filwaqt li t-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit fl-oqsma tal-prodotti mediċinali, tal-apparat mediku u tas-sustanzi kimiċi aċċelleraw fl-aħħar ta’ Marzu u fil-bidu t’April 2019, għad hemm bżonn li jsir sforz finali sinifikanti 24 . Flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, man-netwerk tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Mediċini, mal-Awtoritajiet Kompetenti dwar in-Netwerk tal-Apparat Mediku u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tikkomunika mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tfakkarhom dwar il-ħtieġa li jitħejjew qabel il-31 ta’ Ottubru 2019. Xorta jibqa' l-fatt li li sakemm il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u s-sustanzi kimiċi ma jkunux konformi mar-regoli tal-UE, dawn ma jkunux jistgħu jitpoġġew fus-suq tal-UE wara dik id-data. Il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni attwali tal-perjodu li hija prevista fl-Artikolu 50(3) tipprovdi biżżejjed żmien biex dan jinkiseb u ma hija qiegħda tippjana ebda miżura ta’ kontinġenza oħra.
Prodotti mediċinali
Il-prodotti mediċinali tal-bniedem u dawk veterinarji jew jiġu awtorizzati ċentralment mill-Kummissjoni jew jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri. Iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti mediċinali jintlaqtu mill-ħruġ tar-Renju Unit. Kif ġie enfasizzat fil-Ħames Komunikazzjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit tat-12 ta’ Ġunju 2019 25 , f’April 2019 l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kienet diġà qrib li tiżgura l-konformità regolatorja għal kważi l-prodotti kollha li huma awtorizzati ċentralment, filwaqt li kienet meħtieġa aktar ħidma fir-rigward tal-prodotti li huma awtorizzati fil-livell nazzjonali. Minn dakinhar sar progress sinifikanti, u aktar minn 80 % tal-prodotti li huma awtorizzati fil-livell nazzjonali jinsabu mixjin sew biex jiksbu l-konformità regolatorja sal-31 ta’ Ottubru 2019. Parzjalment, il-progress inkiseb minħabba eżenzjoni temporanja li tagħti lill-kumpaniji sal-aħħar tal-2019 biex jittrasferixxu l-faċilitajiet tagħhom ta’ ttestjar tal-lottijiet mir-Renju Unit lejn l-UE27. Filwaqt li dawn l-iżviluppi huma pożittivi, l-industrija qiegħda tiġi mħeġġa ħafna biex tiżgura li l-prodotti awtorizzati kkonċernati kollha jkunu konformi mar-regoli sal-31 ta’ Ottubru 2019 u li t-trasferiment tal-faċilitajiet tagħhom tal-ittestjar tal-lottijiet jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2019, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti rilevanti jkunu jistgħu jibqgħu jitpoġġew fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-isfidi partikolari li qegħdin jiġu ffaċċjati minn dawk l-Istati Membri li fil-passat kienu jiddependu ferm fuq l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tar-Renju Unit, l-industrija għandha r-responsabbiltà li taħdem ma’ dawk l-Istati Membri biex tiżgura li dawk il-prodotti mediċinali jibqgħu disponibbli.
Apparat mediku
Id-data mill-korpi notifikati tar-Renju Unit tindika li t-trasferiment lill-korpi notifikati tal-UE27 ta’ ċertifikati ta’ appart mediku li jitpoġġa fis-suq tal-UE27 jinsab għaddej sew u qed isir progress tajjeb sabiex il-maġġoranza vasta tal-apparat jiġi ffinalizzat sal-31 ta’ Ottubru 2019. It-Task Force tal-Brexit tan-netwerk tal-Awtoritajiet Kompetenti dwar l-Apparat Mediku, b’assoċjazzjoni fil-qrib mal-Kummissjoni, qiegħda tivverifika l-progress li qiegħed isir fir-rigward taċ-ċertifikati li għad fadal fuq il-bażi tar-rispons għal stħarriġ li sar fis-sajf 2019 u li kien jikkonċerna l-manifatturi u l-korpi notifikati. Ir-riżultati jindikaw li għad hemm xi manifatturi li għadhom ma ħadux il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jittrasferixxu lil korp notifikat tal-UE27. Il-manifatturi li għad fadal u l-korpi notifikati tal-UE huma mħeġġa ħafna li jiżguraw li jikkonkludu t-trasferiment taċ-ċertifikati rilevanti kollha u tal-adattamenti neċessarji tat-tikketti tal-prodotti sad-data tal-ħruġ biex il-manifatturi jkunu jistgħu jibqgħu jpoġġu l-prodotti tagħhom fis-suq tal-UE wara l-ħruġ. Il-Kummissjoni u n-netwerk tal-Awtoritajiet Kompetenti dwar l-Apparat Mediku se jkomplu jsegwu kif tevolvi s-sitwazzjoni f’Settembru u f’Ottubru.
Is-sustanzi kimiċi
Fil-qasam tas-sustanzi kimiċi, huma biss 52 % tar-reġistranti kkonċernati tar-REACH 26 li kienu ttrasferixxew ir-reġistrazzjonijiet tagħhom lill-UE27 sa nofs Awwissu 2019. L-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi fetħet “perjodu għall-Brexit” fir-REACH-IT li jippermetti lir-reġistranti jieħdu l-passi meħtieġa biex jittrasferixxu r-reġistrazzjoni tagħhom fir-REACH qabel id-data tal-ħruġ. Dan il-perjodu se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Ottubru 2019. Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tar-REACH, id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet tar-Renju Unit, l-applikanti mir-Renju Unit għal awtorizzazzjonijiet u l-utenti downstream li jfornu sustanzi jew taħlitiet fl-UE27 bħala parti mill-ktajjen ta’ provvista eżistenti huma mħeġġa jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw il-konformità regolatorja għall-utenti downstream tal-UE27. Min-naħa tagħhom, l-utenti downstream tal-UE27 ta’ reġistranti mir-Renju Unit, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni mir-Renju Unit, l-applikanti tar-Renju Unit għal awtorizzazzjonijiet u l-utenti downstream tar-Renju Unit qed jingħataw il-pariri li jivverifikaw mal-fornituri tagħhom dwar jekk il-prodotti rilevanti hux se jkunu konformi mar-regoli sal-31 ta’ Ottubru 2019 u jieħdu miżuri għal rashom kif xieraq billi jużaw il-gwida disponibbli 27 . Il-konformità regolatorja hija essenzjali biex il-kimiki jibqgħu jipoġġew fis-suq tal-UE wara d-data tal-ħruġ.
3.3.Is-servizzi finanzjarji
Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-ħerqa lid-ditti tal-assigurazzjoni u lil operaturi oħrajn tas-servizzi finanzjarji li għadhom ma għamlux dan biex jiffinalizzaw il-miżuri ta’ tħejjija sal-31 ta’ Ottubru 2019.
Fid-19 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat għadd limitat ta’ miżuri ta’ kontinġenza, fosthom żewġ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza limitati biż-żmien, li jippermettu lill-operaturi tal-UE27 jittrasferixxu r-relazzjonijiet kuntrattwali lil fornituri ta’ servizzi li jkollhom il-permess iwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-UE27. L-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tippermetti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tirrikonoxxi temporanjament il-kontropartijiet ċentrali li bħalissa huma stabbiliti fir-Renju Unit u tippermettilhom ikomplu jipprovdu servizzi fl-Unjoni. Din tiskadi fit-30 ta’ Marzu 2020. It-tieni waħda tippermetti temporanjament lid-depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit li jkomplu jipprovdu servizzi notarili u ta’ manutenzjoni ċentrali lil operaturi fl-Unjoni. Din tiskadi fit-30 ta’ Marzu 2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat żewġ Regolamenti Delegati li jippermettu lill-operaturi tal-UE27 b’kuntratti tad-derivattivi mhux ikklirjati pendenti jissostitwixxu l-kontropartijiet tar-Renju Unit ma’ kontrapartijiet tal-UE fi żmien 12-il xahar mill-ħruġ tarRenju Unit, mingħajr ma jitilfu t-trattament prudenzjali li japplika għal dawn il-kuntratti bħalissa. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li fil-parti l-kbira d-ditti tħejjew għal ħruġ mingħajr ftehim, fosthom billi jinnovaw il-kuntratti pendenti tagħhom biex jissostitwixxu l-kontrapartijiet fir-Renju Unit, u li issa jridu jiffinalizzaw it-tħejjijiet tagħhom fil-perjodu ta’ żmien stipulat f’dawn il-miżuri ta’ kontinġenza. Għaldaqstant il-Kummissjoni mhijiex tqis li hemm il-ħtieġa li jiġu adottati aktar miżuri ta’ kontinġenza. Hija se tkompli tivvaluta s-sitwazzjoni fis-swieq wara d-data tal-ħruġ u mbagħad tiddeċiedi dwar x’azzjoni xierqa l-aħjar tieħu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ fl-istadju rilevanti, b’kunsiderazzjoni tal-qafas partikolari li huwa introdott fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew b’rabta mar-rekwiżiti tar-rikonoxximent ta’ kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi.
3.4.Is-sajd
Minbarra l-leġiżlazzjoni ta’ kontinġenza (ara t-taqsima 3.2), fil-qasam tas-sajd il-Kummissjoni ssoktat bil-konsultazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri fir-rigward ta’ approċċ koordinat biex jitħejja għal xenarju fejn il-bastimenti tal-UE mhux se jibqa’ jkollhom aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit. F’dan is-settur hemm impenn favur kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib, fosthom permezz ta’ qafas komuni għall-monitoraġġ tat-tibdil jew tad-distorsjonijiet fl-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-UE. Din il-ħidma se tintensifika fil-perjodu li ġej u l-Kummissjoni tinsab lesta li tiffaċilita aktar analiżi u diskussjonijiet. Fit-18 ta’ Lulju 2019 is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw ukoll dokument ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-konsegwenzi fuq l-attivitajiet tas-sajd fil-każ ta’ ħruġ mingħajr ftehim 28 . Minbarra s-suġġetti tal-aċċess għall-ibħra (u l-kontroll ta’ dak l-aċċess) u l-opportunitajiet tas-sajd, id-dokument jagħti informazzjoni prattika dwar il-firxa ta’ suġġetti speċifiċi bħala kontrolli sanitarji u d-dwana. L-awtoritajiet u l-assoċjazzjonijiet tas-sajd tal-Istati Membri huma mistiedna jiċċirkolaw din l-informazzjoni b’mod mifrux.
4.L-aġġustament tekniku tal-miżuri ta’ kontinġenza u l-adozzjoni ta’ atti oħrajn li ġew imħabbra qabel
Kif inhu ddikjarat fil-ħames Komunikazzjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit tat-12 ta’ Ġunju 2019 29 , il-Kummissjoni se tevalwa l-miżuri kollha fil-livell tal-UE li jkunu ġew adottati bħala tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit, u kkonkludiet li dawn l-atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tal-UE għadhom jissodisfaw l-għanijiet maħsuba tagħhom. Għaldaqstant ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu emendati fis-sustanza. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-iskeda l-ġdida li tirriżulta mill-estensjoni kurrenti, hemm il-ħtieġa li jsiru xi aġġustamenti tekniċi mmirati f’setturi speċifiċi. Dawn huma spjegati fit-taqsimiet li ġejjin.
B’rabta mal-atti ta’ kontinġenza mhux leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni sanitarja tal-UE fid-dawl tad-data tal-ħruġ preċedenti tat-12 ta’ April 2019, li ma baqgħux rilevanti minħabba l-estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE, il-Kummissjoni se tirrivaluta s-sitwazzjoni qrib id-data tal-ħruġ u, jekk ir-Renju Unit jibqa’ jagħti l-assigurazzjonijiet neċessarji, se tadotta l-miżuri mill-ġdid biex tiżgura li jibdew japplikaw fl-1 ta’ Novembru 2019.
4.1.It-trasport
Fil-qasam tat-trasport, iddaħħlu miżuri ta’ kontinġenza biex jitħarsu l-konnessjonijiet tat-trasport essenzjali għall-modi tat-trasport li jkunu affettwati l-aktar: L-avjazzjoni, il-ferrovija u t-trasport bit-triq għall-passiġġieri u l-merkanzija.
B’konformità mal-prinċipji sottostanti tal-miżuri ta’ kontinġenza kollha, ir-Regolamenti ta’ kontinġenza li jippermettu t-tkomplija tal-konnettività huma unilaterali, b’kamp ta’ applikazzjoni limitat and japplikaw għal perjodu limitati ta’ żmien. Ir-Regolament jiggarantixxi l-konnettività tal-merkanzija u tal-passiġġieri 30 bit-triq ġie adottat ftit ta’ żmien wara l-ewwel estensjoni qasira tal-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE, sat-12 ta’ April 2019, bl-applikazzjoni li tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2019, u dan anke fid-dawl tal-arranġamenti possibbli għall-konnettività bażika li jridu jsiru fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti multilaterali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (l-ECMT). Għal raġunijiet simili, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament li jiggarantixxi l-konnettività bażika bl-ajru 31 ġie allinjat mat-tmiem tal-istaġun tax-xitwa tal-2019/2020 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (il-IATA) u għaldaqstant se jiskadi fit-30 ta’ Marzu 2020.
Għaldaqstant, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim fl-1 ta’ Novembru 2019, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/501 jkun limitat għal xahrejn, u dak tar-Regolament (UE) 2019/502 għal anqas minn nofs il-perjodu li kien maħsub fil-bidu.
Sabiex jiġi garantit li dawn ir-Regolamenti ta’ kontinġenza jiksbu l-għanijiet tagħhom kif ġew definiti inizjalment, fosthom fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni, u fid-dawl tal-posponiment tad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit b’seba’ xhur, illum il-Kummissjoni adottat proposta li testendi l-perjodu ta’ validità tar-Regolamenti (UE) 2019/501 u (UE) 2019/502 bl-istess perjodu ta’ żmien. Għaldaqstant qed issir il-proposta li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament li jiggarantixxi l-konnettività bażika bit-triq għall-merkanzija u l-passiġġieri jiġi estiż sal-31 ta’ Lulju 2020. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jissoktaw bil-ħidma tagħhom biex iżidu l-għadd ta’ permessi tal-ECMT disponibbli għal trasport lejn ir-Renju Unit fil-ġejjieni. Qed jiġi propost ukoll li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ kontinġenza li jiggarantixxi l-konnettività bażika bl-ajru jiġi estiż sal-24 ta’ Ottubru 2020, u għaldaqstant jinżamm l-allinjament mal-istaġuni tal-IATA.
Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, ir-Regolament ta’ kontinġenza (UE) 2019/502 jinkludi wkoll mekkaniżmu speċifiku biex il-linji tal-ajru tal-UE jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ sjieda u kontroll maġġoritarji wara l-ħruġ tar-Renju Unit. Issa l-awtoritajiet nazzjonali ffinalizzaw l-analiżi tagħhom tal-pjanijiet li tressqu mil-linji tal-ajru milquta u infurmaw lil-linji tal-ajru kkonċernati u lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati pożittivi tal-valutazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u f’ċerti każijiet uriet id-dubji tagħha dwar jekk il-pjanijiet imressqa jiggarantux il-konformità mar-rekwiżiti tal-UE. Il-linji tal-ajru milquta jridu jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżit tal-UE dwar is-sjieda u kontroll maġġoritarji sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu previst fir-Regolament (UE) 2019/502. Jekk l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/502 tiġi estiża b’konformità mal-proposta tal-lum, dak il-perjodu jintemm fit-30 ta’ April 2020 32 . L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli milli jiggarantixxu l-konformità mad-dritt tal-UE u l-infurzar effettiv ta’ dan id-dritt sa dik id-data.
Filwaqt li ma ġiet adottata l-ebda miżura ta’ kontinġenza fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri okkażjonali bix-xarabank, saru t-tħejjijiet meħtieġa biex il-konnettività f’dan il-qasam tiġi żgurata mid-data tal-ħruġ abbażi ta’ strument internazzjonali, il-Ftehim Interbus 33 . Ir-Renju Unit iddepożita l-istrument ta’ adeżjoni tiegħu għal dak il-ftehim, li se jissieħeb fih bħala parti għalih innifsu.
4.2.L-attivitajiet tas-sajd
Meta wieħed iqis ir-riskju ta’ ħruġ mingħajr ftehim fl-1 ta’ Novembru 2019, l-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet kostali, u sabiex jiġi garantit is-sajd sostenibbli fl-ibħra rilevanti, huwa tassew importanti li jiġu previsti l-arranġamenti li jippermettu l-issoktar tal-aċċess reċiproku għas-sajd tal-bastimenti tal-UE u tar-Renju Unit fl-ibħra ta’ xulxin, b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill rilevanti li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd, sakemm dawk l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti miż-żewġ partijiet flimkien ikunu konformi mal-ġestjoni sostenibbli mal-istokkijiet rilevanti. Għal dan il-għan, illum il-Kummissjoni adottat proposta biex testendi r-Regolament ta’ kontinġenza dwar l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd li ġie adottat f’Marzu 2019 34 sa tmiem l-2020. Dan iżomm fis-seħħ qafas legali ssimplifikat li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tkompli tagħti awtorizzazzjonijiet lill-bastimenti tar-Renju Unit li jidħlu fl-ibħra tal-UE u li tamministra t-talbiet għal awtorizazzjonijiet minn bastimenti tal-UE biex jidħlu fl-ibħra tar-Renju Unit, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess reċiproku u s-sostenibbiltà. Dan il-qafas temporanju, li jipprovdi ċertezza legali għas-sajjieda u jiggarantixxi l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, huwa neċessarju fin-nuqqas ta’ ftehim dwar is-sajd mar-Renju Unit fl-istatus il-ġdid tiegħu bħala pajjiż terz. Abbażi ta’ dan, u abbażi ta’ koordinazzjoni minn qabel mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tinsab lesta li lir-Renju Unit tippreżentalu t-talbiet għal awtorizzazzjoni tal-bastimenti tal-UE minnufih hekk kif ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-proposta żżomm il-possibbiltà ta’ skambji ta’ kwoti mar-Renju Unit fl-2020, li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun tista’ teżegwixxi l-iskambji ta’ kwoti mar-Renju Unit b’konformità mal-proċedura stipulata fil-proposta.
4.3.Il-baġit tal-UE
Fil-każ ta’ ħruġ mingħajr ftehim, f’bosta każi r-Renju Unit u l-benefiċjarji mir-Renju Unit mhumiex se jkunu jistgħu japplikaw għal finanzjament ġdid u mhumiex se jibqgħu eliġibbli li jirċievu finanzjament jew se jħabbtu wiċċhom mat-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni kurrenti tagħhom fil-programmi tal-UE. Għaldaqstant il-pagamenti jkollhom jiġu sospiżi, u jkunu jistgħu jsiru biss jekk u meta jiġi miftiehem saldu finanzjarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu terminati xi kuntratti jekk dawn ma jkunux għadhom jissodisfaw r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-programmi tal-UE, jew ikun hemm bżonn li jsir tibdil sabiex tiġi garantita l-kompatibbiltà mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà 35 . Biex id-diżordni maħluq minn dak l-eżitu jiġi minimizzat, fid-9 ta’ Lulju 2019 il-Kummissjoni Ewropea adottat Regolament ta’ kontinġenza għall-baġit tal-UE 36 li jżomm l-eleġibbiltà tar-Renju Unit u tal-benefiċjarji mir-Renju Unit għall-ispejjeż li jġarrbu fl-2019, sakemm ir-Renju Unit jissodisfa sensiela ta’ kundizzjonijiet, partikolarment li tħallas sehemha mill-baġit tal-UE għall-2019 qabel ċertu data u li tippermetti l-awditjar u l-kontrolli meħtieġa, fosthom fit-territorju tagħha, kif inhu previst fir-regoli rilevanti tal-UE. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tikkonsulta ma’ esperti tal-Istati Membri, b’konformità mal-proċeduri applikabbli, dwar abbozz tar-regolament delegat li jadatta l-iskadenzi fir-Regolament ta’ kontinġenza, fid-dawl tal-estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE.
Fis-segwitu tal-estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019, il-miżura kif inhi bħalissa tkopri perjodu ta’ xahrejn biss. Għal din ir-raġuni, illum il-Kummissjoni adottat proposta li tirreplika r-Regolament ta’ kontinġenza kurrenti għall-2019 għall-2020. Għaldaqstant ir-Renju Unit u l-benefiċjarji mir-Renju Unit jibqgħu eliġibbli li jipparteċipaw fi programmi taħt il-baġit tal-UE u li jirċievu finanzjament sa tmiem l-2020 jekk ir-Renju Unit jaċċetta u jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament ta’ kontinġenza tal-2019, iħallas il-kontribuzzjonijiet baġitarji għall-2020 u jippermetti li jsiru l-awditjar u l-kontrolli meħtieġa.
4.4.Appoġġ finanzjarju ta’ kontinġenza
Kif tħabbar fir-raba’ Komunikazzjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit tal-10 ta’ April 2019 37 , il-Kummissjoni esplorat kif il-programmi u l-istrumenti eżistenti jkunu jistgħu jintużaw bħala appoġġ għall-aktar setturi milquta, partikolarment l-agrikoltura u s-sajd, ir-reġjuni u l-awtoritajiet nazzjonali, li se jintlaqtu minn diżordni minkejja t-tħejjijiet. L-iskop ta’ dan il-pakkett ta’ appoġġ finanzjarju huwa li jagħti, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, appoġġ lil dawk li se jintlaqtu l-aktar minn ħruġ mingħajr ftehim.
Fis-settur agrikolu, il-firxa sħiħa tal-istrumenti eżistenti għal appoġġ għas-suq u appoġġ finanzjarju dirett lill-bdiewa se jkunu disponibbli biex jittaffa l-agħar impatt li xenarju ta’ ebda ftehim jista’ jkollu fuq is-swieq agroalimentari. L-appoġġ finanzjarju nazzjonali għandu jkun paragunabbli mal-miżuri eċċezzjonali tas-suq tal-UE sabiex jimmultiplika l-impatt tal-intervent tal-Unjoni Ewropea.
Illum il-Kummissjoni adottat proposta li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà Ewropew sabiex ikopri l-piż finanzjarji serju li se jitpoġġa fuq l-Istati Membri u li jkun ikkaġunat direttament minn ħruġ mingħajr ftehim u li ma jkunx seta’ jiġi evitat minn qabel. Dan jinvolvi appoġġ għal skemi ta’ għajnuna Statali għan-negozji, miżuri li jippreservaw l-impjiegi eżistenti u jiżguraw il-funzjonament tal-fruntiera, tad-dwana u tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji.
Illum il-Kummissjoni adottat ukoll proposta li tiżgura li l-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni jkun disponibbli biex jingħata appoġġ lill-ħaddiema li jispiċċaw qiegħda bħala konsegwenza ta’ ħruġ mingħajr ftehim, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
Minbarra ż-żewġ miżuri leġiżlattivi msemmija aktar ’il fuq, jistgħu jsiru interventi oħrajn mingħajr il-ħtieġa li tiġi emendata ebda leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta li taġixxi malajr jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jemendaw il-programmi tagħhom tal-fondi strutturali u ta’ investiment 38 sabiex talloka parti mir-riżorsi disponibbli, fil-limitu tal-pakketti nazzjonali tagħhom, biex jiġ indirizzati l-isfidi kkawżati minn ħruġ mingħajr ftehim.. Il-Kummissjoni se taġixxi malajr ukoll fil-każ li l-Istati Membri jkunu jridu jbiddlu l-allokazzjoni tal-pakketti nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipproponi emendi għall-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment sabiex tippermetti l-użu tal-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME) sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi żgħar u medji li jkollhom bżonn jinvestu biex jimmodifikaw l-organizzazzjoni tan-negozju tagħhom bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mingħajr ftehim, suġġett għal kundizzjonijiet xierqa u d-disponibbiltà baġitarja.
Għal appoġġ aktar immedjat lill-partijiet ikkonċernati milquta, pereżempju għall-kumpaniji żgħar u medji b’esponiment sinifikanti għar-Renju Unit, ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat joffru soluzzjonijiet flessibbli għal miżuri nazzjonali ta’ appoġġ.
5.L-Irlanda
Fin-nuqqas ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ, it-tluq tar-Renju Unit mill-UE se jwassal għal żewġ żoni fiskali u regolatorji distinti fuq il-gżira tal-Irlanda. Skont il-liġi internazzjonali, u b’mod partikolari ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, mill-1 ta’ Novembru 2019 kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit se jkunu obbligati li jimponu t-tariffi applikabbli għall-prodotti minn kwalunkwe membru ieħor tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fuq il-prodotti ta’ xulxin, mingħajr ebda arranġament preferenzjali. Barra minn hekk, id-dritt tal-UE se jirrekjedi li l-merkanzija kollha li tidħol fl-Irlanda mir-Renju Unit trid tkun suġġetta għall-verifiki u l-kontrolli rilevanti għall-protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE, għall-ħarsien tal-integrità tas-suq intern u għall-infurzar tal-kompatibbiltà mal-obbligi fiskali (id-dazji, it-taxxi indiretti).
Il-Kummissjoni u l-Irlanda qed ikompli jaħdmu id f’id, fil-kuntest tas-sitwazzjoni unika tal-gżira tal-Irlanda u taż-żewġ għanijiet tagħhom li jħarsu l-integrità tas-suq intern filwaqt li jevitaw fruntiera fiżika, li jidentifikaw arranġamenti kemm għal soluzzjonijiet ta’ kontinġenza għal perjodu immedjat ta’ wara ħruġ mingħajr ftehim u għal soluzzjoni aktar stabbli għal wara. Il-garanzija ta’ kontinġenza prevista fil-Ftehim dwar il-Ħruġ hija l-unika soluzzjoni li ġiet identifikata li tissalvagwardja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-liġi internazzjonali u tħares l-integrità tas-suq intern.
6.Ir-rispons għad-diżordni wara ħruġ mingħajr ftehim
Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, ħafna atturi huma mistennija jesperjenzaw diżordni, partikolarment fl-ewwel jiem. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jibqa’ f’kuntatt mill-qrib biex jikkoordinaw ir-rispons tagħhom għal kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ u biex jidentifikaw l-aħjar mod kif jindirizzawhom. Għall-perjodu minnufih wara ħruġ mingħajr ftehim, il-Kummissjoni fetħet ċentru telefoniku għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, li jagħtihom aċċess rapidu għall-għarfien espert tas-servizzi tal-Kummissjoni permezz tal-ħolqien ta’ kanal ta’ komunikazzjoni dirett, anke għall-finijiet li tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Iċ-ċittadini, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati tal-UE jistgħu jikkuntattjaw l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew lokali tagħhom permezz tal-kanali li jużaw is-soltu. Huma jistgħu jikkuntattjaw ukoll iċ-Ċentru Telefoniku tal-Europe Direct rigward kwalunkwe mistoqsija (Telefonati mingħajr ħlas fuq 00 800 6 7 8 9 10 11 minn fejn ikun fl-Unjoni Ewropea). Fil-perjodu ta’ wara l-ħruġ is-sigħat tal-ftuħ taċ-Ċentru Telefoniku Europe Direct se jiġu estiżi.
7.Konklużjonijiet
Filwaqt li l-għan tal-UE huwa l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ttenni li kulħadd jeħtieġ li jitħejja għall-possibbiltà ta’ ħruġ mingħajr ftehim tar-Renju Unit fl-1 ta’ Novembru 2019. Il-Kummissjoni tissokta bl-appell tagħha lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiffinalizzaw it-tħejjijiet tagħhom u tenfasizza partikolarment il-ħtieġa li l-industrija taġixxi f’oqsma bħala mediċini, l-apparat mediku u s-settur kimiku. Hija tħeġġeġ ukoll lill-operaturi kollha tal-UE li se jkunu qed jagħmlu negozju jew jittrasportaw merkanzija lejn ir-Renju Unit wara l-ħruġ biex jikkunsidraw il-ħtieġa ta’ verifiki u proċeduri doganali, sanitarji u fitosanitarji kif ukoll il-problemi loġistiċi li wieħed ikun jistenna fil-kuntest legali ġdid b’rabta mal-qsim tal-fruntieri lejn jew mir-Renju Unit.
Fl-istess ħin ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat tliet proposti leġiżlattivi biex jiġi kkunsidrat il-posponiment tad-data tal-ħruġ permezz tal-estensjoni, jekk dan ikun meħtieġ, tad-dewmien tal-miżuri ta’ kontinġenza eżistenti fl-oqsma tat-trasport u tas-sajd jew li jipprovdu qafas għall-2020 fil-kuntest tal-baġit tal-UE. Hija adottat ukoll żewġ proposti leġiżlattivi oħrajn bħala parti minn pakkett li jippermetti appoġġ finanzjarju ta’ kontinġenza jekk dan ikun meħtieġ. Fl-aħħar nett, hija bagħtet tikkonsulta ma’ esperti tal-Istati Membri, b’konformità mal-proċeduri applikabbli, att delegat li jadatta l-iskadenzi previsti mir-Regolament ta’ kontinġenza dwar il-baġit tal-UE għall-2019 39 għad-data tal-ħruġ kurrenti. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw l-adozzjoni rapida tal-atti leġiżlattivi proposti sabiex, fejn meħtieġ, dawn ikunu fis-seħħ sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit.
Qrib id-data tal-ħruġ, il-Kummissjoni se testendi s-sigħat taċ-ċentru telefoniku tagħha għaċ-ċittadini u n-negozji u se tiftaħ ċentru telefoniku apposta biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jipprovdu l-għarfien u jiffaċilitaw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni ssejjaħ ukoll lill-Istati Membri biex isaħħu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni li kienu għaddejjin aktar kmieni din is-sena u biex jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni għal kull diżordni eventwali, partikolarment fil-perjodu minnufih wara ħruġ mingħajr ftehim.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584, ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1. Id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll li jekk ir-Renju Unit jirratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ qabel il-31 ta’ Ottubru, il-ħruġ ser iseħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ ratifika. Preċedentement, fuq talba li saret mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew kien iddeċieda l-ewwel estensjoni fit-22 ta’ Marzu 2019 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476, ĠU L 80I, 22.3.2019, p. 1).
Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU, C 144I, 25.4.2019, p. 1.
COM(2019) 276 final.
https://ec.europa.eu/info/files/overview-table-residence-rights-uk-nationals-eu27-member-states_en .
Ir-Regolament (UE) 2019/500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 35.
https://ec.europa.eu/info/files/overview-national-measures-area-social-security-coordination_en .
19.7.2018: COM(2018) 556 final/2; 13.11.2018: COM(2018) 880 final; 19.12.2018: COM(2018) 890 final; 10.4.2019: COM (2019) 195 final; 12.06.2019: COM(2019) 276 final.
https://ec.europa.eu/info/files/brexit-preparedness-checklist .
https://ec.europa.eu/info/brexit/brexit-preparedness/preparedness-notices_mt .
It-tariffi applikabbli għall-merkanzija li tidħol mir-Renju Unit fit-territorju doganali tal-Unjonimid-data tal-ħruġ se jkunu l-istess bħal dawk applikabbli għall-merkanzija litoriġina minn pajjiżi terzi li l-UE ma għandhiex ftehimiet kummerċjali preferenzjali magħhom. It-tariffi applikabbli jinsabu fil-bażi ta’ data TARIC ( https://ec.europa.eu/taxation_customs/dds2/taric/taric_consultation.jsp?Lang=en ).
https://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/tariff_profiles19_e.pdf .
Sors: WTO World Tariff profile 2019.
https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/customs-procedures/what-is-customs-transit/common-union-transit_en .
Ara l-avviż tal-Kummissjoni lill-partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett: https://ec.europa.eu/info/files/preferential-rules-origin_mt .
https://ec.europa.eu/taxation_customs/uk_withdrawal_en#heading_2 .
https://ec.europa.eu/taxation_customs/eu-training/general-overview_en .
COM(2019) 276 final.
https://ec.europa.eu/taxation_customs/uk_withdrawal_en#heading_4 .
Pereżempju, għall-Belġju l-informazzjoni dwar il-formalitajiet doganali b’rabta mal-Brexit tinsab hawnhekk: https://finance.belgium.be/en/customs_excises/enterprises/brexit ; għall-Franza: http://douane.gouv.fr/articles/c957-entreprises-preparez-vous-au-brexit ; għan-Netherlands: https://www.getreadyforbrexit.eu/en .
Barra minn hekk, l-informazzjoni għal min juża il-portijiet tar-Renju Unit u l-Eurotunnel tinsab hawnhekk: https://www.gov.uk/government/publications/communications-pack-roll-on-roll-off-ports-and-eurotunnel-in-the-event-of-a-no-deal-eu-exit/information-for-users-of-roll-on-roll-off-ports-and-eurotunnel-in-a-no-deal-scenario .
Pereżempju, għall-Belġju l-informazzjoni dwar il-kontrolli sanitarji u fitosanitarji b’rabta mal-Brexit tinsab hawnhekk: http://www.favv-afsca.fgov.be/brexit/ ; għall-Franza: https://agriculture.gouv.fr/le-brexit-et-les-controles-sanitaires-et-phytosanitaires and for the Netherlands at: https://www.nvwa.nl/onderwerpen/brexit/ .
Ara, pereżempju, l-informazzjoni dwar il-“fruntiera intelliġenti” li ġiet imfasslat mid-Dwana Franċiża (disponibbli hawnhekk: http://www.douane.gouv.fr/articles/a16171-the-smart-border ) ; dwar is-Sistema Komunitarja tal-Portijiet tan-Netherlands (disponibbli hawnhekk: https://www.portbase.com/en/ ); U dwar is-sistemi li qegħdin jintużaw fil-portijiet Belġjani ta’ Zeebrugge (disponibbli hawnhekk: https://rxseaport.eu/en/ ) u ta’ Antwerp (disponibbli hawnhekk: https://www.nxtport.com/ ).
Iċ-ċifri li ngħatawrigward prodotti li għadhom ma jissodisfawxil-konformità regolatorja li ssemmiet huma stimi prudenti li ma jikkunsidrawx li jista’ jkun li diversi prodotti minnhom ma humiex se jkunu jeħtieġu azzjoni ta’ tħejjija għall-Brexit għal raġunijiet kummerċjali li ma humiex magħrufin mill-Kummissjoni. Pereżempju, xi prodotti jistgħu jiġu kkumerċjalizzati biss fir-Renju Unit, ma jkunux għadhom fis-suq jew ikunu fil-proċess li jiġu sostitwiti minn prodott ieħor.
COM(2019) 276 final.
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
https://ec.europa.eu/info/brexit/brexit-preparedness/preparedness-notices_mt ; and https://echa.europa.eu/uk-withdrawal-from-the-eu .
https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/fisheries-qanda_en.pdf .
COM(2019) 276 final.
Ir-Regolament (UE) 2019/501 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-passiġġieri bit-triq fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 39.
Ir-Regolament (UE) 2019/502 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fit-trasport bl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 49.
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/502.
Ftehim dwar it-trasport internazzjonali okkazjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank (il-Ftehim Interbus), ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.
Ir-Regolament (UE) 2019/498 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 25.
Pereżempju, id-detenturi ta’ għotjiet mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka taħt il-programm Orizzont 2020 għadnhom il-possibbiltà li jirrilokaw l-għotjiet tagħhom lejn pajjiż ieħor. Se tinħareġ gwida dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà rilevanti.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1.
COM(2019) 195 final.
Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1.