Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0372

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta’ data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji

COM/2019/372 final

Brussell, 24.7.2019

COM(2019) 372 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta’ FMT:Italicdata elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-interkonnessjoni ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta’ data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji

1.Introduzzjoni

L-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849 Kontra l-Ħasil tal-Flus 1 jobbliga lill-Istati Membri biex sal-10 ta’ Settembru 2020 jistabbilixxu mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru ta’ data, li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li żżomm jew tikkontrolla kontijiet ta’ ħlas, kontijiet bankarji u kaxxi tas-sikurezza. Id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tiddefinixxi sett minimu ta’ informazzjoni li jeħtieġ li tiġi inkluża f’tali mekkaniżmi ċentralizzati. Hija tipprevedi wkoll li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jeħtieġ li jkollhom aċċess immedjat u mhux filtrat għalihom, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti l-oħra jeħtieġ li jkollhom ukoll aċċess biex jissodisfaw l-obbligi tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Id-Direttiva 2019/1153 dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra 2 tobbliga lill-Istati Membri biex jaħtru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali li għandu jkollhom aċċess dirett, immedjat u mhux filtrat għas-sett minimu ta’ informazzjoni ta’ tali mekkaniżmi ċentralizzati. Dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu mill-inqas l-Uffiċċji għall-Irkurpu tal-Assi.

L-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jew għas-sistemi ta’ rkupru se jkun komponent importanti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll b’mod aktar ġenerali fil-ġlieda kontra reati serji. Filwaqt li jitqiesu l-objettivi tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u d-Direttiva dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra, interkonnessjoni futura madwar l-UE ta’ reġistri ta’ kontijiet bankarji u sistemi għall-irkupru tad-data tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u reati serji oħra.

L-Artikolu 32a(5) tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati. Għalhekk, dan ir-rapport jivvaluta d-diversi soluzzjonijiet tal-IT fil-livell tal-UE, li diġà qed jitħaddmu jew li qed jiġu żviluppati, li jistgħu jservu ta’ mudelli għall-interkonnessjoni possibbli tal-mekkaniżmi ċentralizzati. Sabiex tinkiseb interkonnessjoni, ikun meħtieġ strument leġiżlattiv.

Dan ir-rapport jeħtieġ li jitqies flimkien mar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji Supranazzjonali 3 , ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 4 u r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ każijiet allegati dwar l-ħasil tal-flus li jinvolvu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE 5 , li huma ppreżentati b’mod parallel.

2.Is-sitwazzjoni attwali

2.1.Reġistri ċentralizzati jew sistemi għall-irkupru ta’ data elettronika dwar kontijiet bankarji fl-Istati Membri

Għalissa 6 , il-mekkaniżmi ċentralizzati li fihom informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji huma operattivi fi 15-il Stat Membru 7 . Mir-risposti li waslu mingħand l-Istati Membri, hemm preferenza żgħira favur is-soluzzjoni teknika tar-reġistru ċentrali: filwaqt li 17-il Stat Membru qed ikollhom jew se jkollhom reġistri ċentrali, disa’ Stati Membri ddikjaraw li għandhom jew li jipprevedu li jkollhom sistemi ċentrali għall-irkupru tad-data 8 . Hemm ukoll preferenza għas-sistemi li jinkludu data addizzjonali għas-sett minimu ta’ informazzjoni relatata mal-profil tal-kont, previsti fl-Artikolu 32a(5) tal-ħames d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (11-il tweġiba kontra sitta) 9 .

2.2.Sistemi tal-UE li jikkollegaw il-bażijiet tad-data elettroniċi deċentralizzati nazzjonali bejniethom

Hemm diversi proġetti tal-UE li jiżguraw l-interkonnessjoni deċentralizzata ta’ bażijiet tad-data elettroniċi nazzjonali madwar l-UE kollha 10 . Is-sistemi tal-IT li huma kkunsidrati rilevanti għal dan ir-rapport huma dawn li ġejjin:

Is-sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) bdiet topera f’April 2012 sabiex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali madwar l-UE 11 . L-Istati Membri kollha bħalissa huma kkollegati mal-ECRIS. L-ECRIS tiżgura li l-informazzjoni dwar il-kundanni penali tiġi skambjata bejn l-Istati Membri b’mod uniformi, rapidu u kompatibbli u tipprovdi lill-imħallfin u lill-prosekuturi aċċess faċli għal informazzjoni komprensiva dwar l-istorja kriminali tal-persuni kkonċernati 12 . 

Is-sistema ta' informazzjoni Ewropea tal-liċenzji tal-vetturi u tas-sewqan (EUCARIS) tikkollega l-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni dwar il-vetturi u l-liċenzji tas-sewqan u data oħra relatata mat-trasport. L-EUCARIS huwa mekkaniżmu li jikkollega l-Awtoritajiet tar-Reġistrazzjoni tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan fl-Unjoni li permezz tiegħu is-sid tal-vettura u l-assigurazzjoni tal-vettura jistgħu jiġu skambjati bejn il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Membri 13 .

L-interkonnessjoni madwar l-UE tar-reġistri ta’ insolvenza (IRI), li tinkludi żewġ proġetti differenti. L-ewwel verżjoni tas-sistema (IRI 1.0) ilha disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika 14 minn Lulju 2014. Din ġiet żviluppata bħala proġett pilota 15 bil-parteċipazzjoni volontarja ta’ ċerti Stati Membri 16 . It-tieni verżjoni (IRI 2.0) hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, u se tgħaqqad ir-reġistri nazzjonali tal-insolvenza tal-Istati Membri kollha (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka). L-Istati Membri kollha jeħtieġ ikunu konformi mal-interkonnessjoni sa Ġunju 2021. L-IRI 1.0 hija bbażata fuq servizz ta’ messaġġi siguri fuq l-internet (SOAP fuq HTTPS), filwaqt li l-IRI 2.0 jappoġġa wkoll l-iskambji tad-data bl-użu tal-modulu eDelivery tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) 17 .

Is-sistema tal-Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (Business Registers Interconnection System - BRIS) hija l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, li tippermetti li r-reġistri tan-negozju jiskambjaw messaġġi transfruntiera dwar fużjonijiet u fergħat, u li l-utenti tal-portal tal-Ġustizzja elettronika jiksbu informazzjoni multilingwi dwar il-kumpaniji tal-UE. Is-sistema ilha topera minn Ġunju 2017, skont id-Direttiva (UE) 2012/17 fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji 18 . Il-BRIS tuża l-modulu eDelivery tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għal skambji ta’ messaġġi standardizzati. Is-sistema hija deċentralizzata b’komponent ċentrali (il-Pjattaforma Ċentrali Ewropea) li jaħżen u jagħmel l-indiċjar tal-ismijiet u tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-kumpaniji.

L-Interkonnessjoni tar-Reġistri tal-Artijiet (Land Registers Interconnection - LRI) hija proġett volontarju kontinwu 19 , li għandu l-għan li jipprovdi punt ta’ aċċess uniku fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika għar-reġistri tal-artijiet ta’ pajjiżi parteċipanti tal-UE. Huwa ppjanat li jsir operattiv fit-tieni kwart tal-2020.

L-Istrutturi Ewropej tas-Sjieda u l-Kontroll tal-Impriżi (European Business Ownership and Control Structures - EBOCS) huwa proġett imwettaq mill-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri Kummerċjali bis-sostenn finanzjarju tal-Fond għas-Sigurtà Interna (Internal Security Fund - ISF) tal-(Programmi ta’ Ħidma Annwali 2016 u 2018) tal-Pulizija. Il-pjattaforma tal-EBOCS tipprovdi aċċess simplifikat u unifikat għad-data fir-reġistru kummerċjali dwar l-istrutturi tas-sjieda u l-kontroll tal-impriżi għal skopijiet ta’ analiżi finanzjarja u investigazzjoni. Din tipprovdi wkoll għall-aggregazzjoni tar-riżultati tal-mistoqsijiet f’mappa ta’ viżwalizzazzjoni. Huwa nnotat li l-UE mhix is-sid tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ din is-sistema.

Is-sistema e-CODEX (Komunikazzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika permezz ta’ Skambju ta’ Data Online) tiffaċilita l-komunikazzjoni sigura fi proċedimenti ċivili u kriminali billi tipprovdi sistema deċentralizzata għal skambju ta’ messaġġi elettroniċi transfruntiera fil-qasam tal-ġustizzja 20 . Is-sistema e-CODEX attwalment qed tiffaċilita l-komunikazzjoni elettronika bejn iċ-ċittadini u l-qrati, u bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biex jiġu ppilotati l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea u l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, e-CODEX hija wkoll is-soluzzjoni ta’ għażla għas-Sistema tal-Iskambju Diġitali ta' Evidenza Elettronika 21 , għall-iskambji elettroniċi fil-kuntest tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (European Investigation Order - EIO) u t-Trattati ta’ Assistenza Legali Reċiproka (Mutual Legal Assistance Treaties - MLATs).

3.Parametri ewlenin

3.1.Kundizzjoni għall-aċċess mill-utenti

Meta wieħed jikkunsidra s-sistemi eżistenti, jidher ċar li l-aċċessibbiltà tas-sistema li jara l-utent li tinteraġixxi mas-sistema interkonnessa tal-IT hija determinata mill-għan li hija stabbilita għalih. Fejn l-interkonnessjoni ġiet stabbilita bil-għan li ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni għan-negozji fis-suq intern (BRIS, IRI), is-sistema hija aċċessibbli pubblikament. Meta l-objettiv tal-interkonnessjoni jkun li tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-infurzar tal-liġi jew għal finijiet amministrattivi pubbliċi, bħal fil-każ tal-ECRIS jew is-servizz ta’ Prüm tal-EUCARIS 22 , l-aċċess ikun ristrett.

Il-funzjonalità “sib kumpanija” tal-BRIS tinsab disponibbli għal kulħadd fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika, filwaqt li l-infrastruttura tal-messaġġi bħalissa hija ristretta bil-liġi għar-reġistri kummerċjali nazzjonali. Fir-rigward tal-IRI, l-informazzjoni permezz tal-interfaċċa tat-tiftix hija pubblikament aċċessibbli u l-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu l-aċċess għal rikjedenti b’interess leġittimu tingħata biss fil-kuntest ta’ “proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur”. L-ECRIS hija aċċessibbli biss għall-awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Istati Membri. Bl-istess mod, l-aċċess għas-servizzi ta’ EUCARIS huwa miftuħ għall-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali nominati. Għall-EBOCS, l-aċċess huwa ristrett għall-Aġenziji Kontra l-Kriminalità li jieħdu sehem.

Sistema

Aċċess pubbliku

Aċċess ristrett

kummenti

BRIS

Iva

Il-funzjonalità “sib kumpanija” tal-BRIS tinsab disponibbli għal kulħadd fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika, filwaqt li l-infrastruttura tal-messaġġi bħalissa hija ristretta bil-liġi għar-reġistri kummerċjali nazzjonali.

IRI

Iva

ECRIS

Iva

għall-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri nnominati partikolarment għal din il-funzjoni

EUCARIS

Iva

għall-punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-EUCARIS, li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiksbu aċċess, skont il-bażi ġuridika tal-kooperazzjoni

EBOCS

Iva

Għall-Aġenziji Kontra l-Kriminalità li qed jipparteċipaw fil-proġett

LRI

Iva*

23karatteristiċi avvanzati se jkunu disponibbli biss għal operaturi fil-qasam tal-ġustizzja li huma awtentikati

   Tabella 1: L-aċċessibbiltà tas-sistema li jara l-utent li tinteraġixxi mas-sistema tal-IT interkonnessa

Skont id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, l-iskop tal-mekkaniżmi ċentralizzati fuq il-kontijiet bankarji huwa li tittejjeb il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-aċċess huwa limitat għal ċerti awtoritajiet pubbliċi. Id-Direttiva dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra testendi l-iskop tal-użu tal-informazzjoni fil-mekkaniżmi ċentrali għall-kriminalità serja u d-drittijiet ta’ aċċess għall-awtoritajiet kompetenti maħtura. Fl-aħħar nett, l-ambitu tal-awtoritajiet nazzjonali li għandhom aċċess dirett għar-reġistri nazzjonali jiddeċiduh l-Istati Membri li joperaw ir-reġistri. Dan jista’ jwassal għal diskrepanza, peress li ċerti tipi ta’ awtoritajiet jistgħu jiksbu aċċess fi Stat Membru wieħed iżda mhux f’ieħor. Fi skambju transfruntiera permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni madwar l-UE, dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn awtorità tkun qed titlob informazzjoni mir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor, fejn dik it-tfittxija tiġi miċħuda lil awtorità simili.

Għażla waħda tista’ tkun li l-istess awtoritajiet, li jingħataw aċċess dirett għall-mekkaniżmi ċentralizzati skont id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u d-Direttiva dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra, jingħataw aċċess għall-pjattaforma ta’ interkonnessjoni. Għażla oħra tkun li d-drittijiet ta’ aċċess għas-sistema ta’ interkonnessjoni jingħataw lill-istess tipi ta’ awtoritajiet fl-Istati Membri kollha, li jistgħu jinkisbu permezz ta’ lista armonizzata u ristretta fil-livell tal-UE tat-tipi ta’ awtoritajiet speċifikati f’konformità mal-iskop tal-aċċess għall-informazzjoni.

F’każ li l-interkonnessjoni tiġi estiża għall-awtoritajiet kollha li attwalment huma mogħtija aċċess skont il-liġijiet nazzjonali, ikunu meħtieġa dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess u t-tiftix mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-Direttiva dwar l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra tistabbilixxi kondizzjonijiet stretti għall-aċċess u għat-tiftix ta’ informazzjoni dwar kontijiet tal-bank, li tinsab fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati minn awtoritajiet kompetenti, maħtura fuq livell nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, pereżempju, l-għoti ta’ aċċess għar-reġistri u s-sistemi għall-irkupru tad-data biss lil dawk il-persuni speċifikament maħtura u awtorizzati minn kull awtorità kompetenti. Miżura oħra li ttaffi r-riskji li joħolqu d-drittijiet estiżi ta’ aċċess lill-awtoritajiet nazzjonali nominati tista’ tkun ir-restrizzjoni tal-ambitu tal-informazzjoni disponibbli fis-sistema ta’ interkonnessjoni għas-sett minimu ta’ informazzjoni relatata mal-profil tal-kont kif stabbilit fl-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

Fir-rigward tal-ambitu, l-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jiddefinixxi l-informazzjoni li s-sistemi ċentralizzati kollha għandu jkollhom, bħad-detentur tal-kont, il-kontijiet bankarji identifikati bl-IBAN u l-kaxxi ta’ sikurezza miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 32a(4) tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jinkludu informazzjoni oħra fir-reġistri li tkun meqjusa essenzjali għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u għall-awtoritajiet kompetenti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva. Minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data personali, jidher li hemm bżonn li l-ambitu tal-informazzjoni aċċessibbli jiġi ristrett permezz tal-pjattaforma ta’ interkonnessjoni għas-sett minimu obbligatorju ta’ informazzjoni definit fl-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. F’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, l-aċċess għad-data personali jeħtieġ li jkun proporzjonat ma’ dak li huwa meħtieġ għall-objettivi li tiddefinixxi d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Id-Direttiva dwar l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra tieħu approċċ simili. L-Artikolu 4(2) ta’ din id-Direttiva jiċċara li l-informazzjoni addizzjonali li l-Istati Membri jinkludu fil-mekkaniżmi ċentralizzati ma’ għandhiex tkun aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix mill-awtoritajiet kompetenti.

3.2.Il-funzjonalità tat-tiftix

Il-kriterji ta’ tiftix applikabbli huma ta’ importanza kruċjali biex jiġi żgurat li l-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi ċentralizzati awtomatizzati tagħti valur miżjud lill-utenti. Il-kriterji ta’ tiftix jeħtieġ li jitfasslu b’mod li jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet rilevanti li jwettqu l-kompiti tagħhom u li jwettqu investigazzjonijiet b’mod aktar effikaċi filwaqt li jiżguraw il-proporzjonalità u jirrispettaw ir-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni tad-data.

Għandu jiġi kkunsidrat min se jkollu d-dritt iwettaq it-tfittxija (partijiet privati jew partijiet pubbliċi) u d-data li jista’ jkun mistenni li tkun magħrufa jew le mill-persuna li twettaq it-tfittxija. L-impożizzjoni ta’ rekwiżit li t-tfittxija tkun tinkludi data li x’aktarx ma tkunx magħrufa mill-persuna li tagħmel it-tfittxija tista’ tagħmel it-tiftix effikaċi diffiċli jew impossibbli. Ta’ min jinnota wkoll li hemm każijiet fejn Unità tal-Intelligence Finanzjarja jew awtorità tal-infurzar tal-liġi minn Stat Membru wieħed ma jkunux konxji tad-data tat-twelid jew in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Jekk l-interkonnessjoni ssir disponibbli għal tali informazzjoni addizzjonali fis-sistemi ċentralizzati, ikun importanti li jiġi ddeterminat jekk ikunx possibbli wkoll li jsir tiftix abbażi ta’ tali informazzjoni addizzjonali.

It-tipi ta’ informazzjoni li jikkostitwixxu s-sett minimu armonizzat ta’ informazzjoni fl-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus jistgħu jiġu previsti bħala kriterji ta’ tiftix. Dan jagħmel is-sistema ta’ interkonnessjoni adatta għall-iskopijiet oriġinali tal-mekkaniżmi ċentralizzati. Ikunu meħtieġa salvagwardji addizzjonali li jippermettu li jiġu vverifikati l-hits (b’mod partikolari f’każijiet fejn it-tiftix jirriżulta f’diversi tweġibiet).

Il-kundizzjonijiet dwar il-modalitajiet tat-tfittxijiet applikabbli huma deċiżivi għall-effikaċja tal-użu tal-bażijiet tad-data interkonnessi. L-għażla li jsir “tiftix fuzzy”, jiġifieri tiftix li jagħti riżultati usa’ anke jekk kelma tkun miktuba ħażin jew mhux kompluta, twessa’ r-riżultati tal-hit, u b’hekk iżżid il-probabbiltà li l-informazzjoni mitluba tinkiseb permezz tat-tfittxija, iżda tista’ tqajjem tħassib dwar il-protezzjoni tad-data, peress li din tista’ tesponi data personali li ma kinitx attwalment tikkonċerna t-tfittxija. Għall-kuntrarju, rekwiżit ta’ “qbil preċiż” itaffi r-riskji ta’ esponiment mhux meħtieġ ta’ data personali, iżda jżid il-probabbiltà li l-informazzjoni mitluba tiġi injorata mill-magna tat-tiftix (f’każ ta’ differenza fl-ortografija tal-entrata jew tal-użu ta’ regoli differenti ta’ traslitterazzjoni).

Il-possibbiltà li jsir “tiftix fuzzy” tnaqqas l-użu ta’ proċeduri ta’ validazzjoni awtomatika u għalhekk tevita jew tnaqqas il-volum ta’ hits żbaljati, iżda tnaqqas ukoll il-valur operazzjonali tas-sistema. Fil-każ tal-użu ta’ “tiftix fuzzy” jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għodod oħra biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ tiftix ġeneriku ta’ informazzjoni, pereżempju bħal fl-IRI fejn hemm limitu massimu tal-għadd ta’ riżultati murija.

3.3.L-istruttura ta’ governanza, ir-responsabbiltà għall-manutenzjoni

Fil-każ tal-BRIS, l-IRI, l-LRI u l-ECRIS, is-servizzi varji tal-Kummissjoni Ewropea huma responsabbli għall-manutenzjoni tas-sistema tal-IT, jiġifieri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-komponent tal-interkonnessjoni u jġorru l-ispejjeż biex jistabbilixxuha u jżommuha. Għalissa l-manutenzjoni ta’ e-CODEX qed issir minn konsorzju ta’ Stati Membri (il-komponent tal-eDelivery tal-FNE jinsab fil-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea). Fl-EUCARIS, ir-responsabbiltà hija tat-28 Stat Membru u l-Istati terzi li qed jieħdu sehem, filwaqt li fl-EBOCS, is-sistema hija proprjetà tal-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri Kummerċjali (European Business Registers’ Association - EBRA). Peress li dawn is-sistemi tal-IT qed jikkollegaw il-bażijiet tad-data nazzjonali bejniethom, ir-responsabbiltà tal-manutenzjoni tal-bażijiet tad-data nazzjonali u li tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom hija tal-Istati Membri.

Għall-istruttura ta’ governanza ta’ sistema li tikkollega l-bażijiet tad-data bejniethom, il-kompetenzi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ politika u dawk operattivi jeħtieġ li jinbnew b’mod li jservi l-interessi tal-komponenti nazzjonali.

Fil-BRIS, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BRIS jaġixxi bħala l-forum intern tal-Kummissjoni għad-deċiżjonijiet ta’ politika, is-sorveljanza u l-ġestjoni tal-BRIS, filwaqt li l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji – Reġistri Kummerċjali (CEG-BRIS) jaġixxi bħala l-forum għall-kollaborazzjoni fil-livell ta’ politika bejn l-atturi involuti. Wieħed josserva distinzjoni simili bejn it-tfassil ta’ politika u l-istrutturi operattivi fir-rigward tal-EUCARIS fejn l-Assemblea Ġenerali li tikkonsisti minn rappreżentanti għolja tal-aġenziji tal-gvern tiddetermina l-politika li għandha tiġi segwita, tapprova l-baġit u l-kontribuzzjonijiet annwali u tagħmel arranġamenti għall-ġestjoni tas-sistema.

3.4.Il-kontroll tad-data

Ir-responsabbiltà għall-manutenzjoni tas-sistema tal-IT hija differenti mill-kwistjoni tar-responsabbiltà mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data. Skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 24 , il-kontrollur tad-data huwa l-persuna fiżika jew ġuridika li, waħedha jew flimkien ma’ oħrajn, tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali, u għandha r-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali. Il-kwistjoni tal-kontroll hija kumplessa u ħafna fatturi huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-kontroll, inkluż iżda mhux limitat għall-kwistjoni ta’ min jaħżen id-data u fejn).

Fir-rigward tal-IRI, il-pjattaforma tal-UE qed tikkollega biss il-bażijiet tad-data nazzjonali deċentralizzati bejniethom u d-data kollha li tidher fil-pjattaforma ċentrali hija sempliċiment “data temporanja”, ma tiġix maħżuna fil-komponent tal-UE, u tant ieħor il-logs li jirriżultaw mid-domandi li jagħmlu l-utenti permezz ta’ servizz web ma jiġux irreġistrat jew miżmuma fiċ-ċentru. Is-sitwazzjoni hija kemxejn differenti fir-rigward tal-BRIS, li introduċiet karatteristika partikolari għal-ħżin tad-data essenzjali tal-profil tal-impriżi f’komponent ċentrali fil-livell tal-Kummissjoni, li r-reġistri nazzjonali jaġġornaw regolarment. Id-domanda inizjali issir f’din il-bażi tad-data ċentrali, li tirriżulta f’lista bl-ismijiet tal-entitajiet. Min jagħmel it-talba jista’ jikseb data dettaljata dwar entità partikolari billi jagħżel l-isem ta’ dik l-entità mil-lista, liema azzjoni tiġġenera interkonnessjoni diretta mal-informazzjoni fil-bażi tad-data nazzjonali.

Fir-rigward ta’ interkonnessjoni possibbli ta’ mekkaniżmi ċentralizzati, jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni għall-iżvilupp ta’ sistema tal-IT, fejn il-komponent ta’ routing ċentrali ma jaħżinx data personali, u fejn id-deċiżjonijiet kollha dwar il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data jittieħdu fil-livell nazzjonali. L-objettiv tas-servizz ta’ interkonnessjoni jkun sempliċiment li jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tad-data f’isem il-mekkaniżmi ċentralizzati li jibqgħu kontrolluri tas-settijiet tad-data rispettivi tagħhom.

3.5.L-ispejjeż ta’ stabbiliment u ta’ manutenzjoni

It-twaqqif ta’ sistema li tikkollega il-mekkaniżmi ċentrali nazzjonali bejniethom se tiġġenera spejjeż kemm f’termini ta’ stabbiliment kif ukoll f’termini ta’ manutenzjoni tas-sistema, liema spejjeż ikunu jridu jinqasmu bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Meta wieħed iħares lejn il-kondiviżjoni tal-ispejjeż fl-eżempji ta’ mudell, bħala regola, l-ispejjeż relatati mal-komponent tal-UE (il-komponent ta’ routing ċentrali, il-pjattaforma tal-UE) ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri ġarrew l-ispejjeż meħtieġa għall-aġġustament tas-sistemi nazzjonali tagħhom li jagħmilhom interoperabbli mas-sistema tal-UE ta’ interkonnessjoni. Fil-każ tal-BRIS, l-iżvilupp tal-ewwel verżjoni, li bdiet f’Ġunju 2017, li kienet tinkludi l-Pjattaforma Ċentrali Ewropea, kienet teħtieġ madwar EUR  1,7 miljun. Fir-rigward tal-IRI li għandha arkitettura aktar sempliċi, l-ispejjeż għall-iżvilupp tas-sistema pilota ta’ tiftix ċentrali (IRI 1.0) kienu madwar EUR 280 000, filwaqt li l-adattament tal-applikazzjoni tat-tiftix ċentrali lejn l-istabbiliment tal-IRI 2.0 se jiswa madwar EUR 170 000. Fir-rigward tal-ECRIS, l-ispiża totali għad-diffużjoni tal-“Implimentazzjoni ta’ Referenza”, li hija s-softwer għall-iskambju tad-data dwar rekords kriminali bejn l-Istati Membri, laħqet EUR 2 050 000. L-ispiża annwali għall-manutenzjoni tas-sistema ammontat għal EUR 150 000. Fir-rigward tal-EUCARIS, tintalab tariffa ġenerali ta’ madwar EUR 20 000 għal skopijiet ta’ manutenzjoni minn kull pajjiż li jieħu sehem.

Miċ-ċifri ta’ hawn fuq, jidher li l-ispejjeż tal-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ sistema ta’ interkonnessjoni fl-UE kollha huma relattivament baxxi, meta mqabbla mal-benefiċċji li proġett bħal dan jikkontribwixxi lill-UE. Il-kosteffiċjenza tista’ tittejjeb permezz tal-użu mill-ġdid ta’ kapaċitajiet eżistenti (bħall-punti ta’ aċċess tal-eDelivery, il-moduli tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-vokabolarji ewlenin tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Informatika, eċċ.).

4.Speċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi, inkluża s-sigurtà tad-data

4.1.In-netwerk użat u sigurtà tad-data

Is-servizz Prüm ta’ EUCARIS u ECRIS juża s-Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (Trans European Services for Telematics between Administrations - TESTA), li huwa netwerk privat kompletament separat mill-internet pubbliku. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura għandhom aċċess għal dan in-netwerk privat. Is-servizz tan-netwerk TESTA huwa mmexxi mill-Kummissjoni, u jipprovdi prestazzjoni garantita u livell għoli ta’ sigurtà. Fir-rigward tal-EUCARIS, l-użu permezz tal-internet pubbliku huwa possibbli, iżda attwalment mhux użat. Is-sistema għandha konnessjonijiet mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u man-netwerks nazzjonali u hija ppreferita fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi li tkun tinvolvi informazzjoni sensittiva. Ġew żviluppati wkoll netwerks siguri oħra mill-istituzzjonijiet tal-UE, pereżempju n-Netwerk Komuni ta’ Komunikazzjoni u l-Interfaċċja Komuni tas-Sistemi (CCN/CSI) li qed jintużaw fil-qasam tal-politika doganali u t-tassazzjoni.

BRIS, IRI, LRI u EBOCS jużaw l-internet pubbliku (b’teknoloġija ta’ kriptaġġ adatta għal data li tgħaddi mill-internet). Fir-rigward tal-iskambju sigur ta’ informazzjoni fuq l-internet pubbliku, il-modulu eDelivery jippermetti lill-impriżi u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiskambjaw data u dokumenti elettroniċi f’format diġitali b’mod interoperabbli, sigur, affidabbli u ta’ fiduċja ma’ organizzazzjonijiet oħra. Dan huwa allinjat mad-definizzjoni ta’ Servizzi Elettroniċi ta’ Konsenja Reġistrati (magħrufa bħala “ERDS” - Electronic Registered Delivery Services) fl-Artikolu 3(36) tar-Regolament eIDAS. 25  

Għall-interkonnessjoni possibbli ta’ sistemi ċentralizzati li diskutibbilment tinkludi informazzjoni sensittiva, jista’ jiġi previst l-użu ta’ TESTA. Madankollu, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll soluzzjonijiet pubbliċi fl-internet. Kważi s-sistemi ċentralizzati nazzjonali kollha jużaw l-internet pubbliku. Mill-perspettiva tas-sigurtà u l-integrità tad-data, il-fatt li s-sistema se tkun tikkonsisti minn bażijiet tad-data deċentralizzati se jtaffi r-riskji possibbli, peress li d-deċentralizzazzjoni u t-teknoloġiji distribwiti huma fihom infushom aktar reżiljenti għal attakki ċibernetiċi, minħabba li huwa ferm aktar diffiċli li d-data tiġi korrotta fuq skala ġenerali u ħafna aktar faċli li tiġi rkuprata wara xi inċident.

4.2.Il-komponent ta’ routing ċentrali

Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ arkitetturi ta’ sistemi tal-IT, jiġifieri s-sistemi purament deċentralizzati u dawk li għandhom komponent ta’ pjattaforma ċentrali jew ta’ routing użati fil-livell tal-UE, li jservi ta’ “konnettur” bejn il-bażijiet tad-data nazzjonali deċentralizzati.

F’“sistemi kompletament distribwiti”, ma hemm l-ebda pjattaforma jew komponent tal-UE, iżda l-pajjiżi kollha jikkomunikaw direttament ma’ xulxin, bl-għajnuna ta’ standards maqbula bejn kulħadd li jippermettu skambji diretti bejn il-pari bejn il-punti konnessi tal-Istati Membri. Għalhekk, meta titnieda domanda, din tintbagħat individwalment lil kull sistema nazzjonali oħra, u t-tweġibiet li jaslu jinġabru u jintwerew permezz tal-interfaċċa web-client tar-rikjedent. L-EUCARIS, ECRIS u e-CODEX jimplimentaw din it-teknoloġija (abbażi ta’ applikazzjoni li ġiet żviluppata b’mod konġunt).

F’“sistemi distribwiti b’komponent ta’ routing ċentrali” hemm pjattaforma ċentralizzata fil-livell tal-UE: servizz uniku tal-internet, mantenut u operat fil-livell tal-UE, li huwa konness mas-sistemi nazzjonali kollha. L-utenti jagħmlu domandi permezz tas-servizz web ċentrali, li jiġbor l-informazzjoni mill-bażijiet tad-data nazzjonali. BRIS, EBOCS u l-IRI jużaw din it-teknoloġija 26 .

Soluzzjoni b’komponent ta’ routing ċentrali tista’ tkun aktar faċli biex tiġi implimentata mill-perspettiva tal-konnettività. Fejn ikun hemm pjattaforma unika, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm biss konnessjoni waħda bejn is-sistema nazzjonali u din il-pjattaforma ċentralizzata. Fin-nuqqas ta’ pjattaforma ċentralizzata “effettiva”, madankollu, kull Stat Membru se jkollu jistabbilixxi, jittestja u jmantni l-konnessjonijiet mas-sistemi nazzjonali l-oħra kollha tal-Istati Membri (eż. is-servizz Prüm ta’ EUCARIS attwalment għandu kważi 756 konnessjoni). Sistema kompletament distribwita trid tindirizza l-isfida tal-multipliċità ta’ konnessjonijiet, li jistgħu jżidu l-problemi f’termini ta’ ġestjoni, kontroll u awditjar. Madankollu, hemm soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-isfida tal-ġestjoni ta’ għadd kbir possibbli ta’ konnessjonijiet. Fl-istess ħin, il-fatt li f’sistema ta’ routing ċentrali, il-komponent ċentrali jista’ jsir punt uniku ta’ falliment għas-sistema kollha, jimmerita attenzjoni.

4.3.Protokoll għall-iskambju tad-data

Il-BRIS u l-e-CODEX jużaw is-soluzzjoni ta’ eDelivery tal-FNE, filwaqt li l-IRI 2,0 se juża kemm il-komunikazzjoni eDelivery kif ukoll il-komunikazzjoni SOAP tas-CEF 27 . Is-servizz Prüm tal-EUCARIS u l-EBOCS jużaw interfaċċi bbażati fuq is-SOAP. L-LRI japplika s-Servizzi tal-Web RESTful 28 .

Il-modulu eDelivery tal-FNE jgħin lill-utenti biex jiskambjaw data elettronika ma’ xulxin b’mod sigur, affidabbli u ta’ fiduċja. Is-soluzzjoni tal-modulu eDelivery tal-FNE hija bbażata fuq mudell distribwit imsejjaħ il-“4-corner model” fejn is-sistemi tal-utenti li jaħdmu fl-isfond ma jiskambjawx data direttament ma’ xulxin iżda permezz ta’ Punti tal-Aċċess. Dawn il-Punti ta’ Aċċess huma konformi mal-istess speċifikazzjonijiet tekniċi u għalhekk kapaċi jikkomunikaw ma’ xulxin. Benefiċċju ieħor tal-modulu eDelivery huwa li jipprovdi għas-sigurtà tad-data skambjata bejn il-punti ta’ aċċess differenti, mingħajr il-ħtieġa għal żvilupp personalizzat. B’riżultat ta’ dan, l-utenti li jadottaw l-eDelivery tal-FNE jistgħu faċilment u b’mod sigur jiskambjaw data anki jekk is-sistemi tal-IT tagħhom kienu żviluppati indipendentement minn xulxin. Bil-mudell tal-eDelivery – utli ħafna għall-interfaċċa ma’ sistemi multipli ta’ sfond – jistgħu minflok jiġu ċentralizzati diversi funzjonalitajiet. Meta tintuża din is-soluzzjoni teknoloġika, l-Istati Membri (u b’mod fakultattiv l-Kummissjoni fil-każ ta’ komponent ta’ routing ċentrali) ikollhom jużaw gateway tal-eDelivery fil-livell rispettiv tagħhom. Jistgħu jerġgħu jużaw il-gateways eżistenti tagħhom żviluppati għal servizzi oħra (li jikkontribwixxu għall-effikaċja tal-ispejjeż tas-soluzzjoni). Hemm soluzzjoni ta’ softwer kompatibbli żviluppata mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni Ewropea u pprovduta mingħajr ħlas permezz ta’ Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (EUPL). Madankollu, normalment ikun hemm bżonn ta’ xi adattament u żvilupp. Il-mudell eDelivery isegwi komunikazzjoni asinkronika, li b’mod impliċitu tiġġenera ċerti latenzi fil-prestazzjoni (tipikament ta’ 3-10 sekondi). Hemm politika ġenerali tal-UE fir-rigward tal-moduli tal-FNE li tiffoka fuq il-konverġenza tad-diversi sistemi żviluppati fl-oqsma differenti ta’ politika tal-UE.

Fejn tintuża SOAP sinkronizzata – li tippermetti l-komunikazzjoni fuq saff sigur – ħafna drabi tintuża arkitettura aktar sempliċi, bil-mira tal-aħjar prestazzjoni. L-istil arkitettoniku RESTful jirrappreżenta soluzzjoni aktar ġdida meta mqabbla ma’ SOAP, u hemm xejra emerġenti, fejn SOAP qed jiġi sostitwit mit-teknoloġija REST. Kemm fl-approċċ ibbażat fuq l-eDelivery kif ukoll f’dak ibbażat fuq is-SOAP jew REST, il-fiduċja normalment hija bbażata fuq iċ-ċertifikazzjoni diġitali u jsiru diversi kontrolli.

Rigward l-interkonnessjoni futura tal-mekkaniżmi ċentralizzati, huwa nnutat li l-modulu eDelivery tal-FNE jintuża fejn qed iseħħu skambji bilaterali bejn il-bażijiet tad-data nazzjonali deċentralizzati, filwaqt li fis-sistemi fejn il-komunikazzjoni sseħħ biss fir-rigward ta’ bażi tad-data nazzjonali u l-pjattaforma ċentrali, l-interfaċċa bbażata fuq SOAP (jew RESTing) hija suffiċjenti.

4.4.Ħidma f’ambjent multilingwi u interoperabbiltà semantika

Is-sistemi vvalutati kollha jaħdmu f’ambjent multilingwi, minbarra l-proġett EBOCS li bħalissa jaħdem fi tliet lingwi bil-pjan li fit-tul jaħdem bil-lingwi kollha. Fil-BRIS, issir translitterazzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li fl-IRI, fl-LRI u fl-EUCARIS issir fil-livell nazzjonali. Fir-rigward tal-interoperabbiltà semantika (glossarji), interkonnessjoni futura ta’ mekkaniżmi ċentralizzati ma teħtieġx vokabularju speċifiku peress li s-sett minimu ta’ informazzjoni jikkonsisti mhux minn kunċetti nazzjonali, iżda data personali, bħall-isem, identifikatur uniku (eż. numri tal-ID nazzjonali) u n-numru tal-IBAN. Huwa essenzjali li jkun hemm fehim komuni fis-sistemi nazzjonali kollha, b’mod partikolari minħabba li l-mekkaniżmi nazzjonali ċentralizzati ma jinkludux informazzjoni dwar entitajiet tal-UE u ta’ pajjiżi terzi. Ir-regoli ta’ traslitterazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) jistgħu jservu bħala eżempju utli f’dan il-kuntest.

Skont il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (European Interoperability Framework - EIF), l-aspett semantiku jirreferi għat-tifsira tal-elementi tad-data u r-relazzjonijiet bejniethom. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ vokabularji u skemi biex jiddeskrivu skambji ta’ data, u jiżgura li l-elementi tad-data jkunu jinftiehmu bl-istess mod mill-partijiet kollha li jikkomunikaw.

Is-sistema biex ir-reġistri bankarji jiġu interkonnessi tkun teħtieġ l-iskambju ta’ data bejn il-bażijiet tad-data differenti, kull waħda bil-mudelli tad-data u l-istandards semantiċi tagħha. Se jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti standards semantiċi komuni, jew fis-sistemi oriġinarji tal-pajjiżi jew bħala strat ta’ mmappjar bejn l-istandards differenti fl-Istati Membri. Madankollu, qabel ma jinħoloq standard semantiku ġdid, jeħtieġ li jitqies l-użu mill-ġdid tal-istandards diġà eżistenti.

Il-Vokabularji Bażiċi (Business, Location, Person kif ukoll oħrajn) maħluqa mill-Programm ISA2 huma mudelli ta’ data ssimplifikati, riutilizzabbli u estensibbli li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop. Is-soluzzjonijiet differenti għall-interkonnessjonijiet tar-reġistri bażi, bħall-BRIS diġà jużaw xi wħud mill-istandards (pereżempju l-Vokabularju Kummerċjali Bażiku).

5.Il-passi li jmiss

Dan ir-rapport jistabbilixxi għadd ta’ elementi li jridu jiġu kkunsidrati għal interkonnessjoni possibbli tar-reġistri tal-kontijiet bankarji u s-sistemi għall-irkupru tad-data u juri li l-interkonnessjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi ċentralizzati hija teknikament fattibbli. Sistema bħal din tista’ tkun possibbilment sistema deċentralizzata bi pjattaforma komuni fil-livell tal-UE. Tista’ tintuża t-teknoloġija diġà żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tad-diversi mudelli analizzati.

Tul dawn l-aħħar snin sistemi differenti segwew l-użu mill-ġdid ta’ moduli komuni. Dawn il-moduli huma essenzjalment sett ta’ standards u speċifikazzjonijiet tekniċi magħrufa li jistgħu jiġu applikati għal sfidi rikorrenti bħall-iskambju sigur ta’ informazzjoni. L-użu b’mod konsistenti ta’ dawn il-moduli huwa approċċ rakkomandat mill-politika diġitali attwali tal-Kummissjoni, li għaliha l-Istati Membri impenjaw ruħhom fid-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku 29 . Interkonnessjoni futura ta’ mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali tista’ tingrana l-użu tal-istess moduli biex tinħoloq u tiġi allinjata aktar malajr mar-regolamenti rilevanti tal-UE bħall-eIDAS.

Peress li interkonnessjoni futura madwar l-UE tal-mekkaniżmi ċentralizzati għandha tħaffef l-aċċess għal informazzjoni finanzjarja u tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-gvernijiet, kif ukoll l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi bħala “utenti finali” potenzjali ta’ sistema ta’ interkonnessjoni possibbli.

(1)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 0849, 09.07.2018, p.1.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, ĠU L186 tal-11.7.2019, pp. 122-137.

(3)

 Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwa s-suq intern u li jirrigwardaw l-attivitajiet transfruntiera, COM (2019) 370 final.

(4)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (COM (2019) 371)

(5)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ta’ każijiet reċenti ta’allegat ħasil tal-flus li jinvolvu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE COM (2019) 373

(6)

 L-informazzjoni f’din it-taqsima hija bbażata fuq it-tweġibiet mill-Istati Membri għal Kwestjonarju dedikat mibgħut lilhom f’Marzu 2019, dwar l-informazzjoni li waslet fil-workshop ta’ traspożizzjoni tal-1 ta’ April 2019, li sar mill-Kummissjoni u fl-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (SWD (2018) 114 final).

(7)

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja. Is-Slovakkja għandha fis-seħħ sistema elettronika ċentralizzata għall-irkupru tad-data, li, madankollu, bħalissa hija aċċessibbli biss għal uffiċjali ġudizzjarji.

(8)

Il-Finlandja żżid maż-żewġ marki peress li waslet biex tintroduċi sistema li tuża ż-żewġ soluzzjonijiet. Reġistru ċentrali jiġbor u jinkludi l-informazzjoni rilevanti f’bażi tad-data ċentrali waħda, filwaqt li sistema ċentrali elettronika tal-irkupru tad-data tikkonsisti minn portal ċentrali tal-IT, li jikseb informazzjoni minn bażijiet tad-data sottostanti differenti (miżmuma pereż. mill-istituzzjonijiet finanzjarji).

(9)

Mir-risposti li waslu mingħand l-Istati Membri, tali informazzjoni addizzjonali tista’ tinkludi informazzjoni dwar kuntratti finanzjarji konklużi mis-sid tal-kont, jew dwar tranżazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-kont.

(10)

Sistemi ċentralizzati tal-IT b’bażijiet tad-data uniċi fil-livell tal-UE, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen jew is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, huma esklużi mill-valutazzjoni, peress li tali sistemi mhumiex rikonċiljabbli mal-preeżistenza ta’ bażijiet tad-data ċentralizzati fil-livell nazzjonali.

(11)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI - attwalment modifikata mid-Direttiva (UE) 2019/884 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) .

(12)

F’April 2019 ġie adottat qafas leġiżlattiv ġdid li jissupplimenta l-ECRIS b’mekkaniżmu li jippermetti skambju effiċjenti ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkundannati fit-territorju tal-UE. Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għal Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN) se tkun sistema ċentralizzata ta’ hit/no hit li tinkludi biss informazzjoni dwar l-identità ta’ TCN (Third Country Nationals) ikkundannati u indikazzjoni tal-Istat Membru fejn il-persuna tkun ġiet ikkundannata preċedentement. Meta jkun hemm hit, l-Istat Membru rikjedenti jkollu jitlob l-informazzjoni dwar il-kundanna permezz tal-ECRIS eżistenti mill-Istat(i) Membru/i indikat(i) mill-ECRIS-TCN.

(13)

Il-bażijiet ġuridiċi għas-servizz Prüm huma -    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(14)

https://beta.e-justice.europa.eu/246/EN/bankruptcy_amp_insolvency_registers__search_for_insolvent_firms_in_the_eu

(15)

Il-proġett pilota ġie implimentat abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2009-2013, ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1-12 u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018, ĠU C 182, 14.6.2014, p. 2-13, u mwettaq ulterjorment għalihom.

(16)

Bħalissa qed jipparteċipaw iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovenja.

(17)

  https://ec.europa.eu/cefdigital/wiki/display/CEFDIGITAL/eDelivery

(18)

Id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji, ĠU L 156, 16.6.2012.

(19)

Ma hemm l-ebda bażi ġuridika għall-interkonnessjoni iżda din tiffunzjona bħala sistema volontarja fejn l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw.

(20)

Is-sistema e-CODEX tikkonsisti f’pakkett ta’ prodotti ta’ softwer (l-eDelivery tal-FNE u l-konnettur e-CODEX), li jistgħu jintużaw biex jiġi stabbilit punt ta’ aċċess fil-livell nazzjonali għall-fini ta’ tali komunikazzjoni sigura. Din mhijiex sistema li tikkollega l-bażijiet tad-data jew ir-reġistri nazzjonali bejniethom, iżda infrastruttura ta’ komunikazzjoni li tiżgura komunikazzjoni sigura u skambju ta’ informazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali tal-IT u bħala tali hija meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni f’dan ir-rapport. Is-sistema e-CODEX ġiet żviluppata bejn l-2010 u l-2016 minn 21 Stat Membru bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi / territorji u organizzazzjonijiet oħra.

(21)

Stabbilita b’segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju mid-9 ta’ Ġunju 2016.

(22)

Filwaqt li diversi awtoritajiet jista’ jkollhom aċċess għall-EUCARIS, is-servizz Prüm tal-EUCARIS jirregola l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

(23)

* għadha mhijiex operattiva

(24)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016.

(25)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73–114.

(26)

Hemm alternattivi għal komponent ċentrali. Pereżempju, is-Service Metadata Publisher (SMP) tal-modulu eDelivery tal-FNE jippermetti lill-parteċipanti ta’ infrastruttura tal-messaġġi li jiskopru b’mod dinamiku l-kapaċitajiet ta’ xulxin (legali, organizzattivi, u tekniċi). Minħabba din l-arkitettura distribwita, kull parteċipant irid ikollu ID uniku. Komponent ċentrali, imsejjaħ Service Metadata Locator (SML), juża l-IDs biex joħloq URLs li, ladarba riżolti, jidderieġi l-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery lejn informazzjoni speċifika dwar il-parteċipant.

(27)

 Il-Protokoll ta’ Aċċess għal Oġġett Sempliċi.

(28)

Representational State Transfer huwa stil ta’ arkitettura ta’ softwer li jiddefinixxi sett ta’ limitazzjonijiet li għandhom jintużaw biex jinħolqu servizzi Web.

(29)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-EFTA ffirmaw id-“Dikjarazzjoni tal-Gvern Elettroniku” f’Tallinn fis-6 ta’ Ottubru 2017. It-test tad-Dikjarazzjoni huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/newsroom/document.cfm?doc_id=47559  

Top