Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0361

P8_TA(2019)0361 L-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (COM(2018)0365 – C8-0383/2018 – 2018/0189(COD)) P8_TC1-COD(2018)0189 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

ĠU C 158, 30.4.2021, pp. 43–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/43


P8_TA(2019)0361

L-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (COM(2018)0365 – C8-0383/2018 – 2018/0189(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 158/10)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0365),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0383/2018),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 (1),

—

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0036/2019),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tat-tliet dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li l-ewwel u t-tieni waħda fosthom se jiġu ppubblikati fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 55.


P8_TC1-COD(2018)0189

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/1753.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni possibbli tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE biex tkopri prodotti mhux agrikoli

Il-Kummissjoni tieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-estensjoni possibbli tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE biex tkopri prodotti mhux agrikoli.

Il-Kummissjoni varat studju f'Novembru 2018 biex tikseb iktar evidenza ekonomika u legali dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli fis-Suq Uniku, bħala komplement ta’ studju mill-2013, kif ukoll biex tikseb iktar data dwar kwistjonijiet bħall-kompetittività, il-kompetizzjoni qarrieqa, il-falsifikazzjoni, il-perċezzjoni tal-konsumatur, il-kostijiet u l-benefiċċji, kif ukoll dwar l-effettività tal-mudelli ta’ protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Skont il-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u l-impenji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil aħjar tal-liġijiet, il-Kummissjoni se tifli l-istudju kif ukoll ir-rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Att ta’ Ġinevra kif imsemmi fl-Artikolu dwar il-monitoraġġ u r-rieżami tar-Regolament dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha fl-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u se tikkunsidra l-passi possibbli li jmiss.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9a(3) tar-Regolament

Il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9a(3) tar-Regolament hija ħtieġa legali fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, tista’ tafferma madankollu li fil-kuntest tal-acquis attwali tal-UE, kwalunkwe intervent mill-Kummissjoni jkun eċċezzjonali u ġġustifikat kif xieraq. Matul il-konsultazzjonijiet ma’ Stat Membru, il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex tinstab soluzzjoni komuni mal-Istat Membru għal kull tħassib, sabiex tevita l-ħruġ ta’ opinjoni negattiva. Il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe opinjoni negattiva tkun innotifikata bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, u f’konformità mal-Artikolu 296 tat-TFUE tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom l-opinjoni negattiva kienet imsejsa. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li opinjoni negattiva ma teskludix is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-istess denominazzjoni ta’ oriġini, jekk ir-raġunijiet għall-opinjoni negattiva jkunu ġew indirizzati kif xieraq jew jekk ma baqgħux applikabbli.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta 'Liżbona dwar l-Appellazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Il-Kummissjoni tinnota li l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklussiva rigward l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u qiegħda taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona bħala Parti għaliha nfisha. Dan jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25/10/2017 (Każ C-389/15 – Il-Kummissjoni vs. il-Kunsill). Fid-dawl tal-kompetenza esterna esklussiva tal-UE, mhux permess li l-Istati Membri jsiru Partijiet għall-Att ta’ Ġinevra għalihom infushom, u jenħtieġ li ma jibqgħux jipproteġu indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ġodda rreġistrati minn membri ta’ pajjiżi terzi għas-sistema ta’ Lisbona. Il-Kummissjoni, konxja miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali billi seba’ Stati Membri ilhom żmien twil Partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona, u konxja li dawn għandhom proprjetà intellettwali estensiva rreġistrata fil-qafas tiegħu u li hemm bżonn tranżizzjoni bla xkiel, kienet tkun lesta taqbel, eċċezzjonalment, li f’dan il-każ partikulari, BG, CZ, SK, FR, HU, IT u PT setgħu ġew awtorizzati li jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra fl-interess tal-UE.

Il-Kummissjoni toġġezzjona bil-qawwi għall-insistenza kontinwa tal-Kunsill rigward il-possibbiltà li kull Stat Membru tal-UE li jkun jixtieq, jiġi awtorizzat biex jirratifika jew jaderixxi mal-Att ta’ Ġinevra flimkien mal-Unjoni, filwaqt li tagħti bħala raġuni r-regolarizzazzjoni tad-drittijiet tal-vot tal-Unjoni fid-dawl tal-punt (b)(ii) tal-Artikolu 22(4) tal-Att ta’ Ġinevra, pjuttost milli ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li, ġaladarba l-Unjoni diġà eżerċitat il-kompetenza interna tagħha għall-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, l-Istati Membri tal-UE ma jistax ikollhom sistemi tagħhom stess ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni żżomm id-drittijiet tagħha, inkluż id-dritt li tirrikorri għal rimedju legali kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, u f’kull każ, tqis li dan il-każ ma jistax jikkostitwixxi preċedent għal ebda ftehim ieħor internazzjonali jew tad-WIPO eżistenti jew futur, b’mod partikulari, iżda mhux biss, fejn l-UE diġà tkun irratifikat ftehimiet hi stess abbażi tal-kompetenza esklussiva tagħha.


Top