IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.1.2019
COM(2019) 62 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar it-Trattament Internazzjonali tal-Banek Ċentrali u tal-Entitajiet Pubbliċi li Jimmaniġġjaw id-Dejn Pubbliku fir-rigward ta' Tranżazzjonijiet ta' Derivattivi OTC
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR) tal-4 ta’ Lulju 2012 jesiġi, inter alia, l-ikklerjar ċentrali tal-kuntratti ta’ derivattivi OTC standardizzati kollha u r-rapportar tal-kuntratti ta’ derivattivi kollha lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal dawk it-tranżazzjonijiet li ma jkunux ikklerjati ċentralment.
Skont l-Artikolu 1(4) tal-EMIR, il-banek ċentrali tal-Unjoni u l-korpi pubbliċi tal-Unjoni inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih huma eżentati mill-EMIR u għalhekk mhumiex soġġetti għal dawn l-obbligi.
Skont l-Artikolu 1(6) tal-EMIR, il-Kummissjoni Ewropea hija mogħtija s-setgħa li temenda l-lista ta’ entitajiet eżentati permezz ta’ atti delegati jekk hija tikkonkludi, wara li tanalizza t-trattament internazzjonali ta’ banek ċentrali u ta’ entitajiet pubbliċi li jimmaniġġjaw id-dejn pubbliku fl-oqfsa legali ta’ ġuriżdizzjonijiet oħra u filwaqt li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati, li hija neċessarja l-eżenzjoni mir-responsabbiltà monetarja ta’ dawn il-banek ċentrali u korpi pubbliċi inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih ta’ dawk il-pajjiżi terzi, mill-obbligu tal-ikklerjar u tar-rapportar u mill-obbligu li japplikaw tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju.
2.Il-Valutazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni wettqet żewġ rieżamijiet tat-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC.
L-ewwel rieżami kien jikkonċerna l-oqfsa legali tal-Ġappun, tal-Iżvizzera, tal-Istati Uniti, tal-Awstralja, tal-Kanada u ta’ Hong Kong u fl-2013 ikkonkluda li l-Ġappun u l-Istati Uniti ssodisfaw il-kundizzjonijiet għall-banek ċentrali u għall-korpi pubbliċi responsabbli mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku f’dawk iż-żewġ ġuriżdizzjonijiet li għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ entitajiet eżentati fl-Artikolu 1(4) tal-EMIR.
It-tieni rieżami kkonċerna l-oqfsa legali tal-Awstralja, tal-Kanada, ta’ Hong Kong, tal-Messiku, ta’ Singapore u tal-Iżvizzera u fl-2017 ikkonkluda li dawk il-ġuriżdizzjonijiet kollha ssodisfaw il-kundizzjonijiet għall-banek ċentrali u l-korpi pubbliċi responsabbli mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet biex jiżdiedu mal-lista ta’ entitajiet eżentati fl-Artikolu 1(4) tal-EMIR.
3.Il-Valutazzjoni Attwali
Din il-valutazzjoni hija attivata min-notifika tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2017 dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, l-eżenzjoni għall-Banek Ċentrali tal-Unjoni u għall-korpi pubbliċi inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih fl-Artikolu 1(4)(a) tal-EMIR ma tistax tapplika għall-bank ċentrali tar-Renju Unit jew għall-korpi tal-immaniġġjar tad-dejn pubbliku.
Sal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-EMIR, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi tal-ikklerjar u ta’ rapportar u t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju, huwa applikabbli direttament fir-Renju Unit. Bħala parti mill-Att dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, fis-26 ta’ Ġunju 2018 ir-Renju Unit inkorpora d-dispożizzjonijiet tal-EMIR fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit b’effett mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Biex jiġu indirizzati l-problemi jew in-nuqqasijiet li joriġinaw mill-inkorporazzjoni tal-EMIR fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, ir-Renju Unit se jemenda jew diġà emenda l-Att dwar is-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq 2000 (l-“FSMA”) u d-dritt nazzjonali tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR, jiġifieri t-trasferiment tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni jew lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”), lit-Teżor jew lill-awtoritajiet oħra tar-Renju Unit. Il-valutazzjoni f’dan ir-rapport hija msejsa fuq dan il-qafas legali.
4.Il-Progress tar-Riformi fis-Swieq tad-Derivattivi OTC
Skont l-abbozz tad-dritt nazzjonali tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR, l-obbligu li jiġu kklerjati tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC jista’ jinżamm. L-obbligu tal-ikklerjar jista’, bi prinċipju, ikopri t-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC kollha, b’eċċezzjonijiet simili bħal dawk applikabbli skont l-EMIR.
Obbligu ta’ rapportar
Skont id-dritt domestiku tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR, l-obbligu li jiġu rapportati t-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC kollha jinżamm, inkluż ir-regoli li jiddeskrivu liema mill-kontropartijiet għandu r-responsabbiltà li jirrapporta t-tranżazzjoni u liema informazzjoni trid tiġi rapportata.
Tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju
L-abbozz tad-dritt domestiku tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR jibqa’ jżomm r-regoli li jikkonċernaw l-użu ta’ tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju meħtieġa għal tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment, inklużi r-regoli dwar il-konferma fil-ħin tan-negozji, ir-rikonċiljazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.
5.Trattament internazzjonali tal-Banek Ċentrali u tal-Korpi tal-Immaniġġjar tad-Dejn Pubbliku
Obbligu ta’ rapportar
Rigward l-obbligu tal-ikklerjar, ir-Renju Unit beħsiebu jeżenta mill-obbligu tal-ikklerjar lir-Renju Unit u lil ċerti banek ċentrali barranin u korpi pubbliċi inkarigati bl-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih. Se jkun possibbli li l-eżenzjoni tiġi estiża għal ġuriżdizzjonijiet barranin addizzjonali. Barra minn hekk, l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ rapportar tkun tapplika għall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.
Tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju
Skont l-abbozz tal-leġiżlazzjoni domestika tar-Renju Unit, ir-Renju Unit u ċerti banek ċentrali barranin u korpi pubbliċi oħra inkarigati fl-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih, jistgħu jkunu eżentati mill-obbligu li japplikaw għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju lil tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC mhux ikklerjati ċentralment. It-Teżor ikun jista’ jeżenta l-eżenzjoni għall-ġuriżdizzjonijiet barranin addizzjonali. L-eżenzjoni tkun tapplika wkoll għal Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali u għal ċerti banek tal-iżvilupp multilaterali u entitatijiet oħra tas-settur pubbliku li huma proprjetà tal-gvernijiet ċentrali.
6.Konklużjoni
Il-qafas leġiżlattiv li jimplimenta r-riformi tad-derivattivi OTC miftiehma f’Pittsburgh fl-2009 se jkun fis-seħħ fir-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni jekk il-leġiżlazzjoni mħabbra tidħol fis-seħħ. Il-qafas leġiżlattiv nazzjonali tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR jeżenta lir-Renju Unit u lil ċerti banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi u korpi pubbliċi inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih, mill-obbligu ta’ kklerjar u ta’ rapportar u mill-obbligu li japplikaw tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju. L-abbozz tal-qafas leġiżlattiv tar-Renju Unit jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-estensjoni tal-eżenzjoni tal-banek ċentrali u tal-korpi ta’ mmaniġġjar tad-dejn ta’ pajjiżi barranin oħra.
Iż-żieda tal-bank ċentrali tar-Renju Unit u tal-korpi tal-immaniġġjar tad-dejn pubbliku mal-lista ta’ entitajiet eżentati mill-iskop tal-EMIR, se teżenta r-responsabbiltajiet monetarji tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-EMIR u se tippromwovi kundizzjonijiet ugwali fl-applikazzjoni tar-riformi tal-EMIR fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ma’ banek ċentrali fil-ġuriżdizzjonijiet differenti. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal aktar koerenza u konsistenza internazzjonali.
Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi li l-Artikolu 1(4) tal-EMIR jenħtieġ li jiġi emendat biex jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-EMIR il-bank ċentrali tar-Renju Unit u l-korpi pubbliċi oħrajn tar-Renju Unit inkarigati mill-immaniġġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih.
Din l-analiżi komparattiva f’dan ir-Rapport mhijiex eżawrjenti. Hija bbażata fuq id-dritt domestiku tar-Renju Unit li jinkorpora l-EMIR, li partijiet tiegħu għadhom ma ġewx adottati bis-sħiħ.
Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel rieżami fuq bażi regolari tat-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali u ta’ korpi pubbliċi fir-rigward ta’ derivattivi OTC f’pajjiżi terzi, inkluż fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Artikolu 1(4) tal-EMIR. Il-lista ta’ entitajiet eżentati tista’ tiġi aġġornata fl-isfond tal-iżvilupp ta’ arranġamenti regolatorji fil-pajjiżi terzi u b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe sorsi ġodda ta’ informazzjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista’ twassal ukoll għat-tneħħija ta’ pajjiżi terzi mil-lista ta’ entitajiet eżentati.