Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0234

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI)

    COM/2019/234 final

    Brussell, 20.5.2019

    COM(2019) 234 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI)

    {SWD(2019) 182 final}


    Rapport tal-Kummissjoni

    Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

    1. Kuntest tal-EaSI

    Il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) 1 — implimentat taħt modi ta’ ġestjoni diretti u indiretti — huwa mfassal sabiex jippromwovi livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, jiggarantixxi protezzjoni soċjali adegwata u diċenti, jiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar, u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Istati Membri u f’pajjiżi parteċipanti oħrajn (il-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE 2 , dawk kandidati u prekandidati tal-UE).

    Il-pakkett finanzjarju sħiħ stabbilit fir-Regolament tal-EaSI għall-2014 sal-2020 huwa ta’ EUR 919 469,000. Il-programm għandu tliet assi:

    PROGRESS jappoġġja t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika billi: jipproduċi evidenza tal-politika, jorganizza attivitajiet ta’ skambju tal-informazzjoni u tagħlim reċiproku, joħloq kundizzjonijiet aħjar għall-innovazzjoni soċjali, u jgħin sabiex jibni l-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali.

    L-EURES jipprovdi informazzjoni u servizzi għal min qed ifittex xogħol u min iħaddem u jmexxi skemi ta’ mobilità mmirati sabiex jippermetti lin-nies isibu xogħol f’partijiet oħrajn tal-UE.

    Mikrofinanzjament/Intraprenditorija Soċjali jappoġġja l-aċċess għall-mikrokreditu għall-persuni vulnerabbli u l-mikrointrapriżi, u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali għall-fornituri tal-mikrokreditu.

    L-għanijiet trasversali — bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali — huma appoġġjati f’kull livell.

    2.Kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

    L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu vvalutat — skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-EaSI u l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 3 — il-progress magħmul fil-kisba tal-objettivi tal-programm u r-rilevanza kontinwa tiegħu, l-effiċjenza tiegħu u l-użu tar-riżorsi, il-koerenza politika tiegħu b’rabta ma’ strumenti oħrajn u l-valur miżjud tiegħu tal-UE. Il-governanza tal-EaSI kienet eżaminata wkoll. L-evalwazzjoni kellha l-għan li tirrakkomanda aġġustamenti għall-mod li bih jitmexxa l-programm sabiex tittejjeb il-prestazzjoni fl-implimentazzjoni futura u sabiex tikkontribwixxi għall-preparazzjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020.

    L-evalwazzjoni kopriet attivitajiet tal-EaSI minn Jannar 2014 sa Diċembru 2016. Din kopriet il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku sħiħ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-programm — b’mod partikolari, il-Kumitat tal-EaSI, il-kumitati tal-politika, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ewlenin tal-UE.

    Ir-riċerka kkombinat sitt metodi ewlenin sabiex twieġeb il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni: analiżi tad-data sekondarja, konsultazzjoni pubblika miftuħa, intervisti semistrutturati, grupp fokus, studji tal-każ u stħarriġ tal-benefiċjarji.

    L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu hija ppreżentata bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD), ibbażata fuq l-eżiti ta’ studju ta’ evalwazzjoni estern 4 ikkummissjonat mill-Kummissjoni u sorsi oħrajn ta’ evidenza — b’mod partikolari rapporti ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-EaSI, Rapporti tal-Ġestjoni Annwali tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) tal-Kummissjoni Ewropea u evalwazzjonijiet oħrajn rilevanti.

    F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-EaSI, dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, u l-pubbliku.

    3.Riżultati ewlenin u tagħlimiet miksuba

    It-taqsimiet li ġejjin jippreżentaw il-konklużjonijiet milħuqa dwar is-sitt temi ewlenin tal-evalwazzjoni: rilevanza, effettività, effiċjenza, koerenza, valur miżjud tal-UE u governanza tal-programm.

    L-evalwazzjoni madankollu għandha limitazzjonijiet ovvji. Ftit proġetti kienu lesti fl-2016, li llimitaw id-data disponibbli, filwaqt li proġetti oħrajn li nbdew ma kellhomx il-ħin sabiex jipproduċu sett sħiħ ta’ riżultati u impatti. Hemm ukoll ftit parametri referenzjarji disponibbli, għaliex m’hemmx programm komparabbli mal-EaSI fir-rigward tal-iskala u l-kopertura. Għalhekk, il-prestazzjoni tal-EaSI għandha titqies fil-kuntest tar-rwol tagħha fis-sistema ta’ appoġġ usa’ li tinkludi l-inizjattivi tal-UE u dawk ta’ politika nazzjonali. Sabiex ikunu megħluba jew imnaqqsa dawn il-limitazzjonijiet, l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu vverifikat għadd ta’ sorsi ta’ evidenza evalwattiva, metodi u għodod kwantitattivi u kwalitattivi kkombinati, żgurat it-trasparenza ta’ sorsi tad-data u sistematikament ikkontrollat sejbiet kontra kontributi mill-partijiet ikkonċernati.

    Waħda mis-sejbiet importanti ta’ dan l-eżerċizzju kienet li nofs it-terminu, kif stabbilit fir-Regolament tal-EaSI, kien bikri wisq għall-evalwazzjoni. Evalwazzjonijiet futuri għandhom ikunu skedati sabiex jippermettu aktar riżultati u impatti usa’ joħorġu u jappoġġjaw l-analiżi.

    3.1.Rilevanza

    Ir-rilevanza tal-EaSI kienet ivvalutata b’rabta mal-objettivi ġenerali tiegħu, l-objettivi speċifiċi għat-tliet assi u l-allokazzjoni ta’ riżorsi bejniethom.

    L-evalwazzjoni kkonfermat li r-raġunament tal-EaSI u l-ħames objettivi ġenerali tiegħu għadhom rilevanti ħafna, b’mod partikolari fil-kuntest tat-terminu taż-żmien tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika — b’irkupru milqugħ tajjeb iżda kajman — u tendenzi li aktarx se jħallu impatt fuq l-UE għas-snin li ġejjin. Pereżempju, b’influss kbir ta’ refuġjati u immigranti fl-Istati Membri tal-UE, in-numru ta’ persuni vulnerabbli żdied drastikament, li jagħmel l-integrazzjoni ta’ suċċess tagħhom waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-UE.

    Minkejja s-settijiet ta’ data limitati disponibbli, qed isir progress lejn l-objettivi kollha ġenerali u speċifiċi tal-EaSI. L-EaSI għen sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-kontributi tal-politika tal-UE fl-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, sabiex itejjeb il-perċezzjonijiet tal-potenzjal transkonfinali għall-impjiegi, sabiex jittestja u jimplimenta malajr miżuri innovattivi, u sabiex iżid l-aċċess għal self tal-mikrofinanzjament u l-appoġġ għall-intraprenditorija. L-EaSI ffaċilita wkoll bidla fil-politika permezz ta’ riċerka komparattiva, skambji u bini tal-kapaċità, li b’hekk għenu lil partijiet ikkonċernati differenti sabiex jinfluwenzaw il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki soċjoekonomiċi fil-pajjiżi parteċipanti tal-programm.

    Madankollu, ir-rilevanza u l-impatti tal-EaSI jistgħu jittejbu aktar. L-għodod analitiċi, l-avvenimenti ta’ tixrid u l-proġetti innovattivi għandhom jiffokaw aktar fuq kwistjonijiet tal-ġeneru, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inugwaljanzi (introjtu, edukazzjoni, ħiliet) u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, it-tqegħid ta’ fokus akbar fuq it-trasferibbiltà u l-possibbiltà taż-żieda fl-innovazzjonijiet soċjali.

    PROGRESS u Mikrofinanzjament/Intraprenditorija Soċjali jista’ jkollhom rwol importanti f’dan il-proċess billi jagħtu prijorità lill-attivitajiet ta’ inklużjoni soċjali u aċċess għal finanzi għal gruppi vulnerabbli, jiġifieri persuni li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u finanzjarja. L-EURES għandu jkompli jiffinanzja proġetti mmirati lejn gruppi bi ħtieġa ekonomika ċara (bħalma huwa l-każ ta’ “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” u s-sħubijiet transkonfinali).

    Is-suġġetti ta’ attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku — eż. miżuri ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, dawk li jfittxu ażil, refuġjati u qiegħda fit-tul, ħtiġijiet ta’ ħiliet futuri — segwew mill-qrib prijoritajiet stabbiliti fil-Linji Gwida għall-Impjiegi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bħala parti miċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni ekonomika tas-Semestru Ewropew 5 . Is-Semestru Ewropew kien appoġġjat ukoll minn attivitajiet analitiċi ffinanzjati mill-EaSI oħrajn, b’mod partikolari r-Rapport dwar l-Impjiegi u l-Iżvilupp Soċjali u l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol. Fl-attivitajiet analitiċi tiegħu, il-programm għandu jagħti prijorità lill-iskambju ta’ prattiki tajba bejn dawk li jfasslu l-politika fil-pajjiżi parteċipanti permezz ta’ tagħlim reċiproku, sensibilizzazzjoni u attivitajiet ta’ tixrid.

    B’mod simili, it-tixrid ta’ prattiki minn pajjiżi differenti — inkluża l-esperimentazzjoni soċjali — b’mod aktar wiesa’ fil-livell operazzjonali joħloq sensibilizzazzjoni tal- prattiki innovattivi u jgħin lill-atturi nazzjonali u lokali sabiex iwasslu servizzi u prodotti aħjar. Għalhekk iż-żamma ta’ netwerks fil-livell tal-UE hija kruċjali sabiex tallinja l-aġendi politiċi differenti f’livelli differenti tal-gvern u l-pajjiżi parteċipanti.

    Fil-prattika, allokazzjoni tar-riżorsi aktar flessibbli fit-tliet assi tal-programm (minflok il-perċentwali indikattivi minimi attwali stabbiliti fir-Regolament tal-EaSI), se tippermetti aktar lok għat-trasferiment ta’ baġits bejniethom meta meħtieġ. Dan jista’ jgħin partikolarment l-assi tal-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali, fejn l-infiq huwa mmexxi mid-domanda. Flessibbiltà akbar se żżid ukoll ir-rispons għal ħtiġijiet emerġenti (eż. inizjattivi ġodda bħall-“Korp Ewropew ta’ Solidarjetà” 6 , “Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali” 7 , “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa” 8 jew l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol - ELA 9 ).

    3.2.Effettività

    It-tliet assi tal-programm ivarjaw fir-rigward tal-effettività tagħhom fil-ġenerazzjoni ta’ eżiti u kisba ta’ objettivi, u fil-bidla li jġibu magħhom. Għalhekk, PROGRESS huwa l-aktar effettiv fil-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni, it-tagħlim reċiproku u d-djalogu, u fl-iżvilupp u t-tixrid ta’ għarfien komparattiv u analitiku. Waħda mill-aktar attivitajiet effettivi tal-EURES kienet il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol trasparenti fit-termini tad-domanda u l-provvista. L-evidenza dwar il-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali tissuġġerixxi li l-finanzjament tal-EaSI żied id-disponibbiltà u l-aċċess tal-finanzi fil-pajjiżi parteċipanti kollha.

    L-intermedjarji finanzjarji inkludew gruppi vulnerabbli fl-attivitajiet tagħhom, iżda kien hemm diskrepanzi importanti bejn il-pajjiżi. F’ħafna każijiet, anki gruppi vulnerabbli, ma jirrappreżentawx il-maġġoranza tal-benefiċjarji finali. Dawn xorta għadhom jiltaqgħu ma’ ostakli biex jaċċessaw il-finanzi. Skont l-aħħar data tal-impatt annwali (Settembru 2016), bħala medja, 35 % ta’ dawk li jisselfu b’mikrokreditu huma nisa, aktar minn 40 % għandhom inqas minn 30 sena jew aktar minn 50 sena, qrib l-20 % huma persuni qiegħda (meta mqabbel mat-62 % li jaħdmu għal rashom/imprendituri), u 10 % ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni (mhux mill-UE). Aktar azzjonijiet jeħtieġ li jiffokaw fuq gruppi vulnerabbli, u għalhekk jesploraw il-possibbiltà li jintroduċu miri minimi għalihom għall-bqija tal-programm EaSI. L-istrumenti finanzjarji huma mmexxija mid-domanda, għalhekk għandu jkun possibbli li jkunu implimentati bi grad ta’ flessibbiltà sabiex jissodisfaw id-domanda tas-suq. Inċentivi bbażati fuq il-politika għall-FEI jistgħu jiġu kkunsidrati meta jitfasslu strumenti futuri sabiex tkun promossa aktar sensibilizzazzjoni lejn il-gruppi vulnerabbli.

    L-evalwazzjoni identifikat għadd ta’ modi sabiex tittejjeb l-effettività. PROGRESS, filwaqt li jżomm il-fokus tiegħu fuq temi tal-politika rilevanti għall-partijiet ikkonċernati u apprezzati minnhom (kundizzjonijiet ta’ impjiegi u xogħol), għandu jtejjeb l-isforzi sabiex iwassal sperimentazzjoni tal-politika soċjali billi jirrevedi l-fokus tiegħu fuq hekk u l-proċeduri tiegħu għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proġetti, u billi jagħmilha aktar faċli sabiex jitkabbru tali proġetti. Għal EURES, għandu jkun ikkunsidrat perjodu ta’ implimentazzjoni itwal (mill-inqas sentejn), ikkombinat ma’ miżuri għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-ġestjoni tas-sejħa għal proposti, sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiżviluppaw proġetti kif suppost, jimplimentawhom, ikejlu l-effettività tagħhom u jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom. Għall-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali, huwa propost fokus akbar fuq gruppi vulnerabbli għat-tieni perjodu ta’ implimentazzjoni tal-EaSI, eż. l-istabbiliment ta’ mira għas-sehem/għall-għadd ta’ gruppi vulnerabbli fis-sejħiet għal proposti.

    3.3.Effiċjenza

    L-evalwazzjoni tipprovdi ħarsa lejn it-tqabbil bejn il-mezzi disponibbli u l-objettivi tal-programm. Filwaqt li l-mezzi finanzjarji disponibbli kienu biżżejjed sabiex jimplimentaw attivitajiet ta’ PROGRESS u EURES, il-baġit għat-taqsima tal-Mikrofinanzjament tat-tielet assi kien żgħir wisq. L-użu kbir tal-istrument ta’ garanzija tal-EaSI, parti mill-assi tal-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali, għamel pressjoni fuq il-baġit tiegħu u rriżulta f’użu sħiħ tal-baġit tal-Mikrofinanzjament. Minħabba li t-taqsima tal-Intraprenditorija Soċjali normalment tirrikjedi self ħafna akbar mit-taqsima tal-Mikrofinanzjament, kien hemm anqas self ipprovdut. Dan kellu impatt fuq l-għadd ta’ kuntratti ffirmati 10 .

    Sadanittant, instab rimedju għall-baġit insuffiċjenti tat-tielet assi għall-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni, billi ġie permess il-frontloading tal-baġit tal-EaSI allokat għas-snin ta’ wara 2017-2020 u li sar disponibbli qabel sabiex tkun issodisfata d-domanda kbira tas-suq. Dan il-frontloading kien possibbli permezz ta’ garanzija taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS 11 ). Tabilħaqq, b’rispons għad-domanda kbira għall-istrument ta’ garanzija tal-EaSI, f’Diċembru 2017, l-assi tal-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali irċieva żieda ta’ EUR 100 miljun mill-FEIS. Dan se jwassal għal żieda fil-volum kumplessiv tal-azzjonijiet għall-istrument ta’ garanzija tal-EaSI u se jippermetti lill-FEI jimplimenta għadd sinifikament akbar ta’ operazzjonijiet.

    L-effiċjenza ta’ PROGRESS tista’ tittejjeb aktar billi jiġu introdotti tibdiliet u jitnaqqas il-piż amministrattiv fl-istadji tal-għoti u l-implimentazzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, mhuwiex dejjem ċar għall-applikanti jekk il-kofinanzjament għandux ikun fi spejjeż lavorattivi jew f’valur ta’ flus attwali. Dan għandu jkun iċċarat fit-termini ta’ referenza tas-sejħiet.

    Fir-rigward tal-EURES, ammonti akbar milli ppjanat oriġinarjament, kienu marbuta mal-allokazzjoni għat-trasparenza ta’ postijiet tax-xogħol battala, sabiex tkun introdotta teknoloġija tal-informazzjoni ġdida; madankollu, l-iżvilupp u l-għoti ta’ servizzi baqa’ relattivament stabbli.

    B’mod ġenerali, filwaqt li l-baġit totali tal-programm huwa biżżejjed, riallokazzjoni aktar flessibbli bejn it-tliet assi għandha tkun permessa sabiex jiġu mminimizzati d-diskrepanzi bejn l-impenji ppjanati u reali, u jkun żgurat l-aqwa trasferiment ta’ baġits bejn it-tlieta fejn meħtieġ.

    3.4.Koerenza

    Il-perċezzjoni ġenerali tal-koerenza tal-programm miksuba permezz tal-evalwazzjoni hija li t-tliet programmi preċedenti kienu magħquda taħt il-kappa tal-EaSI b’risposta għal eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni. Madankollu, l-evalwazzjoni tikkonkludi li minkejja sforzi sabiex jinbnew sinerġiji bejn it-tliet assi, dawn jibqgħu joperaw pjuttost b’mod indipendenti. L-attivitajiet tal-programm kollha għandu jkollhom fokus akbar fuq il-benefiċċji potenzjali ta’ struttura tal-programm koerenti, li tippromwovi soluzzjonijiet interdixxiplinari għal għadd ta’ sfidi.

    Fir-rigward tal-konsistenza ma’ programmi tal-UE oħrajn, l-EaSI huwa l-aktar mal-FSE. PROGRESS u programmi tal-UE oħrajn bħall-FSE, Erasmus+, Orizzont 2020 u COSME jikkomplementaw lil xulxin fir-rigward ta’ objettivi, attivitajiet u benefiċjarji speċifiċi. Instabet ukoll komplementarjetà bejn EURES u l-programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg). Il-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali wkoll jidher li huwa konsistenti ma’ strumenti oħra tal-mikrofinanzjament fil-livell tal-UE. Dawn jappoġġjaw jew lill-SMEs (bħall-garanzija finanzjarja ta’ COSME) jew lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni kbira (InnovFin), filwaqt li l-EaSI jappoġġja biss lill-mikrointrapriżi jew lill-intrapriżi soċjali. Dawn joffru wkoll ammonti ta’ finanzjament akbar (InnovFin u COSME), u varjetà akbar fir-rigward ta’ prodotti finanzjarji (bħall-programm InnovFin). Dawn jiffokaw biss fuq gruppi speċifiċi ta’ benefiċjarji f’ċerti pajjiżi, filwaqt li l-Mikrofinanzjament/l-Intraprenditorija Soċjali jindirizzaw il-pajjiżi parteċipanti kollha.

    Madankollu, minkejja l-komplementarjetajiet bejn l-EaSI u strumenti tal-UE oħrajn, il-varjetà ta’ loġika tal-intervent u r-regoli li jirregolaw il-fondi, ixekklu ż-żieda fil-koerenza. Il-koeżistenza ta’ ġabra ta’ regoli differenti (ir-Regolament Finanzjarju għal strumenti finanzjarji, u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-fondi strutturali) tagħmilha diffiċli sabiex ikunu sfruttati l-komplementarjetajiet bejn il-fondi differenti. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi speċifiċi sabiex jiġu ffaċilitati is-sinerġiji bejn fondi tal-UE differenti, pereżempju billi tiġi permessa l-esperimentazzjoni soċjali ttestjata taħt l-EaSI li titkabbar jew tkun immultiplikata permezz tal-finanzjament tal-FSE. Is-simplifikazzjoni tar-regoli tista’ tgħin sabiex timmassimizza l-potenzjal ta’ tali komplementarjetajiet u sinerġiji.

    Fuq livell nazzjonali, ma nstabet l-ebda sovrapożizzjoni bejn l-objettivi tal-EaSI u dawk tal-istrumenti/l-programmi nazzjonali. B’mod partikolari, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, enfasizzat il-kunsens dwar l-importanza li jinżamm kull tip ta’ strument fil-livell tal-UE, anke jekk kienu osservat sovrapożizzjonijiet żgħar bejn l-istrumenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonalii. Dawn is-sovrapożizzjonijiet jistgħu jingħelbu billi jissaħħaħ aktar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali fl-attivitajiet tal-EaSI u billi jkunu pprovduti b’għodod, għarfien trasferibbli/komparattiv u appoġġ rilevanti għad-disinn u implimentazzjoni ta’ interventi li jindirizzaw kwistjonijiet soċjali.

    3.5.Valur miżjud tal-UE

    L-EaSI pproduċa valur miżjud tal-UE li jidher fir-rigward ta’ kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala, meta mqabbel mal-appoġġ nazzjonali u reġjonali. Jekk l-EaSI jitwaqqaf dan se jkollu riperkussjonijiet f’ħafna setturi. Huwa improbabbli li skemi ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali oħrajn se jkunu kapaċi jappoġġjaw esperimentazzjoni tal-politika f’pajjiżi parteċipanti differenti u netwerks ta’ NGOs fil-livell tal-UE, kif jagħmel l-EaSI bħalissa. L-EaSI huwa wkoll l-aktar mod adattat sabiex jinkisbu riżultati fl-UE kollha bħal bażijiet tad-data komparattivi, studji u attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku li mhumiex tal-ogħla prijorità f’livelli ta’ governanza oħrajn.

    Barra minn hekk, m’hemmx riżorsi tal-UE oħrajn disponibbli li huma speċifikament imfassla għal sħubiji transkonfinali, għalkemm il-Programmi Interreg tal-FEŻR jistgħu jappoġġjaw politiki tal-impjieg f’reġjuni transkonfinali jekk ipprogrammati mill-Istati Membri kkonċernati. L-appoġġ għas-suq tal-investiment soċjali probabbilment ukoll se jmajna mingħajr finanzjament mill-EaSI, li jwassal għal anqas negozju soċjali fl-UE u anqas opportunitajiet ta’ impjieg f’dawn is-setturi. L-appoġġ tal-UE jservi bħala sinjal b’saħħtu biex issir bidla fil-livell nazzjonali u jgħin sabiex fit-trasferiment tal-għarfien espert u l-kompetenza bejn il-pajjiżi.

    Ix-xogħol imwettaq taħt il-programm EaSI jestendi lil hinn mill-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji: dan imexxi varjetà ta’ miżuri sabiex jiżviluppaw ekosistema għal swieq ta’ finanzi soċjali. L-eżempji jinkludu għotjiet sabiex tiġi żviluppata n-naħa tal-provvista u dik tad-domanda tal-finanzjament soċjali, iżda wkoll inizjattivi mhux finanzjarji bħall-Kodiċi tal-Imġiba Tajba għall-Għoti ta’ Mikrokreditu, li jgħinu sabiex iżidu l-istandards fis-settur tal-mikrofinanzjament. Dan huwa f’konformità ma’ wieħed mill-għanijiet tal-Kummissjoni: dak li jiżdied l-użu ta’ strumenti finanzjarji sabiex ikun attirat finanzjament privat u jkunu mħeġġa żviluppi sistematiċi ġodda fi swieq tal-finanzjament soċjali.

    Madankollu, sforzi kontinwi huma meħtieġa — primarjament fir-rigward tal-komunikazzjoni dwar attivitajiet tal-EaSI u t-tixrid tar-riżultati tiegħu. Il-partijiet ikkonċernati huma ħerqana sabiex jirċievu aktar informazzjoni u jħossu li permezz ta’ tixrid aħjar jistgħu jiksbu benefiċċji kbar, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, ir-riżultati, l-eżempji speċifiċi għall-pajjiż u l-prattiki tajbin, is-siti web u l-bażijiet tad-data aġġornati, firxa usa’ ta’ lingwi għall-komunikazzjoni, u kontenut li huwa aktar aċċessibbli għal udjenza wiesgħa.

    3.6.Governanza tal-EaSI

    L-EaSI huwa kkoordinat minn unità fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li hija responsabbli mill-formulazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-finanzjament tal-programm, u għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress tiegħu. F’dan il-kompitu, l-unità hija assistita minn koordinaturi mill-unitajiet operattivi tad-Direttorat Ġenerali u mill-Kumitat tal-EaSI, li jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull pajjiż parteċipanti.

    L-evalwazzjoni eżaminat ir-rwol tal-kumitat tal-EaSI, b’mod partikolari, u kkonkludiet li r-rwoli u responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati jeħtieġ li jittejbu, kif ukoll l-involviment u l-komunikazzjoni tagħhom. Il-membri tal-Kumitat ħassew li kien hemm bżonn aktar awtorità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u aktar sjieda tal-allokazzjoni tal-fondi u l-programmazzjoni/s-suġġetti tas-sejħiet għal proposti 12 .

    L-evalwazzjoni sabet ukoll li l-gruppi ta’ ħidma tematiċi jistgħu jkunu utli sabiex japprofondixxu l-għarfien tal-membri tal-Kumitat tal-EaSI fi kwistjonijiet tekniċi. L-użu ta’ kultant ta’ gwida esperta jitqies ukoll bħala potenzjalment utli għal ċerti suġġetti. L-evalwazzjoni nnutat ukoll li l-membri tal-Kumitat ma għandhomx biżżejjed informazzjoni dwar proġetti magħżula u implimentati fil-pajjiżi tagħhom, jew dwar proġetti miċħuda wara l-proċedura tal-evalwazzjoni. Il-kandidati għandhom jingħataw aktar rispons dwar l-applikazzjonijiet miċħuda bħala għajnuna biex itejbu l-applikazzjonijiet tagħhom. Għandha tkun kondiviża aktar informazzjoni mal-Kumitat fi żmien xieraq, sabiex din tkun mgħoddija faċilment lil organizzazzjonijiet li jistgħu jkunu interessati jirrispondu għas-sejħiet għal proposti.

    B’mod simili, aktar kooperazzjoni ma’ kumitati oħrajn sabiex tkun skambjata informazzjoni u diskussjonijiet aktar regolari bejn il-Kumitat tal-EaSI u l-Kummissjoni huma kkunsidrati bħala meħtieġa.

    4.Konklużjoni ġenerali

    L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu enfasizzat numru ta’ modi sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-EaSI qabel it-tmiem tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), b’mod speċjali permezz tal-flessibbiltà baġitarja interna msaħħa, jiġu mmirati gruppi li jeħtieġu appoġġ speċifiku, is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri, it-titjib ta’ koerenza interna u r-rabta tal-EaSI ma’ fondi oħrajn. B’mod partikolari, simplifikazzjoni imtejba tal-finanzjament jista’ jkollha impatt tanġibbli fuq ir-rilevanza, l-effiċjenza, il-koerenza u l-effettività tal-EaSI u l-valur miżjud tal-UE. Dan jista’ jsir fil-perjodu bejn l-2017 u l-2020, permezz ta’ rabtiet adegwati jew mekkaniżmi ġodda li jorbtu l-fondi differenti tal-UE.

    Wara l-2020, “fond umbrella” bl-isem ta’ Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li jiġbor flimkien il-fondi kollha ġestiti mid-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni — inkluż l-EaSI 13 — se jipprovdi interfaċċa waħda faċli biex tintuża bil-benefiċjarji, inaqqas il-frammentazzjoni u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn il-fondi, u b’hekk joħloq il-kundizzjonijiet għal implimentazzjoni tal-politika aktar effettiva u valur miżjud tal-UE.

    (1)

      https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:347:0238:0252:MT:PDF .

    (2)

    L-Iżlanda tipparteċipa fit-tliet assi kollha, in-Norveġja tipparteċipa biss fi PROGRESS u EURES, il-Liechtenstein ma jipparteċipax fl-EaSI, u l-Iżvizzera tipparteċipa biss fl-EURES u biss bi spejjeż tagħha.

    (3)

      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/better-regulation-guidelines.pdf .

    (4)

    L-istudju ta’ appoġġ estern imwettaq minn ICF Consulting kien ikkoordinat mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni, taħt il-monitoraġġ u s-superviżjoni diretta ta’ Grupp ta’ Tmexxija InterServizzi (ISSG) li jinkludi dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni.

    (5)

    Ara r-Rapport tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni 2015-2016.

    (6)

      https://europa.eu/youth/solidarity_mt .

    (7)

      http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=en&eventsId=1028 .

    (8)

    https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223

    (9)

    https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1414&langId=en

    (10)

    Filwaqt li tul l-2014 sar in-negozjar tal-istrumenti ta’ finanzjament ġodda mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), sa Settembru 2016, ġew iffirmati 33 kuntratt ma’ intermedjarji tal-mikrofinanzjament għal EUR 50.3 miljun, li rriżultaw fi 13.021 mikrokreditu għal total ta’ EUR 152.288 miljun. Inkiseb fattur ta’ ingranaġġ ta’ tliet darbiet il-finanzjament inizjali. Minbarra l-appoġġ tas-settur tal-mikrokreditu, fl-2015 u l-2016, l-EaSI ħareġ ukoll l-ewwel finanzjament għal intrapriżi soċjali u ġew iffirmati l-ewwel seba’ kuntratti ma’ intermedjarji finanzjarji, għal EUR 9 miljuni.

    (11)

    Il-FEIS huwa inizjattiva mnedija b’mod konġunt mill-Grupp BEI - il- Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-FEI - il-Kummissjoni Ewropea sabiex tingħata għajnuna ħalli tingħeleb id-diskrepanza attwali fl-investiment fl-UE billi jiġi mobilizzat il-finanzjament privat għal investimenti strateġiċi. http://www.eif.org/what_we_do/efsi/index.htm  

    (12)

    Ir-rwol tal-kumitat għandu jikkonforma mat-trattati, ir-regoli tar-Regolamentazzjoni Finanzjarja għal programmi ta’ nfiq u l-qafas legali tal-komitoloġija.

    (13)

    L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb il-koerenza interna. Taħt l-FSE+ se tinkiseb adegwatezza aħjar bejn l-objettivi tal-fergħa tal-EaSI u l-finanzjament tiegħu. Jekk l-objettivi u t-tipi ta’ azzjonijiet iffinanzjati taħt l-assi attwali ta’ PROGRESS mhux se jinbidlu, l-istrumenti finanzjarji implimentati taħt it-tielet assi tal-EaSI attwali se jkunu ttrasferiti għall-programm InvestEU li se jlaqqa’ flimkien il-ħafna strumenti finanzjarji tal-UE attwalment disponibbli sabiex jappoġġjaw l-investiment fl-UE, u l-attivitajiet relatati mal-portal tal-mobbiltà ta’ EURES se jkunu ttrasferiti għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA). L-attivitajiet ġestiti direttament (l-attivitajiet mhux ta’ self u l-appoġġ għal mobbiltà tal-impjieg) se jinżammu taħt il-fergħa tal-FES+/l-EaSI.

    Top