Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE2530

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni” (COM(2019) 192 final — 2019/0096 (CNS))

    EESC 2019/02530

    ĠU C 47, 11.2.2020, p. 76–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 47/76


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni”

    (COM(2019) 192 final — 2019/0096 (CNS))

    (2020/C 47/11)

    Relatur: Benjamin RIZZO

    Konsultazzjoni

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13.5.2019

    Bażi legali

    Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    17.10.2019

    Adottata fil-plenarja

    30.10.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    547

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    204/2/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-għan tal-Kummissjoni li tiżgura trattament indaqs, għall-finijiet tal-VAT, għall-forzi armati ta’ Stati Membri li jaħdmu flimkien fi ħdan qafas tal-UE u għall-forzi armati tan-NATO impjegati fl-UE, li diġà jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT. Huwa raġonevoli li f’dan ir-rigward ikun hemm kundizzjonijiet ekwi.

    1.2.

    Il-KESE jifhem għaliex ċerti strutturi tal-UE ilhom stabbiliti mill-2000 biex jiġġestixxu l-forzi armati stazzjonati fl-UE għas-sigurtà u d-difiża tagħha. Issa, b’direttur ġenerali inkarigat mid-difiża, dawn l-istrutturi ser jiġu utilizzati u ssorveljati aħjar.

    1.3.

    Il-KESE jifhem li ż-żewġ kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni huma li l-forzi armati jkunu stazzjonati barra mill-Istat Membru tagħhom stess, minn naħa waħda, u li jkunu involuti fi sforz komuni Ewropew ta’ difiża, min-naħa l-oħra.

    1.4.

    Il-KESE jaċċetta li hemm xi oqsma li mhumiex koperti mill-eżenzjoni l-ġdida. Dawn l-oqsma jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-iskopijiet ta’ sigurtà, il-kompiti umanitarji ta’ salvataġġ u l-każijiet li fihom tiġi evokata l-klawżola ta’ solidarjetà. B’konsegwenza ta’ dan, l-eżenzjonijiet globali tal-VAT huma limitati għal “operazzjonijiet militari”, u dan il-kunċett jiġi interpretat b’mod ristrett.

    1.5.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-awtoritajiet differenti tat-taxxa nazzjonali għandu jkollhom sistema waħda li biha jiġu implimentati l-eżenzjonijiet il-ġodda. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-Kummissjoni, permezz tal-Grupp ta’ Kontroll tal-VAT tiegħu, tistabbilixxi sistema dedikata li fiha jridu jiddaħħlu l-fatturi eżentati mill-VAT maħruġa mill-fornituri lill-forzi armati, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni. B’dan il-mod tintuża sistema unifikata fl-Istati Membri kollha.

    1.6.

    Il-KESE jikkunsidra li l-informazzjoni dwar l-effetti fuq l-ispejjeż/il-benefiċċji tal-eżenzjonijiet riżultat tal-Proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi kkalkulata aħjar, sabiex ma jdumx ma jkun hemm disponibbli rapport aktar realistiku dwar dawn l-eżenzjonijiet. Dan għandu jħeġġeġ rappurtar aħjar u aktar trasparenti għall-Istati Membri u għall-opinjoni pubblika b’mod ġenerali.

    2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Bil-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE (1) dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE (2) dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan l-qafas tal-Unjoni, li ġiet ippubblikata fl-24 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan tagħha biex il-provvisti fornuti lill-forzi armati jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u mid-dazji tas-sisa meta dawn il-forzi jiġu stazzjonati barra l-Istat Membru tagħhom stess u jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża Ewropew.

    2.2.

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT jinkludi kwalunkwe provvista ta’ merkanzija u servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli fit-territorju ta’ Stat Membru u kwalunkwe importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni Ewropea.

    2.3.

    Id-Direttiva tagħżel lista komuni ta’ eżenzjonijiet mill-VAT bil-għan li jiżguraw li r-riżorsi proprji tal-UE jinġabru b’mod uniformi madwar l-Istati Membri. Attwalment, il-lista tal-eżenzjonijiet ma tinkludix il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi għal finijiet ta’ sigurtà u difiża. Għalhekk, il-merkanzija jew is-servizzi fornuti lill-forzi armati jew il-merkanzija li tiġi importata minnhom huma soġġetti għall-VAT.

    2.4.

    Għall-kuntrarju ta’ dan, id-Direttiva tal-VAT attwalment tipprevedi eżenzjoni li tikkonċerna l-provvisti lill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, li huma involuti fi sforz ta’ difiża komuni barra mill-Istat tagħhom stess. Tali eżenzjoni ġiet stabbilita biex tindirizza sitwazzjonijiet li fihom “iċ-ċirku tad-dħul u l-fluss tan-nefqa huwa maqsum, minħabba li l-VAT fuq tali provvisti normalment tikkostitwixxi dħul għall-Istat li fih jinsabu l-forzi armati, minflok għall-Istat tagħhom stess”.

    2.5.

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa tistabbilixxi eżenzjoni simili mid-dazju tas-sisa għall-movimenti ta’ merkanzija soġġetta għas-sisa għall-forzi armati ta’ kwalunkwe membru tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

    2.6.

    Skont il-liġi tal-Unjoni, id-dazji tas-sisa jiġu applikati fuq xorb alkoħoliku, prodotti tat-tabakk immanifatturat u prodotti tal-enerġija (fjuwils tal-magni u fjuwils tat-tisħin, bħall-petrol u l-gażolina, l-elettriku, il-gass naturali u l-faħam). L-istruttura tat-taxxi u r-rati minimi huma armonizzati fil-livell tal-UE.

    2.7.

    Filwaqt li l-isforz ta’ difiża tan-NATO ġie eżentat kemm mid-Direttiva tal-VAT (mill-1977) kif ukoll mid-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa (mill-1993), attwalment mhija disponibbli l-ebda eżenzjoni għall-provvisti relatati mal-isforz ta’ difiża komuni fi ħdan il-qafas tal-UE.

    2.8.

    Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (3), li oriġinarjament ġiet stabbilita (2000) bħala l-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD), hija strument ewlieni għall-iżvilupp progressiv ta’ politika tal-Unjoni ta’ difiża komuni. It-Trattat ta’ Lisbona kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-PSDK, filwaqt li stabbilixxa fost l-oħrajn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jappoġġja lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fid-dmirijiet kollha tagħha, inkluża l-PSDK.

    2.9.

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jinkludi wkoll klawżola ta’ assistenza reċiproka u jippermetti lill-Istati Membri jsaħħu l-militar tagħhom permezz ta’ “kooperazzjoni strutturata permanenti” (PESCO) (4).

    2.10.

    Il-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) (5), li ġie stabbilit fl-2001, huwa l-ogħla korp militari tal-Kunsill, li jidderieġi “l-attivitajiet militari kollha fi ħdan il-qafas tal-UE u jagħti pariri dwar l-ippjanar u t-twettiq ta’ missjonijiet u operazzjonijiet militari taħt il-PSDK, u dwar l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari”.

    2.11.

    F’Ġunju 2016, l-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà (6) tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet il-bażi biex il-PSDK tiġi żviluppata aktar lejn tliet prijoritajiet ewlenin: ir-rispons għal kunflitti u kriżijiet esterni, il-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba u l-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

    2.12.

    F’Marzu 2018, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar il-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari (7). Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ “trattament ugwali tal-isforzi ta’ difiża bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u b’hekk id-dewmien u l-kostijiet fil-mobbiltà militari”.

    2.13.

    B’mod aktar speċifiku, il-Komunikazzjoni Konġunta tiddikjara li “l-iffaċilitar tal-mobbiltà militari jikkonċerna wkoll ir-regoli attwali tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. L-isforzi tad-difiża u l-mobbiltà militari jirrikjedu, b’mod partikolari, għadd ta’ provvisti bħalma huma taħriġ, materjali ta’ eżerċizzju, akkomodazzjoni, forniment ta’ ikel/servizzi ta’ kantin, fjuwil eċċ. Dawn il-provvisti huma fil-prinċipju suġġetti għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc dwar il-Mobbiltà Militari, l-Istati Membri identifikaw il-ħtieġa li jiġu żgurati li l-isforzi dwar id-difiża jiġu ttrattati b’mod ugwali, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u b’hekk jiġu evitati dewmien u spejjeż ta’ mobbiltà militari, u l-Istati Membri jingħataw inċentiv biex jikkooperaw”.

    2.14.

    B’segwitu ta’ tali talba, il-Proposta tal-Kummissjoni li qed tiġi diskussa hawnhekk issegwi sa fejn ikun possibbli l-allinjament kemm tat-trattament tal-VAT kif ukoll tal-eżenzjoni tas-sisa tal-isforzi ta’ difiża fl-oqfsa tal-UE u tan-NATO. Skont il-Proposta, l-attivitajiet tal-PSDK koperti mill-eżenzjonijiet huma: (i) missjonijiet u operazzjonijiet militari; (ii) gruppi tattiċi; (iii) għajnuna reċiproka. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-PESCO u tal-EDA se jiġu koperti wkoll.

    2.15.

    Ta’ min jinnota li, abbażi tal-Proposta tal-Kummissjoni, il-provvisti lill-forzi armati u l-persunal ċivili li jakkumpanjahom jistgħu jiġu eżentati biss f’każ li tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża li jitwettaq biex tiġi implimentata attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

    2.16.

    Għalhekk, l-eżenzjonijiet ma jkoprux l-istazzjonar tal-forzi armati li jsir biss għal finijiet ta’ sigurtà, għall-kompiti umanitarji u ta’ salvataġġ jew meta tiġi invokata l-klawżola ta’ solidarjetà stabbilita fl-Artikolu 222 tat-TFUE mingħajr implikazzjonijiet relatati mad-difiża.

    2.17.

    Skont stima prudenzjali, jista’ jiġi attribwit valur ta’ EUR 530 miljun, minn nefqa totali għall-qasam tad-difiża ta’ EUR 5,3 biljun, lill-attivitajiet esternalizzati li se jiġu koperti mill-Proposta tal-Kummissjoni, li jista’ jirriżulta f’telf possibbli ta’ dħul mill-VAT għall-Istati Membri kollha ta’ madwar EUR 80 miljun (bis-suppożizzjoni ta’ rata medja tal-VAT ta’ 18 %).

    2.18.

    Fir-rigward tad-dazji tas-sisa, il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku għandhom ikunu l-prodotti ewlenin soġġetti għal eżenzjoni. Fir-rigward tal-VAT, jista’ jiġi preżunt li madwar 10 % ta’ tali spejjeż se jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa fil-futur. Madankollu, m’hemm l-ebda data disponibbli biex tiġi pprovduta l-bażi għall-kwantifikazzjoni tal-impatt.

    2.19.

    L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jiġu osservati dawn ir-regoli ġodda, filwaqt li jiġi kkomunikat it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    3.   Osservazzjonijiet ġenerali u speċifiċi

    3.1.

    Il-Proposta tal-Kummissjoni tikkomplementa l-pjan ta’ azzjoni tal-2016 dwar il-VAT biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-VAT, filwaqt li jinkiseb mudell aktar sempliċi, b’reżistenza akbar għall-frodi u li jiffavorixxi lin-negozji. Għalhekk, il-modifiki msemmija hawn fuq fir-rigward tal-qasam militari huma mdaħħla f’riforma usa’ u se jsiru parti mis-sistema l-ġdida mill-bidu nett. Għalhekk, se jiġu evitati l-kwistjonijiet kollha possibbli relatati mal-modifiki futuri f’sistema li diġà hija fis-seħħ.

    3.2.

    Il-Proposta tal-Kummissjoni tibdel il-lista attwali pprovduta mid-Direttiva 2006/112/KE, filwaqt li tistabbilixxi eżenzjoni ġdida. Tali modifika sostanzjali għandha l-għan li tippermetti tip ta’ “kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni”, minn perspettiva tal-VAT, fir-rigward tal-operazzjonijiet tan-NATO, minn naħa waħda, u l-operazzjonijiet li jitwettqu skont qafas komuni mill-forzi militari tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Għalhekk, se tinkiseb konsistenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni se jkun simili għall-isforzi ta’ difiża tal-Unjoni u tan-NATO.

    3.3.

    Il-KESE jinnota li l-eżenzjonijiet attwali għall-attivitajiet tan-NATO fil-qasam tad-difiża, li diġà huma stabbiliti u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, mhumiex se jiġu estiżi, peress li se jiġi stabbilit biss allinjament favur l-operazzjonijiet militari li jitwettqu skont qafas komuni.

    3.4.

    L-għażla li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida jiġu abbozzati bil-għan li jirriflettu l-paragrafi eżistenti li jirreferu għall-forzi armati tan-NATO hija konsistenti mal-għan aħħari tal-Kummissjoni li tali operazzjonijiet u l-isforzi militari li jitwettqu skont qafas komuni tal-UE jiġu trattati l-istess.

    3.5.

    Il-KESE jinnota li mhu se jkun hemm l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE, peress li r-riżorsi proprji bbażati fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) jikkumpensaw għal kwalunkwe nefqa li mhijiex koperta minn riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżorsa proprja tal-VAT. Ir-riżorsi proprji tal-VAT li ma jinġabrux minn ċerti Stati Membri se jiġu kkumpensati mill-Istati Membri kollha permezz tar-riżorsa proprja tad-DNG.

    3.6.

    Il-Proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-leġislazzjoni tal-UE hija iktar adattata minn diversi regoli nazzjonali biex tikkoordina l-applikabbiltà tal-VAT għal operazzjonijiet militari speċifiċi madwar is-suq intern. L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-Grupp dwar il-futur tal-VAT u b’mod ġenerali kkonfermaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, u b’hekk tiġi ġġustifikata l-għażla ta’ proposta għal Direttiva.

    3.7.

    Il-Proposta tidher ukoll konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati marbuta mat-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni skont il-PSDK. Tali għan fit-tul u ambizzjuż huwa appoġġjat mill-KESE.

    3.8.

    L-għażla li tinżamm konsistenza bejn il-VAT u d-dazji tas-sisa, filwaqt li jiġu indirizzati ż-żewġ eżenzjonijiet fi proposta waħda, tidher raġonevoli u tista’ tiġġustifika waħda mill-każijiet rari fejn id-dazji tas-sisa u l-VAT jiġu regolati flimkien fil-leġislazzjoni tal-UE.

    3.9.

    Madankollu, il-KESE jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni li se tingħata kemm fis-sistema tal-VAT kif ukoll fis-sistema tad-dazju tas-sisa għandu jiġi speċifikat aħjar. Huwa tassew strateġiku li jiġi stabbilit b’mod preċiż il-perimetru speċifiku ta’ tali eżenzjoni sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-liġi u l-prevedibbiltà tas-sistemi tal-VAT u tad-dazju tas-sisa.

    3.10.

    Fir-rigward tal-ħtieġa għal ċarezza u prevedibbiltà tal-liġi, ta’ min jinnota li l-eżenzjonijiet mogħtija se jiġu prinċipalment applikati u evalwati, minn perspettivi differenti, minn fornituri nazzjonali li joperaw fil-qasam militari u mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa. L-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa se jagħtu struzzjonijiet lill-fornituri nazzjonali li joperaw fil-qasam militari dwar kif għandhom ifasslu l-fatturi tal-VAT tagħhom għall-militar.

    3.11.

    F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħroġ regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni — permezz ta’ nota ta’ spjegazzjoni jew linji gwida maħruġa mill-Kumitat tal-VAT — għall-awtoritajiet tat-taxxa u l-intrapriżi nazzjonali sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet tekniċi fl-Istati Membri. Il-prattika preċedenti relatata mal-eżenzjoni tan-NATO tista’ ċertament tkun utli sabiex jiġu pprovduti xi linji gwida inizjali.

    3.12.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li mekkaniżmu ġdid ta’ eżenzjoni, bħal dak li ġie stabbilit fil-Proposta tal-Kummissjoni, ċertament jirrikjedi mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa sabiex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni konkreta tiegħu. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiżviluppa u tniedi sistema permezz tal-Grupp ta’ Kontroll tal-VAT tal-Kummissjoni sabiex tiġi introdotta sistema adegwata fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi kkontrollata l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni, li għandha l-għan li, meta jkun possibbli u vijabbli, tinġabar l-informazzjoni prattika rilevanti kollha mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

    3.13.

    Tali sistema tista’ tikkontribwixxi għal implimentazzjoni effettiva u, fl-istess ħin, trasparenti tal-eżenzjoni l-ġdida, li tippermetti wkoll li tiġi żviluppata analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt ex post preċiża. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw pjattaforma komuni, fejn tinħoloq sistema waħda li tkun segwita mill-Istati Membri kollha minflok ikun hemm sistemi differenti f’pajjiżi differenti.

    3.14.

    Huwa rakkomandat li ssir stima tal-ispiża aktar dettaljata u effettiva biex jinftiehem l-effett ta’ din l-eżenzjoni tal-VAT, peress li dawn huma parti mit-taxxi mħallsa mill-pubbliku ġenerali u għalhekk huwa rakkomandat li jkun hemm aktar trasparenza. Jidher ukoll li f’diżastri naturali kbar l-ispiża ta’ din l-eżenzjoni tista’ tkun ferm akbar.

    Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).

    (3)  Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) hija parti integrali mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) tal-Unjoni[1]. Il-PSDK hija stabbilita mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Artikolu 41 jiddeskrivi l-finanzjament tal-PESK u tal-PSDK, u l-politika hija deskritta aktar fl-Artikoli 42 sa 46, fil-Kapitolu 2, Taqsima 2 tat-Titolu V (“Dispożizzjonijiet dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni”), u fil-Protokolli 1, 10 u 11 u d-Dikjarazzjonijiet 13 u 14. Ir-rwol speċifiku tal-Parlament Ewropew fil-PESK u fil-PSDK huwa deskritt fl-Artikolu 36 tat-TUE.

    (4)  Id-dispożizzjonijiet għall-PESCO huma mnaqqxin fl-Artikolu 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Protokoll 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti li ġie stabbilit mill-Artikolu 42(6) tat-TUE.

    (5)  Il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) huwa l-ogħla korp militari stabbilit fi ħdan il-Kunsill (Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea).

    (6)  Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha — Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

    (7)  Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea, Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (JOIN(2017) 41 final)


    Top