Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE3203

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-sajd” (opinjoni esploratorja)

    EESC 2019/03203

    ĠU C 14, 15.1.2020, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 14/67


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-sajd”

    (opinjoni esploratorja)

    (2020/C 14/09)

    Relatur: Gabriel SARRÓ IPARRAGUIRRE

    Konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni Ewropea, 27.32019

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    14.5.2019

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    4.9.2019

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    25.9.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    546

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    137/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-kompetittività sostenibbli għandha tikkunsidra żewġ dimensjonijiet ġodda, jiġifieri dawk ambjentali u soċjali (1). Il-KESE jqis li huwa fundamentali li l-politiki tas-sajd jitfasslu mhux biss mill-perspettiva ambjentali, iżda wkoll waqt li titqies l-importanza globali tas-sajd, l-impatt tiegħu fuq il-bqija tal-ekonomija u r-rwol tiegħu fis-sikurezza marittima, biex jiġi pprovdut ikel bnin u tajjeb għas-saħħa u biex il-popolazzjoni tibqa’ f’żoni vulnerabbli (2). Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira u l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent tan-negozju favorevoli, sabiex dan is-settur ikun jista’ jopera b’mod sostenibbli u joffri impjiegi, li huma partikolarment importanti f’ħafna komunitajiet kostali. Ir-rwol tan-nisa u l-importanza tal-kontribut tagħhom irid jiġi rikonoxxut aħjar, fi sforz biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    1.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata koerenza regolatorja bejn il-miżuri dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u r-regoli ta’ sigurtà u kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-baħar permezz ta’ valutazzjonijiet ta’ impatt dwar a: i) l-impjieg, ii) is-salarji, iii) il-bini u n-navigabbiltà tal-bastimenti tas-sajd, iv) il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien deċenti, u v) il-kapaċità u ċ-ċertifikazzjoni tas-sajjieda. Bl-istess mod, jitlob koordinazzjoni aħjar bejn id-dipartimenti u s-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi differenti fil-livelli kollha għall-ġestjoni integrali tas-settur.

    1.3.

    Il-KESE jwissi lill-Kummissjoni Ewropea, fi ħdan il-qafas tal-programm ta’ ħidma tagħha, sabiex tiżviluppa Proposta għal Direttiva bil-għan li tinkorpora l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u l-Gwardji għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd fl-Acquis tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati standards ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni armonizzati u t-titjib tas-sikurezza marittima fil-qasam tas-sajd.

    1.4.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenti soċjali kollha sabiex jippromovu t-titjib tal-immaġni tas-sajd bħala karriera professjonali u opportunità ta’ xogħol, kemm għal persuni gradwati kif ukoll għall-membri tal-ekwipaġġ, u biex jindirizzaw il-privazzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet mhux deċenti tal-għajxien u ta’ xogħol prevalenti f’ħafna komunitajiet ta’ sajjieda u bliet portwarji.

    1.5.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi emendi preċiżi fir-Regolament fuq il-bażi tal-politika komuni tas-sajd biex, fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-abitazzjoni u s-sigurtà tal-bastimenti tas-sajd, il-miżuri tat-tunnellaġġ gross u r-reffiegħa tax-xibka tat-tkarkir tal-kalkoli tal-kapaċità tas-sajd ma jiġux ikkunsidrati (3).

    1.6.

    Il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO, billi jipprovdu l-mezzi meħtieġa bil-għan li tiġi trasposta tajjeb fil-leġislazzjoni nazzjonali u tiġi applikata, u, jekk ikun meħtieġ, jiddelegaw lill-kumpaniji ta’ klassifikazzjoni l-funzjonijiet ta’ spezzjoni u ħruġ ta’ ċertifikazzjonijiet, minħabba l-problemi eżistenti għall-koordinazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet f’ċerti pajjiżi.

    1.7.

    Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri fl-importanza li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2017/159 (4), li tinkorpora l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO fl-acquis tal-Unjoni, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ qabel il-15 ta’ Novembru 2019. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr kemm jista’ jkun Proposta għal Direttiva addizzjonali li tinkludi dispożizzjonijiet ta’ kontroll u konformità, kif sar għat-trasport marittimu, sabiex tistabbilixxi reġim ta’ spezzjoni armonizzat.

    1.8.

    Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm koerenza akbar bejn il-politika tas-sajd u dik tal-kummerċ. Konsegwentement, il-pajjiżi marbuta mas-sajd illegali u abbuż gravi fuq ix xogħol m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE. F’dan il-kuntest, lanqas l-istrumenti ta’ preferenzi tariffarji bħall-kwoti awtonomi m’għandhom jingħataw lill-prodotti li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi msemmija.

    2.   Introduzzjoni u sfond

    2.1.

    Is-sajd huwa impjieg tradizzjonali ta’ importanza kulturali kbira, essenzjali f’ħafna komunitajiet kostali tal-Unjoni Ewropea bħala sors vitali ta’ ikel u nutrizzjoni, xogħol, kummerċ, benesseri ekonomiku u rikreazzjoni. Għalkemm m’hemmx dubju li huwa urġenti li jiġu riġenerati l-istokkijiet tal-ħut u r-riżorsi ambjentali, kif indika l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, għal ħafna snin, l-isforzi internazzjonali kollha kienu mmirati sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali, u ngħatat ftit attenzjoni lill-ekonomija u ftit li xejn lis-soċjetà kif ukoll lis-sikurezza marittima.

    2.2.

    Madankollu, u minkejja l-progress teknoloġiku kontinwu, is-sajd għadu meqjus bħala attività ta’ riskju għoli minħabba fatturi bħall-kundizzjonijiet klimatiċi, ir-rekwiżiti fiżiċi u ambjent tax-xogħol li jinbidel kontinwament. Dan, min-naħa tiegħu, huwa sostnut minn statistika li turi li s-sajd huwa xogħol ta’ periklu meta mqabbel ma’ setturi oħra. B’mod partikolari, fl-Unjoni Ewropea, skont l-istatistika ppubblikata mill-EMSA (5) dwar l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol fis-settur marittimu, intilfu kważi 120 bastiment tas-sajd fuq il-baħar matul il-perjodu 2011-2017. L-2016 kienet sena speċjalment diżastruża peress li ġew irrappurtati 525 disgrazzja u inċident marittimu, fejn 55 sajjied tilfu ħajjithom fuq il-baħar, 30 ġew feruti serjament, 184 indarbu u 14-il bastiment ġew irrappurtati nieqsa. Dan jindika li għad hawn ħafna sajjieda li jweġġgħu serjament jew ukoll li jitilfu ħajjithom waqt xogħolhom fuq il-baħar sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jipprovdu lis-soċjetà bl-ikel.

    2.3.

    Madankollu, ir-rapport tal-EMSA jenfasizza li 63 % tal-avvenimenti aċċidentali li jseħħu abbord il-bastimenti tas-sajd seħħew minħabba żbalji umani, u fil-maġġoranza tal-każijiet (65 %) matul l-operazzjonijiet tas-sajd. Dan juri l-importanza tat-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet tal-ekwipaġġi fis-settur tas-sajd kollu kemm hu, mhux biss għall-bastimenti b’tul ta’ 24 metru jew aktar. Is-sajjieda li jaħdmu għal rashom u s-sidien ta’ bastimenti żgħar li jaħdmu flimkien mal-ekwipaġġ tagħhom irid ikollhom aċċess ukoll għat-taħriġ, mhux biss bħala sajjieda, iżda wkoll bħala maniġers ta’ intrapriżi.

    2.4.

    L-impjiegi totali fil-flotta tal-UE ekwivalenti għal full-time naqsu b’medja ta’ 1,3 % kull sena mill-2008 (6), parzjalment minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta. Fil-fatt, minkejja t-tkabbir tal-UE, in-numru ta’ bastimenti tal-UE fl-2018 kien ta’ 81 644, jiġifieri 22 203 inqas mill-1996, li minnhom 65 400 biss għadhom attivi.

    2.5.

    Madankollu, il-paga medja ekwivalenti għal full-time żdiedet b’2,7 % kull sena. Ir-rendiment ekonomiku tal-flotta tal-UE jkompli jirreġistra profitti netti rekord ta’ EUR 1,3 biljun fl-2016 (7). Din il-prestazzjoni tajba hija prinċipalment dovuta għall-prezzijiet kompetittivi tal-ewwel bejgħ, għall-prezz baxx tal-fjuwils, għat-titjib fl-effiċjenza operattiva tal-bastimenti u għat-tkabbir ta’ ċerti stokks importanti. Madankollu, għandu jiġi speċifikat li d-data tissuġġerixxi li l-flotot ta’ ħames Stati Membri kellhom telf nett fl-2016 (il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, il-Litwanja u Malta). Id-data turi wkoll li fl-2016, il-flotta kostali ġġenerat profitti netti ta’ EUR 132 miljun, b’titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2015 (+ 36 %). Madankollu, din it-taqsima tal-flotta ġġenerat telf nett f’seba’ Stati Membri fl-2016.

    2.6.

    Minkejja din it-tendenza pożittiva, il-ftehimiet soċjali favorevoli u l-isforzi li saru biex jitjiebu l-pagi, il-kundizzjonijiet tal-għajxien abbord, il-kumdità u t-telekomunikazzjoni, is-sajd għadu mhux attraenti għaż-żgħażagħ. Dan minħabba li xi drabi x-xogħol iseħħ f’ambjent naturali ostili, drabi oħra minħabba li l-ekwipaġġ ma jkunx jista’ jsib bilanċ bejn il-familja u x-xogħol u drabi oħra minħabba li dan it-titjib ma ġiex irreklamat: huwa ċar li ż-żgħażagħ lanqas matul il-kriżi ekonomika tas-snin reċenti ma tħajru jidħlu f’dan is-settur. Mhumiex ħafna l-intraprendituri potenzjali li jagħżlu l-professjoni ta’ sajjied biex iwaqqfu l-kumpanija tagħhom stess; f’xi pajjiżi, is-sidien ta’ bastimenti żgħar ma għandhomx aċċess għall-irtirar kmieni, anke jekk jaħdmu taħt l-istess kondizzjonijiet ħorox tal-impjegati tagħhom. Il-kwistjonijiet soċjali ma jillimitawx ruħhom biss għall-kundizzjonijiet tas-sajd abbord. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien fuq l-art iridu jittejbu wkoll. Xi studji wrew li l-komunitajiet tas-sajd u l-bliet portwarji spiss jiffaċċjaw livell għoli ta’ faqar, nuqqas ta’ servizzi pubbliċi, u kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena. Bl-istess mod, ir-rwol tan-nisa, speċjalment il-konjuġi, għall-prosperità tas-settur hija sottovalutata. Tinħtieġ aktar riċerka dwar dawk l-aspetti soċjali.

    2.7.

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi, tikkomunika u tipproponi l-miżuri meħtieġa mhux biss biex tiggarantixxi s-sikurezza marittima u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, iżda wkoll biex tattira forza tax-xogħol ikkwalifikata essenzjali għas-sopravivenza u l-iżvilupp ta’ settur strateġiku għall-Ewropa.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jappella għal politika tas-sajd komuni responsabbli u integrali. Għalhekk, il-miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għandhom ikunu konsistenti u m’għandhom qatt jaffettwaw il-kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti tas-sajd, is-sigurtà fuq il-baħar, it-taħriġ u l-kapaċità tas-sajjieda. Għalkemm mhuwiex possibbli li jiġu eliminati l-perikli tal-baħar, huwa possibbli li jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti u jittejbu l-kundizzjonijiet abbord permezz tal-impenn tal-awtoritajiet kompetenti biex jirregolaw l-industrija tas-sajd u jagħmluha aktar sigura.

    3.2.

    Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri kollha u lill-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tagħhom bħala firmatarji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) li timponi fuq l-Istati tal-bandiera l-obbligu li tiġi garantita s-sikurezza marittima permezz tal-leġislazzjoni interna tagħha, abbażi ta’ standards miftiehma internazzjonalment, għalkemm l-Istati tal-bandiera jistgħu, naturalment, jintroduċu wkoll il-miżuri tagħhom stess biex jiżguraw is-sikurezza fuq il-baħar. Filwaqt li l-Istati Membri ħadu bis-serjetà ħafna l-obbligu tagħhom li jirregolaw id-dimensjoni soċjali tas-settur tat-trasport marittimu (parzjalment permezz tal-isforzi leġislattivi mwettqa mill-Unjoni), l-indiċijiet ta’ ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà u kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sajd marittimu għadhom baxxi ħafna.

    3.3.

    Huwa għalhekk li l-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li titkompla tiġi promossa l-applikazzjoni tal-istrumenti leġislattivi internazzjonali eżistenti, bħall-Konvenzjoni Nru 188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li tirregola l-kundizzjonijiet soċjali abbord il-bastimenti tas-sajd, il-Ftehim tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-port sabiex is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux regolat (sajd IUU) ikun prevenut, skoraġġut u eliminat, il-Ftehim ta’ Cape Town għas-sigurtà tal-bastimenti tas-sajd u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u l-Gwardja tal-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd, 1995 (STCW-F), tal-IMO.

    3.4.

    Il-KESE jfakkar fl-importanza li tiġi garantita r-responsabbiltà soċjali tul il-katina tal-valur tas-settur tas-sajd u jindika l-mudell Ewropew ta’ djalogu soċjali bħala referenza biex jiggarantixxi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd. F’dan il-kuntest, jifraħ lill-imsieħba soċjali Ewropej li, skont l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), innegozjaw u pproponew id-Direttiva (UE) 2017/159, li tittrasponi l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO fil-liġi tal-Unjoni.

    3.4.1.

    Il-Kumitat jiddispjaċih, madankollu, li s-sajjieda awtonomi ma setgħux jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva minħabba n-nuqqas ta’ mandat tal-imsieħba soċjali biex jinnegozjaw dwar dan il-punt. Għal din ir-raġuni, u minħabba n-numru kbir ta’ sajjieda li jaħdmu għal rashom fl-UE, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru 188.

    3.4.2.

    Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-proċess tar-regolamentazzjoni soċjali tas-sajd permezz ta’ proposta għal Direttiva addizzjonali li tinkludi dispożizzjonijiet ta’ kontroll u infurzar, biex tiżgura reġim ta’ spezzjoni li ma jiddiskriminax bejn l-ilmijiet u l-flotot Ewropej differenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

    3.5.

    Studju reċenti tal-Parlament Ewropew dwar it-taħriġ tas-sajjieda (8) kkonkluda li n-nuqqas ta’ standard komuni għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tas-sajjieda fl-UE (9) joħloq riskju għas-sigurtà, mhux biss għas-sajjieda nfushom, iżda wkoll għall-utenti l-oħra tal-ilmijiet tal-UE. Dan in-nuqqas leġislattiv jista’ jiġi kkoreġut permezz tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni STCW-F. Għal din ir-raġuni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi proċeduri biex tittrasponi l-Konvenzjoni STCW-F fil-Liġi tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb is-sigurtà fuq il-baħar għas-sajd, rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-iżjed professjonijiet perikolużi.

    3.6.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi it-taħriġ tal-baħar u tas-sajd bħala mod biex jiġi professjonalizzat is-settur u biex jitjieb it-taħriġ tiegħu bil-għan li jitħeġġu impjiegi ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, it-taħriġ vokazzjonali għandha jippromovi empiriżmu u sperimentazzjoni prattika mingħajr ma jdgħajjef il-livell għoli ta’ kompetenza u ta’ ħiliet meħtieġa mill-professjonisti fil-qasam marittimu, b’enfasi fuq mudelli bħal taħriġ vokazzjonali doppju. Għal dan il-għan, il-Kumitat jitlob li l-FEMS jintuża b’mod aktar intensiv, li jissaħħu l-għanijiet possibbli u li tiġi awtorizzata l-inkorporazzjoni tal-FSE bħala fond komplementari għat-taħriġ, b’attenzjoni partikolari għas-sajd fuq skala żgħira.

    3.7.

    Il-KESE jfakkar li l-inkorporazzjoni tal-Konvenzjoni fl-acquis tal-Unjoni tinvolvi bosta benefiċċji għas-settur, peress li tiggarantixxi l-moviment ħieles tal-ħaddiema billi toħroġ ċertifikat ta’ kompetenza validu fl-UE kollha (kuntrarjament għal dak li qed jiġri llum il-ġurnata), li jagħmilha eħfef għas-sajjieda sabiex jiċċaqalqu bejn is-sajd u impjiegi oħra marittimi u jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ armonizzati fl-UE. Madankollu, għall-applikazzjoni xierqa tal-Konvenzjoni għadu meħtieġ li jiġu żviluppati linji gwida Ewropej dwar l-eżamijiet mediċi tas-sajjieda biex tiġi ċċertifikata l-kapaċità tagħhom. Dawn il-linji gwida huma wkoll meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Nru 188 dwar ix-xogħol fis-sajd, li skontu l-ebda sajjied ma jkun jista’ jaħdem abbord bastiment tas-sajd mingħajr ċertifikat mediku validu. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar ser jiżviluppa linji gwida għall-eżami mediku tas-sajjieda fl-2019-2020.

    3.8.

    F’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jqis bħala prijorità li tiżdied l-attrazzjoni tal-professjoni tas-sajd, li jiġu attirati t-talent u li tiġi ffaċilitata l-inklużjoni taż-żgħażagħ f’din l-attività, li timpjega aktar minn 150 000 membru tal-ekwipaġġ, permezz tal-kollaborazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-atturi ewlenin mas-settur tat-taħriġ u tal-ambjent tax-xogħol. Dan huwa meħtieġ biex ikun hemm reazzjoni għal nuqqas ta’ ekwipaġġ, problema li thedded il-vijabbiltà tas-settur u li llum ġiet identifikata bħala l-aktar problema serja li qed tiffaċċja l-flotta Ewropea tas-sajd. L-industrija tindika li jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju, ikun hemm ħafna dgħajjes li jkollhom jirmiġġaw. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu implimentati pjani strateġiċi fil-qasam soċjali sabiex, minn naħa, ħaddiema Ewropej jiġu attirati lejn is-settur tas-sajd u, min-naħa l-oħra, jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ tal-barranin. Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ il-karriera marittima u tas-sajd u li s-sajd isir magħruf bħala opportunità professjonali deċenti mimlija opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

    3.9.

    In-negliġenza fil-promozzjoni soċjali tas-settur tas-sajd wasslet għal interess aktar baxx biex jingħaqad mal-professjoni miċ-ċittadini tal-UE. Dan, min-naħa tiegħu kkontribwixxa għaż-żieda fl-impjiegi ta’ sajjieda migranti fl-ilmijiet tal-UE (minn pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE) li f’ċerti każijiet u pajjiżi faċli jispiċċaw vittmi tal-abbużi fuq ix-xogħol (10). L-ispeċifiċitajiet tas-settur tas-sajd, li x-xogħol tiegħu jitwettaq fuq il-baħar għal perjodi ta’ żmien twal, jagħmlu lis-sajjieda migranti partikolarment vulnerabbli.

    3.10.

    Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, u f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-ILO adottata fil-laqgħa tripartitika dwar kwistjonijiet relatati mas-sajjieda migranti fl-2017 (11), il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu żviluppati prinċipji ġenerali u linji gwida prattiċi għal servizzi ġusti relatati mas-suq tax-xogħol fis-settur tas-sajd, inklużi: a) linji gwida suffiċjenti u adegwati għas-sidien tal-bastimenti tas-sajd u servizzi (transkonfinali) relatati mas-suq tax-xogħol; b) mudelli ta’ kuntratti għas-servizzi (transkonfinali) relatati mas-suq tax-xogħol fis-settur tas-sajd; c) linji gwida suffiċjenti u adegwati għas-sajjieda li jfittxu impjieg abbord bastimenti tas-sajd (barranin), u d) mekkaniżmi biex wieħed iressaq ilmenti. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar ser jiżviluppa linji gwida għar-reklutaġġ diċenti ta’ sajjieda migranti fl-2019-2020.

    3.11.

    Il-Kumitat jappella wkoll lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw, jimplimentaw u jinfurzaw il-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO. Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tiġbor data u statistika dwar is-sitwazzjoni tas-sajjieda migranti fl-Ewropa.

    3.12.

    Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-PKS, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jilħqu bilanċ stabbli u ta’ natura dejjiema bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta tagħhom u l-opportunitajiet tagħhom tas-sajd. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom ma taqbiżx il-limiti massimi ta’ kapaċità ffissati f’termini ta’ tunnellaġġ gross (volum) u kW (qawwa). L-imsieħba soċjali Ewropej, permezz ta’ studju reċenti dwar l-impatt soċjali ta’ dawn il-limiti kofinanzjati mill-UE (12), indikaw li l-limitazzjoni tat-tunnellaġġ gross għandha impatt negattiv fuq is-sigurtà, il-kumdità tas-sajjieda u l-kwalità tal-ħut maqbud, hekk kif tippenalizza inizjattivi li jipprovdu miżuri addizzjonali ta’ sigurtà, kumdità u kwalità lill-bastimenti peress li hemm implikat li l-metri kubi supplimentari għandhom jikkompetu, pereżempju, mal-volum tal-istiva, il-volum tal-kamra tal-magni jew it-tankijiet tal-fjuwil.

    3.13.

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex issib metodi alternattivi biex titkejjel il-kapaċità tas-sajd, b’mod simili għan-Norveġja jew l-Iżlanda, li jeskludu żoni ta’ mistrieħ, kumdità u rikreazzjoni mill-kalkolu, fuq il-bażi ta’ diversi fatturi bħall-kwota allokata jew id-daqs tal-bastiment. F’dan ir-rigward ukoll, għandha tkun awtorizzata żieda fit-tunnellaġġ ta’ bastimenti meta l-volumi addizzjonali jikkorrispondu għall-ħtieġa li jittejbu s-sigurtà u l-kumdità tal-ekwipaġġi.

    3.14.

    Il-KESE jwissi wkoll li kemm il-Konvenzjoni Nru 188 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 jeħtieġu bil-liġi aktar spazju għall-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ abbord bastimenti tas-sajd ġodda (mibnija fil-15 ta’ Novembru 2019 jew wara). Bl-istess mod, studju reċenti li sar fi Franza rrapporta żieda fil-ħin tax-xogħol u tnaqqis fil-ħin ta’ mistrieħ, u dan jiġġenera żieda fir-riskju għas-saħħa u l-perikli fuq ix-xogħol għas-sajjieda. Sejbiet simili ġew ippubblikati mill-Università ta’ Wageningen fl-Olanda u minn AZTI fi Spanja, li jikkonfermaw id-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    3.15.

    Il-KESE jenfasizza li l-obbligu tal-ħatt l-art jeħtieġ żieda fl-ispazju għall-ħażna tal-qabdiet inċidentali li ma jistgħux jintremew fil-baħar u jiġġenera ħela akbar tal-fjuwil minħabba spazju limitat għall-ispeċijiet fil-mira, kif ukoll spejjeż addizzjonali għall-ħatt, l-issortjar manwali, l-użin u l-ipproċessar (13). Jirrimarka wkoll li tiġi pperikolata s-sigurtà abbord u l-istabbiltà tal-bastiment billi dan iwassal għal munzell akbar ta’ kaxxi fl-istiva kemm fin-numru kif ukoll fl-għoli, li jikkawża l-periklu li jaqgħu tagħbijiet imdendla.

    3.16.

    Barra minn hekk, ħut żgħir ħafna ma jistax jinbiegħ għall-konsum dirett mill-bniedem. Dan jikkawża ħela ta’ ħut, partikolarment fl-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-UE, li m’għandhomx fabbriki tal-frakass tal-fdal tal-ħut, u jnaqqas id-dħul finanzjarju tas-sajjieda li jirċievu prezz redikoli għal dawn il-qabdiet.

    3.17.

    Dan juri kunflitt legali bejn l-Artikolu 15 tal-PKS dwar l-obbligu tal-ħatt l-art u l-Konvenzjoni Nru 188, partikolarment ir-regoli dwar is-sigħat ta’ mistrieħ (Artikolu 14). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq analiżi tal-impatt u tipproponi miżuri adatti biex issolvi l-inkonsistenzi legali bejn l-istrumenti legali differenti adottati mill-UE li minħabba fihom qed ibatu s-sajjieda.

    3.18.

    L-età medja tal-flotta Ewropea hija ta’ 23 sena, u tilħaq każijiet aktar estremi bħal dawk fi Spanja fejn għad hemm aktar minn 2 500 dgħajsa li għandhom iktar minn 40 sena. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-bastimenti huma żgħar, u jużaw irkaptu fuq skala żgħira. Sabiex tiġi garantita s-sigurtà abbord il-bastimenti, kundizzjonijiet abitabbli aħjar għall-ekwipaġġ u l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġi implimentat pjan għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta. Dan il-pjan jista’ jiġi mmaterjalizzat permezz tal-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jipprovdi l-aċċess għall-finanzjament lill-kumpaniji tas-sajd. Min-naħa l-oħra, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) tal-futur għandu jinkludi wkoll għajnuna għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd.

    3.19.

    Il-KESE finalment jixtieq jirreferi għall-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa, aktar minn 60 % tal-ħut ikkunsmat fis-suq tal-UE jiġi minn pajjiżi terzi. Ħafna minn dawn l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd huma soġġetti għal ftehimiet kummerċjali li jagħtu preferenzi tariffarji, speċjalment lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (skema ġeneralizzata ta’ preferenzi, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, eċċ.). Hemm każijiet fejn dawn il-preferenzi jiġu nnegozjati ma’ pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mal-istandards ta’ sostenibbiltà soċjali u ambjentali ekwivalenti għal dawk li l-produtturi Ewropej għandhom jikkonformaw magħhom skont ir-regolamenti tal-UE (14). Dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta u telf ta’ kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. L-isforzi tal-UE biex tagħmel is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel tal-baħar sostenibbli u soċjalment responsabbli huma għalhekk inkompatibbli mal-importazzjoni ta’ prodotti minn ċerti pajjiżi li juru ftit jew xejn rispett għas-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali.

    3.20.

    L-UE għandha tieħu vantaġġ mill-politika kummerċjali tagħha biex tiżgura li l-istandards ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali simili jiġu applikati kemm għall-operaturi Ewropej kif ukoll għal dawk barranin, u tagħti aċċess għas-suq intern biss għall-prodotti li jikkonformaw. Inkella, l-UE tkun qed tibgħat messaġġ ekwivoku lill-komunità internazzjonali, u tippremja lil dawk li għamlu inqas għas-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u t-trattament ġust tal-persuni.

    3.21.

    Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm koerenza akbar bejn il-politika tas-sajd u dik tal-kummerċ. Konsegwentement, il-pajjiżi marbuta mas-sajd illegali (IUU) u ma abbużi gravi fuq ix-xogħol ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE; pjuttost l-oppost. Bl-istess mod, kwoti tariffarji awtonomi lanqas ma għandhom japplikaw għall-prodotti minn pajjiżi identifikati li huma involuti f’sajd IUU (il-każ tat-Tajlandja identifikat minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea, fejn il-pajjiż ingħata karta safra). Il-KESE jissuġġerixxi l-użu ta’ dawn l-istrumenti biss meta ma jkunx hemm provvista biżżejjed ta’ prodotti Ewropej għas-swieq tagħna, u mhux biex ikun hemm importazzjoni ta’ prodotti mhux sostenibbli bi prezzijiet aktar baxxi. Dan l-istrument tariffarju jikkawża wkoll pressjoni akbar fuq il-prezzijiet tal-produtturi tal-UE.

    3.22.

    L-iffaċilitar tal-aċċess għal ħut bi prezzijiet ġusti għal persuni li ma jikkunsmawx biżżejjed omega-3 u nutrijenti oħra għandu jitqies bħala politika soċjali b’impatt immedjat fuq l-ispejjeż tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Ħafna pajjiżi tal-UE għad iridu jżidu l-kultura tal-frott tal-baħar tagħhom sabiex jiżviluppaw dieta varjata u tajba għas-saħħa.

    Brussell, il-25 ta’ Settembru 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Opinjoni tal-KESE “Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn)” (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37).

    (2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontroll tas-sajd” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 118).

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 104).

    (4)  ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12.

    (5)  http://www.emsa.europa.eu/emsa-documents/latest/item/3156-annual-overview-of-marine-casualties-and-incidents-2017.html

    (6)  https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/2018-annual-economic-report-eu-fishing-fleet-stecf-18-07

    (7)  https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/2018-annual-economic-report-eu-fishing-fleet-stecf-18-07

    (8)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/617484/IPOL_STU(2018)617484_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti)

    (9)  Id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali tistipula rekwiżiti obbligatorji għas-sajd fl-ilmijiet interni, iżda r-rekwiżiti għas-sajd fuq il-baħar għadhom ma ġewx stabbiliti.

    (10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali tal-Baħar tat-Tramuntana” (ĠU C 75, 10.3.2017, p. 109).

    (11)  https://www.ilo.org/sector/activities/sectoral-meetings/WCMS_552792/lang–en/index.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

    (12)  http://www.chil.me/download-file/4bd3f613-0ecc-455b-a6ec-60262363eb24/analysis-on-gross-tonnage-and-propulsion-power-ceilings (mhux disponibbli bil-Malti).

    (13)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Obbligu ta’ Ħatt l-Art (ĠU C 311, 12.9.2014, p. 68).

    (14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontroll tas-sajd” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 118).


    Top